Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Frar 2014 – Secop vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-79/14)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Secop GmbH (Flensburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: U. Schnelle u C. Aufdermauer, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 2013, Aiuto di Stato SA.37640, C(2013) 9119 finali – Aiuti per il salvataggio a favore di ACC Compressors S.p.A., Italia (Ġħajnuna mill-Istat SA.37640 C(2013) 9119 finali; għajnuna għas-salvataġġ favur ACC Compressors S.p.A., l-Italja), skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

Ir-rikorrenti ssostni nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tafferma li l-Kummissjoni, minkejja li kienet taf biċ-ċirkustanzi tal-każ minħabba proċedura parallela ta’ kontroll ta’ inkorporazzjoni li tikkonċerna x-xiri ta’ attivi li kienu jappartjenu lil sussidjarja tal-benefiċjarja tal-għajnuna, ma ħaditx inkunsiderazzjoni konsegwenzi li jirriżultaw minn din iċ-ċirkustanza għall-eliġibbiltà tal-benefiċjarja tal-għajnuna u lanqas tal-effetti partikolari tad-deċiżjoni pożittiva fil-qasam ta’ għajnuna għar-rikorrenti.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tat-Trattati.

Ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. F’dan ir-rigward, hija ssostni, fost l-oħrajn , li l-benefiċjarja tal-għajnuna għandha tiġi kklassifikata bħala mhux kompetittiva u bħala impriża ġdida li nħolqot bħala miżura ta’ ristrutturazzjoni. Il-benefiċjarja għall-għajnuna ġiet imċaħħda mill-attivi meħtieġa sabiex twettaq l-attivitajiet tagħha permezz tax-xiri, mir-rikorrenti, ta’ attivi ta’ kumpannija li tappartjeni għall-grupp tagħha, attivi li mingħajrhom hija la tista’ twettaq jew tkompli bl-attivitajiet tagħha.

Minbarra dan, hemm ksur tal-Artikolu 108(2) u (3) TFUE. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummisjsoni jmissha kkunsidrat li kienu jeżistu diffikultajiet sinjifikattivi dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni u li hija kellha tiftaħ il-proċedura ta’ eżami prinċipali.

Fl-aħħar nett, fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti sosstni l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

It-tielet motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

Ir-rikorrenti ssostni, f’dan il-motiv, li l-Kummissjoni għamlet lilha nnifisha ħatja ta’ użu ħażin ta poter peress li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt sinjifikattivi li huma essenzjali għall-eżami u għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, b’mod li hija adottat id-deċiżjoni tagħha fuq bażi fattwali inkompleta.