Language of document : ECLI:EU:T:2014:265

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

21 ta’ Mejju 2014 (*)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva NUEVA — Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009— Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-appell fit-terminu — Ambigwità f’verżjoni lingwistika — Interpretazzjoni uniformi — Każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri — Żball skużabbli — Obbligu ta’ viġilanza u ta’ diliġenza”

Fil-Kawża T‑61/13,

Research and Production Company “Melt Water” UAB, stabbilita fi Klaipėda (il-Litwanja), irrappreżentata minn V. Viešūnaitė u J. Stucka, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn V. Melgar u J. Ivanauskas, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tat-3 ta’ Diċembru 2012 (Każ R 1794/2012‑4), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal figurattiv NUEVA bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, D. Gratsias u M. Kancheva (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Frar 2013,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ April 2013,

wara s-seduta tad-9 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-19 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti, Research and Production Company “Melt Water” UAB, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tal-20 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv riprodott hawnhekk:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 32 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ilma minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; ilma minerali (mhux mediċinali); ilma minerali [xorb], ilma minerali; ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; ilma bbottiljat, ilma; ilma mill-għajn; ilma (tax-xorb) (bbottiljat); ilma tax-xorb (bbottiljat); ilma effervexxenti; ilma minerali [xorb], ilma toniku [xorb mhux mediċinali], ilma soda, water table; ilma minerali (mhux mediċinali), ilma mhux effervixxenti; ilma minerali”.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2012, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 3 iktar ʼil fuq, abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (c), kif ukoll l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, għar-raġuni li s-sinjal inkwistjoni kien deskrittiv u nieqes minn karattru distintiv.

5        Fl-aħħar paragrafu tad-deċiżjoni tiegħu li jirrifjuta r-reġistrazzjoni, l-eżaminatur iddikjara, bil-lingwa Litwana, kif ġej:

“Inti għandek id-dritt li tippreżenta appell [bil-lingwa Litwana: ʽapeliacijaʼ] kontra din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 207/2009. Skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009, l-appell [bil-lingwa Litwana:ʽpranešimas apie apeliaciją’] għandu jiġi ppreżentat bil-miktub lill-UASI fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tal-deċiżjoni u nota bil-miktub [bil-lingwa Litwana:ʽrašytinis prašymasʼ] li tispjega l-aggravji għandha tiġi ppreżentata fi żmien erba’ xhur minn din id-data. In-nota [bil-lingwa Litwana:ʽprašymasʼ] hija kkunsidrata bħala ppreżentata biss wara ħlas tal-ispejjeż tal-appell ta’ EUR 800.”

6        Fit-28 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrenti rċeviet in-notifika tad-deċiżjoni tal-eżaminatur.

7        Fil-25 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrenti ppreżentat appell, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur.

8        Fl-4 ta’ Ottubru 2012, l-UASI kkuntattja lir-rikorrenti permezz tat-telefon, peress li osserva li l-ispejjeż tal-appell ma kinux tħallsu. B’ittra tal-istess jum, bi tweġiba għal din l-osservazzjoni, ir-rikorrenti spjegat lill-UASI li mid-deċiżjoni tal-eżaminatur u mill-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 kien jirriżulta li l-imsemmija spejjeż jistgħu jitħallsu sad-data tal-preżentata tan-nota li tispjega l-aggravji, jiġifieri f’terminu ta’ erba’ xhur min-notifika tad-deċiżjoni.

9        Fil-5 ta’ Ottubru 2012, l-UASI bagħat lir-rikorrenti notifika li biha informaha li l-ispejjeż tal-appell ma kinux tħallsu fit-terminu previst, liema terminu, skont l-UASI, skada fit-28 ta’ Settembru 2012. Ir-rikorrenti, mistiedna li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, żammet ma’ dak li qalet fl-ittra tal-4 ta’ Ottubru 2012.

10      Fid-9 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrenti ppreżentat nota fejn spjegat l-aggravji tal-appell tagħha. Fl-l0 ta’ Ottubru 2012, l-UASI rċieva l-ħlas tal-ispejjeż tal-appell, li r-rikorrenti kienet ħallset lejliet.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2012 (iktar ʼil quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI qies bħala li ma sarx l-appell tar-rikorrenti. Huwa, qabel kollox, qies li l-formulazzjoni tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 ġiet riprodotta b’mod korrett fid-deċiżjoni tal-eżaminatur. Huwa sussegwentement iddikjara li l-frażi “[i]-notifika [tal-appell] għandha titqies li ġiet preżentata biss meta l-miżata [l-ispejjeż] tal-appell tkun ġiet imħallsa”, fi ħdan dan l-artikolu tista’ tintrabat biss mal-frażi preċedenti dwar kif isir appell, li jipprovdi terminu ta’ xahrejn, u mhux mal-frażi li jmiss dwar il-preżentata ta’ nota, li tipprovdi terminu ta’ erba’ xhur. Huwa rrileva wkoll li r-Regola 49(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti 17, Vol. 1, p. 189) tiddikjara li, jekk l-ispejjeż kienu tħallsu wara l-iskadenza tat-terminu ta’ appell previst fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009, l-appell huwa meqjus li ma sarx u l-ispejjeż tal-appell jiġu rrimborsata lill-appellanti. Issa, f’din il-kawża, huwa kkonstatat li r-rikorrenti kienet ħallset l-ispejjeż tal-appell fl-10 ta’ Ottubru 2012, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn previst għall-preżentata tal-appell u sabiex jitħallsu l-ispejjeż, li seħħ fit-28 ta’ Settembru 2012. Għaldaqstant, huwa, essenzjalment, qies l-appell bħala li ma sarx, skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009, u ordna r-rimbors tal-imsemmija spejjeż skont ir-Regola Nru 49(3) tar-Regolament Nru 2868/95.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkunsidra l-appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell bħala li sar;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

13      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti

14      Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell jiġi kkunsidrat bħala li sar u b’hekk, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali tordna lill-Bord tal-Appell li tiddikjara l-imsemmi appell bħala li sar.

15      F’dan ir-rigward huwa suffiċjenti li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea kontra d-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-UASI, dan tal-aħħar huwa obbligat, skont l-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009, li jieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-qorti tal-Unjoni. Għaldaqstant, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tindirizza inġunzjonijiet lill-UASI, u li huwa dan tal-aħħar li għandu jasal għall-konsegwenzi mid-dispożittiv u mill-motivi tas-sentenzi tal-qorti tal-Unjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI — Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T‑443/05, Ġabra p. II‑2579, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata].

16      Għaldaqstant huwa inammissibbli l-kap tat-talbiet tar-rikorrenti intiż li l-Qorti Ġenerali tordna lill-UASI li tiddikjara bħala li ma sarx l-appell ippreżentat quddiemu.

 Fuq il-mertu

17      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 40/94. Hija tikkunsidra, essenzjalment, li l-appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell sar, peress li hija ħallset l-ispejjeż tal-appell fit-terminu previst mill-imsemmi artikolu fil-verżjoni Litwana, li hija awtorevoli. Hija ssostni li l-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu bil-verżjoni Litwana tindika b’mod ċar u mingħajr ambigwità li l-ħlas tal-ispejjeż tal-appell huwa marbut mal-preżentata tan-nota li tispjega l-aggravji u għal dan il-għan tippreskrivi terminu ta’ erba’ xhur, u mhux ta’ xahrejn bħal dak għall-preżentazzjoni tal-preżentata tal-att ta’ appell.

18      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

19      L-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Terminu u forma tal-appell”, huwa fformulat kif ġej:

“Għandha tiġi preżentata notifika tal-appell [kontra d-deċiżjonijiet tal-UASI msemmija fl-Artikolu 58 tal-istess regolament; bil-lingwa Litwana ‘pranešimas apie apeliaciją’] bil-miktub lill-[UASI] fi żmien xahrejn wara id-data tan-notifika tad-deċiżjoni appellata. In-notifika [bil-lingwa Litwana: ‘prašymas’] għandha titqies li ġiet preżentata biss meta l-miżata [l-ispejjeż] tal-appell tkun ġiet imħallsa. Fi żmien erba’ xhur wara d-data tan-notifika tad-deċiżjoni, għandha tiġi preżentata dikjarazzjoni [nota] bil-miktub [bil-lingwa Litwana: ‘rašytinis prašymas’] fejn jissemmew ir-raġunijiet tal-appell.”

20      Skont ġurisprudenza stabbilita, ispirata mill-Artikolu 314 KE u mill-Artikolu 55 UE, il-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma ugwalment awtorevoli u għandhom, bħala prinċipju, jingħataw l-istess valur, li ma jistax ivarja skont, b’mod partikolari, l-importanza tal-popolazzjoni tal-Istati Membri li tipprattika l-ilsien inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et, C‑296/95, Ġabra p. I‑1605, punt 36; tal-20 ta’ Novembru 2003, Kyocera, C‑152/01, Ġabra p. I‑13821, punt 32, u tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 2012, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, T‑407/10, punt 39).

21      F’din il-kawża, huwa paċifiku li l-verżjoni Litwana tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 hija awtorevoli, bl-istess mod bħall-verżjonijiet l-oħra ta’ din id-dispożizzjoni fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

22      Dwar il-formulazzjoni tal-verżjoni Litwana tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi rrilevat li, fl-ewwel sentenza tiegħu, it-terminu “pranešimas”, li litteralment ifisser “dikjarazzjoni”, sabiex jindika l-appell li għandu jiġi ppreżentat fl-UASI u, fit-tielet sentenza, it-terminu “prašymas”, li litteralment ifisser “talba”, sabiex jindika n-nota li tispjega l-aggravji. It-tieni sentenza tal-imsemmija formulazzjoni tindika wkoll li n-nota (prašymas) hija kkunsidrata bħala ppreżentata biss wara l-ħlas tal-ispejjeż tal-appell.

23      Issa, għandu jiġi osservat li, fit-tieni sentenza tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009, it-terminu “prašymas” jidher ambigwu. Minn naħa, kif tallega r-rikorrenti, jidher li jirreferi mhux għat-terminu differenti użat fl-ewwel sentenza li jindika l-appell li jiġi ppreżentat fl-UASI, iżda għall-istess terminu identiku użat fit-tielet sentenza sabiex jindika n-nota li tispjega l-aggravji, li jissuġġerixxi b’dan li t-terminu previst għall-ħlas tal-ispejjeż tal-appell huwa, bħal dak għall-preżentata tan-nota, ta’ erba’ xhur. Min-naħa l-oħra, kif isostni l-UASI, il-pożizzjoni tiegħu fit-tieni sentenza tissuġġerixxi li huwa relatat għas-sentenza preċedenti, li tirrigwarda l-appell li jiġi ppreżentat fl-UASI f’terminu ta’ xahrejn, u mhux mas-sentenza sussegwenti, li tirrigwarda n-nota li tispjega l-aggravji.

24      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostnu f’sens oppost il-partijiet fl-atti tagħhom, il-verżjoni Litwana tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 ma hijiex nieqsa minn ambigwità u tqajjem dubji dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħha.

25      Għaldaqstant, għandha tiġi stabbilita l-interpretazzjoni korretta u uniformi tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 u jiġu eżaminati l-konsegwenzi ġuridiċi tal-applikazzjoni f’din il-kawża tal-imsemmi artikolu mill-UASI.

26      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew jingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, metodu bħal dan ikun inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ uniformità ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1998, Institute of the Motor Industry, C‑149/97, Ġabra p. I‑7053, punt 16; tat-3 ta’ April 2008, Endendijk, C‑187/07, Ġabra p. I‑2115, punt 23, u tad-9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et, C‑239/07, Ġabra p. I‑7523, punt 38).

27      Minn naħa, il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni teskludi, f’każ ta’ dubju, li test ta’ dispożizzjoni jiġi kkunsidrat waħdu u teżiġi għall-kuntrarju li jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1979, Koschniske, 9/79, Ġabra p. 2717, punt 6; ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1996, Lubella, C‑64/95, Ġabra p. I‑5105, punt 17, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2011, Prinz Sobieski zu Schwarzenberg vs UASI — British-American Tobacco Polska (Romuald Prinz Sobieski zu Schwarzenberg), T‑271/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata].

28      Min-naħa l-oħra, il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ, f’każ ta’ diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni, li d-dispożizzjoni inkwistjoni tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, Ġabra p. 1999, punt 14; Kyocera, punt 20 iktar ʼil fuq, punt 33, u tat-22 ta’ Marzu 2012, Génesis, C‑190/10, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Issa, minn naħa, fir-rigward tal-verżjonijiet tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari l-ħames lingwi tax-xogħol tal-UASI, għandu jiġi rrilevat li, fil-verżjonijiet bil-Franċiż, bl-Ingliż, bil-Ġermaniż, bit-Taljan u bl-Ispanjol, it-termini “recours”, “notice”, “Beschwerde”, “ricorso” u “recurso” użati fit-tieni sentenza tal-imsemmi artikolu jirreferu b’mod ċar għall-istess terminu identiku użat fl-ewwel sentenza sabiex jirreferi għall-att ta’ appell li għandu jiġi ppreżentat fl-UASI f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni li minnha sar appell, u mhux għat-terminu differenti użat fit-tielet sentenza li jirreferi għan-nota li tispjega l-aggravji f’terminu ta’ erba’ xhur.

30      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istruttura ġenerali u tal-għan tat-tieni sentenza tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi kkunsidrat li hija tikkonsisti f’li tiġi prekluża l-preżentata ta’ appelli purament formali li ma jkunux segwiti minn nota li tispjega l-aggravji, jiġifieri li tiġi skoraġġita l-preżentata ta’ appelli frivoli.

31      Konsegwentement, l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat b’mod uniformi, fis-sens li l-ħlas tal-ispejjeż tal-appell huwa rikjest sabiex l-appell jiġi kkunsidrat bħala li sar, hekk li dan il-ħlas ikun relatat mal-preżentata tal-appell u għandu jsir, bħall-appell, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni appellata. It-terminu ta’ erba’ xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni japplika biss għall-preżentata tan-nota li tispjega l-aggravji, u mhux għall-ħlas tal-ispejjeż tal-appell.

32      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif qal il-Bord tal-Appell fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li din l-interpretazzjoni uniformi hija kkorroborata bir-Regola 49(3) tar-Regolament Nru 2868/95. Din ir-regola, li l-formulazzjoni tagħha hija ċara u nieqsa minn ambigwità kemm bil-Litwan kif ukoll bil-lingwi l-oħra msemmija fil-punt 29, tiddikjara li, jekk l-ispejjeż tal-appell jitħallsu wara li jiskadi l-appell previst fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009, l-appell jitqies li ma ġiex ippreżentat u l-ispejjeż tal-appell jiġu rrimborsati lill-appellanti. Għandu jiġi kkunsidrat li l-espressjoni “l-perjodu ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-appell” hawnhekk jirreferi għat-terminu ta’ xahrejn għall-preżentata tal-appell u mhux għat-terminu ta’ erba’ xhur għall-preżentata tan-nota li tispjega l-aggravji.

33      Rigward l-allegazzjoni tar-rikorrenti, magħmula fl-atti tagħha, li l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 kellu, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, jiġi interpretat bl-iktar mod konformi mal-interessi tagħha, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li din l-allegazzjoni ma tikkostitwixxix ilment indipendenti, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, iżda hija fformulata biss insostenn tal-motiv uniku tagħha, ibbażat fuq ksur tal-imsemmi artikolu, kif kien innutat fil-minuti tas-seduta.

34      Issa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li huwa l-prinċipju ta’ ċertezza legali stess, flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni, li ġiegħel lill-Bord tal-Appell sabiex jinterpreta l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 b’mod uniformi, skont l-interpretazzjoni mfakkra fil-punt 31 iktar ’il fuq, u li pprojbitlu li jagħmel deroga favur ir-rikorrenti. L-imsemmija interpretazzjoni uniformi, peress li hija bbażata fuq il-verżjonijiet ta’ dan l-artikolu eżistenti fil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni kif ukoll fuq l-istruttura ġenerali u l-għan tagħha, hija l-unika waħda konsistenti mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, l-osservanza tat-termini tal-proċedura, b’mod partikolari ta’ appell, hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku, u kull interpretazzjoni barra din l-interpretazzjoni uniformi tista’ taffettwa ħażin iċ-ċertezza legali [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2012, Video Research USA vs UASI (VR), T‑267/11, punt 35, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 2013, Stromberg Menswear vs UASI — Leketoy Stormberg Inter (STORMBERG), T‑451/12, punt 38].

35      Huwa għaldaqstant ġustament li l-Bord tal-Appell fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, interpretat l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 bħala li jirrikjedi li l-ispejjeż tal-appell ikunu tħallsu fit-terminu ta’ xahrejn previst għall-preżentata tal-appell, sabiex dan l-appell ikun ġie kkunsidrat bħala li sar.

36      Dwar l-allegazzjoni tar-rikorrenti li biha l-eżaminatur tal-UASI, fid-deċiżjoni tiegħu, espressament irrepeta fil-verżjoni Litwana tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 mingħajr ma pprovda spjegazzjoni addizzjonali, għandu jiġi rrilevat li, qabel kollox, fin-notifika tad-deċiżjoni tiegħu li jirrifjuta r-reġistrazzjoni (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), l-eżaminatur tal-UASI rriproduċa l-ambigwità li biha hija vvizzjata l-verżjoni Litwana tal-imsemmi artikolu dwar it-terminu għall-ħlas tal-ispejjeż tal-appell, kif ikkonstata iktar ʼil fuq (ara l-punti 22 sa 24), mingħajr ma ġibed l-attenzjoni tar-rikorrenti dwar din l-ambigwità, lanqas fuq id-diverġenza ta’ din il-verżjoni mal-verżjonijiet lingwistiċi awtorevoli l-oħra. Barra minn hekk, l-UASI waqt is-seduta, irrikonoxxa l-eżistenza ta’ din l-ambigwità u ta’ din id-diverġenza, li tagħha huwa qal li ma kienx jaf biha sa din il-kawża, iżda sostna li, fi kwalunkwe każ, il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tal-imsemmija dispożizzjoni ma ġietx ikkontestata.

37      Huwa għalhekk xieraq li jiġi eżaminat jekk, f’din il-kawża, ir-rikorrenti tistax tinvoka r-riproduzzjoni mill-eżaminatur tal-UASI tal-ambigwità li tivvizzja l-legalità tal-verżjoni Litwana tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 sabiex issir deroga għall-interpretazzjoni uniformi tal-imsemmi artikolu u tiġġustifika n-nuqqas tal-ħlas tal-ispejjeż tal-appell fit-terminu previst.

38      Skont ġurisprudenza stabbilita, jista’ jkun hemm deroga mill-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar it-termini ta’ proċedura biss f’ċirkustanzi għal kollox eċċezzjonali, peress li l-applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-regoli tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u l-bżonn li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1985, Cockerill-Sambre vs Il‑Kummissjoni, 42/85, Ġabra p. 3749, punt 10). Kemm jekk tali ċirkustanzi jkunu deskritti bħala ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri jew ukoll ta’ żball skużabbli, huma għandhom, fi kwalunkwe każ, element suġġettiv li jinvolvi l-obbligu, mill-persuna kkonċernata ta’ bona fide, li turi li dejjem użat il-viġilanza u d-diliġenza kollha rikjesti minn operatur normalment avżat sabiex tissorvelja l-iżvolġiment tal-proċedura u tosserva t-termini previsti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il‑Kummissjoni, C‑195/91 P, Ġabra p. I‑5619, punti 31 u 32; tat-22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross vs UASI, C‑426/10 P, Ġabra p. I‑8849, punti 47 u 48, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ April 2011, Doherty vs Il‑Kummissjoni, T‑468/10, Ġabra p. II‑1497, punti 18, 19, 27 u 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Issa, f’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma urietx il-viġilanza u d-diliġenza rikjesti għall-finijiet ta’ sorveljanza u ta’ osservanza tat-terminu previst għall-ħlas tal-ispejjeż tal-appell.

40      Fil-fatt, qabel kollox, għandu jiġi kkunsidrat li applikanti għal trade mark Komunitarja normalment viġilanti u diliġenti kellha tikkonfronta l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 mar-Regola 49(3) tar-Regolament Nru 2868/95 (ara l-punt 32 iktar ʼil fuq), li l-formulazzjoni tagħha hija ċara u nieqsa minn ambigwità, kemm bil-Litwan kif ukoll bil-lingwi l-oħra msemmija fil-punt 29 iktar ʼil fuq, u li tissuġġetta l-formulazzjoni tar-rikors għall-ħlas tal-ispejjeż relatati magħha fit-terminu previst għall-preżentata tar-rikors stess, indipendentement mit-terminu mogħti mill-imsemmi artikolu għall-preżentata ulterjuri tan-nota li tispjega l-aggravji. Barra minn hekk, ir-rikorrenti, fis-seduta, ikkonfermat li kienet taf bl-imsemmija regola fil-mument tal-preżentata tal-appell tagħha.

41      Barra minn hekk, applikanti għal trade mark Komunitarja normalment viġilanti u diliġenti, li, bħar-rikorrenti, għażlet l-Ingliż bħala tieni lingwa fl-applikazzjoni tagħha għal trade mark Komunitarja, setgħet mill-inqas tivverifika l-formulazzjoni tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 fil-verżjoni Ingliża tagħha, li jgħid li “[i]n-notifika għandha titqies li ġiet preżentata biss meta l-miżata [l-ispejjeż] tal-appell tkun ġiet imħallsa” ([t]he notice shall be deemed to have been filed only when the fee for appeal has been paid). L-imsemmija formulazzjoni bil-lingwa Ingliża b’hekk torbot b’mod ċar il-ħlas tal-ispejjeż tal-appell (fee for appeal) mal-formulazzjoni tal-appell (notice of appeal), suġġetta għal terminu ta’ xahrejn, u mhux mal-preżentata tan-nota li tispjega l-aggravji (statement setting out the grounds of appeal), suġġetta għal terminu ta’ erba’ xhur.

42      Min-nuqqas ta’ viġilanza u ta’ diliġenza tar-rikorrenti jirriżulta li hija ma tista’ tinvoka utilment ebda każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri, lanqas ebda żball skużabbli, għall-finijiet li tiġġustifika n-nuqqas tagħha li tħallas l-ispejjeż tal-appell fit-terminu previst [ara, b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-15 ta’ April 2011, Longevity Health Products vs UASI - Biofarma (VITACHRON female), T‑96/11, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 19]. Barra min hekk, ir-rikorrenti ma eċċepiet ebda ilment espressament ibbażat fuq in-natura fortuwita jew skużabbli ta’ dan in-nuqqas.

43      Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti, wara li hija ġiet infurmata mill-UASI bin-nuqqas ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-appell fit-terminu previst u bir-riskju li l-appell tagħha kien konsegwentement ikun iddikjarat bħala li ma sarx, setgħet tagħmel appell quddiem l-UASI stess. Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti riedet issostni li, għalkemm uriet il-viġilanza kollha neċessarja miċ-ċirkustanzi, ma kinitx f’pożizzjoni li tosserva t-terminu ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-appell, hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-proċedura tar-restitutio in integrum quddiem l-UASI u kellha tippreżenta rikors skont l-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 207/2009 [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Mejju 2011, Flaco-Geräte vs UASI — Delgado Sánchez (FLACO), T‑74/10, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 26].

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li kiser l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 meta, skont l-imsemmi artikolu moqri flimkien mar-Regola 49(3) tar-Regolament Nru 2868/95, huwa kkonstata li l-ispejjeż tal-appell kienu tħallsu mir-rikorrenti wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn previst għall-ħlas tagħha u kkonkluda li, peress li naqset milli tosserva dan it-terminu, l-appell tar-rikorrenti kellu jitqies li ma sarx u li l-ispejjeż tal-appell kellhom jiġu rrimborsati lir-rikorrenti.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi miċħud il-motiv uniku bħala infondat u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

46      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu in fine tal-Artikolu 87(3) tal-imsemmija regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż għal raġunijiet eċċezzjonali.

47      F’din il-kawża, għandha tiġi bbilanċjata, minn naħa, il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 u d-dmir ta’ viġilanza u ta’ diliġenza li għandha r-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, l-ambigwità li biha hija vvizzjata l-verżjoni Litwana tal-imsemmi artikolu, kif riprodotta mill-eżaminatur tal-UASI fin-notifika tad-deċiżjoni tiegħu ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni.

48      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens tal-ewwel subparagrafu in fine tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ekwità titlob li l-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u dawk sostnuti mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Novembru 2011, Jones et vs Il‑Kummissjoni, T‑320/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 158, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Novembru 2012, ClientEarth et vs Il‑Kummissjoni, T‑278/11, punt 51).

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn Research and Production Company “Melt Water” UAB.

Jaeger

Gratsias

Kancheva

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Mejju 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Litwan.