Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ April 2024 minn Papouis Dairies LTD et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (l-Għaxar Awla) fil-21 ta’ Frar 2024 fil-Kawża T-361/21, Papouis Dairies et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-314/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Papouis Dairies LTD, Pagkyprios organismos ageladotrofon (POA) Dimosia LTD, Pagkypria Organosi Ageladotrofon, E. Gavrielides Oy, Neomax Sales SRL and FFF Fine Foods Pty Ltd (rappreżentanti: A. Pomares Caballero, M. Pomares Caballero, abogados u N. Korogiannakis, dikigoros)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika ta’ Ċipru

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi l-motivi ta’ annullament;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/591 1 tat-12 ta’ April 2021 li jdaħħal isem fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (“Χαλλούμι” (Halloumi)/“Hellim” (DOP)) inklużi u kif emendat bit-tliet emendi;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appellanti;

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Artikolu 263 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 1 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, moqri flimkien mal-Artikolu 6b tar-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 2 u mal-Artikolu 10a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014 3 , sa fejn iddikjarat li t-talba tal-appellanti sabiex jadattaw il-motivi kienet inammissibbli u sa fejn iddikjarat li l-Kummissjoni ma għandhiex tirrevedi l-kontenut tal-emendi standard għal denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) mibgħuta lilha minn Stat Membru u ma teżerċitax setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjoni fir-rigward tal-pubblikazzjoni tagħhom, u għalhekk, il-pubblikazzjoni ta’ emendi standard ma hijiex att tal-Kummissjoni li jista’ jiġi kkontestat quddiem il-qrati tal-Unjoni.

Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni sa fejn ma kkunsidratx li, f’termini assoluti, perijodu ta’ 10 snin għar-reġistrazzjoni ta’ DOP huwa eċċessiv u sa fejn iddikjarat li huwa biss fejn l-iskadenza ta’ perijodu ta’ żmien eċċessiv x’aktarx taffettwa l-kontenut stess tad-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura amministrattiva li n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli jaffettwa l-validità ta’ din il-proċedura.

Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 50(1), 51 u 52(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 kif ukoll l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, sa fejn iddikjarat li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiddeċiedi espressament fuq l-argumenti kollha mressqa mill-persuni li ppreżentaw dikjarazzjonijiet motivati ta’ oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni ta’ DOP u sa fejn ikkonkludiet li l-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni sussegwenti għall-oppożizzjonijiet ippreżentati fl-istadju tal-Unjoni tal-proċedura, kellha diskrezzjoni limitata, jiġifieri li tivverifika li l-informazzjoni fattwali li tinsab fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-DOP ma kinitx ivvizzjata bi żbalji manifesti.

Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 50(1) u 52(3)(b), b’rabta mal-Artikoli 5(1) u 7 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 kif ukoll mal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn iddikjarat li żball wieħed irrikonoxxut flimkien ma’ erba’ żbalji oħra possibbli li, fi kwalunkwe każ, ma jitqisux li huma manifesti, kollha relatati mal-link ta’ sezzjoni ta’ speċifikazzjoni ta’ DOP, ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni naqset milli twettaq eżami xieraq tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ DOP.

Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 5(1), 6(1), 7(1), 10 u 50 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 sa fejn iddikjarat li l-fatt li, fid-data meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li tirreġistra DOP, proporzjon limitat biss tal-prodotti koperti mill-isem propost għar-reġistrazzjoni huma prodotti skont l-ispeċifikazzjoni ma jiġġustifikax fih innifsu rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ dan l-isem.

Il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sa fejn ikkonkludiet li l-Kummissjoni ma kellhiex obbligu tistenna l-eżitu tal-proċeduri pendenti quddiem il-qorti nazzjonali qabel tirreġistra DOP, u sa fejn ikkonkludiet li l-annullament tad-deċiżjoni amministrattiva favur ir-reġistrazzjoni tal-DOP mill-qorti nazzjonali ma jwassalx b’mod awtomatiku għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni sussegwenti li jordna r-reġistrazzjoni ta’ din id-DOP.

____________

1 ĠU 2021, L 125, p. 42.

1 Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1).

1 Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 tat-18 ta’ Diċembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-istabbiliment ta’ simboli tal-Unjoni għal denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti u fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar il-ksib, ċerti regoli proċedurali u ċerti regoli tranżitorji oħrajn (ĠU 2014, L 179, p. 17).

1 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2014, L 179, p. 36).