Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Marzu 2012 - Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-125/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Viasat Broadcasting UK Ltd (West Drayton, Middlesex, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: S. Kalsmose-Hjelmborg u M. Honoré, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-20 ta' April 2011 fil-Każ C 2/03 dwar il-miżuri implementati mid-Danimarka għal TV2/Danmark (Deċiżjoni 2011/839/UE) (ĠU L 340 p. 1);

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq li l-konvenuta għamlet żball fil-liġi meta wettqet it-test ta' kompatibbiltà skont l-Artikolu 106(2) TFUE peress li naqset milli tislet il-konsegwenzi neċessarji mill-konstatazzjoni li l-kumpens tas-servizz pubbliku lil TV 2 kien ingħata bi ksur tat-tieni u tar-raba' kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Altmark (sentenza tal-24 ta' Lulju 2003, C-280/00 Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, Ġabra p. I-7747).

1.1.    Fir-rigward tal-interrelazzjoni bejn it-tieni kundizzjoni tas-sentenza Altmark u l-Artikolu 106(2) TFUE, ir-rikorrenti ssostni li:

ir-rekwiżiti ta' trasparenza msemmija fil-tieni kundizzjoni tas-sentenza Altmark huma wkoll inerenti fit-test imwettaq mill-konvenuta skont l-Artikolu 106(2) TFUE;

il-konvenuta diġà teħtieġ konformità ma' rekwiżiti oħra purament formali għall-osservanza tal-Artikolu 106(2) TFUE;

L-Artikolu 106(2) TFUE diġà fih rekwiżit ta' trasparenza u l-preżenza ta' ċerti garanziji strutturali;

it-tieni kundizzjoni tas-sentenza Altmark hija diġà riflessa fil-komunikazzjonijiet u deċiżjonijiet varji tal-Kummissjoni dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 106(2) TFUE - ukoll fil-qasam tax-xandir ta' -servizz pubbliku; u

ma hemm ebda raġuni konvinċenti għaliex il-konvenuta ma għandhiex, f'dan il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tagħha stess tal-Artikolu 106(2) TFUE fil-komunikazzjonijiet u deċiżjonijiet varji tagħha, b'mod partikolari meta l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni hija dderivata mill-iżviluppi tal-ġurisprudenza.

1.2.    Fir-rigward tal-interrelazzjoni bejn ir-raba' kundizzjoni tas-sentenza Altmark u l-Artikolu 106(2) TFUE, ir-rikorrenti ssostni li:

jkollu konsegwenzi detrimentali għall-kompetizzjoni fis-suq li ma tiġix ikkunsidrata l-effiċjenza tax-xandar ta' servizz pubbliku għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE fin-nuqqas ta' offerta pubblika;

il-ħsara lill-kompetizzjoni tkun partikolarment sinjifikattiva fis-settur tax-xandir minħabba li l-ispejjeż kollha mġarrba minn operatur tas-servizz pubbliku jistgħu jiġu kklassifikati bħala spejjeż addizzjonali tas-servizz pubbliku li jistgħu jiġu kkumpensati mill-Istat Membru, u fejn ma hemm l-ebda obbligu li jiġi eżaminat jekk l-ispejjeż jirriżultawx mill-ġestjoni ineffiċjenti jew mill-obbligu ta' servizz pubbliku;

kumpens għal servizz pubbliku jista' għalhekk jintuża bħala għajnuna de facto, ta' salvataġġ, jew operattiva, li jippermetti lill-kumpannija f'diffikultajiet biex tkompli bl-operazzjonijiet tagħha minflok ma tkun irristrutturata jew eliminata;

test ta' effiċjenza ma jagħmilx l-Artikolu 106(2) TFUE "liġi mingħajr ebda effett" peress li l-Kummissjoni tista', skont il-karatteristiċi tal-każ, tapprova kumpens li jeċċedi l-ispejjeż ta' impriża medja, ġestita sew; u

l-għan tal-Artikolu 106(2) TFUE, kif interpretat fid-dawl tal-Protokoll ta' Amsterdam, ma huwiex biex jipproteġi xandar partikolari ta' servizz pubbliku mir-regoli tal-kompetizzjoni, iżda biex jipproteġi l-libertà tal-Istati Membri meta jiddefinixxu l-missjonijiet ta' servizz pubbliku u sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu servizzi pubbliċi bl-inqas spiża għas-soċjetà.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq li l-konvenuta kisret l-Artikolu 296 TFUE peress li naqset milli tgħid ir-raġunijiet għaliex approvat l-għajnuna skont l-Artikolu 106(2) TFUE meta t-tieni u r-raba' kundizzjonijiet tas-sentenza Altmark ma ġewx osservati.

____________