Language of document : ECLI:EU:T:2015:597

Kawża T‑503/12

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“FAEGG – Sezzjoni ‘Garanzija’ – FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Skema ta’ pagament uniku – Verifiki ewlenin – Verifiki sekondarji”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal‑4 ta’ Settembru 2015

1.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Finanzjament mill-FAEGG, il-FEAG u l-FAEŻR – Clearance tal-kontijiet – Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż li jirriżultaw minn irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Kontestazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat – Oneru tal-prova – Tqassim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru

(Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005, Artikolu 31(1))

2.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Finanzjament mill-FAEGG, il-FEAG u l-FAEŻR – Clearance tal-kontijiet – Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż li jirriżultaw minn irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa deċiża mill-Kummissjoni konformement mal-linji gwida interni adottati fir-rigward – Applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-imsemmija linji gwida interni fil-kuntest tal-clearance tal-kontijiet tal-fondi minbarra l-FAEGG – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005, Artikolu 31(1))

3.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Finanzjament mill-FAEGG, il-FEAG u l-FAEŻR – Clearance tal-kontijiet – Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż li jirriżultaw minn irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa deċiża mill-Kummissjoni konformement mal-linji gwida interni adottati fir-rigward – Verifiki li ma joffrux il-livell mistenni ta’ regolarità tat-talbiet – Ammissibbiltà tal-applikazzjoni ta’ rata fissa ta’ 5 % fil-każ ta’ nuqqasijiet ikkonstatati f’verifika ewlenija stabbilita minn Stat Membru intiża għall-verifika tas-superfiċji eliġibbli għall-għajnuna finanzjarja

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 1782/2003, Artikoli 36(1), u 44(1) u Nru 1290/2005, Artikolu 31(1))

4.      Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Kundizzjonijiet – Estensjoni ta’ motiv eżistenti – Ammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 44(1)(ċ) u 48(2))

5.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Finanzjament mill-FAEGG, il-FEAG u l-FAEŻR – Clearance tal-kontijiet – Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż li jirriżultaw minn irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa deċiża mill-Kummissjoni konformement mal-linji gwida interni adottati fir-rigward – Konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ numru ta’ nuqqasijiet fis-sistema ta’ verifika implementata minn Stat Membru – Natura mhux kumulattiva tar-rata fissa ta’ korrezzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005, Artikolu 31(1))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 52-54)

2.      Fir-rigward tad-dokument Nru VI/5330/97, adottat mill-Kummissjoni, li jiddefinixxi l-linji gwida għall-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), għalkemm dan inħareġ mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-FAEGG u jinkludi, hekk kif jindika t-titolu tiegħu, il-linji gwida li jirrigwardaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tapplika dan id-dokument ukoll fl-eżerċizzju tal-kompetenzi li l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1290/2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, jattribwilha bil-għan tal-clearance tal-kontijiet tal-Fondi li jiżguraw il-finanzjament tal-politika agrikola komuni.

(ara l-punt 55)

3.      Fir-rigward tal-clearance tal-kontijiet tal-Fondi li jiżguraw il-finanzjament tal-politika agrikola komuni, meta ma jkunx possibbli li jiġi evalwat preċiżament it-telf subit mill-Unjoni, korrezzjoni b’rata fissa tista’ tiġi kkunsidrata mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għall-finijiet tal-kalkolu tal-infiq ineliġibbli, id-dokument Nru VI/5330/97, adottat mill-Kummissjoni, li jiddefinixxi l-linji gwida għall-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji, jipprevedi rata fissa ta’ 5 % meta l-verifiki prinċipali kollha jkunu saru, iżda mingħajr ma tiġi osservata, b’mod partikolari, ir-rigorożità prevista mir-regolamenti applikabbli, peress li jista’ jiġi raġonevolment konkluż li dawn il-kontrolli ma jipprovdux il-livell mistenni ta’ regolarità tat-talbiet u li r-riskju ta’ telf għall-Fondi huwa sinjifikattiv.

Għalhekk, meta d-difetti ta’ verifika ewlenija jaffettwaw il-verifika tas-superfiċji eliġibbli għall-għajnuna finanzjarja, bħal insuffiċjenzi relatati mal-informazzjoni li tinsab fis-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja tal-Art u s-Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika (SIIA‑SIĠ), il-Kummissjoni għandha raġun f’li tapplika l-korrezzjoni b’rata fissa għall-pagamenti kollha magħmula u potenzjalment affettwati bl-insuffiċjenza tal-imsemmija verifika ewlenija. Fil-fatt, mill-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, jirriżulta li l-għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta’ pagament uniku hija mħallsa mid-drittijiet għall-pagament flimkien ma’ numru ugwali ta’ ettari eliġibbli. Bl-istess mod, konformement mal-Artikolu 44(1) tal-imsemmi regolament, kull dritt għall-pagament akkumpanjat b’ettaru eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna jagħti dritt għall-pagament tal-ammont iffissat bid‑dritt. Għalhekk, l-ammont tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta’ pagament uniku jikkorrispondi għas-somma tal-valuri unitarji tad-drittijiet għall-pagament “attivat[i]”, jiġifieri akkumpanjati b’ettari eliġibbli. Għaldaqstant żball fir-rigward tad-determinazzjoni tas-superfiċji eliġibbli fi kwalunkwe każ jaffettwa l-ammont tal-għajnuna. Għalhekk, irregolarità tas-SIIA-SIĠ li taffettwa l-verifiki tal-eliġibbiltà tas-superfiċji ddikjarati tista’ potenzjalment taffettwa kull pagament imwettaq.

Barra minn hekk, mid-dokument Nru VI/5330/97 jirriżulta li r-rata ta’ korrezzjoni għandha tiġi applikata għall-parti tal-infiq li kienet tikkostitwixxi riskju. Meta n-nuqqas jirriżulta min-nuqqas ta’ adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ sistema ta’ verifika adegwata, il-korrezzjoni għandha, minħabba r-raġuni nnifisha tan-natura fissa tagħha, tiġi applikata għall-infiq kollu li jaqa’ taħt il-miżura kkonċernata. Bl-istess mod, skont dan l-istess dokument, meta jkunu jeżistu raġunijiet sabiex jiġi preżunt li n-nuqqas huwa limitat għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ verifika adottata mill-Istat Membru f’żona jew reġjun, il-korrezzjoni għandha tiġi applikata għall-infiq magħmul mill-imsemmija żona jew l-imsemmi reġjun.

Barra minn hekk, l-adegwatezza ta’ rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % applikata għat-totalità tal-infiq magħmul, f’reġjun ta’ Stat Membru hija wisq iżjed neċessarja fid-dawl tal-importanza li għandha ż-żamma regolari tas-SIIA-SIĠ. Fil-fatt, l-identifikazzjoni tal-irqajja tal-art u l-verifika tal-eliġibbiltà tas-superfiċi jikkostitwixxu element ewlieni tal-applikazzjoni korretta ta’ sistema marbuta mas-superfiċji. Insuffiċjenzi tas-SIIA-SIĠ, bħall-preċiżjoni insuffiċjenti tal-informazzjoni li kienet tinsab fihom li taffettwa t-twettiq tal-verifiki amministrattivi u tal-verifiki fuq il-post imwettqa bil-għan li tiġi vverifikata l-eliġibbiltà tas-superfiċji ddikjarati, jimplikaw fihom infushom riskju sostanzjali ta’ dannu għall-baġit tal-Unjoni.

(ara l-punti 55-57, 66, 67, 72)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 95)

5.      Fil-qasam tal-clearance tal-kontijiet tal-Fondi li jiżgura l-finanzjament tal-politika agrikola komuni, mill-Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97, adottat mill-Kummissjoni, li jiddefinixxi l-linji gwida għall-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji, jirriżulta li, meta l-istess sistema tiġġenera diversi nuqqasijiet, ir-rati fissi ta’ korrezzjoni ma jkunux kumulattivi, fejn l-iktar nuqqas serju jitqies li huwa indikattiv tar-riskji ppreżentati mis-sistema ta’ verifika fl-intier tagħha.

(ara l-punt 104)