Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Frar 2011 - AU Optronics vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-94/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: AU Optronics Corp. (Hsinchu, it-Tajwan) (rappreżentanti: B. Hartnett, Barrister u O. Geiss, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010)8761 finali tat-8 ta' Diċembru 2010 fil-Każ COMP/39.309 - LCD - Liquid Crystal Displays, sa fejn tirrigwarda lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq tmien motivi.

1.    L-ewwel motiv jallega li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi, suffiċjentment skont il-liġi u sal-livell ta' prova mixtieq, li l-Kummissjoni kellha l-ġurisdizzjoni li tapplika l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, peress li:

Il-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni territorjali;

Il-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi li l-allegat ftehim kellu effett immedjat, sostantiv u previdibbli fiż-ŻEE

2.    It-tieni motiv jallega li l-Kummissjoni manifestament wettqet żball ta' liġi u ta' fatt meta applikat l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

3.    It-tielet motiv jallega li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

4.    Ir-raba' motiv jallega li l-Kummissjoni wettqet żball meta stabbilixxit it-tul tal-ksur.

5.    Il-ħames motiv jallega li l-Kummissjoni manifestament wettqet żball meta stabbilit l-ammont bażiku tal-multa, b'mod partikolari peress li:

Il-Kummissjoni manifestament wettqet żball meta kkalkolat il-valur tal-bejgħ ;

Il-Kummissjoni manifestament wettqet żball billi naqset milli tikkunsidra l-aġir individiwali tar-rikorrenti meta evalwat il-gravità tal-ksur.

6.    Is-sitt motiv jallega li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi motivazzjoni xierqa meta evalwat il-gravità tal-ksur.

7.    Is-seba' motiv jallega li l-Kummissjoni applika b'mod żbaljat l-Avviż ta' Klemenza 1 tal-2002 peress li:

Il-Kummissjoni manifestament wettqet żball billi ma stabbilixxitx li l-kooperazzjoni tar-rikorrenti tirrappreżenta valur miżjud li huwa sinjifikattiv ħafna li jistħoqqilha tnaqqis sa jew kważi sal-quċċata tal-iskala 20 % - 30 %;

Il-Kummissjoni manifestament wettqet żball ta' liġi billi bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq kriterji li ma humiex ipprovduti fl-Avviż ta' Klemenza tal-2002; u

Konsegwentement, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

8.    It-tmien motiv jallega li l-Kummissjoni kisret id-dritt għal smigħ xieraq tar-rikorrenti u, għalhekk, kisret l-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, peress li:

Ir-rikorrenti ġiet imċaħħda mill-opportunità li teżamina jew tagħmel kontroeżami tax-xhieda;

Ir-rikorrenti ġiet imċaħħda mill-opportunità li tikkummenta fuq il-kalkolu tal-multa imposta fuqha;

Il-multa ġiet imposta wara seduta orali li ma kinitx pubblika u li għaliha l-awtorità kontraenti ma attenditx; u

Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata minn korp amministrattiv, u l-ebda korp ġudizzjarju ma għandu l-ġurisdizzjoni li jistħarreġ l-aspetti kollha tagħha.

____________

1 - Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155)