Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit2 ta’ April 2024 – Proċeduri kriminali kontra S.A.H.

(Kawża C-235/24, Niesker )1

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden

Partijiet fil-kawża prinċipali

S.A.H.

Parti oħra fil-proċedura: Openbaar Ministerie

Domandi preliminari

1.Il-kunċett ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2) sa (4) u mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea , għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll qorti ordinarja għajr l-awtorità kompetenti prevista fl-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas, maħtura għall-finijiet ta’ kwistjonijiet legali li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu (2) sa (4) u fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Qafas, u li tiddeċiedi esklużivament fuq dawn il-kwistjonijiet legali skont proċedura bil-miktub li fiha, fil-prinċipju, ma tintervjenix il-persuna kkundannata?1

2.L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li, fejn fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rikonoxximent skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI, qorti nazzjonali maħtura għal dan l-għan fl-Istat ta’ eżekuzzjoni tkun ġiet inkarigata tevalwa l-aspetti msemmija fl-Artikolu 8(2) sa (4) u fl-Artikolu 9 ta’ din id-deċiżjoni qafas, il-persuna kkundannata għandha tingħata, minbarra l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fl-Istat emittenti skont l-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI, rimedju effettiv fl-Istat eżekuzzjoni?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

3.L-Artikolu 47 tal-Karta, moqri fid-dawl tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tar-rimedju effettiv fl-Istat eżekuzzjoni, huwa biżżejjed li l-persuna kkundannata tkun tista’ tippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub, qabel ma l-qorti tiddeċiedi permezz ta’ deċiżjoni ta’ rikonoxximent, jew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rikonoxximent, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid tal-evalwazzjoni inizjali?

u

4.L-Artikolu 47 tal-Karta, moqri fid-dawl tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna kkundannata li ma jkollhiex riżorsi finanzjarji suffiċjenti u li teħtieġ għajnuna legali sabiex jiġi ggarantit aċċess effettiv għall-ġustizzja għandha tibbenefika mill-għajnuna legali fl-Istat eżekuzzjoni, minkejja li dan ma jkunx previst fil-liġi?

5.Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ modifika ta’ piena jew ta’ miżura minħabba li, min-natura tagħha, tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, ikun hemm lok li jiġi eżaminat liema miżura l-qorti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni kienet probabbilment tapplika li kieku l-proċeduri żvolġew fl-Istat ta’ eżekuzzjoni jew għandha ssir evalwazzjoni dwar il-portata effettiva tal-miżura fl-Istat emittenti fejn, jekk neċessarju, tiġi mitluba informazzjoni addizzjonali?

6.Kif u sa fejn għandu l-Istat ta’ eżekuzzjoni jieħu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi u l-informazzjoni li jiżvolġu wara d-deċiżjoni ta’ rikonoxximent fil-każ ta’ evalwazzjoni ġdida possibbli tal-projbizzjoni tal-aggravazzjoni tal-piena skont l-Artikolu 8(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI?

____________

1L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1ĠU 2008 L 327, p. 27