Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ April 2024 minn Igor Shuvalov mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fis-7 ta’ Frar 2024 fil-Kawża T-289/22, Shuvalov vs Il-Kunsill

(Kawża C-271/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellant: Igor Shuvalov (rappreżentanti: J. L. Iriarte Ángel, F. Rodríguez González, L. Rodríguez Jiménez u L. M. García López, abogados)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1.    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Frar 2024 fil-Kawża T-289/22;

2.    tagħti deċiżjoni definittiva billi tilqa’ t-talbiet tar-rikorrent, issa l-appellant, fl-ewwel istanza, jiġifieri tannulla,

l-ewwel nett, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/265 tat-23 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna 1 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/260 tat-23 ta’ Frar 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna 2 ;

it-tieni nett, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530 tal-14 ta’ Settembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK 1 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 tal-14 ta’ Settembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 2 ; u,

it-tielet nett, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/572 tat-13 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK 1 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/571 tat-13 ta’ Marzu 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 2 ,

sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw lill-appellant.

Konsegwentement, tannulla d-Deċiżjoni 2014/145/PESK u r-Regolament (UE) 269/2014 sa fejn dawn jirreferu għall-appellant jew jistgħu jaffettwawh.

3.    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka sitt aggravji:

L-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi minħabba li s-sentenza tikkonstata b’mod żbaljat li l-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni, li hija konstatazzjoni li l-Qorti Ġenerali waslet għaliha billi żnaturat il-fatti b’mod manifest.

It-tieni aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi minħabba li s-sentenza tikkonstata b’mod żbaljat li l-Kunsill issodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu.

It-tielet aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi minħabba li s-sentenza appellata tikkonstata li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jiksrux id-dritt fundamentali għal-libertà ta’ espressjoni.

Ir-raba’ aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi minħabba li s-sentenza tikkonstata b’mod żbaljat li ma kien hemm l-ebda ksur tad-dritt għall-proprjetà tal-appellant fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Il-ħames aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi minħabba li s-sentenza tikkonstata b’mod żbaljat li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Is-sitt aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi minħabba li s-sentenza tikkonstata b’mod żbaljat li d-dritt tal-appellant għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kien ġie osservat u li ma kien hemm l-ebda użu ħażin ta’ poter.

____________

1     ĠU 2022, L 42 I, p. 98, rettifika fil-ĠU 2022, L 55, p. 81.

1     ĠU 2022, L 42 I, p. 3.

1     Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530 tal-14 ta’ Settembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 149).

1     Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 tal-14 ta’ Settembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 1).

1     Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/572 tat-13 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75 I, p. 134).

1     Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/571 tat-13 ta’ Marzu 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddul-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75 I, p. 1).