Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Settembru 2010 - Evropaïki Dynamiki vs Il-Qorti tal-Ġustizzja

(Kawża T-447/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati)

Konvenuta: Il-Qorti tal-Ġustiżżja

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta li tiċħad l-offerti tar-rikorrenti ppreżentati wara s-sejħa għall-offerti CJ 7/09 "Kuntratti pubbliċi dwar il-provvista ta' servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni" 1 u kull deċiżjoni oħra tal-konvenuta li għandha rabta ma' din, inkluża dik li tagħti l-kuntratti inkwistjoni lill-kuntratturi magħżula;

tikkundanna lill-konvenuta tikkumpensa d-danni lir-rikorrenti għall-proċedura tas-sejħa għal offerti inkwistjoni għall-ammont ta' EUR 5 000 000;

tikkundanna lil-konvenuta tikkumpensa d-danni lir-rikorrenti għat-telf ta' opportunità u għad-dannu għar-reputazzjoni u l-kredibbiltà tagħha għall-ammont ta' EUR 500 000;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kif ukoll għall-ħlas ta' spejjeż sostnuti oħrajn marbuta ma' dan ir-rikors anki jekk jiġi miċħud.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża r-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-konvenuta, tat-12 ta' Lulju 2010, li tiċħad l-offerti ppreżentat wara s-sejħa għal offerti CJ 7/09 għal servizzi fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni u li tagħti l-kuntratti lill-kuntratturi magħżula. Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob kumpens għall-allegat dannu li jirrigwarda l-proċedura ta' għoti ta' kuntratt.

Ir-rikorrenti tressaq l-argumenti li ġejjin sabiex issostni r-rikors tagħha:

L-ewwel nett, ir-rkorrenti ssostni li l-awtorità kontraenti ma osservatx il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni bejn l-offerenti peress li diversi offerenti magħżula ma kinux jirrispettaw il-kriterji ta' esklużjoni; għaldaqstant hija kisret l-Artikoli 93 u 94 tar-Regolament Finanzjarju 2, l-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Implementazzjoni, kif ukoll il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju fil-kuntest taż-żewġ offerti, jiġifieri l-obbligu ta' motivazzjoni billi rrifjutat li tagħti ġustifikazzjoni jew spjegazzjoni suffiċjenti lir-rikorrenti. B'mod partikolari, l-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati mal-offerta magħżula ma ġewx provduti b'mod xieraq. Ġew provduti biss sempliċi marka teknika fuq l-offerta tar-rikorrenti taħt kull wieħed mill-kriterji kif ukoll termini vagi, filwaqt li fir-rigward tal-offerenti magħżula ġie indikat biss li l-offerta ġiet ikkunsidrata bħala ta' kwalità ogħla.

It-tielet nett, ir-rikorrenti sostni li l-konvenuta ma żguratx trattament ugwali lill-offerenti kollha meta stednithom iżuru l-bini tagħha peress li dan l-eżerċizzju ma ppermettilhomx li jikkompetu b'mod ekwu kontra l-kuntrattur li finalment rebaħ dan il-kuntratt.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li billi użat kriterji minbarra dawk permessi mill-Artikolu 138 tar-Regolament Finanzjarju u billi pproċessat data li ma kinitx offerta mir-rikorrenti nnifisha għall-għoti, u billi ħawdet il-kriterji ta' għażla u ta' għoti u billi ma użatx il-kriterji marbuta mal-vantaġġ ekonomiku tal-offerta, il-konvenuta kisret l-Artikolu 97 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 138 tar-Regoli ta' Implementazzjoni.

____________

1 - ĠU 2009/S 217-312293

2 - Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal-25 ta' Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74)