Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Marzu 2011 - Guiai Bi Poin vs Il-Kunsill

(Kawża T-138/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Georges Guiai Bi Poin (Abidjan, il-Côte d'Ivoire) (rappreżentant: G. Collard, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata li, fir-rigward tar-rikorrent, G. Guiai Bi Poin, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 25/2011, tal-14 ta' Jannar 2011, kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-14 ta' Jannar 2011, ippubblikati fil-15 ta' Jannar 2011 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ma humiex fondati fil-fatt,

konsegwentement,

tannulla r-Regolament tal-Kunsill UE Nru 25/2011, tal-14 ta' Jannar 2011, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/18/PESK, tal-14 ta' Jannar 2011;

sussidjarjament, tordna li l-isem ta' G. Guiai Bi Poin jitneħħa mil-listi annessi mal-imsemmi regolament u mal-imsemmija deċiżjoni.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, inkwantu l-motivi tal-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista tal-persuni u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi huma sterjotipati mingħajr ma ssemma l-ebda element fattwali preċiż li jippermetti li tiġi evalwata r-rilevanza tal-imsemmija inklużjoni fil-lista.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni, inkwantu,

ir-rikorrent huwa akkużat li rrifjuta li jqiegħed ruħu taħt l-awtorità tal-president elett demokratikament, A. Ouattara, meta r-rikorrent bħala militar ma setax ma jobdix l-awtoritajiet kostituzzjonali tal-pajjiż tiegħu li pproklamaw president elett lil L. Gbagbo u

ir-rikorrent huwa akkużat li huwa responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali umanitarju, filwaqt li r-rikorrent ma ġiex ikkontestat mill-Qorti Kriminali Internazzjonali, li l-kompetenza tagħha ġiet irrikonoxxuta mir-Repubblika tal-Côte d'Ivoire.

____________