Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Diċembru 2008 - TF1 vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-573/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Télévision française 1 SA (TF1) (rappreżentanti: J.-P. Hordies u C. Smits, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ngħatat fis-16 ta' Lulju 2008, fil-Każ N 279/2008-France (Għoti ta' kapital lil France Télévisions);

tikkundanna lill-Kummissjoni tibda l-proċedura formali ta' investigazzjoni tal-għajnuna, prevista fl-Artikolu 88(2) KE;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 3506 finali, tas-16 ta' Lulju 2008, li permezz tagħha l-Kummissjoni kkunsidrat għajnuna taħt forma ta' għoti ta' kapital ta' EUR 150 miljun favur France Télévisions bħala kompatibbli mas-suq komuni. F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti titlob li tinbeda l-proċedura formali ta' investigazzjoni skont l-Artikolu 88(2) KE.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni, fir-rigward tal-mertu, żewġ motivi:

fuq il-bażi tal-konstatazzjoni li kien hemm diffikultajiet serji li minħabba fihom il-Kummissjoni kienet obbligata tibda l-proċedura formali ta' investigazzjoni prevista fl-Artikolu 88(2) KE, billi dawn id-diffikultajiet serji intwerew i) bil-fatt li d-Deċiżjoni hija vvizzjata b'ineżattezzi materjali, ii) bil-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed informazzjoni u iii) bit-tul b'mod anormali qasir, kif ukoll biċ-ċirkustanzi tal-fażi preliminari tal-investigazzjoni;

fuq il-bażi ta' nuqqas ta' motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni ma ġabritx l-informazzjoni neċessarja kollha u/jew ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha u peress li r-raġonament tal-Kummissjoni fil-punt 23 tad-Deċiżjoni kkontestata seta' tbiegħed mill-pożizzjonijiet li preċedentement hija ħadet mingħajr madankollu ma tat ir-raġunijiet li għalihom hija ddeċidiet li titbiegħed mill-istess pożizzjonijiet.

____________