Language of document :

Kawżi magħquda T-57/04 u T-71/04

Budějovický Budvar, národní podnik u Anheuser-Busch, Inc.

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja ? Proċedimenti ta’ oppożizzjoni ? Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva li fiha l-kliem ‘AB’, ‘genuine’, ‘budweiser’, ‘king of beers’ ? Trade mark internazzjonali verbali preċedenti BUDWEISER ? Denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skond il-Ftehim ta’ Liżbona ? Artikolu 8(1)(b) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 ? Aċċettazzjoni u ċaħda parzjali ta’ l-oppożizzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark mhux reġistrata jew ta’ sinjal ieħor li huwa użat fil-kummerċ

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(4))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark mhux reġistrata jew ta’ sinjal ieħor li huwa użat fil-kummerċ

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(4))

1.      L-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja jippermetti li ssir oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja abbażi ta’ sinjal li mhuwiex trade mark preċedenti.

Skond l-Artikolu 8(4) ta’ l-imsemmi regolament, dan is-sinjal għandu jiġi użat fil-kummerċ u m’għandux ikun biss ta’ sinjifikat lokali. Skond id-dritt ta’ l-Istat Membru applikabbli għal dan is-sinjal, id-drittijiet li joħorġu minnu għandhom ikunu nkisbu qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja jew id-data tal-prijorità invokata in sostenn ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Dejjem skond id-dritt ta’ l-Istat Membru applikabbli għal dan is-sinjal, dan ta’ l-aħħar għandu jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiva.

Billi l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jinsab fil-parti ddedikata għar-raġunijiet assoluti ta’ rifjut, u fid-dawl ta’ l-Artikolu 74 ta’ l-istess regolament, l-oneru tal-prova li s-sinjal in kwistjoni jagħti d-dritt li jiġi pprojbit l-użu ta’ trade mark suċċessiva qiegħed fuq min jopponi quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni).

F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali invokata u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Istat Membru kkonċernat. Fuq din il-bażi, min jopponi għandu jipprova li s-sinjal in kwistjoni jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ l-Istat Membru invokat u li huwa jippermetti li jiġi pprojbit l-użu ta’ trade mark suċċessiva. Barra minn dan, fil-kuntest ta’ l-imsemmi Artikolu 8(4), il-prova mressqa minn min jopponi għandha titqiegħed fil-perspettiva tat-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

(ara l-punti 85-86, 88-89)

2.      Ma ġiex ipprovat li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini ČESKOBUDĚJOVICKÉ PIVO (BUDWEISER BIER), BUDĚJOVICKÉ PIVO - BUDVAR (BUDWEISER BIER - BUDVAR), BUDĚJOVICKÝ BUDVAR (BUDWEISER BUDVAR) u BUDĚJOVICKÉ PIVO (BUDWEISER BIER) irreġistrati, għall-birra, ma’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), skond il-Ftehim ta’ Liżbona u użati fil-kummerċ fis-sens ta’ l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, li mhumiex biss ta’ sinjifikat lokali, jagħtu lill-proprjetarju tagħhom, abbażi tad-dritt Franċiż applikabbli, id-dritt li jipprojbixxi l-użu tat-trade mark figurattiva li tinkludi l-elementi verbali “AB”, “genuine”, “budweiser”, “king of beers”, li r-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark Komunitarja hija mitluba għal prodotti li mhumiex birra li jaqgħu fil-klassijiet 16, 21, 25 u 30 skond il-Ftehim ta’ Nizza. Fil-fatt, ma tressqux provi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni għandhom fama fi Franza jew li l-użu ta’ l-isem ġeografiku in kwistjoni, speċifikament għall-prodotti koperti mit-trade mark figurattiva li għaliha saret l-applikazzjoni, jista’ jużurpa jew idgħajjef il-fama – jekk wieħed iqis li din ġiet stabbilita fit-territorju Franċiż – tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini kkonċernati, kif mitlub mid-dritt Franċiż bħala kundizzjoni għall-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skond il-Ftehim ta’ Liżbona kontra l-użu ta’ isem ġeografiku għal prodotti jew servizzi mhux simili.

(ara l-punti 211 u 218)