Language of document : ECLI:EU:C:2018:194

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ Marzu 2018 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttivi 92/50/KEE u 2004/18/KE – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Stamperija tal-Istat – Produzzjoni ta’ dokumenti tal-identità u dokumenti uffiċjali oħrajn – Ikkummissjonar ta’ impriża tad-dritt privat mingħajr proċedura preċedenti ta’ sejħa għal offerti – Miżuri tas-sigurtà speċjali – Ħarsien tal-interessi vitali tal-Istati Membri”

Fil-Kawża C‑187/16,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu  258 TFUE, ippreżentat fl-4 ta’ April 2016,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Tokár u B.R. Killmann, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn M. Fruhmann, bħala aġent,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen (Relatur), T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, A. Rosas u J. Malenovský, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal, C. Lycourgos, M. Vilaras u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, minn naħa, billi tagħti kuntratti ta’ servizzi għall-produzzjoni ta’ dokumenti bħal passaporti biċ-ċipp, il-passaporti ta’ emerġenza, permessi ta’ residenza, karti tal-identità, permessi għal piroteknika, il-liċenzji tas-sewqan f’format ta’ karta ta’ kreditu u ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fil-format tal-karta ta’ kreditu direttament lill-Österreichische Staatsdruckerei GmbH (iktar ’il quddiem l- “ÖS”) u, min-naħa l-oħra, billi żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet nazzjonali li timponi obbligu fuq l-awtoritajiet kontraenti li jagħtu direttament kuntratti ta’ servizzi bħal dawn lil din il-kumpannija, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 49 u 56 TFUE u tal-Artikolu 4 kif ukoll tal-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322), moqri flimkien mal-Artikoli 11 sa 37 ta’ din id-direttiva, u tal-Artikolu 14 kif ukoll tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), moqri flimkien mal-Artikoli 23 sa 55 ta’ din id-direttiva.

  Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        Għal kuntratti pubbliċi li għandhom bħala suġġett “servizzi ta’ pubblikazzjoni u stampar fuq bażi ta’ miżata jew fuq bażi kuntrattwali”, id-Direttivi 92/50 u 2004/18 jirrikjedu li wieħed jirrikorri għal proċeduri konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

 Id-Direttiva 92/50

3        L-erbatax-il premessa tad-Direttiva 92/50 hija hekk ifformulata:

“Billi, fil-qasam tas-servizzi, l-istess derogi bħal fid-Direttivi 71/305/KEE [tal-Kunsill, tas-26 ta’ Lulju 1971, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi (ĠU 1971, L 185, p. 5)] u 77/62/KEE [tal-Kunsill, tat-21 ta’ Diċembru 1976, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU 1977, L 13, p. 1)], għandhom japplikaw fir-rigward tas-sigurtà jew is-segretezza ta’ l-Istat u l-prijorità ta’ regoli oħrajn ta’ akkwist bħal dawk skond ftehim internazzjonali, dawk li jikkonċernaw l-istazzjonar tat-truppi, jew ir-regoli ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali”.

4        L-Artikolu 1(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi b’mod partikolari li “‘kuntratti ta’ servizz pubbliku’ għandhom ifissru kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti”.

5        L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“Fl-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [...] l-awtoritajiet kontraenti għandhom japplikaw proċeduri adattati għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

6        L-Artikolu 4(2) tal-istess direttiva jiddikjara:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal servizzi li huma ddikjarati sigrieti jew li l-eżekuzzjoni tagħhom għandu jkollha magħha miżuri ta’ sigurtà speċjali skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat jew meta l-protezzjoni ta’ l-interessi bażiċi [vitali] tas-sigurtà ta’ dak l-Istat jitolbu hekk.”

7        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50 jipprovdi:

“Kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness IA għandhom jingħataw skond id-disposizzjonijiet tat-Titoli III sa VI.”

8        L-imsemmija Titoli III sa VI jinkludu l-Artikoli 11 sa 37 ta’ din id-direttiva.

9        L-Anness IA tal-imsemmija direttiva jsemmi, b’mod partikolari, taħt il-kategorija 15, is-“Servizzi ta’ pubblikazzjoni u stampar fuq bażi ta’ ħlas jew kuntratt”.

 Id-Direttiva 2004/18

10      Taħt it-titolu “Kuntratti sigrieti u kuntratti li jeħtieġu miżuri speċjali ta’ sigurtà”, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi meta dawn huma dikjarati bħala sigrieti, meta t-twettiq tagħhom għandu jkun imsieħeb minn miżuri speċjali ta’ sigurtà skond il-liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru konċernat, jew meta l-ħarsien ta’ l-interessi essenzali [vitali] ta’ dak l-Istat Membru jitlob hekk.”

11      L-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kuntratti ta’ Servizzi elenkati f’Anness II A”, jipprovdi:

“Kuntratti li għandhom bħala l-oġġettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness II A għandhom jiġu mogħtija skond l-Artikoli 23 sa 55.”

12      Dan l-anness isemmi, b’mod partikolari, taħt il-kategorija 15, is-“Servizzi ta’ l-ippubblikar u l-istampar fuq il-bażi ta’ miżata jew kuntratt”.

 Ir-Regolament (KE) Nru 2252/2004

13      Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri (ĠU 2006, L 153M, p. 375):

“Kull Stat Membru għandu jagħżel korp wieħed li jkollu r-responsabbiltà għall-istampar tal-passaporti u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar. Għandu jikkomunika l-isem ta’ dak il-korp lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. L-istess korp jista’ jiġi magħżul minn żewġ Stati Membri jew iktar. Kull Stat Membru għandu jkollu d-dritt li jbiddel il-korp magħżul tiegħu. Għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan.”

 Id-dritt Awstrijak

 Is-StDrG

14      L-Artikolu 1a tal-Bundesgesetz zur Neuordnung der Rechtsverhältnisse der Österreichischen Staatsdruckerei (il-Liġi Federali dwar ir-riorganizzazzjoni tas-sitwazzjoni legali tal-ÖS, Bundesgesetzblatt I, 1/1997, iktar ’il quddiem is- “StDrG”) huwa fformulat kif ġej:

“[...] Il-kumpannija [...] għandha bħala isem kummerċjali l-“Österreichische Staatsdruckerei GmbH”; huwa għandu jassumi l-produzzjoni ta’ prodotti stampati għas-servizzi federali li waqt il-proċess ta’ produzzjoni tagħhom hija meħtieġa s-segretezza jew il-konformità ma’ dispożizzjonijiet tas-sigurtà (sigurtà fl-istampar) [...] ”

15      L-Artikolu 2(2) tas-StDrG jipprovdi:

“Il-kumpannija għandha fi kwalunkwe każ l-kompiti li ġejjin:

1.      Il-produzzjoni ta’ prodotti stampati għas-servizzi federali li waqt il-proċess ta’ produzzjoni tagħhom hija meħtieġa s-segretezza jew il-konformità ma’ dispożizzjonijiet tas-sigurtà (sigurtà fl-istampar) [...] ”

16      L-Artikolu 2(3) tas-StDrG jipprevedi:

“L-istituzzjonijiet federali għandhom “jafdaw biss bil-produzzjoni tal-prodotti referuti fil-punt 1 tal-Artikolu 2(2), [lill-ÖS] [...] ħlief jekk [l-imsemmija] kumpannija ma tkunx tista’, għal raġunijiet fattwali jew legali, twettaq kif xieraq il-kompiti bi prezzijiet raġonevoli, jew jekk il-prodott inkwistjoni huwa propost lill-entità Federali minn parti terza, benefiċċji u kundizzjonijiet kuntrattwali ndaqs, bi prezz iktar baxx. [...] ”

17      Taħt it-titolu “Monitoraġġ tas-sigurtà fl-istampar”, l-Artikolu 6(1) tas-StDrG jiddisponi li l-proċessi tan-negozju u l-operazzjonijiet li jikkonċernaw il-produzzjoni, l-ipproċessar u l-ħżin tas-sigurtà fl-istampar huma suġġetti għall-monitoraġġ mill-Ministru Federali kompetenti għas-sigurtà fl-istampar inkwistjoni.

18      Konformement mal-Artikolu 6(2) l-ÖS għandha tieħu l-miżuri tas-sigurtà kollha meħtieġa sabiex jiġi evitat l-abbuż fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-ħżin tal-istampar tas-sigurtà.

19      Skont il-paragrafu 3 tal-istess Artikolu 6, l-ÖS għandha tipprovdi aċċess, sal-grad meħtieġ għall-monitoraġġ, lill-Ministru Federali kompetenti għas-sigurtà fl-istampar inkwistjoni, għall-ispazji kummerċjali u aċċess għad-dokumenti kummerċjali kkonċernati.

 Id-Digriet dwar il-passaporti

20      Il-produzzjoni ta’ passaporti biċ-ċipp, li għandhom passaporti tas-servizz u passaporti diplomatiċi, karti tal-identità u passaporti ta’ emerġenza, hija rregolata mill-Verordnung der Bundesministerin für Inneres über die Gestaltung der Reisepässe und Passersätze (id-Digriet tal-Ministru Federali għall-Intern dwar id-disinn ta’ passaporti u dokumenti minflok passaporti, Bundesgesetzblatt 861/1995, iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar il-passaporti”).

21      L-Annessi A, D u E tad-Digriet dwar il-passaporti li jkun fihom kampjuni ta’ passaporti, passaporti ta’ servizz u passaporti diplomatiċi biex jipproduċu, li jippreżentaw fuq l-aħħar paġna tagħhom immarkata “PRINT by ÖSD”.

22      B’mod partikolari, il-karti tal-identità, l-Artikolu 5 tad-Digriet dwar il-passaporti jipprovdi sigurtà kontra l-kontrafazzjoni jew il-falsifikazzjoni.

23      Mill-applikazzjoni magħquda tal-Artikolu 2(3) tas-StDrG u tad-Digriet dwar il-passaporti jirriżulta b’hekk li, b’riżerva għall-eċċezzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni, il-passaporti biċ-ċipp, il-karti tal-identità u l-passaporti ta’ emerġenza għandhom jiġu prodotti mill-ÖS.

 Id-digriet dwar permessi ta’ residenza

24      Skont l-Artikolu 3(3), l-Artikolu 10a(2) u l-Artikolu 10c(2) tal-Verordnung der Bundesministerin für Inneres zur Durchführung des Niederlassungs- und Aufenthaltsgesetzes (id-Digriet tal-Ministru Federali għall-Intern li jimplimenta l-liġi dwar l-istabbiliment u r-residenza, Bundesgesetzblatt II, 451/2005), iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni, iċ-ċertifikati ta’ residenza permanenti, iċ-ċertifikati ta’ preżentata ta’ domanda u ċ-ċertifikati ta’ residenza regolari għandhom ikunu prodotti esklussivament mill-ÖS.

 Id-Digriet Ministerjali dwar il-liċenzji tas-sewqan f’format ta’ karta ta’ kreditu

25      Il-preżentazzjoni ta’ liċenzji tas-sewqan f’format ta’ karta ta’ kreditu hija rregolata mill-Verordnung des Bundesministers für Wissenschaft und Verkehr über die Durchführung des Führerscheingesetzes (id-Digriet tal-Ministru Federali għax-Xjenzi u t-Trasporti li jimplimenta l-liġi dwar il-liċenzja tas-sewqan, Bundesgesetzblatt II, 320/1997).

26      Skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan id-digriet, il-liċenzji tas-sewqan għandu jkollhom protezzjoni tas-sigurtà kontra l-kontrafazzjoni u l-falsifikazzjoni.

27      Din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll li l-liċenzji tas-sewqan f’format ta’ karta ta’ kreditu ma jistgħux jiġu prodotti biss minn fornitur tas-servizzi maħtur mill-Ministru Federali kompetenti.

28      Fid-dawl tal-Artikolu 2(3) tas-StDrG, suġġett għall-eċċezzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni, dan il-fornitur tas-servizzi jista’ jkun biss l-ÖS.

 Id-Digriet Ministerjali dwar ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fil-format tal-karta ta’ kreditu

29      Il-preżentazzjoni taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi fil-format ta’ karta ta’ kreditu hija rregolata mill-Verordnung des Bundesministers für Wissenschaft und Verkehr, mit der Bestimmungen über die Einrichtung von Zulassungsstellen festgelegt werden (id-Digriet tal-Ministru Federali għax-Xjenzi u t-Trasporti li jiffissa dispożizzjonijiet dwar il-ħolqien ta’ uffiċċji tar-reġistrazzjoni, Bundesgesetzblatt II, 464/1998).

30      L-Artikolu 13(1a), ta’ dan id-digriet jipprovdi għal dawn iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni protezzjoni tas-sigurtà kontra l-kontrafazzjoni jew il-falsifikazzjoni.

31      L-Artikolu 13(3) tal-imsemmi digriet jipprovdi li ċertifikati ta’ reġistrazzjoni jistgħu jiġu prodotti biss minn fornitur tas-servizzi maħtur mill-Ministru Federali kompetenti.

32      Fid-dawl tal-Artikolu 2(3) tas-StDrG, suġġett għall-eċċezzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni, dan il-fornitur tas-servizzi jista’ jkun biss l-ÖS.

 Id-Digriet Ministerjali dwar il-permessi pirotekniċi

33      Skont l-Artikolu 8 tal-Verordnung der Bundesministerin für Inneres über die Durchführung des Pyrotechnikgesetzes 2010 (id-Digriet tal-Ministru Federali għall-Affarijiet Interni li jimplimenta l-Liġi tal-2010 dwar Oġġetti Pirotekniċi, Bundesgesetzblatt II, 499/2009), il-formola ta’ applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ piroteknika għandha tkun konformi mal-mudell muri fl-Anness II ta’ dan id-digriet. Dan il-mudell jeħtieġ li l-applikazzjoni tiġi indirizzata lill-ÖS.

34      L-Artikolu 9 tal-imsemmi digriet jipprovdi s-sigurtà tal-permessi tal-piroteknika kontra l-kontrafazzjoni jew il-falsifikazzjoni.

 Il-proċedura prekontenzjuża

35      B’ittra ta’ intimazzjoni tas-6 ta’ April 2011, il-Kummissjoni għarrfet lir-Repubblika tal-Awstrija bid-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE kif ukoll mad-Direttivi 92/50 u 2004/18 ta’ għotja diretta lill-ÖS ta’ ċerti kuntratti pubbliċi ta’ servizzi għall-istampar ta’ dokumenti uffiċjali, inklużi passaporti biċ-ċipp, passaporti ta’ emerġenza, permessi ta’ residenza, karti tal-identità, liċenzji tas-sewqan f’format ta’ karta ta’ kreditu, ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fil-formati tal-karta u karta ta’ kreditu, permessi għal piroteknika, ċertifikati tal-boatmasters, formoli għal dokumenti ta’ sigurtà, vinjetti għan-narkotiċi u liċenzji għal mopeds.

36      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-ÖS, kumpannija rregolata mid-dritt privat, kienet tipprovdi, permezz tal-istampar ta’ dawn id-dokumenti, provvista ta’ servizzi li kellu jsir skont id-Direttiva 92/50 jew id-Direttiva 2004/18, sa fejn hija taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda minn dawn id-direttivi, jew ir-rispett tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbiliti fl-Artikoli 49 u 56 TFUE, sa fejn hija ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttivi.

37      Fir-risposta tagħha tas-7 ta’ Ġunju 2011, ir-Repubblika tal-Awstrija sostniet li l-kuntratti tas-servizzi inkwistjoni jservu l-protezzjoni tal-interessi vitali tagħha ta’ sigurtà u konsegwentement ma jaqgħux taħt, la t-Trattat FUE u lanqas taħt id-Direttivi 92/50 u 2004/18. Hija żiedet tgħid li l-għotja diretta tal-kuntratti tal-istampar tad-dokumenti inkwistjoni unikament lill-ÖS kienet iġġustifikata min-neċessità li tiġi kkonservata s-segretezza tal-informazzjoni, li tiġi ggarantita l-awtentiċità u l-preċiżjoni tal-imsemmija dokumenti, li tiġi żgurata l-provvista ta’ dawn id-dokumenti u li tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-data sensittiva.

38      Permezz tal-ittri tas-17 ta’ Lulju 2012 u tat-28 ta’ Marzu 2013, ir-Repubblika tal-Awstrija ppreżentat ir-risposta tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni.

39      Billi qieset insuffiċjenti ir-risposti pprovduti minn dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni, b’ittra tal-11 ta’ Lulju 2014, bagħtet opinjoni motivata lil dan tal-aħħar. Hija enfasizzat li r-Repubblika tal-Awstrija ma pproduċietx il-prova li l-attribuzzjoni diretta lill-ÖS tal-kuntratti tal-istampar tal-passaporti biċ-ċipp, passaporti ta’ emerġenza, permessi ta’ residenza, karti tal-identità, liċenzji tas-sewqan f’format ta’ karta ta’ kreditu, ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fil-format tal-karta ta’ kreditu u permessi għall-piroteknika kienet iġġustifikata mill-protezzjoni tal-interessi tas-sigurtà tagħha u li kien possibbli li torganizza sejħa pubblika għall-offerti b’tali mod li huma biss setgħu jiġu kkunsidrati impriżi speċjalizzati fl-istampar ta’ dokumenti konformi ma’ rekwiżiti speċifiċi ta’ sigurtà u suġġetti għall-kontrolli korrispondenti.

40      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni abbandunat l-ilmenti tagħha dwar permess għal ċiklomutur, ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fil-format tal-karta, il-privattivi ta’ baħħar, formoli ta’ dokumenti ta’ sigurtà u vinjetti għan-narkotiċi, jew minħabba li dawn id-dokumenti ġew imħassra, jew minħabba li l-produzzjoni tagħhom kienet is-suġġett ta’ sejħa għall-offerti.

41      Ir-Repubblika tal-Awstrija rrispondiet għall-opinjoni motivata permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Settembru 2014. Essenzjalment, dan l-Istat Membru mill-ġdid invoka l-interessi bbażati fuq il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali tiegħu u enfasizza li l-eżekuzzjoni tal-kuntratti tal-istampar inkwistjoni kienet marbuta mill-qrib mal-ordni pubbliku u mal-funzjonament istituzzjonali ta’ dan l-Istat. Ir-Repubblika tal-Awstrija sostniet b’mod partikolari li l-osservanza tar-rekwiżiti tas-sigurtà ma setgħetx tiġi imposta fir-rigward ta’ impriżi oħra minn ÖS li permezz tal-użu tar-regoli tad-dritt ċivili, filwaqt li l-liġi tagħti lill-awtoritajiet pubbliċi Awstrijaċi setgħat superviżorji speċifiċi fir-rigward tal-ÖS.

42      Fir-rigward tal-kuntratti tal-istampar tal-permessi għall-piroteknika, l-ammont ta’ dawn il-kuntratti huwa tant minimu li l-eżekuzzjoni tagħhom ma jwassalx għal benefiċċju ta’ impriżi oħra, minkejja li l-għoti ta’ dawn il-kuntratti ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet stabbiliti fit-Trattat FUE.

43      Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposti mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

44      Ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni jirrigwarda, minn naħa, kuntratti tas-servizzi għall-istampar tal-passaporti biċ-ċipp, passaporti ta’ emerġenza, permessi ta’ residenza, karti tal-identità, liċenzji tas-sewqan f’format ta’ karta ta’ kreditu kif ukoll ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fil-format tal-karta ta’ kreditu u, min-naħa l-oħra, kuntratt ta’ servizz tal-istampar tal-permessi għall-piroteknika.

 Il-kuntratti tas-servizzi tal-istampar tal-passaporti biċ-ċipp, passaporti ta’ emerġenza, permessi ta’ residenza, karti tal-identità, liċenzji tas-sewqan f’format ta’ karta ta’ kreditu u ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fil-format tal-karta ta’ kreditu

 L-argumenti tal-partijiet

45      Il-Kummissjoni tosserva li l-ammonti stmati tal-kuntratti inkwistjoni jaqbżu l-livelli limiti applikabbli skont id-Direttivi 92/50 u 2004/18, dawn il-kuntratti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dawn id-direttivi. Konsegwentement, f’dak li jikkonċerna l-imsemmija kuntratti, il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt previsti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50, moqri flimkien mal-Artikoli 11 sa 37 ta’ din id-direttiva, u l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikoli 23 sa 55 ta’ din id-direttiva, kellhom jiġu applikati mir-Repubblika tal-Awstrija.

46      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li d-derogi previsti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/50 u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/18, invokati mir-Repubblika tal-Awstrija, għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta.

47      Barra minn hekk, dawn l-artikoli ma setgħux jagħtu lill-Istati Membri s-setgħa li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE jew tad-Direttivi 92/50 u 2004/18 bis-sempliċi invokazzjoni tal-interessi vitali tagħhom tas-sigurtà.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi affermazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija li tgħid li l-kuntratti ta’ servizzi inkwistjoni jkunu jirrikjedu miżuri speċjali ta’ sigurtà jew li deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni hija neċessarja sabiex jiġu protetti l-interessi vitali tas-sigurtà ta’ dan l-Istat Membru ma huwiex suffiċjenti sabiex juri l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/50 jew tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/18.

49      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippreċiża li l-ÖS hija kumpannija rregolata mid-dritt privat b’responsabbiltà limitata, li l-uniku azzjonist huwa lill-Österreichische Staatsdruckerei Holding AG, peress li l-azzjonijiet ta’ din tal-aħħar huma kkwotati fil-borża u miżmuma minn persuni privati. Barra minn hekk, għad-differenza tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi preċedenti, is-StDrG ma jipprovdi l-ebda mekkaniżmu speċjali ta’ kontroll mill-Istat. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-awtoritajiet Awstrijaċi għandhom ikollhom setgħat ta’ kontroll stipulati f’kuntratt konkluż mal-ÖS.

50      Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija ma pprovatx li sejħa għall-offerti hija totalment impossibbli minħabba li tipperikola serjament l-osservanza tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità kif ukoll il-miżuri ta’ sigurtà u ta’ kontroll. Filwaqt li l-ħtieġa li tiġi ggarantita l-awtentiċità u l-eżattezza ta’ dokumenti li juru l-identità ta’ persuni, il-protezzjoni tad-data personali, kif ukoll biex jiżguraw il-provvisti għall-istampar tad-dokumenti kkonċernati hija fl-interess ġenerali, tali interess ma jikkorrispondix xorta waħda sistematikament għall-interess vitali tas-sigurtà.

51      Fir-rigward tan-neċessità li tiġi żgurata l-provvista ta’ dokumenti uffiċjali, allegata mir-Repubblika tal-Awstrija, il-Kummissjoni tqis li tali garanzija ma tikkostitwixxix interess ta’ sigurtà u tista’ tinkiseb, jekk ikun il-każ, billi tikkonkludi bosta kuntratti-qafas.

52      Il-Kummissjoni tammetti li Stat Membru jista’ jieħu miżuri sabiex tiġi evitata l-falsifikazzjoni ta’ dokumenti uffiċjali. Madankollu, xejn ma jindika li dawn l-għanijiet jiġu mhedda jekk l-istampar ta’ dokumenti kien f’idejn stampaturi oħrajn, anki dawk ta’ Stati Membri oħrajn, in-natura kunfidenzjali tad-data pproċessata meħtieġa għall-istampar ta’ dokumenti li tista’ tiġi żgurata b’obbligu ta’ kunfidenzjalità bir-responsabbiltà fuq l-impriżi involuti fi proċedura ta’ sejħa għall-offerti.

53      Iċ-ċentralizzazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni tista’ tintlaħaq billi jiġi suġġett l-istampar tat-totalità tad-dokumenti siguri għal sejħa għal offerti, il-possibbiltajiet ta’ verifika mill-awtoritajiet Awstrijaċi li jistgħu jiġu previsti fil-kuntratt imfassal mal-impriża magħżula.

54      F’dak li jirrigwarda l-aspettattivi fl-impriża li timplimenta s-servizz ta’ stampar ta’ permessi ta’ residenza, il-Kummissjoni tirribatti li dan l-argument invokat mir-Repubblika tal-Awstrija ma jistax jiġi aċċettat peress li l-awtoritajiet Awstrijaċi jistgħu wkoll jagħtu kuntratti għall-istampar ta’ dokumenti ta’ sigurtà lill-impriżi oħra minbarra l-ÖS, b’mod partikolari meta din tal-aħħar ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq l-imsemmija kuntratti.

55      Ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Hija ssostni li, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/50 u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/18, il-kuntratti inkwistjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi. Hija għandha d-dritt tħares l-interessi vitali tas-sigurtà tagħha u tissuġġetta l-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni b’miżuri ta’ sigurtà speċjali skont id-dispożizzjonijiet legali u amministrattivi fis-seħħ fl-Awstrija.

56      Matul is-seduta, ir-Repubblika tal-Awstrija ppreċiżat li d-derogi previsti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/50 u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/18 japplikaw irrispettivament minn dak previst fl-Artikolu 346(1)(a) TFUE.

57      Dan l-Istat Membru jfakkar essenzjalment li l-politika ta’ sigurtà hija element vitali tas-sovranità statali, u li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-interessi vitali tagħhom ta’ sigurtà u li jiddeterminaw jekk miżuri ta’ sigurtà huma meħtieġa, dawn l-Istati Membri għandhom, f’dan ir-rigward, setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

58      Ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza ċerti aspetti tal-interessi vitali tagħha tas-sigurtà pubblika li huma importanti waqt l-istampar ta’ dokumenti ta’ sigurtà. F’dan ir-rigward, jeħtieġ, fil-fehma tagħha, qabelxejn, tiġi ggarantita l-awtentiċità u l-eżattezza tad-dokumenti li jservu sabiex tiġi ppruvata l-identità ta’ persuna sa fejn id-dokumenti tal-identità huma d-dokumenti strettament marbuta mal-ordni pubbliku u għall-funzjonament istituzzjonali tal-Istat. Imbagħad, ikun neċessarju li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ data sensittiva tal-persuna. Fl-aħħar nett, għandha tiżgura s-sigurtà tal-provvista.

59      Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-neċessità li tiġi żgurata l-awtentiċità u l-eżattezza tad-dokumenti tal-identità, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li dan jeħtieġ id-definizzjoni ta’ livell tekniku għoli ta’ sigurtà sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ falsifikazzjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità.

60      Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ protezzjoni ta’ data personali sensittiva, sa fejn id-dokumenti tal-identità jipprovdu tali data, inkluża data bijometrika, il-protezzjoni ta’ dawn id-dokumenti jkun jinvolvi rekwiżiti ta’ sigurtà għolja. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li huma biss l-interessi individwali li huma hawnhekk inkwistjoni filwaqt li, skont dan l-Istat Membru, il-kisba ta’ tali data għandha, għall-kuntrarju, tkun ikkunsidrata bħala li tikkostitwixxi, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, theddida għas-sigurtà pubblika domestika u, għalhekk, għandha tiġi evitata b’kull mezz.

61      Fit-tielet lok, l-approvazzjoni rapida tad-dokumenti uffiċjali inkwistjoni timplika li tiggarantixxi l-provvista tal-Istat. Issa, jekk l-istampar tad-dokumenti tal-identità kien fdat lill-impriżi oħra minbarra l-ÖS, dan jippreġudika b’mod sostenibbli l-istrateġija tar-Repubblika tal-Awstrija fil-qasam tas-sigurtà, peress li, fil-każ ta’ impossibbiltà li tipprovdi l-għadd ta’ passaporti meħtieġa, il-passaporti temporanji huma ċertament stampati, iżda taħt kundizzjonijiet ta’ sigurtà iżgħar.

62      Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, f’kuntest ta’ theddid u ta’ attivitajiet terroristiċi, stamperija waħda mqiegħda taħt l-awtorità effettiva tal-Istat għandha tiġi awtorizzata tipproduċi dokumenti ta’ identità.

63      Ir-Repubblika tal-Awstrija tfakkar li ċ-ċentralizzazzjoni tal-benefiċċji rilevanti kollha tas-sigurtà mingħand fornitur wieħed hija wkoll element vitali tal-istrateġija ta’ sigurtà. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jsostni li jirriżulta mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 u, b’mod iktar preċiż, ir-rekwiżit tal-ħatra ta’ “korp wieħed li jkollu r-responsabbiltà tal-istampar tal-passaporti u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar” li dawn ma għandhomx jiġu mmanifatturati minn diversi organizzazzjonijiet. Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat li informazzjoni sensittiva dwar is-sigurtà ma tinfirixx, ċentralizzazzjoni tal-istampar tad-dokumenti inkwistjoni tikkostitwixxi miżura xierqa.

64      Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, l-istrateġija li hija ssegwi u li tikkonsisti f’li talloka l-kuntratti inkwistjoni lil kuntrattur wieħed, b’siti ta’ produzzjoni tiegħu jew tagħha fit-territorju nazzjonali, għandha l-għan, fl-ewwel lok, li tevita li l-għarfien tal-miżuri ta’ sigurtà ma tkunx mifruxa fost kontraenti oħrajn, kemm jekk joperaw fl-Awstrija jew fi Stat Membru ieħor.

65      Tali għotja, fit-tieni lok, għandha bħala l-għan kontroll iktar effettiv ta’ dik l-istamperija mill-awtoritajiet nazzjonali fil-qafas tal-prerogattivi tagħhom ta’ infurzar amministrattiv. Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li kontroll implimentat permezz tal-qrati, li dan għandu jwassal għal sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet tas-sigurtà, skont id-dispożizzjonijiet kuntrattwali wara proċedura kkumplikata possibbli, ma jkunx effikaċi daqs kontroll statali.

66      Fir-rigward tal-ilment tal-Kummissjoni li jgħid li hija r-Repubblika tal-Awstrija li għandha turi li sejħa għall-offerti hija kompletament impossibbli, dan l-Istat Membru jsostni li la l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/50 u lanqas l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/18 ma jinkludu tali kundizzjoni.

67      Barra minn hekk, dan l-Istat Membru mhux sempliċement invoka l-interessi relatati mal-ħtiġiet tiegħu ta’ sigurtà, iżda identifika l-interessi li għandhom jiġu protetti u l-miżuri li ġew meħuda għall-għanijiet tal-protezzjoni ta’ dawn l-interessi.

68      Fl-aħħar nett, waqt is-seduta, ir-Repubblika tal-Awstrija sostniet li l-kuntratti inkwistjoni ma jistgħux jiġu eżegwiti fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti peress li l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn ma jistgħux jaħarbu kompletament l-intervent tal-awtoritajiet tal-Istati rispettivi u li dawn l-impriżi huma xi kultant meħtieġa li jikkoperaw mal-imsemmija awtoritajiet jew mas-servizzi tal-intelligence tal-imsemmija Stati, anki jekk dawn kienu jeżegwixxu dawn il-kuntratti minn stabbiliment li jinsab fl-Awstrija, b’tali mod li informazzjoni sensittiva tirriskja li tiġi żvelata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

69      Qabelxejn, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel kuntratti mogħtija lill-ÖS imsemmija minn dan ir-rikors tas-sena 2004, dawn il-kuntratti jistgħu jaqgħu taħt id-Direttiva 92/50, filwaqt li kuntratti mogħtija lil din l-impriża bejn il-31 ta’ Jannar 2006 u t-12 ta’ Settembru 2014, data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jistgħu jaqgħu taħt id-Direttiva 2004/18, din l-aħħar direttiva li ħassar u ssostitwixxa d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 92/50 mill-31 ta’ Jannar 2006.

70      Barra minn hekk, minn naħa, il-kuntratti inkwistjoni huma kuntratti li għandhom bħala suġġett servizzi elenkati fl-Annessi I A tad-Direttiva 92/50 u II A tad-Direttiva 2004/18, u, b’mod iktar preċiż, servizzi ta’ pubblikazzjoni u ta’ stampar fuq il-bażi ta’ miżata jew fuq bażi kuntrattwali. Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-valur stmat ta’ dawn il-kuntratti jaqbżu l-livelli minimi għall-applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi.

71      Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50, moqri flimkien mal-Artikoli 11 sa 37 ta’ din id-direttiva, u tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikoli 23 sa 55 ta’ din id-direttiva, peress li l-istampar tad-dokumenti inkwistjoni jikkostitwixxi servizz ta’ pubblikazzjoni u stampar fuq il-bażi ta’ miżata jew fuq bażi kuntrattwali, dan is-servizz huwa fil-prinċipju suġġett għall-obbligu ta’użu ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt skont ir-rekwiżiti ta’ dawn l-artikoli.

72      Madankollu, minn naħa, skont l-Artikolu 346(1)(a) TFUE, l-ebda Stat Membru ma għandu jkun obbligat li jipprovdi informazzjoni li l-iżvelar tagħha jkun iqisha kuntrarju għall-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu. Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tagħha, din id-dispożizzjoni hija, minħabba l-ġeneralità tal-kliem tagħha, intiża li tapplika, b’mod partikolari, fil-qasam ta’ akkwist mhux militari, bħalma huma l-kuntratti tal-istampar inkwistjoni f’dan ir-rikors.

73      Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/50 u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/18, li huma fformulati f’termini kważi identiċi, li dawn id-direttivi ma japplikawx għas-servizzi b’mod partikolari, meta l-eżekuzzjoni tagħhom trid tiġi akkumpanjata b’miżuri ta’ sigurtà speċjali skont il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat jew meta l-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà ta’ dak l-Istat jitolbu hekk.

74      Derogi bħal dawn għandhom ikunu invokati f’din il-kawża mir-Repubblika tal-Awstrija sabiex tiġġustifika l-għotja diretta lill-ÖS tal-kuntratti tas-servizzi tal-istampar inkwistjoni.

75      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif issostni r-Repubblika tal-Awstrija, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-interessi vitali tagħhom ta’ sigurtà, u, f’dan il-każ, huma l-awtoritajiet Awstrijaċi li għandhom jiddefinixxu l-miżuri ta’ sigurtà neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika ta’ dan l-Istat Membru fil-kuntest tal-istampar ta’ dokumenti tal-identità u ta’ dokumenti uffiċjali oħrajn bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑252/01, EU:C:2003:547, punt 30).

76      Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-miżuri li l-Istati Membri jadottaw fil-kuntest tal-ħtiġijiet leġittimi ta’ interess nazzjonali mhumiex esklużi kompletament mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt biss li huma jiġu adottati b’mod partikolari fl-interess tas-sigurtà pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑337/05, EU:C:2008:203, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Barra minn hekk, id-derogi inkwistjoni f’dan ir-rikors, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita għal dawk relattivi għal-libertajiet fundamentali, għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 346(1)(b) TFUE, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2012, Insinööritoimisto InsTiimi, C‑615/10, EU:C:2012:324, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/50 u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/18, invokati prinċipalment, mir-Repubblika tal-Awstrija jħallu lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeċiedu miżuri meqjusa neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tagħhom, dawn l-artikoli ma jistgħux madankollu jiġu interpretati b’mod li jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE bis-sempliċi invokazzjoni ta’ dawn l-interessi. Fil-fatt, l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju ta’ dawn id-derogi għandu jipprova l-ħtieġa li jirrikorri għal dawn, bil-għan li jiġu protetti l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu. Tali ħtieġa hija imposta wkoll sa fejn dan l-Istat Membru jinvoka barra minn hekk l-Artikolu 346(1)(a) TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Schiebel Aircraft, C‑474/12, EU:C:2014:2139, punt 34).

79      Għaldaqstant, l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju ta’ dawn id-derogi għandu jistabbilixxi li l-bżonn li jiġu protetti tali interessi ma setax jintlaħaq fil-kuntest ta’ sejħa għall-kompetizzjoni kif previst mid-Direttivi 92/50 u 2004/18 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑337/05, EU:C:2008:203, punt 53).

80      F’dan il-każ, għalkemm ir-Repubblika tal-Awstrija, ċertament, identifikat l-interessi vitali tas-sigurtà tagħha li temmen li għandhom jiġu protetti kif ukoll il-garanziji inerenti fil-protezzjoni ta’ dawn l-interessi, għandu madankollu jiġi vverifikat, fid-dawl ta’ dak li tfakkar fil-punti 75 u 76 ta’ din is-sentenza, jekk dan l-Istat Membru wera li l-objettivi mfittxija ma setgħux jintlaħqu fil-kuntest ta’ sejħa għall-kompetizzjoni, kif prevista minn dawn iż-żewġ direttivi.

81      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, fl-ewwel lok, li l-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà nazzjonali teħtieġ implimentazzjoni ċentralizzata tal-kuntratti ta’ stampar ta’ dokumenti uffiċjali permezz tal-għoti tagħhom lil impriża waħda biss.

82      Issa, jekk jiġi aċċettat li ċ-ċentralizzazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni tista’ tiġi kkunsidrata, għar-raġunijiet imressqa mir-Repubblika tal-Awstrija, bħala mezz ta’ protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà nazzjonali, għandu jiġi rrilevat li l-osservanza tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt previsti rispettivament fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50, moqri flimkien mal-Artikoli 11 sa 37 ta’ din id-direttiva, u l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikoli 23 sa 55 ta’ din id-direttiva, ma jipprekludix li jiġi fdat lil operatur uniku l-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni.

83      Jekk, kif tirrileva r-Repubblika tal-Awstrija, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirrispettaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2252/2004, li timponi n-nomina ta’ korp wieħed li jkollu r-responsabbiltà għall-istampar tal-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tillimita ruħha li tistabbilixxi l-obbligu li jinħatar dan il-korp uniku, mingħajr ma tiċħad rikors minn qabel għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt għall-finijiet ta’ tali nomina.

84      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet Awstrijaċi jkunu jistgħu jiżguraw, fil-qafas tal-prerogattivi mogħtija lilhom mill-Artikolu 6(3) tas-StDrG, kontrolli amministrattivi effettivi fir-rigward ta’ offerent uniku li għandu l-postijiet ta’ produzzjoni u l-ħażna tiegħu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, f’dan il-każ fir-rigward tal-ÖS, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, ċertament, l-operatur li ġie fdat bit-twettiq tal-kuntratti tal-istampar inkwistjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti fil-qasam ta’ sigurtà biex jiżgura l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li trid tiġi protetta, ir-Repubblika tal-Awstrija ma turix li huma biss il-kontrolli amministrattivi li jistgħu jitwettqu mill-awtoritajiet Awstrijaċi, skont din id-dispożizzjoni, mingħand l-ÖS huma ta’ natura li jiggarantixxu din il-kunfidenzjalità u li għandha, għal dan il-għan, tiġi injorata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ għoti ta’ kuntratt previsti mid-Direttivi 92/50 u 2004/18.

85      F’dan ir-rigward, ma jidhirx li dawn il-kontrolli amministrattivi ma jistgħux jiġu eżerċitati mingħand impriżi oħrajn stabbiliti fl-Awstrija milli l-ÖS. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru ma jurix li l-kontroll tal-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tkun ikkomunikata għall-finijiet tal-istampar tad-dokumenti uffiċjali inkwistjoni tkun żgurata inqas jekk dan l-istampar kien ingħata, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, lill-impriżi oħrajn li għalihom ikunu imposti, permezz ta’ dispożittiv kuntrattwali suġġett għar-regoli tad-dritt ċivili, ta’ miżuri ta’ kunfidenzjalità u ta’ sigurtà, u li l-imsemmija impriżi jkunu stabbiliti fl-Awstrija jew fl-Istati Membri l-oħrajn.

86      B’mod partikolari, jista’ jiġi stabbilit, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, l-obbligu għall-kontraent magħżul li jaċċetta kontrolli tas-sigurtà, żjarat jew spezzjonijiet fil-bini tal-impriża tiegħu, kemm jekk din tkun kumpannija stabbilita fl-Awstrija jew fi Stat Membru ieħor, jew li jikkonforma ma’ rekwiżiti tekniċi dwar il-kunfidenzjalità, partikolarment għoljin, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni.

87      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-obbligu li tiġi żgurata l-provvista invokata mir-Repubblika tal-Awstrija, għandu jiġi rrilevat li, jekk id-dokumenti uffiċjali inkwistjoni huma strettament marbuta mal-ordni pubbliku u għall-funzjonament istituzzjonali ta’ Stat, li jimplikaw li garanzija tal-provvista tkun żgurata, madankollu, dan l-Istat Membru ma weriex li l-għan allegat ma jkunx jista’ jiġi żgurat permezz ta’ sejħa għall-offerti u li tali garanzija tiġi kompromessa jekk l-istampar ta’ dawn id-dokumenti kien fdat lil impriżi oħra, inkluż, fejn xieraq, lil impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn.

88      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-affidabbiltà tal-offerent rebbieħ, filwaqt li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiżguraw li, fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, l-impriżi affidabbli biss jingħataw tali kuntratti fil-kuntest ta’ sistema li tiżgura l-osservanza ta’ standards ta’ kunfidenzjalità u ta’ sigurtà speċifiċi fir-rigward tal-istampar tad-dokumenti inkwistjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija ma għandhiex madankollu stabbilit li n-natura kunfidenzjali tad-data kkomunikata ma tkunx tista’ tiġi suffiċjentement iggarantita jekk l-istampar ta’ dawn id-dokumenti kien fdat lil impriża oħra minbarra ÖS, maħtura wara proċedura ta’ sejħa għal offerti.

89      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-bżonn li jiġi previst obbligu ta’ kunfidenzjalità bl-ebda mod ma jwaqqaf ir-rikors għal proċedura ta’ sejħa għall-kompetizzjoni għall-għoti ta’ kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑337/05, EU:C:2008:203, punt 52).

90      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-kunfidenzjalità tad-data tista’ tiġi żgurata minn obbligu ta’ segretezza, mingħajr ma jkun neċessarju li jinkisru l-proċeduri fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 1989, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑3/88, EU:C:1989:606, punt 15).

91      Hekk kif indikat l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tagħha, xejn ma jipprevjeni awtorità kontraenti li timponi rekwiżiti partikolarment ibsin dwar l-adegwatezza u l-affidabbiltà ta’ kuntratturi, mitluba jorganizzaw f’dan is-sens il-kundizzjonijiet li jirregolaw is-sejħiet għall-offerti u kuntratti ta’ servizz u titlob lill-kandidati eventwali d-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa.

92      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija sostniet, fis-seduta, li hemm riskju li informazzjoni sensittiva tiġi żvelata peress li l-impriżi stabbiliti barra minn dan l-Istat Membru ma jistgħux jaħarbu kompletament l-intervent tal-awtoritajiet tal-Istat Membru rispettiv tagħhom, peress li f’ċerti każijiet, dawn huma stess huma obbligati, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli f’dawn l-Istati, li jikkolaboraw ma’ dawn l-awtoritajiet jew mas-servizzi tal-intelligence tal-imsemmija Stati, u dan anke meta jwettqu kuntratti pubbliċi minn stabbiliment li jinsab fl-Awstrija.

93      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li huwa permess lill-awtoritajiet Awstrijaċi li jdaħħlu, skont il-kundizzjonijiet li jirregolaw is-sejħiet għall-offerti għall-finijiet tal-għoti tal-kuntratti inkwistjoni, klawżoli li jobbligaw l-offerent rebbieħ b’kunfidenzjalità ġenerali kif ukoll li jiġi previst li l-impriża kandidata li ma tkunx f’pożizzjoni, b’mod partikolari minħabba l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, joffru garanziji suffiċjenti fir-rigward tal-osservanza ta’ dan l-obbligu fil-konfront tal-awtoritajiet ta’ dak l-Istat ser tkun eskluża mill-proċedura tal-għoti tal-kuntratt. Huwa wkoll permess lill-awtoritajiet Awstrijaċi sabiex jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet, b’mod partikolari kuntrattwali, għall-offerent rebbieħ, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ tali obbligu matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni.

94      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija ma wrietx li l-għan li jiġi prekluż l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva relatata mal-produzzjoni tad-dokumenti uffiċjali inkwistjoni ma setax jintlaħaq fil-kuntest ta’ proċedura għal sejħa għall-kompetizzjoni kif previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50, moqri flimkien mal-Artikoli 11 sa 37 ta’ din id-direttiva, u fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikoli 23 sa 55 ta’ din id-direttiva rispettivament.

95      Minn dan isegwi li, nuqqas ta’ konformità mal-proċeduri tal-għoti tal-kuntratt previsti mill-imsemmija direttivi tidher sproporzjonata fid-dawl ta’ dan l-għan.

96      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-Artikolu 346(1)(a) TFUE, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/50 u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/18 ma jistgħux jiġu invokati utilment mir-Repubblika tal-Awstrija sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratt previsti minn dawn iż-żewġ direttivi.

 Kuntratt ta’ servizz tal-istampar tal-permessi għal piroteknika

 L-argumenti tal-partijiet

97      Il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn l-ammont tas-suq tal-produzzjoni tal-permessi għal piroteknika ma jaqbiżx il-livelli limitu previsti minn dawn id-direttivi, għandu madankollu jiġi aġġudikat b’osservanza tal-prinċipji stipulati mit-Trattat FUE, b’mod partikolari dawk tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

98      Skont il-Kummissjoni, il-prinċipji ġenerali ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, li minnha joriġina l-obbligu ta’ trasparenza, jeżiġu li dan is-suq bħala suġġett għal opinjoni b’livell ta’ pubbliċità suffiċjenti.

99      Din l-istituzzjoni tippreċiża li anki jekk l-ammont ta’ kuntratt tal-produzzjoni tal-permessi għal piroteknika jidher relattivamment dgħajjef, tali kuntratt jista’, minħabba l-karatteristiċi tekniċi tiegħu jqajjem l-interess ta’ impriżi ta’ Stati Membri oħra. Għalhekk jeżisti interess transkonfinali ċert peress li l-kuntratt ta’ impriżi li jipproduċu dokumenti ta’ identità sikuri jkun speċjalizzat, imnaqqas u internazzjonalizzat u li l-prossimità ġeografika ma tikkostitwixxix obbligu għat-twettiq ta’ kuntratti ta’ produzzjoni ta’ dokumenti sikuri.

100    Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat il-fatt li ÖS stess kienet fdata minn diversi Stati Membri bl-istampar ta’ viżi u passaporti, li tikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, indikazzjoni importanti ħafna tal-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert.

101    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fir-rigward ta’ kuntratt li l-ammont tiegħu huwa inqas mil-livell previst mid-dritt tal-Unjoni, il-prinċipji fundamentali invokati mill-Kummissjoni ma japplikawx. Fid-dawl tal-ammont baxx ta’ dan il-kuntratt, l-interess transkonfinali ċert ma kienx stabbilit mill-Kummissjoni.

102    Barra minn hekk, il-fatt li l-ÖS tipproduċi dokumenti siguri għal Stati Membri oħrajn ma jurix li jeżisti interess transkonfinali ċert għall-kuntratt ta’ servizz tal-istampar tal-permessi għal piroteknika.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja      

103    Hemm lok li jitfakkar li huwa maqbul bejn il-partijiet li l-valur stmat tal-kuntratt tal-produzzjoni tal-permessi għal piroteknika huwa ta’ EUR 56 000, jiġifieri ammont nettament inqas mil-limiti stabbiliti mid-Direttivi 92/50 u 2004/18 għal kuntratti pubbliċi ta’ servizzi. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda obbligu taħt dawn id-direttivi li jirrikorri għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.

104    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għoti ta’ kuntratti li, fid-dawl tal-valur tagħhom, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huwa suġġett għar-regoli fundamentali u għall-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari għall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, bil-kundizzjoni li dawn il-kuntratti jkollhom interess transkonfinali ċert (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2016, Tecnoedi Costruzioni, C‑318/15, EU:C:2016:747, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    F'dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li s-suq inkwistjoni jippreżenta, għal impriża li tinsab fi Stat Membru differenti minn dak li taqa’ taħtu l-awtorità kontraenti kkonċernata, interess ċert, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni f’dan is-sens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑507/03, EU:C:2007:676, punti 32 u 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

106    Fir-rigward tal-kriterji oġġettivi li jistgħu jindikaw l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kriterji bħal dawn jistgħu jkunu, b’mod partikolari, l-ammont ta’ ċertu daqs tal-kuntratt inkwistjoni, flimkien mal-post ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jew, ukoll, il-karatteristiċi tekniċi tal-kuntratt u l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti kkonċernati (ara, f’dan is-sens, il-kuntratt tas-6 ta’ Ottubru 2016, Tecnoedi Costruzioni, C‑318/15, EU:C:2016:747, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Jekk, kif sostniet il-Kummissjoni, l-eżistenza ta’ tali interess transkonfinali tista’ tiġi ddeterminata biss abbażi tal-valur tas-suq, evalwazzjoni kompluta ta’ kriterji oħra u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ individwali hija meħtieġa, hemm lok li jiġi rrilevat li l-kuntratt tal-produzzjoni tal-permessi għal piroteknika jispikka mhux biss minħabba l-ammont relattivament żgħir, iżda wkoll bin-natura tiegħu teknika ħafna, jinvolvi wkoll l-osservanza ta’ miżuri speċifiċi ta’ sigurtà mal-ispejjeż li l-implimentazzjoni ta’ tali miżuri timplika.

108    Fir-rigward tal-fatt, invokat mill-Kummissjoni, li jgħid li l-fatt li l-ÖS kienet inkarigata minn diversi Stati barranin tal-istampar ta’ viżi u passaporti jikkostitwixxi indizju qawwi tal-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert, din iċ-ċirkustanza hija irrilevanti f’dak li jikkonċerna l-istampar tal-permessi għal piroteknika.

109    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni ma humiex biżżejjed sabiex juru li l-imsemmi kuntratt kellu interess transkonfinali ċert.

110    Peress li l-Kummissjoni ma pprovdietx il-prova tal-allegazzjonijiet tagħha, ir-rikors tagħha għandu jiġi miċħud inkwantu jirrigwarda l-kuntratt ta’ servizz ta’ stampar tal-permessi għal piroteknika inkwistjoni.

111    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, billi jingħata direttament lill-ÖS, mingħajr ma saret sejħa għal offerti fil-livell tal-Unjoni Ewropea, kuntratti ta’ servizzi għall-produzzjoni ta’ passaporti biċ-ċipp, passaporti ta’ emerġenza, permessi ta’ residenza, karti tal-identità, liċenzji tas-sewqan f’format ta’ karta ta’ kreditu u taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fil-format ta’ karta ta’ kreditu u, min-naħa l-oħra, billi żammet fis-seħħ id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponu obbligu fuq l-awtoritajiet kontraenti li jagħtu direttament kuntratti ta’ servizzi bħal dawn lil din il-kumpannija, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50, moqrija flimkien mal-Artikoli 11 sa 37 ta’ din id-direttiva, kif ukoll tal-Artikolu 14 u l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/18, moqrija flimkien mal-Artikoli 23 sa 55 ta’ din id-direttiva.

112    Ir-rikors għandu jiġi miċħud għall-kumplament.

 Fuq l-ispejjeż

113    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

114    F’dan il-każ, il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Awstrija talbu rispettivament il-kundanna tal-parti l-oħra fil-kawża għall-ispejjeż.

115    L-Artikolu 138(3) ta’ dak ir-regolament jipprovdi li, jekk dan jidher iġġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li, minbarra l-ispejjeż tagħha, parti tbati frazzjoni mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. F’dan il-każ, peress li r-rikors tal-Kummissjoni ntlaqa’ ħlief f’dak li jikkonċerna l-kuntratt ta’ servizzi tal-istampar tal-permessi għal piroteknika, hemm lok, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li jiġi deċiż li, minbarra l-ispejjeż tiegħu, ir-Repubblika tal-Awstrija hija kkundannata tbati erba’ partijiet minn ħamsa tal-ispejjeż tal-Kummissjoni.

116    Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati kwint tal-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi tat direttament lill-Österreichische Staatsdruckerei GmbH, mingħajr ma wettqet sejħa għal offerti fil-livell tal-Unjoni Ewropea, kuntratti ta’ servizzi għall-produzzjoni ta’ passaporti biċ-ċipp, passaporti ta’ emerġenza, permessi ta’ residenza, karti tal-identità, liċenzji tas-sewqan f’format ta’ karta ta’ kreditu u kif ukoll taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fil-format tal-karta ta’ kreditu, u billi żammet fis-seħħ id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponu obbligu fuq l-awtoritajiet kontraenti li jagħtu direttament kuntratti ta’ servizzi bħal dawn lil din il-kumpannija, mingħajr ma wettqet sejħa għal offerti fil-livell tal-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi], moqri flimkien mal-Artikoli 11 sa 37 ta’ din id-direttiva, u tal-Artikolu 14 kif ukoll tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] moqrija flimkien mal-Artikoli 23 sa 55 ta’ din id-direttiva.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll erba’ partijiet minn ħamsa tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati kwint mill-ispejjeż tagħha stess.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.