Language of document : ECLI:EU:T:2014:628

Kawża T‑541/08

Sasol et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tax-xema’ tal-paraffin — Suq tax-xema’ ratba — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq — Responsabbiltà ta’ kumpannija parent għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarji tagħha u minn impriża konġunta miżmuma parzjalment minnha — Influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent — Preżunzjoni fil-każ ta’ żamma ta’ sehem ta’ 100 % — Suċċessjoni ta’ impriżi — Proporzjonalità — Ugwaljanza fit-trattament — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Ċirkustanzi aggravanti — Rwol ta’ mexxej — Limitu tal-multa — Ġurisdizzjoni sħiħa”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Lulju 2014

1.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha — Preżunzjoni konfutabbli — Obbligatorji probatorji tal-kumpannija li tixtieq tikkonfuta din il-preżunzjoni — Ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal- innoċenza — Assenza — Ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali ‑ Assenza

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

2.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta' evalwazzjoni — Applikabbiltà għall-imputazzjoni tar-responsabbiltà lill-kumpanniji parent għall-ksur imwettaq mill-impriża konġunta tagħhom

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

3.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Imputazzjoni tal-aġir antikompetittiv ta’ impriża konġunta lil waħda biss mill-kumpanniji parent tagħha — Kundizzjonijiet — Influwenza determinanti eżerċitata unilateralment mill-imsemmija kumpannija parent — Oneru tal-prova min-naħa tal-Kummissjoni

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004)

4.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni  — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Responsabbiltà insolidum tal-kumpanniji parent attwali tal-kumpannija direttament implikata fil-ksur — Eżenzjoni tal-ex kumpanniji parenti tal-imsemmija kumpannija — Inugwaljanza fit-trattament

(Artikolu 81 KE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 20 u 21; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 — Ksur tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege — Assenza — Natura prevedibbli tal-emendi introdotti mil-linji gwida l-ġodda — Ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività — Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 98/C 9/03 u 2006/C 210/02)

6.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Prova — Prova mogħtija minn numru ta’ indikazzjonijiet differenti tal-ksur — Ammissibbiltà — Użu ta’ sensiela ta’ indizji — Grad ta’ saħħa probatorja neċessarja fir-rigward tal-indizji kkunsidrati individwalment — Provi dokumentali — Kriterji — Kredibbiltà tal-provi prodotti — Obbligi probatorji tal-impriżi li jikkontestaw ir-realtà tal-ksur

(Artikolu 81(1) KE)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Iffissar tal-multa proporzjonalment għall-elementi ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur

(Artikolu 81(1) KE: Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Rwol ta’ mexxej tal-ksur — Kunċett — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 28)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni Portata — Stabbiliment tal-ammont tal-multa

(Artikolu 261 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 29-32, 36, 134-141, 145-150, 153, 154, 163)

2.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent, minħabba l-appartenenza tagħhom fl-istess impriża, meta din is-sussidjarja ma tiddefinixxix b’mod indipendenti l-aġir tagħha fis-suq, għaliex din tinsab taħt l-influwenza determinanti tal-kumpannija parent f’dan ir-rigward.

L-aġir fis-suq tas-sussidjarja huwa taħt l-influwenza determinanti tal-kumpannija parent b’mod partikolari fil-każ fejn is-sussidjarja essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent.

L-aġir fis-suq tas-sussidjarja huwa, bħala prinċipju, ukoll taħt l-influwenza determinanti tal-kumpannija parent meta hija jkollha biss is-setgħa li tiddefinixxi jew tapprova ċerti deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi, jekk ikun neċessarju permezz tar-rappreżentanti tagħha fil-korpi tas-sussidjarja, filwaqt li s-setgħa ta’ definizzjoni tal-politika kummerċjali strictu sensu tas-sussidjarja hija ddelegata lill-membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija inkarigati mill-ġestjoni operattiva tagħha, magħżula mill-kumpannija parent u li jirrappreżentaw u jippromwovu l-interessi kummerċjali tagħha.

Dawn il-prinċipji japplikaw ukoll għall-imputazzjoni tar-responsabbiltà lil kumpannija parent waħda jew iktar għal ksur imwettaq mill-impriża konġunta tagħhom.

(ara l-punti 33-35, 37)

3.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma tistax, sabiex timputa l-aġir antikompetittiv ta’ impriża konġunta lil waħda biss mill-kumpanniji parent tagħha li żżomm iż-żewġ terzi tal-kapital tagħha, skont l-Artikolu 81 KE, tibbaża ruħha fuq is-sempliċi kapaċità ta’ influwenza determinanti tal-imsemmija kumpannija parent, kif ikkunsidrata fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, waqt l-istabbiliment tal-kontroll, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk din l-influwenza ġietx effettivament eżerċitata. Għall-kuntrarju, hija għandha, bħala prinċipju, turi tali influwenza determinanti abbażi ta’ numru ta’ fatti. Dawn il-fatti jinkludu l-kumulu ta’ pożizzjonijiet, mill-istess persuni fiżiċi, fit-tmexxija tal-kumpannija parent u f’dik tas-sussidjarja jew tal-impriża konġunta tagħha, jew il-fatt li dawn il-kumpanniji kienu obbligati jsegwu d-direttivi maħruġa mill-bord tad-diretturi uniku tagħhom mingħajr ma setgħu jadottaw aġir indipendenti fis-suq.

Barra minn hekk, l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minn waħda jew minn diversi kumpanniji parent fuq l-aġir kummerċjali tal-impriża konġunta tista’ tintwera wkoll permezz tal-eżami tal-modalitajiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdanha. Anki jekk is-setgħa jew il-possibbiltà li jiġu ddeterminati d-deċiżjonijiet kummerċjali tal-impriża konġunta taqa’ biss, fiha nnifisha, taħt is-sempliċi kapaċità ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tagħha u, għaldaqstant, taħt il-kunċett ta’ “kontroll” fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni u l-qorti tal-Unjoni jistgħu jippreżumu li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u l-istipulazzjonijiet tal-ftehimiet relatati mal-funzjonament tal-impriża konġunta, b’mod partikolari dawk tal-kuntratt li jistabbilixxi l-impriża konġunta u tal-ftehim bejn l-azzjonisti fuq il-voti, ġew implementati u osservati. F’dan il-każ, l-eżami tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tal-impriża konġunta jista’ jikkonsisti f’analiżi astratta tad-dokumenti ffirmati qabel il-bidu tal-funzjonament tagħha.

Madankollu, peress li l-eżami dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti huwa retrospettiv u jista’ għaldaqstant ikun ibbażat fuq elementi konkreti, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-partijiet ikkonċernati jistgħu jipproduċu l-prova li d-deċiżjonijiet kummerċjali tal-impriża konġunta ġew iddeterminati skont modalitajiet differenti minn dawk li kienu jirriżultaw mill-eżami astratt biss tal-ftehimiet relatati mal-funzjonament tal-impriża konġunta.

Barra minn hekk, meta teżamina l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minn kumpannija parent fuq l-aġir kummerċjali ta’ impriża konġunta, l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod imparzjali, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha prodotti quddiemha mill-partijiet ikkonċernati. Kuntrarjament għas-sitwazzjoni fejn kumpannija parent waħda biss iżżomm il-kapital kollha tas-sussidjarja, fil-każ ta’ impriża konġunta, hija rilevanti l-kwistjoni dwar jekk il-kumpannija parent eżerċitatx influwenza reali fuq it-tmexxija operattiva tagħha. Fil-fatt, f’tali każ, hemm numru ta’ azzjonisti involuti u d-deċiżjonijiet tal-korpi tal-impriża konġunta huma meħuda mill-membri li jirrappreżentaw l-interessi kummerċjali tad-diversi kumpanniji parent, li jistgħu jikkoinċidu, iżda li jistgħu wkoll ikun diverġenti.

F’dan ir-rigward, l-eżami tar-rabtiet organizzattivi bejn l-impriża konġunta u l-kumpannija parent mhux neċessarjament jirrigwarda l-kwistjoni tar-rappreżentazzjoni tal-kumpannija parent li tirriżulta minn mandat formali mogħti minn din tal-aħħar lill-membru tal-eżekuttiv u tat-tmexxija tal-impriża konġunta. Fil-fatt, iktar huwa rilevanti li tittieħed inkunsiderazzjoni r-rappreżentazzjoni, f’sens wiesa’, tal-interessi kummerċjali tal-kumpannija parent u l-influwenza fuq id-deċiżjonijiet tal-korpi tal-impriża konġunta sabiex il-politika kummerċjali tal-imsemmija impriża tkun tirrifletti dik tal-kumpannija parent, li tagħha huma xhieda, b’mod partikolari, kemm il-kumulu ta’ pożizzjonijiet fit-tmexxija tal-kumpannija parent u tal-impriża konġunta, kif ukoll iż-żamma ta’ parti mill-kapital tal-kumpannija parent minn membru tal-eżekuttiv u tat-tmexxija tal-impriża konġunta.

Fil-każ fejn il-Kummissjoni timputa r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn impriża konġunta lil waħda biss mill-kumpanniji parent tagħha, hija għandha turi li l-influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tal-impriża konġunta kienet eżerċitata unilateralment minn din il-kumpannija parent.

(ara l-punti 43, 44, 49, 50, 54, 76, 85, 112)

4.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, meta l-Kummissjoni żżomm responsabbli in solidum il-kumpannija parent attwali tal-kumpannija direttament implikata fi ksur tal-Artikolu 81(1) KE, għall-perijodu wara l-kisba tal-kapital kollu ta’ din i-kumpannija mill-kumpanniji parent attwali, u teżenta, fl-istess ħin, mir-responsabbiltà in solidum lil ex kumpanniji parent li żammew il-kapital kollu tal-kumpannija direttament implikata matul perijodu preċedenti fl-istess ksur, hija tittratta żewġ sitwazzjonijiet paragunabbli b’mod differenti.

Madankollu, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tkun irrikonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità, li jimplika li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa fil-konfront ta’ ħaddieħor. Barra minn hekk, ladarba impriża, bl-aġir tagħha, tkun kisret l-Artikolu 81(1) KE, hija ma tistax tevita kull sanzjoni minħabba li operaturi ekonomiċi oħra ma jkunx ingħataw multa, meta s-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar lanqas ma tkun tressqet quddiem il-qorti tal-Unjoni.

Għalhekk, peress li hija ma wettqitx żball billi imputat lill-kumpanniji parent attwali r-responsabbiltà tal-ksur imwettaq mill-kumpannija direttament implikata matul il-perijodu wara l-kisba tal-kapital kollu tagħha, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tqishom responsabbli, in solidum, għall-imsemmi perijodu.

(ara l-punti 181, 185-187, 194, 196)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 202-214)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 218-239, 265, 291, 427)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 315-319, 405)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 355-360, 375, 384, 393-396, 400)

9.      L-istħarriġ ta’ legalità ta’ deċiżjonijiet adottati mil-Kummissjoni huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa rrikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 229 KE u, issa, skont l-Artikolu 261 TFUE. Din il-ġurisdizzjoni tagħti lill-qorti s-setgħa li, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa jew tal-pagamenti ta’ penalità imposti. Għaldaqstant l-istħarriġ previst mit-Trattati jimplika, skont ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ kemm legali kif ukoll fattwali u li din għandha s-setgħa li tevalwa l-provi, li tannulla d-deċiżjoni kkontestata u li tbiddel l-ammont tal-multi. Madankollu, l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kontradittorja.

Sa fejn l-inugwaljanza fit-trattament attwata mill-Kummissjoni, meta hija tqis responsabbli in solidum il-kumpanniji parent attwali tal-kumpannija direttament implikata fi ksur tal-Artikolu 81(1) KE, għall-perijodu wara l-kisba tal-kapital kollu ta’ din il-kumpannija mill-kumpanniji parent attwali, u teżenta, fl-istess ħin, l-ex kumpanniji parent li żammew il-kapital kollu tal-kumpannija direttament implikata matul perijodu preċedenti fl-istess ksur, flimkien mal-assenza ta’ limitu separat għall-parti tal-multa relatata ma’ dan il-perijodu tal-aħħar tal-impriża konġunta, tista’ taggrava r-responsabbiltà finanzjarja tal-kumpanniji parent attwali għall-ksur imwettaq mill-imsemmija kumpannija direttament involuta, huwa xieraq li l-parti tal-multa imposta fuq din il-kumpannija fir-rigward tal-ksur imwettaq matul l-imsemmi perijodu tiġi llimitata għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha tas-sena ta’ referenza.

Bl-istess mod, sa fejn l-iżbalji ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni li jirrigwardaw l-imputazzjoni tal-aġir antikompetittiv ta’ impriża konġunta lil waħda biss mill-kumpanniji parent tagħha, flimkien mal-assenza ta’ limitu separat għall-parti tal-multa relatata mal-perijodu ta’ impriża konġunta, jistgħu jaggravaw il-konsegwenzi finanzjarji tal-ksur imwettaq direttament mill-imsemmija impriża konġunta fuq din il-kumpannija parent, huwa xieraq li l-parti tal-multa imposta fuq din l-impriża fir-rigward tal-ksur imwettaq matul l-imsemmi perijodu tiġi llimitata għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha tas-sena ta’ referenza.

(ara l-punti 437, 439, 452, 453, 461, 462)