Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Frar 2014 – British Aggregates vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-101/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: British Aggregates Association (Lanark, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: L. Van den Hende, avukat, u L. Geary, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla, skont l-Artikolu 263 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 4901 finali, tal-31 ta’ Lulju 2013, ippubblikata fil-Ġurnal tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Novembru 2013, fil-Kawża SA.34775 (ex N863/2001) – Taxxa fuq il-granulat;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li t-tliet eżenzjonijiet fiskali previsti mil-Liġi tal-Finanzi għall-2001 ma jagħtu l-ebda vantaġġ selettiv u ma jikkostitwixxux għaldaqstant, għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1)TFUE.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma mmotivatx biżżejjed id-deċiżjoni tagħha skont il-liġi, kif jeżiġi l-Artikolu 296 TFUE, peress li l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex il-fatt li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Barra dan, ir-raġunament tal-Kummissjoni huwa kontradittorju meta mqabbel mal-qari tad-deċiżjoni inkwistjoni.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(3) TFUE, peress li hija ma stegħetx, f’din il-kawża, tasal għall-opinjoni li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mingħajr investigazzjoni fid-dettall tal-kwistjoni.