Language of document : ECLI:EU:T:2021:643

Kawża T32/21

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Daw SE

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2021

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Trade mark tal-Unjoni Ewropea verbali Muresko – Trade marks nazzjonali verbali preċedenti Muresko – Invokazzjoni tal-anzjanità tat-trade marks nazzjonali preċedenti wara r-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 39 u 40 tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Reġistrazzjoni tat-trade marks nazzjonali preċedenti li kienet skadiet fil-jum tal-invokazzjoni”

1.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika


(ara l-punt 22)

2.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea – Invokazzjoni tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali – Kundizzjonijiet – Interpretazzjoni restrittiva

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikoli 39 u 40)

(ara l-punt 23)

3.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea – Invokazzjoni tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali – Invokazzjoni wara r-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Kundizzjonijiet – Trade mark nazzjonali rreġistrata fil-mument meta ssir l-invokazzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, premessa 12 u Artikoli 39 u 40)

(ara l-punti 25, 27, 28, 30 sa 34, u 40)

Sunt

Ir-rikorrenti, Daw SE, hija l-proprjetarja tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea verbali Muresko, irreġistrata fit-12 ta’ Settembru 2016 mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).

Fit-3 ta’ Frar 2020, ir-rikorrenti invokat quddiem l-EUIPO, fir-rigward ta’ din it-trade mark, l-anzjanità ta’ trade mark Pollakka u ta’ trade mark Ġermaniża identiċi, konformement mal-Artikolu 40 tar-Regolament 2017/1001 (1). Mingħajr ma kkontestat il-fatt li r-reġistrazzjoni ta’ dawn it-trade marks nazzjonali kienet skadiet, ir-rikorrenti sostniet li invokazzjoni tal-anzjanità tal-imsemmija trade marks kienet intlaqgħet fir-rigward ta’ trade mark oħra tal-Unjoni Ewropea.

L-EUIPO ċaħad l-invokazzjoni kontenzjuża minħabba li r-reġistrazzjoni tat-trade marks nazzjonali kienet skadiet fil-mument meta saret din l-invokazzjoni.

Adita b’rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EUIPO, il-Qorti Ġenerali tiċħad dan ir-rikors. Hija tiddeċiedi, bla ebda preċedent, li trade mark nazzjonali preċedenti għandha tkun irreġistrata u għandha tkun fis-seħħ fid-data tal-invokazzjoni tal-anzjanità tal-imsemmija trade mark fir-rigward ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea identika.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tagħmel interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 40 tar-Regolament 2017/1001. Hija tqis li l-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, fid-dawl tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi, tindika b’mod ċar li t-trade mark nazzjonali preċedenti identika, li l-anzjanità tagħha tkun qiegħda tiġi invokata favur it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, għandha tkun irreġistrata fil-mument li fih issir l-invokazzjoni tal-anzjanità.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kuntest tal-imsemmi artikolu (2). Fil-fatt, ladarba tintlaqa’ l-invokazzjoni tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali preċedenti identika favur it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, il-proprjetarju jista’ jħalli l-ewwel trade mark tiskadi, filwaqt li jibqa’ jibbenefika, fir-rigward tat-tieni trade mark, mill-istess drittijiet bħal dawk li kien ikollu li kieku l-ewwel trade mark kienet baqgħet irreġistrata. B’hekk, is-sistema ta’ invokazzjoni tal-anzjanità ta’ trade mark nazzjonali wara r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-prinċipju li l-proprjetarju tat-trade mark nazzjonali preċedenti ma huwiex ser jirrinunzja għal din it-trade mark jew ma huwiex ser iħalliha tiskadi qabel ma l-invokazzjoni tal-anzjanità mressqa minnu tkun intlaqgħet favur it-trade mark tal-Unjoni Ewropea. Dan jimplika li, fid-data li fiha ssir din l-invokazzjoni, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali preċedenti identika ma tkunx diġà skadiet.

Fit-tielet lok, l-imsemmija interpretazzjoni hija konformi wkoll mal-għan tas-sistema ta’ invokazzjoni tal-anzjanità, li huwa li l-proprjetarji ta’ trade marks nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea identiċi jkunu jistgħu jirrazzjonalizzaw il-portafolli ta’ trade marks tagħhom filwaqt li jżommu d-drittijiet preċedenti tagħhom. Il-preżunzjoni taż-żamma tad-drittijiet marbuta ma’ trade mark nazzjonali preċedenti identika, li għandha tiġi interpretata b’mod strett, ma tapplikax b’mod ġenerali iżda biss favur it-trade mark tal-Unjoni Ewropea identika u fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi identiċi li favur tagħhom tkun intlaqgħet l-invokazzjoni tal-anzjanità u fil-każ li r-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali preċedenti identika ma tkunx ġiet imġedda. Għaldaqstant, invokazzjoni tal-anzjanità milqugħa ma għandhiex l-effett li żżomm fis-seħħ it-trade mark nazzjonali preċedenti kkonċernata u lanqas ma għandha l-effett li żżomm biss ċerti drittijiet marbuta magħha b’mod indipendenti mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea li favur tagħha tkun intlaqgħet din l-invokazzjoni.

Għaldaqstant, għalkemm ir-rikorrenti tista’ tqajjem il-preżunzjoni taż-żamma tad-drittijiet marbuta mat-trade mark Pollakka preċedenti u mat-trade mark Ġermaniża preċedenti, wara l-iskadenza tagħhom, favur trade mark oħra tal-Unjoni Ewropea li fir-rigward tagħha ntlaqgħet l-invokazzjoni tal-anzjanità qabel l-iskadenza tagħhom, hija madankollu ma tistax tqajjem din l-istess preżunzjoni insostenn tal-invokazzjoni kontenzjuża fir-rigward tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni.


1      L-Artikolu 40(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), jipprevedi li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li jkun il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika, irreġistrata fi Stat Membru fir-rigward ta’ prodotti jew ta’ servizzi identiċi għal dawk li għalihom kienet irreġistrata t-trade mark preċedenti jew li huma inklużi fihom, jista’ jinvoka l-anzjanità tat-trade mark preċedenti fir-rigward tal-Istat Membru li fih jew li fir-rigward tiegħu din kienet ġiet irreġistrata.


2      L-Artikolu 40 tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 39(3) ta’ dan ir-regolament.