Language of document : ECLI:EU:C:2023:281

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fit‑30 ta’ Marzu 2023 (1)

Kawża C715/20

K.L.

vs

X sp. z o.o.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Krakowa - Nowej Huty w Krakowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Kraków - Nowa Huta fi Kraków, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Differenza fit-trattament fil-każ ta’ tkeċċija – Xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat – Assenza ta’ raġunijiet fl-att ta’ xoljiment”






1.        Dispożizzjoni nazzjonali li timponi l-indikazzjoni tar-raġunijiet tat-tkeċċija biss fil-każ ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat u mhux fil-każ ta’ kuntratt għal żmien determinat tista’ tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fil-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70? Il-possibbiltà li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni jista’ jkollha bħala effett l-applikazzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/70 anki f’tilwima bejn individwi?

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni Ewropea

Id-Direttiva 1999/70/KE (2)

2.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70 jipprevedi illi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva hu li jġib fis-seħħ il-ftehim qafas dwar kuntratti għal terminu fiss konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) annessi hawn.”

Il-Ftehim Qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] (3)

3.        Il-klawżola 4, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprevedi:

“1.      Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.

[…]

3.      L-arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ din il-klawżola għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali, wara li jiġu ikkunsidrati l-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv u l-prattika tal-Komunità.

[…]”

B.      Iddritt Pollakk

4.        L-Ustawa z dnia 26 czerwca 1974 r. Kodeks pracy (il-Liġi tas‑26 ta’ Ġunju 1974 dwar il-Kodiċi tax-Xogħol) (test uniku: Dziennik Ustaw tal‑2020, pożizzjoni 1320, kif emendata) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”), fl-Artikolu 183a tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprevedi:

“§ 1.      Il-ħaddiema għandhom jibbenefikaw minn ugwaljanza fit-trattament f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment u t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ progressjoni tal-karriera kif ukoll l-aċċess għat-taħriġ bil-għan li jittejbu l-kompetenzi professjonali, mingħajr distinzjoni, b’mod partikolari, ta’ sess, età, diżabbiltà, razza, reliġjon, nazzjonalità, opinjonijiet politiċi, appartenenza sindakali, oriġini etnika, konfessjoni, orjentazzjoni sesswali kif ukoll indipendentement mill-ingaġġ għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat jew full-time jew part-time.

§ 2      L-ugwaljanza fit-trattament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tfisser l-assenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1 […]”.

5.        L-Artikolu 30 tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprovdi:

“1.      It-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol isseħħ:

1)      bil-kunsens reċiproku tal-partijiet;

2)      wara dikjarazzjoni minn waħda mill-partijiet, bl-osservanza tat-terminu ta’ preavviż (terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol bi preavviż);

3)      wara dikjarazzjoni ta’ waħda mill-partijiet, mingħajr ma jiġi osservat terminu ta’ preavviż (terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol mingħajr preavviż);

4)      mal-iskadenza tat-terminu previst fil-kuntratt. […]

[…]

3.      Id-dikjarazzjoni ta’ kull waħda mill-partijiet dwar it-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol bi preavviż jew mingħajru għandha ssir bil-miktub.

4.      Id-dikjarazzjoni tal-persuna li timpjega dwar it-terminazzjoni bi preavviż ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat jew it-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol mingħajr preavviż għandha tindika r-raġunijiet li jiġġustifikaw it-terminazzjoni. […]”

6.        L-Artikolu 44 tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprevedi:

“Il-ħaddiem jista’ jikkontesta t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol quddiem il-qorti industrijali prevista fit-Taqsima 12.”

II.    Ilfatti, ilproċedura filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

7.        Fl‑1 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-konvenut fil-kawża prinċipali kkonkludew kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u part-time b’skadenza stabbilita għall‑31 ta’ Lulju 2022.

8.        Fil‑15 ta’ Lulju 2020, il-persuna li timpjega bagħtet lir-rikorrent dikjarazzjoni bil-miktub ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn il-partijiet, bi preavviż ta’ xahar, li kien jiskadi fil‑31 ta’ Awwissu 2020, mingħajr madankollu ma indikat ir-raġunijiet.

9.        Konsegwentement, il-ħaddiem adixxa lis-Sąd Rejonowy dla Krakowa – Nowej Huty w Krakowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Kraków – Nowa Huta fi Kraków, il-Polonja) sabiex jitlob kumpens għad-danni dovuti mit-tkeċċija allegatament illegali (fuq il-bażi tal-Artikolu 50(3) tal-Kodiċi tax-Xogħol).

10.      Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrent sostna, fl-ewwel lok, li l-komunikazzjoni tal-persuna li timpjega tal‑15 ta’ Lulju 2020 kienet tinkludi żbalji formali li jikkostitwixxu difetti li jagħtu dritt għal kumpens u, fit-tieni lok, li t-terminazzjoni kienet tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba t-tip ta’ kuntratt ta’ xogħol li jinsab fid-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-regoli tad-dritt Pollakk (4).

11.      Min-naħa l-oħra, il-konvenuta fil-kawża prinċipali sostniet li, billi kkonformat ruħha mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, hija ma kienet wettqet ebda ksur tad-dritt nazzjonali u lanqas tad-dritt tal-Unjoni (5).

12.      Is-Sąd Rejonowy dla Krakowa – Nowej Huty w Krakowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Kraków – Nowa Huta fi Kraków), adita bit-talba għall-kumpens għad-dannu tal-ħaddiem, kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70 u tal-Klawżoli 1 u 4 tal-imsemmi ftehim qafas, kif ukoll dwar il-possibbiltà għall-individwi li jinvokaw direttament quddiem il-qorti nazzjonali d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva u tal-imsemmi ftehim qafas.

13.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Krakowa – Nowej Huty w Krakowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Kraków – Nowa Huta fi Kraków), issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, kif ukoll il-Klawżoli Nru 1 u 4 tal-ftehim qafas hawn fuq imsemmi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi obbligu fuq il-persuna li timpjega li tipprovdi, bil-miktub, il-motivazzjoni għad-deċiżjoni li tittermina l-kuntratt tax-xogħol biss fir-rigward ta’ kuntratti tax-xogħol konklużi għal żmien indeterminat, u għaldaqstant jissuġġettaw għal stħarriġ ġudizzjarju tal-leġittimità tat-terminazzjoni tal-kuntratti konklużi għal żmien indeterminat, filwaqt li ma jipprevedux tali obbligu fuq il-persuna li timpjega (jiġifieri l-indikazzjoni tal-motivazzjoni għat-terminazzjoni) fir-rigward ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi għal żmien determinat (u konsegwentement l-istħarriġ ġudizzjarju jkopri biss il-kwistjoni ta’ jekk it-terminazzjoni hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet dwar it-terminazzjoni ta’ kuntratti)?

2.      Il-partijiet f’tilwima quddiem qorti, li fiha hemm persuni privati fuq iż-żewġ naħat tat-tilwima, jistgħu jinvokaw il-klawżola 4 tal-ftehim qafas hawn fuq imsemmi u l-prinċipju bażiku tad-dritt tal-Unjoni ta’ nondiskriminazzjoni (Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), u għaldaqstant ir-regoli msemmija hawn fuq għandhom effett orizzontali?”

III. Analiżi ġuridika

A.      Lewwel domanda preliminari

1.      Osservazzjonijiet preliminari

14.      Il-kawża prinċipali tikkonċerna talba għad-danni mressqa minn ħaddiem kontra persuna li timpjega (privata) talli xoljiet kuntratt ta’ xogħol, bil-miktub u fit-terminu ta’ preavviż, mingħajr madankollu ma kkomunikat ir-raġunijiet għat-terminazzjoni kontestwalment. Il-persuna li timpjega tqis li aġixxiet b’mod korrett peress li, skont id-dritt Pollakk, il-persuna li timpjega hija obbligata tipprovdi r-raġunijiet, kontestwalment mal-att ta’ terminazzjoni, biss fil-każ fejn il-kuntratt li hija għandha l-intenzjoni li xxolji huwa għal żmien indeterminat.

15.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-differenza fit-trattament bejn iż-żewġ tipi differenti ta’ kuntratt (kuntratt għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat) fl-obbligu li jiġu indikati r-raġunijiet kontestwalment mat-tkeċċija u l-allegata limitazzjoni li tirriżulta għall-protezzjoni ġudizzjarja fuq il-fondatezza tar-raġunijiet tikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita fis-sens tal-Klawżoli 1 u 4 tal-Ftehim Qafas.

16.      Sabiex tingħata risposta għad-domanda, jeħtieġ li tiġi identifikata korrettament is-sitwazzjoni ġuridika li hija s-suġġett tad-differenza fit-trattament fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, billi jiġu eżaminati d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt nazzjonali rilevanti: dan sabiex ikun jista’ jiġi konkluż jekk teżistix, fir-rigward tad-differenzi formali bejn iż-żewġ tipi kuntrattwali b’riferiment għall-obbligu tal-indikazzjoni tar-raġunijiet tat-terminazzjoni, diskriminazzjoni sostanzjali effettiva tal-ħaddiem għal żmien determinat, li hija pprojbita mill-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas. Din l-analiżi tista’ tippermettilna nevalwaw jekk hijiex konċepibbli interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformi mad-dritt tal-Unjoni.

17.      L-analiżi ser titwettaq fil-fażijiet segwenti: a) definizzjoni fil-qosor tal-parametri tal-istess klawżola 4 sabiex jinftiehem l-għan u l-estensjoni tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-kunċetti ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, “ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli”, trattament “inqas favorevoli” għas-sempliċi fatt “li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal żmien determinat”; b) identifikazzjoni tas-sitwazzjoni legali li hija s-suġġett tal-allegata differenza fit-trattament (it-trattament “inqas favorevoli”), billi tiddistingwi l-aspett sostanzjali tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiem kontra tkeċċija mhux iġġustifikata minn dak formali tal-komunikazzjoni tar-raġunijiet fl-att ta’ terminazzjoni; c) evalwazzjoni globali, fuq il-bażi tal-elementi tal-proċess, tas-sistema ta’ protezzjoni mogħtija mill-ordinament ġuridiku Pollakk lill-ħaddiem għal żmien determinat sabiex jiġi konkluż jekk dan jagħtix jew le lil dan tal-aħħar protezzjoni effettiva kontra t-tkeċċija mhux iġġustifikata li, essenzjalment, ma hijiex inqas favorevoli minn dik żgurata lill-ħaddiem għal żmien indeterminat; d) evalwazzjoni tal-eżistenza tal-possibbiltà ta’ “raġunijiet oġġettivi” għall-finijiet tal-assenza ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni.

18.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet li ser jiġu pprovduti hawnhekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ konkret.

2.      Għan u estensjoni talklawżola 4 talFtehim Qafas

19.      Il-klawżola 4 tistabbilixxi “prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni” li ma huwiex ekwivalenti għal obbligu ta’ ugwaljanza fit-trattament assolut bejn ħaddiema għal żmien indeterminat u ħaddiema għal żmien determinat. Il-funzjoni soċjoekonomika taż-żewġ tipi kuntrattwali hija differenti (6) iżda d-dritt tal-Unjoni għandu l-intenzjoni li jipprekludi li, fuq is-sempliċi bażi tat-tul tal-kuntratt, il-leġiżlatur nazzjonali u, fl-aħħar mill-aħħar, il-persuna li timpjega jkunu jistgħu jipprevedu trattamenti differenti li ma jkunux oġġettivament “iġġustifikati”.

20.      Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, u għalhekk il-projbizzjoni ta’ trattament “inqas favorevoli” tal-ħaddiema għal żmien determinat meta mqabbla mal-“ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli”, japplika fir-rigward tal-“kundizzjonijiet tal-impjieg”.

21.      Mill-proċess jirriżulta li: (i) ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ħaddiem għal żmien determinat; (ii) id-dritt Pollakk jipprevedi trattament differenti għall-ħaddiema għal żmien determinat (meta mqabbla mal-ħaddiema għal żmien indeterminat) f’dak li jirrigwarda l-obbligu tal-persuna li timpjega li tindika r-raġunijiet fl-att ta’ terminazzjoni.

22.      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg” fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt dan il-kunċett huwa preċiżament dak tal-impjieg, jiġifieri r-relazzjoni ta’ impjieg bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah (7).

23.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li jaqgħu taħt dan il-kunċett, b’mod partikolari, ir-regoli dwar id-determinazzjoni tal-perijodu ta’ preavviż applikabbli fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kif ukoll dawk relatati mal-kumpens mogħti lill-ħaddiem minħabba x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu li jorbtu mal-persuna li timpjegah (8). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-modalitajiet relatati max-xoljiment tar-relazzjoni ta’ xogħol huma inklużi fil-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”. Interpretazzjoni tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas li teskludi mid-definizzjoni tal-imsemmi kunċett il-kundizzjonijiet ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat twassal sabiex jiġi limitat, bi ksur tal-għan tal-imsemmija dispożizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema għal żmien determinat kontra d-diskriminazzjoni (9).

24.      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli”, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (10), “il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan it-trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament” (11).

25.      Id-deċiżjoni hija komposta minn tliet taqsimiet: i) il-verifika tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet; ii) l-evalwazzjoni tal-iżvantaġġ; iii) il-verifika tal-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi li jippermettu trattamenti differenti.

26.      L-ewwel operazzjoni timplika evalwazzjoni tas-sitwazzjonijiet fattwali, li hija intiża sabiex tiddetermina jekk humiex sitwazzjonijiet paragunabbli, anki jekk mhux identiċi (12).

27.      Fejn titqies li ġiet stabbilita l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet fattwali, il-qorti nazzjonali tintalab tikkonstata l-eżistenza ta’ żvantaġġ għad-detriment tal-ħaddiem għal żmien determinat (it-trattament “inqas favorevoli”). Ser napprofondixxi dan l-aspett fil-punti li ġejjin sabiex nidentifika korrettament is-sitwazzjoni ġuridika li hija s-suġġett tad-differenza fit-trattament.

28.      Huwa biss fl-ipoteżi fejn l-ewwel żewġ stadji jkollhom eżitu pożittiv li l-qorti nazzjonali tkun obbligata tivverifika r-repetizzjoni ta’ raġunijiet oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw id-differenza fit-trattament.

3.      Issitwazzjoni ġuridika li hija s-suġġett talallegata diskriminazzjoni: ittrattament “inqas favorevoli”

29.      Ladarba ġew iċċarati l-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola 4, għandha tiġi identifikata s-sitwazzjoni legali li hija s-suġġett tal-allegata differenza fit-trattament imsemmija fil-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, li, kif ser naraw, b’rabta mal-protezzjoni kollha offruta lill-ħaddiem għal żmien determinat, tikkostitwixxi l-punt deċiżiv għall-evalwazzjoni tal-possibbiltà ta’ interpretazzjoni konformi.

30.      Mill-proċess jirriżulta li l-Artikolu 30(4) tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprevedi l-obbligu li “[jiġu indikati] r-raġunijiet li jiġġustifikaw it-terminazzjoni” fil-każ ta’ “terminazzjoni bi preavviż ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat” jew it-“terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol mingħajr preavviż”.

31.      Il-leġiżlatur Pollakk, wara li impona, fil-paragrafu 3, il-forma bil-miktub ta’ xoljiment tat-tipi kollha ta’ kuntratt (bi preavviż jew mingħajr), kellu għalhekk l-intenzjoni li jillimita l-obbligu tal-indikazzjoni formali tar-raġunijiet biss għall-każ ta’ terminazzjoni mingħajr preavviż (ta’ kuntratt għal żmien determinat jew indeterminat). Minn dan isegwi li l-imsemmi obbligu formali li jiġu indikati r-raġunijiet għat-terminazzjoni ma japplikax fil-każ ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat bi preavviż.

32.      Madankollu, minn dan il-fatt ma jistax jiġi dedott li l-leġiżlatur Pollakk kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi sistema differenti ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija mhux iġġustifikata għall-ħaddiema għal żmien determinat meta mqabbla mal-ħaddiema għal żmien indeterminat.

33.      Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn l-aspett (sostanzjali) tal-protezzjoni tal-ħaddiem kontra t-tkeċċija mhux iġġustifikata – li jikkonsisti fil-ħtieġa li l-ħaddiem b’kuntratt għal żmien determinat ma jkunx jista’ jitkeċċa għal raġuni diskriminatorja jew illegali – u l-aspett (formali) li jikkonsisti fl-obbligu li jiġu indikati jew le fl-att ta’ terminazzjoni r-raġunijiet li fuq il-bażi tagħhom il-persuna li timpjega tkun iddeċidiet li tittermina l-kuntratt ante tempus.

34.      L-unika dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tagħti lill-ħaddiem protezzjoni kontra t-tkeċċijiet (individwali) illegali tinsab fl-Artikolu 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”).

35.      Din tipprovdi li “Kull ħaddiem għandu d-dritt għall-protezzjoni kontra tkeċċija inġusta, skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”.

36.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju, fl-analiżi tagħha, tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 30 tal-Karta iżda dan huwa minħabba l-fatt li, fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-leġiżlazzjoni nazzjonali teskludi “bħala prinċipju, il-possibbiltà ta’ verifika mill-qorti industrijali inkwistjoni dwar jekk it-tkeċċija ta’ ħaddiem ingaġġat b’kuntratt għal żmien determinat hijiex iġġustifikata” (13). Fil-punt segwenti ser neżamina kif huwa proprju minn din iċ-ċirkustanza – il-possibbiltà jew le għall-qorti nazzjonali li tivverifika l-ġustifikazzjoni tat-tkeċċija ta’ ħaddiem għal żmien determinat – li hija s-suġġett ta’ pożizzjonijiet kuntrarji fil-ġurisprudenza Pollakka, li tirriżulta l-possibbiltà jew le ta’ interpretazzjoni konformi.

37.      Il-kontenut leġiżlattiv tad-dispożizzjoni jirreferi għall-protezzjoni kontra l-“assenza ta’ ġustifikazzjoni” tat-tkeċċija u mhux għall-aspetti (formali) tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet tal-persuna li timpjega.

38.      Li jiġi żgurat li l-persuna li timpjega tkun obbligata tinforma lill-ħaddiem, fl-att ta’ terminazzjoni, dwar ir-raġunijiet li fuqhom hija formalment ibbażata t-tkeċċija ma huwiex ekwivalenti, fil-fatt, għal żgurar tal-protezzjoni effettiva tagħhom.

39.      Fid-dawl tal-effett utli tad-Direttiva 1999/70, huwa pjuttost fundamentali li l-ħaddiem jitqiegħed f’pożizzjoni fejn ikun jista’ effettivament jivverifika minn qorti terza l-fondatezza tar-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata t-tkeċċija.

40.      Żgur li ma jistax jiġi miċħud, kif indikat il-Kummissjoni Ewropea, li l-komunikazzjoni preventiva tar-raġunijiet tippermetti lill-ħaddiem jeżerċita iktar malajr id-dritt tiegħu ta’ difiża: fil-fatt, huwa ma għandux jistenna l-fażi ġudizzjarja sabiex ikun jaf ir-raġunijiet għat-tkeċċija.

41.      Madankollu, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix speċifikament fuq l-Istati Membri li jobbligaw lill-persuna li timpjega timmotiva espressament it-tkeċċija fl-att tat-terminazzjoni, kif irrilevat ir-Repubblika tal-Polonja fl-osservazzjonijiet tagħha (14).

42.      Għalhekk, ser nipproċedi għall-aħħar fażi tal-analiżi tiegħi dwar l-ewwel domanda preliminari: l-ordinament ġuridiku Pollakk jippermetti protezzjoni effettiva tal-ħaddiem għal żmien determinat fil-każ ta’ terminazzjoni ante tempus, anki fl-assenza ta’ komunikazzjoni formali preventiva tar-raġunijiet?

4.      Issistema ta’ protezzjoni stabbilita millordinament ġuridiku Pollakk talħaddiem għal żmien determinat

43.      Fir-rigward ta’ dan l-aspett speċifiku tal-analiżi tiegħi, iltqajt ma’ pożizzjonijiet differenti bejn l-affermazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju u dawk esposti mill-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta.

44.      Jidher li essenzjalment, fil-fatt, hemm ukoll xi inċertezza fil-ġurisprudenza nazzjonali u, fuq kollox, xi inkoerenza fid-digriet tal-qorti tar-rinviju.

45.      Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tfakkar li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) irrikonoxxiet, fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Mejju 2019 (I PK 41/18), il-possibbiltà għall-qorti li teżamina mill-ġdid u tevalwa r-raġunijiet ta’ xoljiment ta’ kuntratt għal żmien determinat, filwaqt li kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 30(4) tal-Kodiċi tax-Xogħol mad-dritt tal-Unjoni.

46.      F’każ ieħor, barra minn hekk, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) iddeċidiet li l-qorti industrijali kompetenti tista’ wkoll teżamina x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat mill-perspettiva tal-possibbiltà ta’ ksur tal-għan soċjo-ekonomiku tal-liġi jew tal-prinċipji tal-ħajja soċjali (Artikolu 8 tal-Kodiċi tax-Xogħol) jew tal-eżistenza ta’ kwalunkwe differenza fit-trattament jew ta’ diskriminazzjoni fir-rigward tal-impjegat ipprojbita mil-liġi fil-każ previst fl-Artikolu 113 u fl-Artikolu 183a tal-Kodiċi tax-Xogħol, dispożizzjonijiet li, konsegwentement, ma humiex kuntrarji għall-Artikolu 2 (jiġifieri l-prinċipju tal-Istat tad-dritt demokratiku) u l-Artikolu 32 (li jistabbilixxi l-prinċipju tal-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fil-ħajja politika, soċjali jew ekonomika għal kwalunkwe raġuni) tal-Kostituzzjoni Pollakka.

47.      Min-naħa l-oħra, l-istess qorti tar-rinviju ssostni, fil-punt 34 tad-digriet, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kontenzjuża teskludi, bħala prinċipju, il-possibbiltà ta’ stħarriġ mill-qorti industrijali tal-ġustifikazzjoni tat-tkeċċija ta’ ħaddiem ingaġġat fuq il-bażi ta’ kuntratt għal żmien determinat.

48.      Il-Gvern Pollakk osserva (15), b’iktar preċiżjoni u f’ħafna dettall, kif, fis-sistema tad-dritt Pollakk, l-assenza ta’ obbligu għall-persuna li timpjega li tikkomunika r-raġunijiet ma tawtorizzahiex tkeċċi lill-ħaddiem b’mod mhux iġġustifikat. Fil-fatt, quddiem il-qorti, il-persuna li timpjega għandha tiddikjara r-raġunijiet għat-tkeċċija, jekk tintalab tagħmel dan.

49.      Għal dan l-għan, ikun biżżejjed li l-ħaddiem jipproduċi provi “prima facie” li jippermettu li tiġi preżunta n-natura diskriminatorja jew abbużiva tat-terminazzjoni fejn din tmur kontra l-koabitazzjoni soċjali jew l-għan soċjo-ekonomiku tad-dritt (16).

50.      F’dan il-punt, hija l-persuna li timpjega li għandha turi l-fondatezza tar-raġunijiet li hija stess tkun indikat fuq talba tal-qorti.

51.      Dejjem skont il-Gvern Pollakk, ir-rit previst għat-tilwim industrijali jiżgura wkoll protezzjoni effettiva lill-ħaddiema għal żmien determinat, essenzjalment analoga għal dik tal-ħaddiem għal żmien indeterminat: il-qorti industrijali hija qorti speċjalizzata, l-aċċess għall-qorti huwa b’xejn, is-setgħat ex officio tal-qorti huma pjuttost wiesgħa u, jidher li, jippermettu protezzjoni effikaċi tal-parti l-iktar dgħajfa fir-relazzjoni.

52.      Anki l-Kummissjoni (17), filwaqt li hija kritika fir-rigward tal-għażla tal-leġiżlatur Pollakk, tirrikonoxxi fl-osservazzjonijiet tagħha l-possibbiltà li tipproċedi għal interpretazzjoni konformi.

53.      Il-qorti tar-rinviju, minflok, kif intqal, jidher li ttendi lejn in-nuqqas ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni iżda, fil-fehma tiegħi, fuq il-bażi ta’ rabta awtomatika mhux murija: fit-test tal-ewwel domanda preliminari, l-assenza ta’ stħarriġ mill-qorti fuq ir-raġunijiet tat-terminazzjoni hija marbuta (“konsegwentement”) mal-assenza ta’ indikazzjoni tar-raġunijiet fl-att tat-terminazzjoni. Jidher għalhekk li l-qorti tar-rinviju tissuġġetta d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tad-dritt Pollakk mad-dritt tal-Unjoni, mill-perspettiva tal-obbligu li jiġu indikati r-raġunijiet għat-terminazzjoni, preċiżament fuq il-fatt li l-assenza ta’ dan l-obbligu għall-kuntratti għal żmien determinat “twassal” għall-assenza ta’ “stħarriġ ġudizzjarju tal-leġittimità tat-terminazzjoni”.

54.      Huwa evidenti li kieku dan kellu jkun il-każ, jiġifieri li l-assenza ta’ obbligu għall-persuna li timpjega li tindika r-raġunijiet fl-att ta’ terminazzjoni jkollha bħala konsegwenza (awtomatika) l-assenza għall-qorti ta’ setgħa ta’ evalwazzjoni tal-fondatezza u tal-legalità tat-tkeċċija, id-dispożizzjoni nazzjonali tkun mingħajr dubju kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.

55.      F’każ kuntrarju, fil-fehma tiegħi, fejn il-qorti nazzjonali tikkonstata ċ-ċirkustanzi segwenti, li lkoll jikkonverġu favur protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-ħaddiem għal żmien determinat, mhux essenzjalment inqas meta mqabbla mal-ħaddiem għal żmien indeterminat (li huwa l-għan tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni skont il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas), ikun hemm lok għal interpretazzjoni konformi: il-possibbiltà għall-ħaddiem li jinvoka ġudizzjarjament in-natura diskriminatorja u l-illegalità tat-tkeċċija mwettqa; proċedura ġestita minn qorti speċjalizzata b’setgħat inċiżivi ex officio sabiex timponi fuq il-persuna li timpjega, fuq il-bażi ta’ sempliċi allegazzjoni tal-ħaddiem li ttendi għar-rikonoxximent tan-natura diskriminatorja tat-tkeċċija, il-prova tal-legalità tar-raġunijiet tat-terminazzjoni; aċċess għall-qorti b’xejn u mingħajr formaliżmi partikolari ta’ natura obbligatorja.

56.      Osservazzjoni tal-aħħar dwar fatt li rriżulta fis-seduta: hemm inizjattiva leġiżlattiva intiża biex temenda d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tax-Xogħol sabiex titneħħa d-distinzjoni attwali, f’dak li jikkonċerna l-obbligu li jiġu indikati r-raġunijiet ta’ terminazzjoni, bejn il-kuntratt għal żmien determinat u l-kuntratt għal żmien indeterminat. Filwaqt li hija apprezzata l-inizjattiva tal-leġiżlatur Pollakk, nikkunsidra li din iċ-ċirkustanza hija irrilevanti għall-finijiet tal-analiżi mwettqa, peress li din tista’ sempliċement tixhed ir-rieda tal-leġiżlatur Pollakk li jneħħi kull dubju interpretattiv possibbli u mhux neċessarjament li tkun indizju tan-nuqqas ta’ konformità attwali tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ mad-dritt tal-Unjoni.

57.      Għalhekk inqis, fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, li l-qorti tar-rinviju tista’ effettivament tesplora l-possibbiltà ta’ interpretazzjoni konformi, billi tapplika kriterji esposti iktar ’il fuq.

5.      Ir“raġunijiet oġġettivi” sabiex tiġi eskluża lapplikazzjoni talprinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

58.      Kif indikat iktar ’il fuq, fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tqis li ma tistax tipproċedi għal interpretazzjoni konformi fuq il-bażi tal-evalwazzjoni dwar it-trattament inqas favorevoli, jifdal li tiġi eżaminata l-possibbiltà li tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ “raġunijiet oġġettivi”.

59.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” jeżiġi li d-differenza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ impjieg inkwistjoni, fil-kuntest partikolari li fih tinsab u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din id-differenza tweġibx għal bżonn veru, hijiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u hijiex neċessarja għal dan l-għan (18).

60.      Ir-riferiment għas-sempliċi natura temporanja tar-relazzjoni tax-xogħol ma jiddeterminax minnu nnifsu raġuni oġġettiva (19). Affermazzjoni kuntrarja tkun tfisser li jsiru irrilevanti l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-Ftehim Qafas. Il-Kummissjoni tikkontesta, preċiżament fuq il-bażi ta’ dan l-argument, l-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi (20). Ir-Repubblika tal-Polonja, fl-osservazzjonijiet kif ukoll fis-seduta, issostni minflok li dawn għandhom jinsabu fir-raġunijiet ta’ politika industrijali li jistgħu jiġġustifikaw differenza fit-trattament, b’mod partikolari fin-neċessità ta’ iktar flessibbiltà meħtieġa mis-suq tax-xogħol (21). Essenzjalment, jidher li qiegħda tirreferi għal kriterju ġenerali u astratt relatat mat-tul tax-xogħol innifsu.

61.      Fil-fehma tiegħi, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata u tal-elementi fil-proċess, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, ma jistgħux jintlaqgħu l-argumenti tal-Gvern Pollakk li jgħidu li l-fatt li jiġu previsti jew le obbligi ta’ motivazzjoni għat-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat u tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat huwa ġġustifikat mill-funzjoni soċjali u ekonomika differenti ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ kuntratti u mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali tal-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri l-impjieg sħiħ u produttiv.

B.      Ittieni domanda preliminari

62.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas tistax tiġi invokata mill-partijiet f’kawża li fiha ż-żewġ partijiet huma persuni privati.

63.      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-preeminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt tal-Istati Membri u jimponi fuq l-istituzzjonijiet kollha tal-Istati Membri li jagħtu effikaċja sħiħa lid-diversi regoli tal-Unjoni, peress li d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jippreġudika l-effikaċja rrikonoxxuta lil dawn id-diversi regoli fit-territorju tal-imsemmija Stati. B’mod partikolari, dan il-prinċipju jimponi fuq il-qrati nazzjonali, sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni, li jinterpretaw, sa fejn ikun possibbli, id-dritt intern tagħhom b’mod konformi mad‑dritt tal-Unjoni u li jirrikonoxxu lill-individwi l-possibbiltà li jiksbu kumpens meta d-drittijiet tagħhom jiġu ppreġudikati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil Stat Membru (22).

64.      B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li qorti nazzjonali, meta tkun adita b’kawża esklużivament bejn individwi, hija marbuta, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern adottati sabiex jiġu trasposti l-obbligi previsti minn direttiva, li tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u li tinterpretahom, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll fid-dawl tal-għan finali ta’ din id-direttiva sabiex twassal għal soluzzjoni konformi mal-għan tagħha (23).

65.      Madankollu, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa suġġett għal ċerti limiti. Fil-fatt, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern tagħha stess huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (24).

66.      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, fl-assenza tal-possibbiltà ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi li l-qorti nazzjonali inkarigata milli tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt, għandha tiżgura l-effett sħiħ tagħhom billi jekk ikun meħtieġ ma tapplikax, anki fuq il-bażi tal-inizjattiva tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk sussegwenti, li tkun kuntrarja, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha permezz tal-proċess leġiżlattiv jew ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (25).

67.      B’dan premess, għandhom, barra minn hekk, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi essenzjali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, in-natura u l-effetti ġuridiċi tad-direttivi (26). Direttiva, li d-dispożizzjonijiet tagħha huma ċari, preċiżi u inkundizzjonati, għandha effetti diretti fil-konfront tal-Istat, jiġifieri “effetti diretti vertikali” (27). Madankollu direttiva ma tistax minnha nnifisha timponi obbligi fuq individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali kontrih quddiem qorti nazzjonali (28). Fil-fatt, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, in-natura vinkolanti ta’ direttiva, li fuqha hija bbażata l-possibbiltà li din tiġi invokata, teżisti biss fil-konfront ta’ “l-Istati Membri”, u l-Unjoni għandha s-setgħa li tistabbilixxi, b’mod ġenerali u astratt, b’effett immedjat, obbligi taċ-ċittadini biss fejn tiġi attribwita lilha s-setgħa li tadotta regolamenti.

68.      Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk tkun ċara, preċiża u inkundizzjonata, dispożizzjoni ta’ direttiva ma tippermettix lill-qorti nazzjonali twarrab dispożizzjoni tad-dritt intern tagħha li tmur kontriha, jekk, b’dan il-mod, jiġi impost obbligu addizzjonali fuq individwu (29).

69.      Lura għall-kawża ineżami, il-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas għandha, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “effetti diretti vertikali” (30), iżda, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, ma jistax ikollha “effetti diretti orizzontali”, u għalhekk mill-Ftehim Qafas u mid-Direttiva 1999/70 il-ħaddiem ma jistax jislet dritt li jista’ jinvoka fil-konfront ta’ persuna li timpjega quddiem qorti nazzjonali.

70.      F’dan l-istadju, għandu jiġi vverifikat jekk dritt li jiġi invokat kontra l-persuna li timpjega jistax jitnissel direttament mill-Karta, li tagħha l-klawżola 4(1) iċċitata iktar ’il fuq hija modalità ta’ implimentazzjoni. B’hekk, nidħlu fil-qasam delikat tal-effetti diretti orizzontali li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, f’ċerti każijiet limitati, lil ċerti dispożizzjonijiet tal-Karta. Id-dispożizzjonijiet tal-Karta li jistgħu jiġu invokati fil-kawża ineżami huma l-Artikoli 21 (nondiskriminazzjoni), 20 (ugwaljanza quddiem il-liġi), 30 (dritt għall-protezzjoni kontra kull tkeċċija inġustifikata) u 47 (dritt għal rimedju effettiv u għal qorti imparzjali).

71.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-effett dirett orizzontali tal-Artikolu 21 (31). Madankollu f’dawn is-sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal fatturi ta’ diskriminazzjoni espressament imsemmija mid-dispożizzjoni ċċitata, bħall-età u r-reliġjon. Il-kwistjoni li għandha tiġi ċċarata hawnhekk hija jekk l-Artikolu 21 ikoprix ukoll id-diskriminazzjoni bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat, jiġifieri diskriminazzjoni bbażata fuq kriterju soċjo-ekonomiku.

72.      L-ewwel aspett li għandu jiġi enfasizzat huwa li l-awturi tal-Karta deliberatament (32) għażlu lista mhux eżawrjenti tar-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni msemmija fl-Artikolu 21, kif juri l-użu tat-terminu “[fost oħrajn]”, li jwassal sabiex jiġi aċċettat li raġunijiet ta’ diskriminazzjoni differenti minn dawk espressament imsemmija minn din id-dispożizzjoni jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

73.      Madankollu, li jiġi aċċettat li l-elenkar tar-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni ma huwiex eżawrjenti ma jfissirx li din hija lista totalment indeterminata li tinfetaħ għall-iktar raġunijiet differenti ta’ diskriminazzjoni. F’dan ir-rigward, it-teknika leġiżlattiva użata hija elokwenti. L-awturi tal-Karta stabbilixxew il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ ċerti raġunijiet espressament indikati, li ma humiex l-uniċi, għaliex l-elenkar huwa ppreċedut mill-espressjoni “in particolare”, fil-verżjoni Taljana (bil-Franċiż “notamment”, bl-Ingliż “such as”, bl-Ispanjol “en particular”, bil-Ġermaniż “insbesondere”). Madankollu din l-espressjoni jekk minn naħa tindika li l-elenku tar-raġunijiet ma huwiex eżawrjenti, min-naħa l-oħra tindika li r-raġunijiet espressament indikati huma l-eżemplifikazzjoni tat-tip ta’ diskriminazzjoni kkontemplata fl-Artikolu 21. Raġunijiet oħra ta’ diskriminazzjoni ikunu koperti mid-dispożizzjoni sakemm ikunu omoġenei għal dawk imsemmija fid-dispożizzjoni stess.

74.      Jekk wieħed jara r-raġunijiet espressament indikati, huwa faċli li jiġi kkonstatat li kollha jirreferu għal diskriminazzjonijiet li jaffettwaw id-dinjità tal-bniedem. Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon, it-twemmin, il-fehmiet personali, l-opinjonijiet politiċi jew ta’ kwalunkwe natura oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-patrimonju, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali huma lkoll marbuta mal-valur tad-dinjità tal-bniedem.

75.      F’dan is-sens, huwa possibbli li l-Artikolu 21 tal-Karta jiġi kkunsidrat bħala speċifikazzjoni tad-dinjità umana li biha tibda l-lista tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat UE. Valuri li, bħalma ċċarat il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari fir-rigward tal-“Istat tad-dritt” (33) u s-“solidarjetà” (34), ma humiex biss linji gwida ta’ ordni politiku. Għall-kuntrarju, dawn għandhom effikaċja ġuridika vera u proprja u huma ppreċiżati f’ċerti prinċipji ġenerali fil-livell tad-dritt primarju stess u sussegwentement f’regoli iktar iddettaljati.

76.      Il-valur tad-dinjità tal-bniedem huwa l-vera Grundnorm tal-kostituzzjonaliżmu Ewropew ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, b’kuntrast mal-orruri tat-totalitarjaniżmi li kienu ċaħdu kull valur għall-persuna umana. Id-dinjità tal-bniedem, li hija ċentrali fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri u li hija koerentement fil-bażi tal-identità kostituzzjonali tal-Unjoni, torjenta l-interpretazzjoni tad-dritt primarju u tiddetermina s-saħħa espansiva tal-prinċipji li fihom hija speċifikata, bħalma huwa preċiżament il-każ f’dak li jirrigwarda l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni. Madankollu fl-istess ħin, hija timmarka l-limiti, billi tagħti kopertura kostituzzjonali lill-effett orizzontali tad-dritt imsemmi fl-Artikolu 21, li fih huwa kkonkretizzat il-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, meta r-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni jkunu relatati ma’ preġudizzju għad-dinjità tal-bniedem.

77.      Konsegwentement, fost ir-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni koperti mill-Artikolu 21 tal-Karta, ma jistax ikun hemm post għal wieħed ta’ natura soċjo-ekonomika, bħal dak li jikkonċerna l-istatus tal-ħaddiem jew it-tip ta’ relazzjoni kuntrattwali li torbtu mal-persuna li timpjega.

78.      Din il-konklużjoni hija kkorroborata minn tliet kunsiderazzjonijiet addizzjonali. Fl-ewwel lok, dejjem fir-rigward tat-teknika leġiżlattiva użata fl-Artikolu 21 tal-Karta, għandu jiġi osservat li l-esklużjoni ta’ katalgu eżawrjenti tar-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni pprojbiti ma ssarrafx fl-adozzjoni ta’ “klawżola ġenerali” jew dak li d-duttrina Ġermaniża ssejjaħlu “kunċett ġuridiku indeterminat” (unbestimmter Rechtsbegriff), bħal, pereżempju, il-“bona fide”, l-“urġenza”, is-“sigurtà pubblika”, li huma intrinsikament elastiċi u li jistgħu jiġu attribwiti tifsiriet li jinbidlu, li jadattaw ruħhom għat-tibdiliet tal-ordinament ġuridiku u tal-kuxjenza soċjali nnifisha. Għall-kuntrarju, l-awturi tal-Karta indikaw ċerti raġunijiet ta’ diskriminazzjoni, fejn kull wieħed huwa meqjus bħala speċifikazzjoni (“[fost oħrajn]”) ta’ ċertu tip ta’ diskriminazzjoni, preċiżament dik li tirrigwarda d-dinjità tal-bniedem.

79.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet repetutament is-setgħa tagħha li testendi n-numru ta’ raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta (35).

80.      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-“[i]Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali” jippreċiżaw li l-Artikolu 21 “Safejn jikkorrispondi ma’ l-Artikolu 14 tal-KEDB, japplika b’mod konformi miegħu”. Issa, il-Qorti EDB, billi bbażat ruħha fuq il-klawżola “kwalunkwe kundizzjoni oħra”, estendiet il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għall-każijiet fejn id-differenza tkun ibbażata fuq l-identità tal-ġeneru (36), kif ukoll fuq l-orjentazzjoni sesswali (37), id-diżabbiltà (38) u, fl-aħħar nett, fuq l-età (39), kollha fatturi relatati mad-dimensjoni tad-dinjità tal-persuna, l-uniċi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni mill-Qorti EDB.

81.      Fl-aħħar nett, jista’ jkun utli li jitfakkar li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 fis-sens li ma jirrigwardax id-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq il-kategorija professjonali (40).

82.      Peress li ġiet eskluża l-applikabbiltà tal-Artikolu 21 tal-Karta għall-kawża ineżami, nistgħu nistħarrġu l-possibbiltà tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza, sa fejn jikkonċerna l-ħaddiema għal żmien determinat, huwa stabbilit mid-Direttiva 1999/70 u b’mod partikolari mill-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas (41). Madankollu, ma jeżistux deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li fihom hemm effett dirett orizzontali ta’ dan l-artikolu. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 20 għandha tiġi eskluża.

83.      Dispożizzjoni tal-Karta għandha effett dirett orizzontali jekk ikollha natura imperattiva u inkundizzjonata. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk eskludiet l-effett dirett orizzontali meta dispożizzjoni, bħal pereżempju l-Artikolu 27, tirreferi għall-każijiet u kundizzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni u mil-leġiżlazzjonijiet u l-prassi nazzjonali (42).

84.      Fil-fatt, anki l-Artikolu 20, minkejja li ma jinkludix riferiment espress għad-dritt tal-Unjoni u għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, ma għandux natura inkundizzjonata u mandatorja. Fil-fatt, dawn l-elementi jippreżupponu li d-dispożizzjoni toħloq dritt għall-individwu li miegħu jikkorrispondi obbligu preċiż fir-rigward ta’ individwu ieħor. Dan ifisser li mill-Karta jista’ jiġi dedott direttament kemm il-kontenut tad-dritt kif ukoll dak tal-obbligu korrispondenti mingħajr ma jkun neċessarju li wieħed jirrikorri għal atti normattivi oħra.

85.      Fil-każ tal-Artikolu 21 tal-Artikolu 31(2) dwar id-dritt għal-leave mħallas, jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti miż-żewġ dispożizzjonijiet iċċitati, l-individwu jgawdi minn dritt b’kontenut preċiż li miegħu jikkorrispondi obbligu ta’ individwu ieħor b’kontenut daqstant preċiż (43).

86.      L-Artikolu 20, b’differenza mid-dispożizzjonijiet li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet effett dirett orizzontali, għandu “struttura miftuħa” li tipprekludi li jiġi direttament dedott dritt suġġettiv u obbligu legali korrispondenti b’kontenut speċifiku, indipendentement mill-interpożizzjoni ta’ att leġiżlattiv.

87.      Fil-fatt, jekk individwu jilmenta mill-fatt li, minkejja li jinsab f’sitwazzjoni differenti minn persuna oħra, il-liġi tissuġġettah għall-istess trattament bħal din tal-aħħar u għalhekk jippretendi trattament differenzjat, il-kontenut eżatt ta’ dan it-trattament ma jistax jiġi dedott mill-Karta u għalhekk anki l-obbligu korrispondenti tal-persuna privata l-oħra jibqa’ indeterminat. F’tali każijiet, ladarba tiġi kkonstatata l-kuntrarjetà tal-att leġiżlattiv (nazzjonali jew tal-Unjoni) mal-prinċipju ta’ ugwaljanza, jirriżulta l-obbligu tal-leġiżlatur, nazzjonali jew Ewropew, li jadatta l-leġiżlazzjoni tiegħu f’dan il-qasam skont marġni ta’ għażla li jista’ jkun ftit jew wisq wiesa’ (44).

88.      Sussegwentement, meta jkun hemm sitwazzjoni kuntrarja fejn persuna tilmenta li ġiet ittrattata b’mod mhux ugwali minkejja l-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli, għandu jiġi osservat kif ir-riżultati tal-eżami ta’ paragun ma humiex awtomatiċi u univoċi. Fil-fatt, huwa diffiċli li jiġi identifikat, b’ċertezza u b’mod awtomatiku, kriterju oġġettiv jew duttrina legali koerenti li tiddetermina meta s-sitwazzjonijiet jitqiesu li huma paragunabbli. Dan ġie rrikonoxxut mill-Avukat Ġenerali Sharpston: “Huwa […] ċar li l-kriterji ta’ xebh u differenzi rilevanti jvarjaw skont il-perspettiva morali fundamentali ta’ persuna jew soċjetà partikolari” (45). L-Avukat Ġenerali rrikonoxxiet frankament li s-sens tagħna ta’ x’inhu dak li jikkostitwixxi differenza rilevanti jew irrilevanti jiddependi minn sensiela ta’ ġudizzji ta’ valur li huma kulturalment u storikament kontinġenti.

89.      Din il-fluwidità mhux dejjem tippermetti li jiġi faċilment previst kif l-eżami tal-paragun jiġi applikat għal ċertu numru ta’ sitwazzjonijiet. Għalhekk, meta jkun involut il-prinċipju ta’ ugwaljanza, ma jkunx possibbli li jitnissel direttament mill-Artikolu 20 tal-Karta l-kontenut konkret tad-dritt tal-individwu li jinvokah u l-obbligu korrispondenti ta’ individwu ieħor li jkun stabbilixxa relazzjoni ġuridika ma’ tal-ewwel, indipendentement mill-intermedjazzjoni ta’ att leġiżlattiv.

90.      Hija pjuttost differenti s-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 21 li fiha huma indikati r-raġunijiet ta’ differenzazzjoni li jagħmlu diskriminazzjoni inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem u għaldaqstant ipprojbita mid-dritt primarju, bil-konsegwenza li l-persuna ddiskriminata tkun tista’ tinvoka d-dritt tagħha li tikseb l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq dawn ir-raġunijiet u l-estensjoni fir-rigward tagħha tat-trattament l-iktar favorevoli.

91.      Barra minn hekk, li kieku d-differenza fit-trattament mhux iġġustifikata bi preġudizzju ta’ persuna privata kienet suffiċjenti sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tinvoka, fl-oqsma fejn tapplika l-Karta, l-Artikolu 20 fil-konfront ta’ individwu ieħor, essenzjalment jitneħħa kull sens mill-Artikolu 21. Fil-fatt, dan tal-aħħar, kif rajna, għandu effett dirett orizzontali li jirrigwarda biss id-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet marbuta mar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, partikolarment dawk imsemmija espressament, u mhux it-tipi kollha ta’ diskriminazzjoni.

92.      F’dak li jirrigwarda d-dritt għal tkeċċija ġġustifikata, lanqas l-Artikolu 30 ma jista’ jkollu effikaċja diretta, peress li l-applikazzjoni tiegħu tiddependi mil-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki nazzjonali (46). Konsegwentement, ma huwiex possibbli li tiġi ipotizzata l-applikazzjoni tal-previżjoni tal-Artikolu 30 kkunsidrata flimkien mal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas.

93.      Kif magħruf, u kif ippreċiżat mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 27 tal-Karta, fir-rigward ta’ struttura kważi identika għal dik tal-Artikolu 30, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-drittijiet fundamentali żgurati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni (47).

94.      Il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70 ma tirrappreżentax l-implimentazzjoni tal-Artikolu 30 tal-Karta u ebda dispożizzjoni sekondarja tad-dritt tal-Unjoni ma tirregola l-aspetti relatati mal-obbligu li jiġu indikati r-raġunijiet kontestwalment mal-att tat-terminazzjoni tal-ħaddiem.

95.      L-obbligu li jiġu indikati r-raġunijiet kontestwalment mal-att ta’ terminazzjoni anki fil-kuntratti għal żmien determinat ma jistax jiġi dedott, bħala regola ta’ dritt direttament applikabbli, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 30 u għaldaqstant, biex nirriproduċi l-kliem tal-Qorti tal-Ġustizzja li jidhru li japplikaw perfettament għall-kawża inkwistjoni, inqis li “l-fatti tal-kawża prinċipali huma differenti minn dawk li wasslu għas-sentenza fil-Kawża C-555/07, Kücükdeveci, sa fejn il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni minħabba l-età, inkwistjoni f’din l-aħħar kawża, stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, huwa biżżejjed, waħdu, biex jagħti lill-individwi dritt suġġettiv invokabbli bħala tali” (48).

96.      Għaldaqstant, l-Artikolu 30 tal-Karta ma jistax, bħala tali, jiġi invokat f’tilwima, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex jiġi konkluż li r-regola nazzjonali, possibbilment mhux konformi mad-Direttiva 1999/70, għandha tiġi invalidata.

97.      Jekk jiġi deċiż li, fil-kawża ineżami, la l-Artikolu 21, la l-Artikolu 20, u lanqas l-Artikolu 30 tal-Karta ma japplikaw, lanqas ma jkun jista’ japplika l-Artikolu 47 tal-Karta.

98.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-effett dirett orizzontali tal-Artikolu 47. Madankollu – tajjeb jiġi enfasizzat – dan l-effett dirett orizzontali dejjem ġie rrikonoxxut flimkien ma’ drittijiet oħra infurzabbli kontra persuna privata. B’mod partikolari, is-sentenza Egenberger irrikonoxxiet effetti diretti orizzontali tal-Artikolu 47, iżda dan l-artikolu ġie applikat b’rabta mal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta u ppreċiżat mid-Direttiva 2000/78 (49). Il-kombinazzjoni, fil-kawża ċċitata, tal-Artikolu 47 u dispożizzjoni oħra tal-Karta li għandha effett dirett orizzontali hija imposta mill-istess struttura normattiva tal-imsemmi Artikolu 47. Fil-fatt dan jirrikonoxxi d-dritt għal rimedju effettiv għal kull persuna “li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni” jkunu ġew miksura.

99.      Għalhekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tippreżupponi li l-persuna privata tkun detentriċi ta’ dritt jew ta’ libertà żgurati mid-dritt tal-Unjoni li tista’ tinvoka quddiem qorti. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta teżamina jekk din id-dispożizzjoni tistax tiġi invokata, tivverifika jekk hemmx dispożizzjoni tad-dritt sostantiv li, f’sitwazzjoni konkreta, tagħti lill-parti inkwistjoni drittijiet li hija tista’ tinvoka quddiem qorti (50).

100. Dan ifisser mhux biss li s-sitwazzjoni inkwistjoni għandha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta – għaliex inkella, il-Karta fl-intier tagħha ma tkunx tapplika – iżda wkoll li l-parti inkwistjoni għandu jkollha dritt jew libertà li jkunu konkreti, protetti mid-dritt tal-Unjoni (51).

101. Din il-kwistjoni ma tqajmitx fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi DI, Bauer u Willmeroth, Cresco Investigation (52), peress li l-Artikoli 21 sa 31 tal-Karta, speċifikati fid-direttivi rispettivi, taw drittijiet materjali lir-rikorrenti u l-Artikolu 47 tal-Karta ma ġiex invokat. Nirrileva wkoll li jistgħu jiġu applikati limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta (53).

102. Il-kundizzjoni indikata fil-punti preċedenti hija assenti fil-kawża ineżami, peress li l-ħaddiem ma għandux dritt skont il-Ftehim Qafas fil-konfront tal-persuna li timpjega u peress li lanqas ma jista’ jislet tali dritt mill-Artikolu 20 jew mill-Artikolu 21 tal-Karta.

IV.    Konklużjoni

103. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Krakowa – Nowej Huty w Krakowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Kraków - Nowa Huta fi Kraków, il-Polonja):

“L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, kif ukoll il-klawżoli Nru 1 u 4 tal-Ftehim Qafas hawn fuq imsemmi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi obbligu fuq il-persuna li timpjega li tipprovdi, bil-miktub, il-motivazzjoni għad-deċiżjoni ta’ terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol biss fir-rigward ta’ kuntratti tax-xogħol konklużi għal żmien indeterminat bil-kundizzjoni li l-qorti nazzjonali tikkonstata, billi tqis bħala possibbli interpretazzjoni konformi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-fondatezza tar-raġunijiet ta’ terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jiġi żgurat u li l-ħaddiem għal żmien determinat jista’ jinvoka protezzjoni ġudizzjarja effettiva fid-dawl tal-kriterji esposti iktar ’il fuq.

Il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat ma tistax tiġi invokata mill-partijiet f’tilwima bejn individwi”.


1      Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2      Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), iktar ’il quddiem id-“Direttiva 99/70”.


3      Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 370).


4      Fil-fatt, l-Artikolu 30(4) tal-Kodiċi tax-Xogħol Pollakk jipprevedi li l-persuna li timpjega għandha tipprovdi r-raġunijiet tat-tkeċċija biss fil-każ ta’ kuntratti għal żmien indeterminat.


5      Peress li r-regoli tal-Kodiċi tax-Xogħol jiddistingwu l-ħaddiema ingaġġati fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat minn dawk ingaġġati fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni tat-terminazzjoni, l-assenza ta’ motivazzjoni fit-tkeċċija kkontestata ma setgħetx titqies bħala diskriminatorja.


6      Il-funzjoni soċjo-ekonomika tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat hija, ġeneralment dik li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet temporanji bħalma huma t-twettiq ta’ proġett tal-impriża purament kontinġenti jew is-sostituzzjoni minħabba mard jew maternità ta’ ħaddiem ieħor.


7      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, (C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 41) u s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 27).


8      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, (C‑574/16, EU:C:2018:390, punti 42, 44 u 45).


9      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, (C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ April 1997, EARL de Kerlast (C‑15/95, EU:C:1997:196, punt 35); tat‑13 ta’ April 2000, Karlsson et (C‑292/97, EU:C:2000:202, punt 39); tas‑6 ta’ Marzu 2003, Niemann (C‑14/01, EU:C:2003:128, punt 49); tat‑30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑87/03 u C‑100/03, EU:C:2006:207, punt 48); tal‑11 ta’ Lulju 2006, Franz Egenberger (C‑313/04, EU:C:2006:454, punt 33); tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Vega González (C‑158/16, EU:C:2017:1014), punt 42); tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 46); tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos (C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 49).


11      Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Valenza (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646), punt 40.


12      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jwettqux xogħol identiku jew simili fis-sens tal-Ftehim Qafas, hemm lok, konformement mal-punt 2 tal-klawżola 3 u mal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli; ara d-digriet tat‑18 ta’ Mejju 2022, Ministero dell’istruzione (Karta ekettronika) (C‑450/21, mhux ippubblikat, EU:C:2022:411, punt 41).


13      Domanda preliminari, punt 34.


14      Osservazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja, punt 31.


15      Il-minuti tas-seduta, p. 2 u osservazzjonijiet bil-miktub fil-punt 23.


16      Osservazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja, punt 25.


17      Osservazzjonijiet bil-miktub, punt 32; anki jekk sussegwentement, fit-tweġiba għal mistoqsijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.


18      Dawn l-elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-funzjonijiet li għat-twettiq tagħhom ġew konklużi kuntratti għal żmien determinat u mill-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru; ara d-digriet tat‑18 ta’ Mejju 2022, Ministero dell’istruzione (Karta elettronika) (C‑450/21, mhux ippubblikat, EU:C:2022:411, punt 45); digriet tat‑22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez, (C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 65).


19      Ara d-digriet tat‑22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez (C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 63).


20      Ara l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punt 24, li jippreċiżaw li “differenza fit-trattament, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol, bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat ma tistax tiġi ġġustifikata minn kriterju li, b’mod ġenerali u astratt, jirreferi għat-tul tax-xogħol innifsu. Jekk jiġi aċċettat li s-sempliċi natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ xogħol hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika tali differenza, dan ikun ifisser li jintilef is-sens tal-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-Ftehim Qafas. Minflok itejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat u jippromwovi l-ugwaljanza fit-trattament imfittxija kemm mid-Direttiva 1999/70 kif ukoll mill-Ftehim Qafas, l-użu ta’ dan il-kriterju jkun jipperpetwa ż-żamma ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat” (ara d-digriet tad‑9 ta’ Frar 2012 fil-Kawża C‑556/11, Lorenzo Martínez, mhux ippubblikat, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Osservazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja, punt 10.


22      Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 53, 54 u 57 u l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq); tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin (C‑261/20, EU:C:2022:33, punti 25 u 26).


23      Ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Faber (C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 33).


24      Ara f’dan is-sens is-sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), u s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein (C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 51).


25      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 59).


27      Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 1995, Francovich (C‑479/93, EU:C:1995:372, punt 11); tal‑11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C‑62/00, EU:C:2002:435, punt 25); tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 103).


28      Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, EU:C:1986:84, punt 48); tal‑14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 20); tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punti 108 u 109); tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 42); is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 36); tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 43).


29      Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530); tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin (C‑261/20, EU:C:2022:33, punti 31, 32 u 33).


30      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 68).


31      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257); tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874); tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43); tad‑19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278).


32      Qabbel mal-lista eżawrjenti tar-raġunijiet li tinsab fl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).


33      Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punti 136 u 232); tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑157/21, EU:C:2022:98, punti 145 u 264).


34      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punti 43, 45 u 49).


35      Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas (C‑13/05, EU:C:2006:456, punt 56); tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 46); tas‑7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et (C‑310/10, EU:C:2011:467); is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova (C‑406/15, EU:C:2017:1989).


36      Il-Qorti EDB, Identoba et vs Il‑Ġeorġja, Nru 73235/12, 12 ta’ Mejju 2015, punt 96.


37      Il-Qorti EDB, Fretté vs Franza, Nru 36515/97, 26 ta’ Frar 2002, punt 32.


38      Il-Qorti EDB, Glor vs L‑Isvizzera, Nru 13444/04, 30 ta’ April 2009, il-Qorti EDB, Guberina vs Il‑Kroazja, Rikors Nru 23682/13, 22 ta’ Marzu 2016.


39      Il-Qorti EDB, Schwizgebel vs L‑Isvizzera, Nru 25762/07, 10 ta’ Ġunju 2010.


40      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et (C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 63).


41      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 20).


42      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punti 45 u 49).


43      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 79).


44      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2010, Chatzi (C‑149/10, EU:C:2010:534, punti 68 u 71).


45      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża Bartsch (C‑427/06, EU:C:2008:297, punt 44).


46      L-Artikolu 30 tal-Karta jagħti lill-ħaddiem id-“dritt għall-protezzjoni kontra tkeċċija inġusta, skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”.


47      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 42).


48      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 47).


49      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punti 75 sa 77).


50      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għal minuri Eġizzjan mhux akkumpanjat) (C‑19/21, EU:C:2022:605, punt 50).


51      Ara l-konklużjonijiet tas‑7 ta’ April 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għal minuri Eġizzjan mhux akkumpanjat) (C‑19/21, EU:C:2022:279, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52      Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278), tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871), tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43).


53      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 60).