Language of document :

    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-28 ta’ Frar 2024 – Nederlandse Voedsel- en Warenautoriteit et vs Stichting Rookpreventie Jeugd

(Kawża C-155/24, Nederlandse Voedsel- en Warenautoriteit et)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

College van Beroep voor het bedrijfsleven

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Nederlandse Voedsel- en Warenautoriteit, Staatssecretaris van Volksgezondheid, Welzijn en Sport, Philip Morris Benelux BV, Philip Morris Investments BV, JT International Company Netherlands BV, Vereniging Nederlandse Sigaretten- & Kerftabakfabrikanten, Van Nelle Tabak Nederland BV, British American Tobacco International (Holdings) BV

Konvenut: Stichting Rookpreventie Jeugd

Domandi preliminari

1.    L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istandards ISO mhux ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma jistgħu f’ebda każ jiġu invokati kontra individwi, inkluż kontra Stichting, u lanqas kontra individwu li seta’ jikkonsulta dawn l-istandards u jiksibhom (bi ħlas)?

2.    L-impossibbiltà li jiġi invokat fil-konfront ta’ individwu l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40/UE, sa fejn din id-dispożizzjoni tirreferi għal standards ISO mhux ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandha tinftiehem fis-sens li ma huwiex permess li jiġi rrifjutat id-dritt li jiġu osservati l-livelli massimi ta’ emissjoni ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/40?

3.    L-espressjoni “jintuża kif maħsub” li tinsab fid-definizzjoni ta’ “emissjonijiet” li tinsab fil-punt (21) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40/UE, għandha tiġi interpretata fis-sens li din tirreferi, sa fejn huwa possibbli, għall-aġir ta’ konsum tat-tabakk mill-bniedem, f’liema każ il-miżura għandha tieħu inkunsiderazzjoni li jinstaddu, għall-inqas parzjalment, it-toqob tal-ventilazzjoni żgħar li jinsabu fil-filtru tas-sigaretti u/jew il-volum u l-frekwenza tad-duħħan, jew din l-espressjoni tirreferi biss għall-mod li bih is-sigaretti huma kkunsmati permezz ta’ proċess ta’ kombustjoni?

4.    Jekk, fid-dawl tar-risposta għat-tielet domanda, l-istandards ISO msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40/UE ma humiex xierqa għall-kejl tal-livelli ta’ emissjonijiet: a) l-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, imfittex mid-Direttiva 2014/40, jimplika li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi ma jipprekludux li jiġi invokat metodu ta’ kejl alternattiv kontra l-manifatturi tat-tabakk?

Jekk, fid-dawl ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli, tingħata risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tar-raba’ domanda:

4b)    L-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu jew japplikaw huma stess, jekk ikun il-każ fuq bażi temporanja, metodu ta’ kejl alternattiv u jinvokaw dan il-metodu ta’ kejl alternattiv (ukoll) kontra l-manifatturi tat-tabakk, u

4c)    L-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kejl alternattiv kif inhi marbuta mal-għanijiet ta’ armonizzazzjoni (massima) u ta’ titjib tal-funzjonament tas-suq intern imfittxija mid-Direttiva 2014/40/UE?

5a)    F’każ li għandu jiġi applikat metodu ta’ kejl alternattiv, il-livelli massimi ta’ emissjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/40/UE jibqgħu japplikaw b’mod sħiħ?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda 5(a):

5b)    L-Istati Membri huma awtorizzati li jistabbilixxu jew li japplikaw huma stess, jekk ikun il-każ fuq bażi temporanja, livelli ta’ emissjonijiet massimi alternattivi u li jinvokawhom (ukoll) kontra l-manifatturi tat-tabakk, u

5c)    L-applikazzjoni ta’ livelli ta’ emissjonijiet massimi alternattivi kif inhi marbuta mal-għanijiet ta’ armonizzazzjoni (massima) u ta’ titjib tal-funzjonament tas-suq intern imfittxija mid-Direttiva 2014/40/UE?

6a)    Jekk l-Istati Membri huma awtorizzati jadottaw jew japplikaw metodu ta’ kejl alternattiv u dan jista’ jiġi invokat kontra l-manifatturi tat-tabakk, f’dan il-każ, mill-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, imfittex mid-Direttiva 2014/40/UE, moqri flimkien mal-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva, jirriżulta li s-sigaretti mqiegħda fis-suq fil-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jiġu rtirati mis-suq sakemm ma jkun ġie ddefinit ebda metodu ta’ kejl ġdid, b’mod li ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk is-sigaretti li jintużaw kif maħsub josservawx il-livelli massimi ta’ emissjoni?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda 6(a):

6b)    F’dan il-każ il-manifatturi tat-tabakk jibbenefikaw minn perijodu tranżitorju?

7.    Jekk jiġi stabbilit jew implimentat metodu ta’ kejl alternattiv, kemm jekk flimkien ma’ livelli massimi ta’ emissjonijiet alternattivi jew le, f’dan il-każ il-manifatturi tat-tabakk jibbenefikaw minn perijodu tranżitorju li matulu huma jistgħu jikkonformaw ruħhom ma’ dan il-metodu ta’ kejl alternattiv u, eventwalment, ma’ livelli ta’ emissjonijiet massimi alternattivi?

____________

1     ĠU 2014, L 127, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 150, p. 24.