SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)
7 ta’ Marzu 2013
Kawża T‑39/12 P
Roberto Di Tullio
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Leave għal servizz nazzjonali – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Effetti ratione temporis ta’ sentenza”
Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tad-29 ta’ Novembru 2011, Di Tullio vs Il-Kummissjoni (F-119/10), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.
Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Roberto Di Tullio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.
Sommarju
1. Dritt tal-Unjoni – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet – Assigurazzjonijiet speċifiċi pprovduti mill-amministrazzjoni – Konformità tal-assigurazzjonijiet man-normi applikabbli
2. Appell – Aggravji – Aggravju bbażat fuq l-assenza ta’ aġġustament ratione temporis ta’ sentenza – Sentenza li tiċħad ir-rikors għal annullament – Aggravju infondat
(Artikolu 264 TFUE)
1. Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punt 23)
2. Mill-Artikolu 264 TFUE jirriżulta li, fil-każ li l-qorti tal-Unjoni tiddikjara null u ineżistenti l-att ikkontestat, hija tista’ tindika, jekk tqis li meħtieġ, dawk l-effetti tal-att annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi.
Issa, fil-kuntest ta’ appell minn sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-appellant ma jistax jikkritika b’mod utli lill-imsemmi Tribunal talli ma użax il-fakultà mogħtija lilu li jaġġusta l-effetti ratione temporis ta’ sentenza għal annullament, għaliex, permezz tas-sentenza appellata, l-imsemmi Tribunal ma annullax id-deċiżjoni kkontestata, iżda ċaħad ir-rikors tal-appellant.
(ara l-punti 31 u 32)