Language of document : ECLI:EU:F:2010:116

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

30 ta’ Settembru 2010

Kawża F-41/05

Kurt J acobs

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ħatra — Kandidati inklużi f’lista ta’ riżerva qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda — Klassifikazzjoni fi grad skont regoli ġodda inqas favorevoli — Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu K. Jacobs jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Frar 2005 li ċaħdet l-ilment tiegħu kontra deċiżjonijiet tas-16, l-24 u l-31 ta’ Awwissu 2004 u, jekk ikun hemm bżonn, l-annullament tad-deċiżjonijiet imsemmija l-aħħar sa fejn jikklassifikawh fi grad inqas minn dak iddikjarat fl-avviż tal-kompetizzjoni COM/B/1/02. Huwa jitlob ukoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallsu EUR 250 000 bħala danni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

Uffiċjali — Kwalità ta’ uffiċjal — Kundizzjonijiet għall-kisba mhux sodisfatti fl-assenza ta’ ħatra regolari

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 3)

Skont il-prinċipji tad-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea, il-ħatra ta’ uffiċjal tista’ ssir biss skont il-forom u l-kundizzjonijiet previsti fir-Regolamenti tal-Persunal.

Peress li r-rabta legali li torbot lill-uffiċjal mal-amministrazzjoni hija bbażata fuq ir-Regolamenti tal-Persunal u mhux fuq kuntratt, l-Artikolu 3 tar-Regolamenti tal-Persunal, li t-test tiegħu ma ġiex emendat bir-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jimplika li l-ħatra ta’ uffiċjal neċessarjament toriġina minn att unilaterali tal-Awtorità tal-Ħatra li jispeċifika d-data meta din il-ħatra tieħu effett, kif ukoll l-impjieg assenjat lill-persuna kkonċernata. Konsegwentement, tali ħatra ma tistax tirriżulta minn allegat ftehim li jirriżulta mill-aċċettazzjoni ta’ offerta ta’ impjieg, a fortiori meta l-offerta ta’ impjieg toriġina minn membri tal-persunal tal-istituzzjoni li ma għandhomx il-kwalità ta’ Awtorità tal-Ħatra.

Għaldaqstant, huwa biss wara li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ħatra maħruġa mill-imsemmija Awtorità li l-kandidat magħżul ta’ kompetizzjoni ġenerali jista’ jinvoka l-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal u, b’hekk, jitlob il-benefiċċju ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 43, 44 u 52)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Mejju 1970, Fournier vs Il‑Kummissjoni, 18/69, Ġabra p. 249; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ April 1992, Ventura vs Il‑Parlament, T‑40/91, Ġabra p. II‑1697, punti 40 u 41; 19 ta’ Lulju 1999, Mammarella vs Il‑Kummissjoni, T‑74/98, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑797, punti 25 sa 27; 11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/05, Ġabra p. II‑2523, punti 54 u 55