Language of document : ECLI:EU:T:2006:277

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (l-Ewwel Awla)

27 ta' Settembru 2006 (*)

“Kompetizzjoni – Multa – Ksur ta' l-Artikolu 81 KE – Setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam ta' infurzar – Preskrizzjoni – Artikoli 4 u 6 tar-Regolament (KEE) Nru 2988/74 – Ammissibbiltà ”

Fil-kawża T‑153/04

Ferriere Nord SpA, stabbilita f'Osoppo (l-Italja), irrappreżentata minn W. Viscardini u G. Donà, avocats,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn A. Nijenhuis u A. Whelan, bħala aġenti, assistiti minn A. Colabianchi, avocat,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, ikkomunikati b'ittra tal-5 ta' Frar 2004 u b'fax tat-13 ta' April 2004, dwar il-bilanċ mhux imħallas tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni 89/515/KEE, tat-2 ta' Awwissu 1989, relattiva għal proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/31.553 - Materjali wweldjati) (ĠU L260, p.1),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMMUNITAJIET EWROPEJ (l-Ewwel Awla),

komposta minn R. García-Valdecasas, President, J. D. Cooke, u V. Trstenjak, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta' Frar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolament (KEE) Nru 2988/74 tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 1974 li jikkonċerna l-perjodi ta' limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU L 319 p. 1), b'mod partikolari jinqara kif ġej :

"Artikolu 4

Perjodu ta' limitazzjoni għall-infurzar ta' sanzjonijiet

1. Is-setgħa tal-Kummissjoni li tenforza deċiżjonijiet li jimponu multi, penalitajiet jew pagamenti ta' penalitajiet perjodiċi għall-ksur tar-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea fir-rigward tat-trasport jew tal-kompetizzjoni għandha tkun soġġetta għal perjodu ta' limitazzjoni ta' ħames snin.

2. Iż-żmien għandu jibda jiddekorri fil-ġurnata li fiha d-deċiżjoni ssir finali.

Artikolu 5

Interruzzjoni tal-perjodu ta' limitazzjoni għall-infurzar ta' sanzjonijiet

1. Il-perjodu ta' limitazzjoni għall-infurzar ta' sanzjonijiet għandu jkun interrott:

(a) permess ta' notifikazzjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa, penalità jew pagamenti ta' penalità perjodiċi jew l-irrifjutar ta' applikazzjoni għat-tibdil;

(b) permess ta' kull azzjoni tal-Kummissjoni jew ta' Stat Membru fuq it-talba tal-Kummissjoni bl-iskop ta' l-infurzar tal-pagamenti ta' multa, penalità jew pagament ta' penalità perjodiku.

2. Kull interruzzjoni tagħmel li ż-żmien jibda jiddekorri mill-ġdid.

Artikolu 6

Sospensjoni tal-perjodu ta' limitazzjoni għall-infurzar ta' sanzjonijiet

Il-perjodu ta' limitazzjoni għall-infurzar ta' sanzjonijiet għandu jkun sospiz għaż-żmien li:

a)      żmien għal-ħlas ikun permess […]"

 Il-fatti li wasslu għal kawża

2        Fit-2 ta' Awissu 1989, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni 89/515/KEE, dwar il-proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/31.533 – Materjali wweldjati) (ĠU L 260, p. 1, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni Materjali wweldjati"), li biha, b'mod partikolari, hija kkonstatat il-parteċipazzjoni ta' Ferriere Nord SpA f'serje ta' reati fis-suq komunitarju tal-materjali wweldjati u imponiet fuqha multa ta' 320 000 ecu.

3        Skond l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni Materjali wweldjati, il-multa imposta fuq ir-rikorrenti kienet pagabbli fi żmien tliet xhur li jibdew jiddekorru min-notifika ta' din id-deċiżjoni. Gie deċiż ukoll li l-ammont ta' din il-multa għandu jkollu interessi stabbiliti bil-liġi li jibdew jiddekorru mit-tmiem ta' dan il-perijodu, bir-rati tal-munita ecu applikabbli mill-Fond Ewropew ta' Kooperazzjoni monetarja fuq dawn l-operazzjonijiet, mill-ewwel jum ta' xogħol tax-xahar li matulu d-deċiżjoni Materjali wweldjati ġiet adottata, b'żieda ta' 3.5 punti ta' perċentwali, jiġifieri bir-rata ta' 12.5%.

4        Id-deċiżjoni Materjali wweldjati ġiet innotifikata lir-rikorrenti b'ittra tad-9 ta' Awwissu 1989. Din l-ittra kienet tindika li, fit-tmiem tal-perijodu tal-ħlas iffissat fid-deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tipproċedi għall-irkupru tal-kreditu tagħha li jiżdied awtomatikament bl-interessi kkalkulati, mid-data tat-tmiem tal-perijodu tal-ħlas, bir-rata ta' 12.5%. L-ittra ppreċiżat li, fil-każ ta' rimedju ġudizzjarju li jipprevedi l-annullament tad-deċiżjoni, ma kienx ser ikun hemm proċedimenti għal ġbir tal-multa sakemm il-proċedura ġudizzjarja tkun pendenti, kemm–il darba, qabel id-data ta' l-iskadenza tat-terminu tal-ħlas:

" –      […] il-kreditu jipproduċi interessi, li jibdew minn din l-imsemmija data, […] bir-rata […] ta' 10.5 %;

–        […] garanzija bankarja, li tkun aċċettabbli għall-Kummissjoni, li taqbel mall-mudell anness u li tkopri d-dejn kemm prinċipali kif ukoll l-interessi u ż-żidiet, jiġifieri għal dak li jitħallas aktar tard min din id-data, tiġi pprovduta b'ittra rreġistrata indirizzata [… lil] kontabbli tal-Kummissjoni ".

5        Fit-18 ta' Ottubru 1989, ir-rikorrenti ppreżentat, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, rikors li jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni Materjali wweldjati (kawża T-143/89).

6        Fis-26 ta' Ottubru 1989, fuq istruzzjoni tar-rikorrenti, il-Banco di Roma ħareġ il-garanzija Nru 1957 (iktar 'il quddiem il-"garanzija bankarja"), li taqbel mall-mudell anness mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tad-9 ta' Awwissu 1989, u ntrabtet skond it-termini li ġejjin:

"[…] aħna nikkonfermawlkom li aħna stess garanti għal ħlas minn Ferriere Nord […] lill-Kummissjoni […] :

–        tal-multa ta' 320 000 ecu, imposta fuq Ferriere Nord […]

–        ta' l-interessi fuq dan l-ammont, li jibdew jiddekorru mill-15 ta' Novembru 1989 sad-data tal-ħlas effettiv tal-multa, abbażi tar-rata ta' interess […] ta' 10.5%.

Dan il-ftehim ma jistax jiġi rrevokat mingħajr il-kunsens tal-Kummissjoni [...]

Sakemm ikun neċessarju, il-garanti jirrinunzja għal benefiċċju ta' diskussjoni u ta' diviżjoni.

Din il-garanzija ssir eżekuttiva ma' l-ewwel talba tagħkom fuq notifika ta' kopja li skond id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-kawża Ferriere Nord […] vs il-Kummissjoni, indirizzata b'ittra rreġistrata.

Għal kull ħlas magħmul bil-munita nazzjonali, it-tisrif għal ecu jsir bir-rata tal-ġurnata ta' qabel il-ġurnata tal-ħlas.

Kull kwistjoni relattiva għal din il-garanzija bankarja taqa' taħt il-kompetenza unika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-Lussemburgu."

7        Bis-sentenza tas-6 ta' April 1995, Ferriere Nord vs il-Kummissjoni (T-143/89, Ġabra p. II-917), il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikors imsemmi fil-punt 5 iktar 'il fuq.

8        Fid-19 ta' Ġunju 1995, ir-rikorrenti ppreżentat appell kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza msemmija. Bis-sentenza tas-17 ta' Lulju 1997, Ferriere Nord vs il-Kummissjoni (C-219/95 P, Ġabra p. I-4411), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-Appell.

9        B'ittra tat-28 ta' Lulju 1997, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni li terġa' tikkunsidra tnaqqis fl-ammont tal-multa u ta' l-interessi. Ir-rikorrenti qieset li, minħabba, minn naħa, id-devalwazzjoni qawwija tal-lira taljana (LIT) li seħħet bejn id-data tad-deċiżjoni Materjali wweldjati u s-sentenza tas-17 ta' Lulju 1997, Ferriere Nord vs il-Kummissjoni, punt 8 iktar 'il fuq, kif ukoll, minn naħa l-oħra, minħabba t-tul tal-proċedura ġudizzjarja ta' madwar tmien snin, ma kienx ġust li hija tiġi mitluba tħallas l-ammont kollu tal-multa kapitali u tali interessi ffissati fid-deċiżjoni Materjali wweldjati.

10      B'ittra tal-11 ta' Settembru 1997, innotifikata fit-18 ta' Settembru ta' wara, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrenti.

11      B'ittra rreġistrata tat-2 ta' Diċembru 1997, riċevuta fl-10 ta' Diċembru ta' wara, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni teżamina għal darb'oħra t-talba tagħha minħabba, b'mod partikolari, li l-ħruġ tal-lira taljana mis-sistema monetarja Ewropea, waqt id-devalwazzjoni ta' din ta' l-aħħar, ma kinitx prevista fid-data tal-kostituzzjoni tal-garanzija bankarja.

12      Fl-istess ittra, ir-rikorrenti indikat li għaldaqstant kienet ipproċediet biex tħallas is-somma ta' 483840000 LIT, li tikkorrispondi għall-ammont tal-multa, jiġifieri 320000 ecu, skond ir-rata tal-kambju fis-seħħ fl-1989. Din is-somma ġiet akkreditata fil-15 ta' Diċembru 1997 fuq il-kont tal-Kummissjoni bil-valur ta' 249918 ecu.

13      Il-Kummissjoni ma weġbitx għall-ittra tat-2 ta' Diċembru 1997.

14      B'ittra tal-5 ta' Frar 2004 (iktar 'il quddiem l-"ittra tal-5 ta' Frar 2004"), il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-ammont li jibqgħalha tagħti sas-27 ta' Frar 2004 jammonta għal total ta' 564402.26 EUR (jiġifieri l-ammont tal-multa kapitali ta' 320 000 ecu, imnaqqas b'249918 ecu mħallsa fil-15 ta' Diċembru 1997, u biż-żieda ta' l-interessi għal perijodu bejn is-17 ta' Novembru 1989 u s-27 ta' Frar 2004). Il-Kummissjoni intimat lir-rikorrenti sabiex tirregola d-dejn tagħha malajr kemm jista' jkun u indikat li, ġaladarba jsir il-ħlas, hija taċċetta t-tneħħija tal-garanzija bankarja.

15      B'ittra tal-25 ta' Frar 2004, ir-rikorrenti rrispondiet lill-Kummissjoni li t-talbiet li jidhru fl-ittra tal-5 ta' Frar 2004 kienu infondati u saru tard. Ir-rikorrenti sostniet b'mod partikolari li ż-żmien tal-preskrizzjoni ta' ħames snin għall-infurzar tas-sanzjonijiet, previst mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/74, kien skada fit-18 ta' Settembru 2002 u li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra kreditu favur tagħha u lanqas iddur kontra l-bank garanti.

16      B'fax tat-13 ta' April 2004 (iktar 'il quddiem il-"fax tat-13 ta' April 2004"), il-Kummissjoni rrispondiet lir-rikorrenti li, fir-rigward tal-preskrizzjoni skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/74, din id-dispożizzjoni mhijiex applikabbli f'dan il-każ minħabba l-eżistenza tal-garanzija bankarja, li tista' tiġi invokata f'kull ħin u għandha l-effett ta' ħlas provviżorju, b'tali mod li l-eżekuzzjoni forzata ma tkunx neċessarja. Il-Kummissjoni ammettiet ukoll li ma reġgħetx fakkret lir-rikorrenti biex tirregola d-dejn tagħha wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkonfermat id-deċiżjoni Materjali wweldjati u aċċettat f'dan il-kuntest li twaqqaf il-produzzjoni ta' interessi ħames xhur wara li ngħatat din is-sentenza, jiġifieri fis-17 ta' Diċembru 1997. Jirriżulta li l-Kummissjoni talbet biss lir-rikorrenti l-ammont ta' 341932.32 EUR minflok 564402.26 EUR mitluba fl-ittra tal-5 ta' Frar 2004. Il-Kummissjoni fl-aħħar indikat li, fin-nuqqas ta' ħlas qabel it-30 ta' April 2004, hija tipproċedi għal mobilizzazzjoni tal-garanzija bankarja.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

17      B'att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-23 ta' April 2004, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

18      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (l-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Instemgħu is-sottomissjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti tal-Prim'Istanza waqt is-seduta tas-7 ta' Frar 2006.

19      Ir-rikorrenti titlob il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet li jinsabu fl-ittra tal-5 ta' Frar 2004 u fil-fax tat-13 ta' April 2004 (iktar 'il quddiem l-"atti kkontestati");

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni titlob il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        preliminarjament, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli, safejn huwa bbażat fuq l-Artikolu 230 KE;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat,

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Argumenti tal-partijiet

 Fuq l-ammissibbiltà

21      Il-Kummissjoni teċċepixxi, l-ewwel nett, l-inammissibbiltà ta' dan ir-rikors minħabba li l-atti kkontestati ma jikkostitwixxux deċiżjonijiet skond l-Artikolu 249 KE, li bihom ir-rikorrenti setgħet ġiet ippreġudikata. Għaldaqstant, l-atti kkontestati ma jibqgħux kontestabbli.

22      L-atti kkontestati fil-fatt jikkostitwixxu sempliċi invit sabiex jiġi rregolat il-bilanċ mhux imħallas tad-dejn li jirriżulta mid-deċiżjoni Materjali wweldjati u bl-ittra tal-11 ta' Settembru 1997, u ma jipproduċu l-ebda effett ġuridiku supplementari relatat ma' l-ammont tal-multa dovuta bis-saħħa ta' dawn l-atti preċedenti, liema atti jikkostitwixxu s-sempliċi konferma, ħlief għal dak li jikkonċerna t-tnaqqis, li mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti, ta' l-ammont ta' l-interessi msemmija fil-fax tat-13 ta' April 2004 (punt 16 iktar 'il fuq).

23      Ir-rikorrenti sostanzjalment tqis li, bl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/74, il-preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza d-deċiżjoni Materjali wweldjati nkisbet qabel l-adozzjoni ta' l-atti kkontestati (ara l-punti 24 sa 27 iktar 'il quddiem). Konsegwentement, billi l-Kummissjoni indirizzat l-atti kkontestati lir-rikorrenti, li fiha tobbligaha tirrikonoxxi l-bilanċ tad-dejn tagħha filwaqt li invokat il-mobilizzazzjoni tal-garanzija bankarja fil-każ li ma jsirx il-ħlas, il-Kummissjoni kienet indirizzatilha b'domanda għal ħlas mingħajr titolu, b'kostituzzjoni ta' element ġdid fir-rigward tad-deċiżjoni Materjali wweldjati u ta' l-ittra tal-11 ta' Settembru 1997. Għaldaqstant, l-atti kkontestati mhumiex konfermattivi ta' din id-deċiżjoni u ittra.

 Fuq il-mertu

24      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat motiv wieħed li jirrigwarda l-ksur ta' l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/74, li s-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza d-deċiżjoni Materjali wweldjati kienet ġiet preskritta meta l-atti kkontestati ġew adottati.

25      Fil-fatt, id-deċiżjoni Materjali wweldjati saret finali fil-jum tas-sentenza Ferriere Nord vs il-Kummissjoni, punt 8 iktar 'il fuq, jiġifieri fis-17 ta' Lulju 1997. Għalhekk huwa fid-data tan-notifika ta' din is-sentenza, bl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/74, li l-perijodu tal-preskrizzjoni ta' ħames snin kien inizjalment beda jiddekorri. Madankollu, bl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5(1)(a) ta' l-istess Regolament, il-perijodu ta' preskrizzjoni kien ġie interrott bl-ittra tal-Kummissjoni tal-11 ta' Settembru 1997, innotifikata fit-18 ta' Settembru ta' wara, b'tali mod li l-imsemmi perijodu kien beda jiddekorri minn dik il-ġurnata. Fin-nuqqas ta' atti oħra li jistgħu jinterrompu jew jissospendu, is-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza d-deċiżjoni Materjali wweldjati kienet tiġi preskritta ħames snin wara, jiġifieri fit-18 ta' Settembru 2002.

26      Isegwi li, fid-data ta' l-adozzjoni ta' l-atti kkontestati, id-dritt tal-Kummissjoni li tipproċedi għall-infurzar tad-deċiżjoni Materjali wweldjati kien preskritt mhux għaliha stess biss, imma wkoll kontra l-Banco di Roma.

27      F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta, il-kunsiderazzjoni artifiċjali u infondata, l-argument żviluppat mill-Kummissjoni, li jgħid li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/74 mhuwiex applikabbli f'dan il-każ. Hija b'mod partikolari nnotat li, skond il-ġurisprudenza, l-obbligu tal-garanzija jippreżenta natura aċċessorja, fis-sens illi l-garanzija tista' tiġi biss eżegwita mill-kreditur jekk id-dejn iggarantit huwa dovut (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Mejju 2003, Préservatrice foncière TIARD, C‑266/01, Ġabra p. I‑4867, punt 29).

28      Il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-rikorrenti dwar il-preskrizzjoni, skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/74, tas-setgħa tagħha li tinforza d-deċiżjoni Materjali wweldjati hija bla mertu u li l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament f'din il-kawża għandha tiġi eliminata minħabba l-eżistenza tal-garanzija bankarja.

29      F'dan ir-rigward il-Kummissjoni tqis, l-ewwel nett, li l-proċedura ta' mobilizzazzjoni tal-garanzija bankarja kontra l-Banco di Roma m'għandhiex tiġi assimilata mal-proċedura ta' infurzar tad-deċiżjoni Materjali wweldjati. L-obbligu, taħt ir-responsabbiltà tal-bank garanti, huwa fil-fatt ta' natura kuntrattwali, li jiġġustifika li kull kwistjoni relatata mall-garanzija bankarja tiġi rreferuta lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-mertu ta' l-Artikolu 238 KE, filwaqt li l-obbligu li għandha r-rikorrenti joħroġ mill-Artikolu 256 KE.

30      Il-Kummissjoni tqis, fit-tieni lok, li l-garanzija bankarja tikkostitwixxi obbligu distint u awtonomu meta mqabbel ma' l-obbligu tar-rikorrenti li jħallas il-multa. Hija tindika, f'dan ir-rigward, li l-garanzija bankarja tista' tiġi infurzata ma' l-ewwel talba tal-Kummissjoni, li barra minhekk il-Banco di Roma ntrabat li sakemm huwa neċessarju huwa jirrinunzja għal benefiċċju tad-diskussjoni u ta' diviżjoni u li l-obbligu ta' dan ta' l-aħħar ma jistax jiġi rrevokat mingħajr il-kunsens tiegħu bil-miktub. Il-Kummissjoni kkonkludiet illi r-relazzjoni bejnha u l-Banco di Roma hija indipendenti minn dik li torbotha mar-rikorrenti.

31      Il-Kummissjoni ssostni, fit-tielet lok, li l-prinċipju ta' ċertezza legali ma jimponix l-applikazzjoni tal-preskrizzjoni b'anoloġija, għar-relazzjonijiet kuntrattwali, għall-preskrizzjoni prevista mir-Regolament Nru 2988/74. Ir-relazzjoni kuntrattwali tissodisfa minnha nnifisha l-esiġenza ta' ċertezza legali fil-qasam tal-preskrizzjoni. Jekk wieħed jieħu l-liġi taljana applikabbli għall-garanzija bankarja in kwistjoni, il-perijodu ta' preskrizzjoni huwa ta' għaxar snin. Għalhekk mhuwiex aktar neċessarju għall-Kummissjoni li tipproċedi għall-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjoni Materjali wweldjati, għaliex hija tista' tieħu l-kreditu tagħha permezz tal-Banco di Roma bis-saħħa tal-garanzija bankarja.

32      Il-Kummissjoni fl-aħħar tqis li l-garanzija bankarja m'għandhiex tiġi kkunsidrata purament bħala aċċessorju relattiv mar-relazzjoni inizjali bejnha u r-rikorrenti. F'dan ir-rigward, is-sentenza Préservatrice foncière TIARD, invokata mir-rikorrenti, punt 27 iktar 'il fuq, mhijiex applikabbli għal dan il-każ safejn din tirreferi għal tip ta' sistema ta' garanzija li biha l-garanzija bankarja in kwistjoni, minħabba n-natura partikolari tal-klawżoli tagħha, ma jkunx jista' jkollha rabta. Barra minn hekk, hija ssostni li ma jkunx fl-interess tagħha li taċċetta tali garanzija aċċessorja minflok il-ħlas proviżorju tal-multa.

33      Sussidjarjament, il-Kummissjoni tqis li anki jekk (quod non) il-preskrizzjoni tar-Regolament Nru 2988/74 huwa applikabbli għal garanzija bankarja, huwa tajjeb li tiġi kkunsidrata l-approvazzjoni ta' din il-garanzija bħala mezz ta' ħlas skond l-Artikolu 6(a) ta' dan ir-Regolament, li għandu bħala effett li jissospendi l-preskrizzjoni. Fil-fatt, tali approvazzjoni tikkostitwixxi mezz ta' ħlas taħt diversi aspetti: hija teżenta l-impriża milli tipproċedi mall-ewwel għall-ħlas tal-multa u tippermettilha li tipposponi tali ħlas sakemm ma' l-Kummissjoni titolbu, mingħajr ma tkun trid titlob lill-qorti komunitarja li tissospendi l-effett finali u vinkolanti tad-deċiżjoni li tordna l-multa. Barra minn hekk, li ma tirrikonoxxix li l-garanzija bankarja tikkostitwixxi mezz ta' ħlas iwassal sabiex tinkoraġġixxi l-impriżi li ma jħallsux il-multi li jkunu ġew imposti fuqhom meta dawn isiru definittivi.

34      Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-mobilizzazzjoni tal-garanzija bankarja ma tikkostitwixxix l-eżerċizzju ta' setgħa pubblika kontestabbli fuq il-mertu ta' l-Artikolu 230 KE, imma tikkostitwixxi dritt kuntrattwali li fih il-kontroll ġudizzjarju ġie, bis-saħħa tal-klawżola kompromissorja li hemm fil-garanzija bankarja, fdat lill-Imħallef Komunitarju. Issa, l-atti li l-Kummissjoni tadotta fil-kuntest ta' relazzjoni kuntrattwali li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qorti komunitarja bis-saħħa ta' l-Artikolu 238 KE ma jistgħux, bħala prinċipju, ikunu s-suġġett ta' rikors simultanju għall-annullament fuq il-mertu ta' l-Artikolu 230 KE.

35      F'dan ir-rigward, "fl-interess tal-ġustizzja u ta' l-ekonomija tal-proċedura", il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tifformola mill-ġdid dan ir-rikors ippreżentat minn persuna privata f'rikors iffurmat taħt l-Artikolu 238 KE li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-garanzija kuntrattwali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

36      L-argument fuq il-preskrizzjoni, skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/74, tas-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza d-deċiżjoni Materjali wweldjati ġie użat mir-rikorrenti kemm taħt l-aspett ta' l-ammissibbiltà, sabiex tagħmel tajjeb għal eċċezzjoni ta' inammissibbiltà opposta mill-Kummissjoni (punt 23 iktar 'il fuq), u kif ukoll għal dak li jikkonċerna l-mertu (punt 24 iktar 'il fuq), huwa importanti li qabel kollox jiġi ddeterminat jekk tali preskrizzjoni ġietx stabbilita.

 Fuq il-preskrizzjoni

37      Huwa tajjeb li jiġi eżaminat l-ewwel nett il-punt dwar jekk, kif issostni r-rikorrenti, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/74 huwiex applikabbli f'dan il-każ.

38      Għal dan il-għan, huwa tajjeb li mall-ewwel jiġi ddeterminat jekk l-atti kkontestati humiex ta' natura amministrattiva jew, kif issostni l-Kummissjoni, ta' natura kuntrattwali.

39      F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza mall-ewwel tistqarr li l-atti kkontestati jirreferu espressament, fit-taqsima tagħhom "Suġġett", għall-proċedura li wasslet għal adozzjoni tad-deċiżjoni Materjali wweldjati. L-ordni għal proċedura għal ħlas, flimkien ma' l-avviż relatat għal mobilizzazzjoni tal-garanzija bankarja li tinsab f'dawn l-atti, għalhekk tikkostitwixxi forma ta' infurzar tad-deċiżjoni Materjali wweldjati. Hekk, l-atti kkontestati, adottati fuq il-mertu tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 249 KE, għandhom natura amministrattiva.

40      Għalhekk, jekk hu minnu li r-relazzjoni kuntrattwali bejn il-Banco di Roma u l-Kummissjoni, jiġifieri l-garanzija bankarja, huwa bbażat fuq l-obbligu tar-rikorrenti vis-a-vis il-Kummissjoni u li din il-garanzija bankarja fiha klawżola kompromissorja skond l-Artikolu 238 KE, huwa tajjeb li jiġi mfakkar mall-ewwel li l-fax tat-13 ta' April 2004 sempliċement tinvoka l-mobilizzazzjoni tal-garanzija bankarja fil-każ li ma jsirx il-ħlas tas-somom mitluba mir-rikorrenti u li l-ittra tal-5 ta' Frar 2004 ma tgħid xejn fuq il-garanzija bankarja.

41      Minn naħa jirriżulta, li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, din il-kawża ma tikkostitwixxix kwistjoni ta' natura kuntrattawali fondata fuq il-garanzija bankarja u li tista' twassal għall-eliminazzjoni f'dan il-każ ta' l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2988/74.

42      Minn naħa l-oħra, ir-rikors għal annullament iffurmat bl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 230 KE jikkostitwixxi t-triq tar-rikors it-tajjeb sabiex tiġi kkontrollata l-legalità ta' l-atti kkontestati (ara, f'dan is-sens, id-Digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Ġunju 2005, Helm Düngemittel vs Il-Kummissjoni, T‑265/03, Ġabra p. II-2009, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata). B'hekk, il-kwalifika mill-ġdid ta' dan ir-rikors bħala rikors ippreżentat fuq il-mertu ta' l-Artikolu 238 KE, issuġġerit mill-Kummissjoni, minnbarra li hija inkompattibbli mas-suġġett tar-rikors li ġie ffissat bħala tali mir-rikorrenti fir-rikors u espressament konformi fir-replika, ikun għalhekk ġuridikament żbaljat.

43      In-natura amministrattiva ta' l-atti kkontestati, adottati fil-kuntest ta' infurzar tad-deċiżjoni Materjali wweldjati, hija għalhekk stabbilita.

44      Fir-rigward ta' l-argumenti li l-Kummissjoni tqis, esposti fil-punti 28 sa 32 iktar 'il fuq, huwa biżejjed, sabiex jiġu eliminati, li jiġi enfasizzat għal darb'oħra (ara l-punti 40 u 41 iktar 'il fuq) li s-suġġett ta' dan ir-rikors m'għandux x'jaqsam mall-mobilizzazzjoni tal-garanzija bankarja.

45      F'dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li s-sempliċi eżistenza tal-garanzija bankarja telimina kull applikazzjoni, marbuta ma' l-obbligu prinċipali bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni, tar-Regolament Nru 2988/74 (ara l-aħħar parti tal-punt 28), hemm lok li jiġi indikat li l-eżistenza tar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-Banco di Roma u l-Kummissjoni ma tistax tfixkel l-eventwali preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li tesegwixxi d-deċizjoni Materjali wweldjati li tintervjeni fl-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament. Ir-Regolament Nru 2988/74 fil-fatt jistabbilixxi leġiżlazzjoni kompleta li tirregola fid-dettal it-termini li fihom il-Kummissjoni għandha dritt, mingħajr ma tikser l-eżiġenza fundamentali taċ-ċertezza legali, li teżegwixxi d-deċiżjonijiet li jimponu multi fuq impriżi li jkunu s-suġġett ta' proċeduri ta' applikazzjoni tar-regoli komunitarji tal-kompetizzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, punt 324).

46      F'dan ir-rigward, huwa ta' ftit rilevanza li l-garanzija bankarja tista' tiġi kkwalifikata, kif issostni r-rikorrenti, bħala aċċessorja fir-rigward tar-rapport prinċipali li hija tiggarantixxi jew, bil-kontra, minħabba l-klawżola ta' ħlas ma' l-ewwel talba li tinsab fiha, bħala waħda awtonoma (punti 27 u 32 iktar 'il fuq).

47      Għaldaqstant huwa tajjeb li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza d-deċiżjoni Materjali wweldjati, skond l-Artikolu (1) tar-Regolament Nru 2988/74, inkisbitx waqt l-adozzjoni ta' l-atti kkontestati.

48      F'dan ir-rigward huwa kostanti li, barra l-ittra tal-Kummissjoni tal-11 ta' Settembru 1997 imsemmija fil-punt 10 iktar 'il fuq, l-ebda att ieħor li seta' jinterrompi l-preskrizzjoni skond l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/74 ma ġie ppreżentat wara s-sentenza tas-17 ta' Lulju 1997, Ferriere Nord vs il-Kummissjoni, punt 8 iktar 'il fuq.

49      Jibqa' li jiġi eżaminat il-fatt dwar jekk, hekk kif issostni l-Kummissjoni, il-perijodu tal-preskrizzjoni kienx ġie sospiż sostanzjalment minħabba l-fatt li s-sospensjoni għall-ħlas tal-multa mifthiem mill-Kummissjoni għar-rikorrenti bil-patt li din ta' l-aħħar tagħmel garanzija bankarja, jikkostitwixxix faċilità ta' ħlas skond l-Artikolu 6(a) tar-Regolament Nru 2988/74 (punt 1 iktar 'il fuq).

50      Issa, bilfors irid jiġi kkonstatat f'dan ir-rigward li r-riżoluzzjoni ta' din il-kwistjoni mhijiex determinanti għal finijiet ta' din il-kwistjoni.

51      Fil-fatt, tali sospensjoni skadiet mat-tmiem tal-perijodu li għalih hija kienet ġiet akkordata, jiġifieri, skond it-termini ta' l-ittra tal-Kummissjoni tad-9 ta' Awwissu 1989 (ara l-punt 4 iktar 'il fuq), "sakemm il-proċedura ġudizzjarja tkun pendenti". F'dan il-każ, is-sospensjoni tal-ħlas għalhekk intemmet fil-jum li fih ingħatat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri s-17 ta' Lulju 1997 (ara l-punt 8 iktar 'il fuq), data li fiha l-preskrizzjoni bdiet tiddekorri b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(2),tar-Regolament Nru 2988/74.

52      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li ma kienx hemm sospensjoni ta' perijodu ta' preskrizzjoni f'dan il-każ wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Lulju 1997.

53      Jirriżulta li, skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/74, il-preskrizzjoni tas-setgħa għall-infurzar tal-Kummissjoni skond din id-dispożizzjoni inkisbet fid-data korrettament determinata mir-rikorrenti (ara l-punt 28 iktar 'il fuq), jiġifieri fit-18 ta' Settembru 2002. Għaldaqstant, l-atti kkontestati, fid-data tal-5 ta' Frar u tat-13 ta' April 2004, ġew adottati u nnotifikati lir-rikorrenti fil-mument meta s-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza d-deċiżjoni Materjali wweldjati kienet preskritta.

 Fuq l-ammissibbiltà

54      Għandu jiġi mfakkar li kull att li jimmodifika b'mod sostanzjali u definittiv is-sitwazzjoni ġuridika tad-destinatarju tiegħu jikkostitwixxi deċiżjoni skond l-Artikolu 249 KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta' Marzu, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, Ġabra p. 263, punti 33 sa 43 u tal-11 ta' Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2268).

55      Jirriżulta mill-iżviluppi relatati għall-preskrizzjoni (punti 37 sa 51 iktar 'il fuq) li, minħabba l-preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza d-deċiżjoni Materjali wweldjati, id-dritt ta' din ta' l-aħħar li titlob mir-rikorrenti l-ħlas ta' l-arretrati tal-bilanċ kien skada u li r-rikorrenti setgħet b'mod leġittimu, mit-18 ta' Settembru 2002, tqies lilha nfisha libera minn kull allegazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni relattiva għall-infurzar ta' din id-deċiżjoni.

56      Issa, għall-atti kkontestati, il-Kummissjoni indirizzat lir-rikorrenti ordni għal proċedura ta' ħlas sabiex tħallas l-arretrati ta' bilanċ u wissitha li ser tipproċedi għal mobilizzazzjoni tal-garanzija bankarja. L-atti kkontestati, li a priori hemm marbut magħhom dubbju ta' legalità, għalhekk jimmodifikaw b'mod sostanzjali u definittiv is-sitwazzjoni ġuridika u b'hekk jikkostitwixxu deċiżjoni skond l-Artikolu 249 KE, permezz tad-definizzjoni mhux konfermattiva ta' l-atti preċedenti.

57      Għalhekk l-eċċezzjoni ta' inammissibiltà trid tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq il-mertu

58      Jirriżulta mill-iżviluppi relatati għall-preskrizzjoni (punti 37 sa 51 iktar 'il fuq) li s-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza d-deċiżjoni Materjali wweldjati kienet preskritta, skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/74, meta l-atti kkontestati ġew adottati.

59      Jirriżulta li l-motiv dwar ksur ta' l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/74 huwa fondat u li, għaldaqstant, l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati.

 Dwar l-ispejjeż

60      Skond l-Artikolu 87(2), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tar-rikorrenti f'dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (l-Ewwel Awla)

taqta' u tiddeciedi

1)      Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni kkomunikati permezz ta' ittra tal-5 ta' Frar u permezz ta' fax tat-13 ta' April 2004, dwar il-bilanċ mhux imħallas tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni 89/515/KEE, tat-2 ta' Awwissu 1989, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/31.553-Materjali wweldjati), huma annullati.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, anki l-ispejjeż tar-rikorrenti.

García-Valdecasas

Cooke

Trstenjak

Mogħtija fil-Lussemburgu, fis-27 ta' Settembru 2006.

E. Coulon

 

      R. García-Valdecasas

Reġistratur

 

      il-President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.