Language of document : ECLI:EU:T:2017:759

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

26 ta’ Ottubru 2017 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea verbali Klosterstoff – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Karattru deskrittiv – Trade mark ta’ natura li tqarraq bil-pubbliku – Artikolu 7(1)(b), (c), u (g) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 7(1)(b), (c) u (g) tar-Regolament (UE) 2017/1001] – Prassi preċedenti tal-EUIPO”

Fil-Kawża T‑844/16,

Alpirsbacher Klosterbräu Glauner GmbH & Co. KG, stabbilita f’Alpirsbach (il-Ġermanja), irrappreżentata minn W. Göpfert u S. Hofmann, avocats,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Schifko, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO, tas-6 ta’ Ottubru 2016 (Każ R 2064/2015‑5), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali Klosterstoff bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

komposta minn S. Gervasoni, President, K. Kowalik-Bańczyk u C. Mac Eochaidh (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Novembru 2016,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Marzu 2017,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li taqta’ u tiddeċiedi mingħajr fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-13 ta’ April 2015, ir-rikorrenti, Alpirsbacher Klosterbräu Glauner GmbH & Co. KG, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat [issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)]. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali Klosterstoff.

2        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 32 u 33 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 32: “Birra u prodotti tal-birrerija; xarbiet imħallta bbażati fuq il-birra, xarbiet mhux alkoħoliċi, b’mod partikolari birer mhux alkoħoliċi; preparazzjonijiet biex isiru x-xarbiet”;

–        klassi 33: “Xarbiet alkoħoliċi minbarra birra; spirti u likuri, b’mod partikolari wiski, brandi, vinello; xarbiet alkoħoliċi mħallta minn qabel, mingħajr dawk ibbażati fuq il-birra; preparazzjonijiet biex tagħmel xarbiet alkoħoliċi”.

3        Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2015, l-eżaminatur irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, abbażi tal-Artikolu 7(1)(b), (c) u (g) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b), (c) u (g) tar-Regolament 2017/1001).

4        Fit-13 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament Nru 2017/1001), kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur.

5        B’deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2016 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fil-punti 15 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata l-Bord tal-Appell indika li, sa fejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet komposta minn kelmiet Ġermaniżi, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-pubbliku li jitkellem bil-Ġermaniż jew li għandu għarfien tajjeb tal-vokabularju bażiku tal-Ġermaniż, li jkun normalment informat u raġonevolment attent u avżat. It-tieni nett, fil-punti 17 sa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa rrileva li l-kelma “klosterstoff”, li kienet komposta mill-kelmiet “kloster” u “stoff”, kienet tindika prodotti li fihom l-alkoħol li joriġina minn monasteru jew li huwa prodott f’tali post. Għalih, is-sinjal verbali li għalih saret l-applikazzjoni huwa sempliċi tqegħid ħdejn xulxin ta’ żewġ kelmiet li meta jingħaqdu jiddeskrivu, f’dak li jikkonċerna l-prodotti “birra u prodotti tal-birrerija; xarbiet imħallta bbażati fuq il-birra; preparazzjonijiet biex isiru x-xarbiet” li jaqgħu fil-klassi 32 u “xarbiet alkoħoliċi minbarra birra; spirti u likuri, b’mod partikolari wiski, brandi, vinello; xarbiet alkoħoliċi mħallta minn qabel, mingħajr dawk ibbażati fuq il-birra; preparazzjonijiet biex tagħmel xarbiet alkoħoliċi” li jaqgħu fil-klassi 33. Għaldaqstant, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata huwa kkonkluda li r-reġistrazzjoni tat-trade mark kellha tiġi rrifjutata abbażi tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 fir-rigward tal-imsemmija prodotti. It-tielet nett, fil-punti 27 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet ukoll nieqsa minn karattru distintiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament, fir-rigward tal-istess prodotti, għar-raġuni li din hija limitata għas-sempliċi messaġġ li l-prodotti kkonċernati fihom alkoħol li joriġina minn monasteru jew li huwa prodott f’tali post. Għalhekk, ma kienx possibbli għall-konsumatur li jsib l-oriġini kummerċjali meta jħares lejn is-sinjal. Ir-raba’ nett, fil-punti 34 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata l-Bord tal-Appell qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7(1)(g) tal-istess regolament, u dan sa fejn hija tagħti lill-konsumaturi x’jifhmu li xarbiet mhux alkoħoliċi fihom l-alkoħol u sa fejn għaldaqstant ma setgħetx tiġi rreġistrata b’dan il-mod għax-“xarbiet mhux alkoħoliċi, b’mod partikolari birer mhux alkoħoliċi”, inklużi fil-klassi 32. Il-ħames nett, fil-punti 38 u 39 tad-deċiżjoni kkontestata huwa qies li l-fatt li diversi trade marks li fihom l-element “stoff” kienu ġew irreġistrati preċedentement ma kienx determinanti sabiex tiġi evalwata l-legalità tar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

6        Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

7        L-EUIPO jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

8        Insostenn għar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment erba’ motivi. Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 meta qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tiddeskrivi l-prodotti inkwistjoni. Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 meta qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell b’mod żbaljat ikkonkluda li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet qarrieqa, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, għal ċerti prodotti inkwistjoni. Fir-raba’ lok, essenzjalment, il-Bord tal-Appell ma osservax il-prassi deċiżjonali preċedenti tiegħu.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009

9        Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tiddeskrivi l-prodotti inkwistjoni fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

10      L-EUIPO jikkontesta dan l-argument.

11      Skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistgħux jiġu rreġistrati t-“trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”. L-Artikolu 7(2) ta’ dan l-istess regolament (li sar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament 2017/1001) jipprovdi li l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix irreġistrata japplikaw biss f’parti tal-Unjoni Ewropea.

12      Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jippermettix li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet imsemmija fih jiġu rriżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark. Din id-dispożizzjoni ssegwi, b’hekk, għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li tali sinjali jew indikazzjonijiet jistgħu jiġu użati liberament minn kulħadd [sentenzi tas-27 ta’ Frar 2002, Ellos vs UASI (ELLOS), T‑219/00, EU:T:2002:44, punt 27, u tat-2 ta’ Mejju 2012, Universal Display vs UASI (UniversalPHOLED), T‑435/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:210, punt 14; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, EU:C:2003:579, punt 31].

13      Minbarra dan, sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jidentifikaw karatteristiċi tal-prodott jew tas-servizz li għalih issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni huma, skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, meqjusa li huma inkapaċi li jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz, sabiex b’hekk tippermetti lill-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz kopert mit-trade mark, sabiex, waqt akkwist ulterjuri, jerġa’ jagħmel l-istess għażla jekk jirriżulta li hija esperjenza pożittiva, jew li jagħmel għażla oħra, jekk din tirriżulta negattiva (sentenza tat-2 ta’ Mejju 2012, UniversalPHOLED, T‑435/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:210, punt 15; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, EU:C:2003:579, punt 30).

14      Minn dan jirriżulta li, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita bl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, hemm bżonn li jkollu konnessjoni diretta u konkreta biżżejjed mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni b’tali mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom [ara s-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Larrañaga Otaño vs UASI (GRAPHENE), T‑458/13, EU:T:2014:891, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata].

15      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, minn naħa, fir-rigward ta’ dak li jifhem bih il-pubbliku kkonċernat u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati [ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Münchener Rückversicherungs-Gesellschaft vs UASI (MunichFinancialServices), T‑316/03, EU:T:2005:201, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata].

16      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk, bħalma ssostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell kisirx l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 billi kkonkluda li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellha karattru deskrittiv.

17      Fl-ewwel lok għandu jitfakkar li l-Bord tal-Appell, fil-punti 15 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata, qies li l-pubbliku kkonċernat mill-perċezzjoni tan-natura deskrittiva tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kien kompost mill-pubbliku ġenerali li jesprimi ruħu bil-Ġermaniż jew li għandu għarfien tajjeb tal-vokabularju bażiku tal-Ġermaniż. Fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku mmirat, il-Bord tal-Appell qies li dan tal-aħħar kien normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Dawn l-evalwazzjonijiet ma fihomx żbalji u ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti.

18      Fit-tieni lok, fil-punti 17 sa 26 tad-deċiżjoni kkontestata l-Bord tal-Appell qies li, meħuda flimkien u permezz tat-tqegħid tagħhom ħdejn xulxin, il-kelmiet “kloster” u “stoff” kienu deskrittivi, u dan fis-sens li l-pubbliku rilevanti jifhimhom bħala riferiment għal prodotti li fihom l-alkoħol li joriġina minn monasteru jew li huwa prodott f’tali post. Minn naħa, billi bbaża ruħu fuq id-dizzjunarju Duden, huwa indika li l-kelma “stoff” kienet tindika l-alkoħol u qies li l-fatt li kien hemm aċċettazzjoni fuq il-livell informali ta’ dan it-terminu ma huwiex rilevanti. In-natura ta’ kelma li fiha diversi tifsiriet li għandha l-kelma “stoff” tqieset daqstantieħor, mill-Bord tal-Appell, bħala irrilevanti, peress li tal-inqas waħda mit-tifsiriet potenzjali ta’ din il-kelma kienet tindika l-prodotti inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, huwa rrileva li l-pubbliku rilevanti kien imdorri jara rappreżentazzjonijiet jew ismijiet ta’ monasteri assoċjati ma’ xarbiet alkoħoliċi. Għaldaqstant huwa rrileva wkoll li l-kelmiet “klosterbrauerei” (birrerija ta’ monasteru) u “klosterbier” (birra ta’ monasteru) kienu magħrufa min-nies dilettanti tal-birer, peress li numru ta’ birer kienu jinħadmu f’monasteri jew f’abbaziji. Huwa semma wkoll tliet abbaziji u monasteri Franċiż, Ġermaniż u Awstrijak li jipproduċu l-ispirti. Skont dan, il-produzzjoni ta’ birer u ta’ spirti fil-monasteri barra minn hekk kienet attestata sa mill-Medju Evu. Minn dawn l-elementi l-Bord tal-Appell iddeduċa rabta ċara bejn is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni u l-prodotti inkwistjoni. Fl-aħħar nett, huwa qies inoperattiv l-argument tar-rikorrenti li d-denominazzjoni “klosterstoff” ma kinitx tintuża komunement, peress li l-użu ta’ dan is-sinjal verbali sabiex jiġu indikati l-prodotti inkwistjoni ma jistax jitwarrab fil-ġejjieni.

19      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li huwa bi żball li l-Bord tal-Appell stabbilixxa n-natura deskrittiva tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni billi bbaża ruħu fuq analiżi separata tal-kelmiet “kloster” u “stoff” mingħajr ma ħa suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-impressjoni globali li jemani minn dan is-sinjal verbali. Meħud fl-intier tiegħu, dan tal-aħħar jippermetti lill-pubbliku rilevanti li jifhem it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala denominazzjoni fantażjuża u inabitwali li kulma tagħmel huwa li tindika l-oriġini tal-prodotti inkwistjoni. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għaldaqstant tiġi pperċepita bħala li tindika prodott – li huwa ppreċiżat sempliċement bil-kelma “stoff”, iżda li jindika xi ħaġa konkreta, oriġinali u tat-territorju – li joriġina minn monasteru jew huwa marbut ma’ monasteru. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-użu tal-kelma “stoff” sabiex tindika xarbiet alkoħoliċi, u b’mod partikolari l-birra, ma hijiex xi ħaġa komuni fil-pajjiżi fejn jiġi mitkellem il-Ġermaniż. Minbarra dan, f’diversi dizzjunarji, siti internet u riżultati ta’ muturi ta’ tfittxija invokati minnha dan is-sens tal-kelma “stoff” ma huwiex magħruf. Lanqas id-dizzjunarju Duden, li jagħmel riferiment għalih il-Bord tal-Appell, ma jattesta l-użu tal-kelma “stoff” ħlief għall-użu fil-lingwaġġ informali u biss għal alkoħol qawwi. Ir-rikorrenti tqis ukoll li t-tradizzjoni ta’ produzzjoni ta’ birer u ta’ spirti f’monasteri, imsemmija mill-Bord tal-Appell, ma hijiex magħrufa mill-konsumatur medju. Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-pubbliku rilevanti ma jistabbilixxi, mingħajr ma jwettaq riflessjoni oħra, ebda rabta diretta bejn il-kelma “klosterstoff” u l-prodotti inkwistjoni. Peress li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma hijiex deskrittiva, il-ħtieġa ta’ disponibbiltà ta’ dan is-sinjal verbali invokat mill-Bord tal-Appell ma hijiex, skont ir-rikorrenti, applikabbli f’dan il-każ.

20      L-EUIPO jikkontesta dawn l-argumenti.

21      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell wettaq l-eżami ta’ kull kelma li tifforma t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni billi bbaża ruħu fuq it-tifsiriet li jemanaw mid-dizzjunarju Duden, li r-rikorrenti stess tirrikonoxxi li huwa d-dizzjunarju l-iktar importanti u l-iktar magħruf tal-lingwa Ġermaniża. Huwa wkoll paċifiku li r-rikorrenti ma tikkontestax is-sens tal-kelma “kloster” magħżul mill-Bord tal-Appell.

22      Għall-kuntrarju, għandu jitwarrab l-argument tar-rikorrenti li, kuntrarjament għal dak li sostna l-Bord tal-Appell fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jikkonċerna x-xarbiet alkoħoliċi d-dizzjunarju Duden jillimita s-sens tal-kelma “stoff” biss għall-alkoħol qawwi u ma jsemmix il-birer u l-prodotti l-oħra tal-birrerija. Ir-rikorrenti ma ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali ebda prova sabiex issostni din l-allegazzjoni. Għalhekk, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta, billi bbaża ruħu fuq l-imsemmi dizzjunarju, qies li l-kelma “stoff” tindika alkoħol u li din hija pperċepita bħala tali mill-pubbliku rilevanti.

23      It-tieni nett, din l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li diversi dizzjunarji, siti internet u riżultati ta’ muturi ta’ tfittxija msemmija mir-rikorrenti ma jagħmlux rabta bejn “stoff” u alkoħol. Bl-istess mod, ma huwiex ta’ importanza li dan is-sens ma huwiex komuni u huwa informali fil-lingwa Ġermaniża. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li sinjal verbali għandu jiġi rrifjutat li jiġi rreġistrat jekk, f’minn tal-inqas waħda mit-tifsiriet potenzjali tiegħu, jindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati [ara s-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Bammer vs EUIPO – mydays (MÄNNERSPIELPLATZ), T‑372/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:331, punti 18 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata].

24      Huwa għaldaqstant ġustament li, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala indikazzjoni deskrittiva, sa fejn il-konsumatur medju jifhem li l-prodotti inkwistjoni kien fihom alkoħol li joriġina minn monasteru jew li huwa prodott f’tali post. Hekk kif irrileva fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sinjal verbali Klosterstoff għaldaqstant jindika direttament lill-pubbliku rilevanti x-xorta u l-kwalità ta’ parti mill-imsemmija prodotti.

25      It-tielet nett, fil-punti 20 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell isemmi tradizzjoni, li tmur lura għall-Medju Evu, ta’ produzzjoni ta’ birer u ta’ spirti fil-monasteri. Fil-fehma tiegħu, dawn l-elementi jistabbilixxu l-eżistenza, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, ta’ rabta konkreta bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-prodotti inkwistjoni.

26      Skont ir-rikorrenti, tali tradizzjoni ma hijiex magħrufa mill-konsumatur medju. Madankollu, dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Qabelxejn, ma jistax jiġi totalment eskluż li parti mill-pubbliku ġenerali għandu kultura ġenerali estiża f’dak li jikkonċerna x-xarbiet alkoħoliċi [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2015, Granette & Starorežná Distilleries vs UASI – Bacardi (42 VODKA JEMNÁ VODKA VYRÁBĚNÁ JEDINEČNOU TECHNOLOGIÍ 42 %vol.), T‑607/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:292, punt 105]. Sussegwentement, huwa magħruf li l-konsumaturi huma mdorrija jaraw rappreżentazzjonijiet jew ismijiet ta’ monasteri, partikolarment għal spirti jew birer [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2015, Benediktinerabtei St. Bonifaz vs UASI – Andechser Molkerei Scheitz (Genuß für Leib & Seele KLOSTER Andechs SEIT 1455), T‑78/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:768, punti 27 u 29]. Fl-aħħar nett, anki jekk wieħed jippreżupponi li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tistax tintrabat ma’ din it-tradizzjoni, din iċ-ċirkustanza ma tkunx ta’ natura li tikkontesta l-fatt li, quddiem is-sinjal verbali inkwistjoni, il-pubbliku rilevanti jifhem li dan huwa riferiment għal prodotti li fihom alkoħol li joriġina minn monasteru jew li huwa prodott f’tali post.

27      Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li din l-istess tradizzjoni tal-ħadma tal-birra ma hijiex magħrufa mill-konsumaturi medji ta’ ċerti Stati Membri, b’mod partikolari fl-Ewropa ta’ Isfel u tal-Lvant. Fil-fatt, mill-kliem stess tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament għandu japplika minkejja li r-raġunijiet ta’ rifjut jeżistu biss f’parti tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-imsemmija parti tal-Unjoni tista’ tkun magħmula, jekk ikun il-każ, minn Stat Membru wieħed [sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Jiménez Gasalla vs EUIPO (B2B SOLUTIONS), T‑685/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:438, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata].

28      Għaldaqstant għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell b’mod korrett stabbilixxiet l-eżistenza, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, ta’ rabta konkreta bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-prodotti kollha inkwistjoni, inklużi l-birer. Għalhekk, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-affermazzjoni, li tidher fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata u li r-rikorrenti tikkontesta, li skontha l-kliem “klosterbrauerei” u “klosterbier” huma magħrufa mid-“dilettanti tal-birer”. Dan l-ilment huwa ineffettiv sa fejn, anki li kieku kellu jintlaqa’, huwa ma jimminax il-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

29      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fiha allużjonijiet għal ċertu prodott – li huwa ppreċiżat sempliċement bil-kelma “stoff”, iżda li jindika xi ħaġa konkreta, oriġinali u tat-territorju – li huwa joriġina minn monasteru jew huwa marbut ma’ monasteru, mingħajr madankollu ma tindika jew tiddeskrivi bi preċiżjoni dan l-oġġett speċifiku. Meħud fl-intier tiegħu, is-sinjal verbali Klosterstoff għaldaqstant huwa suffiċjentement fantażjuż, iżda huwa wkoll imwarrab mill-użu lingwistiku komuni tal-pubbliku rilevanti, sabiex ma jiġix ipperċepit minnu bħala indikazzjoni purament deskrittiva tal-prodotti inkwistjoni.

30      Dan l-argument ma huwiex wieħed konvinċenti. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li trade mark magħmula minn neoloġiżmu jew minn kelma komposta minn diversi elementi li kull wieħed minnhom jiddeskrivi karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom ssir applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija hi stess deskrittiva tal-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew servizzi, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, ħlief jekk teżisti differenza perċettibbli bejn in-neoloġiżmu jew il-kelma inkwistjoni u s-sempliċi totalità tal-elementi li jiffurmawha. Dan jippreżupponi li, minħabba n-natura inabitwali tat-tqegħid flimkien tal-kliem li jirreferu għall-imsemmija prodotti u servizzi, in-neoloġiżmu jew il-kelma inkwistjoni joħolqu impressjoni differenti biżżejjed minn dik li tirriżulta mis-sempliċi għaqda tal-indikazzjonijiet li jirriżultaw mill-elementi li jiffurmawhom, b’mod li l-kelma tipprevali fuq it-totalità tal-imsemmija elementi [ara s-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2005, Metso Paper Automation vs UASI (PAPERLAB), T‑19/04, EU:T:2005:247, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-22 ta’ Mejju 2008, Radio Regenbogen Hörfunk in Baden vs UASI (RadioCom), T‑254/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:165, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata].

31      Issa, għandu jiġi kkonstatat li s-sinjal verbali ma fihx struttura inabitwali fir-rigward tar-regoli tal-lingwa Ġermaniża, b’mod li, hekk kif il-Bord tal-Appell ġustament u essenzjalment qies fil-punti 17, 23 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata, jinforma b’mod ċar lill-pubbliku rilevanti li l-prodotti inkwistjoni fihom alkoħol li joriġina minn monasteru jew huwa prodott f’tali post.

32      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta oppona r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, konformement mal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, għall-“birra u prodotti tal-birrerija; xarbiet imħallta bbażati fuq il-birra; preparazzjonijiet biex isiru x-xarbiet” li jaqgħu fil-klassi 32 u x-“xarbiet alkoħoliċi minbarra birra; spirti u likuri, b’mod partikolari wiski, brandi, vinello; xarbiet alkoħoliċi mħallta minn qabel, mingħajr dawk ibbażati fuq il-birra; preparazzjonijiet biex tagħmel xarbiet alkoħoliċi” li jaqgħu fil-klassi 33. Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

33      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kinitx distintiva fis-sens tal-Artkolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

34      L-EUIPO jikkontesta dan l-argument.

35      Kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa biżżejjed li waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut tapplika sabiex is-sinjal ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea [sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C‑104/00 P, EU:C:2002:506, punt 29, u tas-7 ta’ Ottubru 2015, Ċipru vs UASI (XAΛΛOYMI u HALLOUMI), T‑292/14 u T‑293/14, EU:T:2015:752, punt 74].

36      Konsegwentement, peress li, għall-prodotti inkwistjoni, mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li s-sinjal ippreżentat għar-reġistrazzjoni għandu karattru deskrittiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u dan il-motiv waħdu jiġġustifika r-rifjut ta’ reġistrazzjoni kkontestat, fi kwalunkwe każ ma huwiex utli li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-13 ta’ Frar 2008, Indorata‑Serviços e Gestão vs UASI, C‑212/07 P, mhux ippubblikat, EU:C:2008:83, punt 28).

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009

37      Ir-rikorrenti tallega li, kuntrarjament għal dak li ddeċieda l-Bord tal-Appell, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma setgħetx tqarraq bil-pubbliku rilevanti f’dak li jikkonċerna l-prodotti “xarbiet mhux alkoħoliċi, b’mod partikolari birer mhux alkoħoliċi”, li jinsabu fil-klassi 32. Skontha, għall-konsumatur medju attent huwa evidenti li xarbiet mhux alkoħoliċi ma fihomx birra jew tipi oħra ta’ alkoħol. Barra minn hekk, ir-raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni bbażata fuq in-natura qarrieqa tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tapplika biss li kieku din kienet qarrieqa għall-prodotti kollha li tirreferi għalihom.

38      L-EUIPO jikkontesta dawn l-argumenti.

39      Preliminarjament għandu jiġi osservat li, permezz tal-motiv preżenti, ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata sa fejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tqieset qarrieqa mill-Bord tal-Appell għall-prodotti “xarbiet mhux alkoħoliċi, b’mod partikolari birer mhux alkoħoliċi”, li jinsabu fil-klassi 32. B’hekk huwa jiddistingwi ruħu mill-ewwel żewġ motivi, li permezz tagħhom ir-rikorrenti kkontestat ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark f’dak li jikkonċerna x-xarbiet alkoħoliċi msemmija fil-klassijiet 32 u 33.

40      B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ din id-differenza, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 35 u 36 hawn fuq ma hijiex applikabbli għall-motiv preżenti. Il-konstatazzjoni tan-natura deskrittiva tas-sinjal verbali Klosterstoff għax-xarbiet alkoħoliċi ma tistax teżenta lill-Qorti Ġenerali milli teżamina l-allegata natura qarrieqa tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni sa fejn hija tindika tip ieħor ta’ prodott, jiġifieri “xarbiet mhux alkoħoliċi, b’mod partikolari birer mhux alkoħoliċi”.

41      Skont l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistgħux jiġu rreġistrati trade marks li huma ta’ natura li tqarraq bil-pubbliku, pereżempju fir-rigward tax-xorta, tal-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-prodott jew tas-servizz.

42      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-każijiet ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 jippreżupponu li wieħed jista’ jikkonkludi li jeżisti qerq effettiv jew riskju suffiċjentement serju ta’ qerq tal-konsumatur [ara, f’dan is-sens, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 3(1)(g) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), li l-formulazzjoni tiegħu hija identika għal dik tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, sentenzi tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, C‑87/97, EU:C:1999:115, punt 41, u tat-30 ta’ Marzu 2006, Emanuel, C‑259/04, EU:C:2006:215, punt 47; ara, ukoll, is-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze, C‑689/15, EU:C:2017:434, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-5 ta’ Mejju 2011, SIMS – École de ski internationale vs UASI – SNMSF (esf école du ski français), T‑41/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:200, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata].

43      F’dan il-każ, fil-punti 35 u 36 tad-deċiżjoni kkontestata l-Bord tal-Appell qies li jekk il-konsumaturi medji jaraw is-sinjal verbali Klosterstoff fuq l-imballaġġ tal-prodotti inkwistjoni, jiġifieri tax-“xarbiet mhux alkoħoliċi, b’mod partikolari birer mhux alkoħoliċi”, jitwasslu sabiex jaħsbu, u dan minħabba l-preżenza tal-kelma “stoff”, li huma għandhom bażi ta’ alkoħol. Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħu, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija qarrieqa, u dan peress li hija tgħaddi l-informazzjoni ċara li l-prodotti inkwistjoni indikati taħt din it-trade mark huma xarbiet alkoħoliċi, filwaqt li l-prodotti “xarbiet mhux alkoħoliċi, b’mod partikolari birer mhux alkoħoliċi” ma fihomx alkoħol.

44      B’teħid kont tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-kuntest tal-ewwel motiv, hemm lok li wieħed jaqbel mal-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell li l-konsumaturi medji jassoċjaw il-kelma “stoff” mal-alkoħol. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell b’mod korrett qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellha indikazzjoni qarrieqa meta hija kienet tapplika għal xarbiet mhux alkoħoliċi.

45      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li, hekk kif issostni r-rikorrenti, il-kompożizzjoni tal-imsemmija xarbiet hija indikata fuq dawn il-prodotti. Minn naħa, jekk wieħed isegwi dan l-argument ikun ifisser li, fir-rigward tal-konsumatur medju, in-natura qarrieqa tat-trade mark titneħħa biss malli wieħed jaqra t-tikketta li ssemmi l-ingredjenti ta’ dawn ix-xarbiet. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, għaldaqstant ma hemm ebda evidenza sabiex jitqies li l-konsumaturi se jkunu konxji tal-fatt li dawn ix-xarbiet ma fihomx alkoħol. Hekk kif jenfasizza l-EUIPO, il-konsumaturi fil-fatt jistgħu jitwasslu sabiex jixtru dawn il-prodotti bl-għaġla, mingħajr ma jieħdu l-ħin li janalizzaw it-test li jinsab fuq l-imballaġġ. Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-possibbiltà offruta lill-konsumatur li huwa jikkontrolla fuq it-tikketta liema huma l-ingredjenti użati fil-produzzjoni ta’ xarba ma tipprekludix, fiha nfisha, li t-trade mark li tindika dawn il-prodotti hija qarrieqa [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Torresan vs UASI – Klosterbrauerei Weissenohe (CANNABIS), T‑234/06, EU:T:2009:448, punt 43].

46      Fl-aħħar nett, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li skontu r-raġuni ta’ esklużjoni tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 tkun tapplika biss fil-każ li t-trade mark tkun qarrieqa għall-prodotti kollha li hija tindika. Fil-fatt, l-EUIPO jista’ jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għal ċerti prodotti li hija tindika filwaqt li n-natura qarrieqa tagħha tkun tikkonċerna biss l-imsemmija prodotti, u mhux il-prodotti kollha indikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2016, Caffè Nero Group vs EUIPO (CAFFÈ NERO), T‑37/16, mhux ippubblikata, EU:T:2016:634, punti 53 u 54, u tas-27 ta’ Ottubru 2016, Caffè Nero Group vs EUIPO (CAFFÈ NERO), T‑29/16, mhux ippubblikata, EU:T:2016:635, punti 48 u 49].

47      Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-EUIPO

48      Dan il-motiv jistrieħ fuq żewġ ilmenti. Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti ssostni li, billi rrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Bord tal-Appell ma mmotivax b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li jiġġustifikaw li wieħed ma jsegwix il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-EUIPO. Issa, fil-fehma tagħha, għadd kbir ta’ trade marks verbali preċedenti kienu ġew irreġistrati mill-EUIPO jew kienu suġġetti għal reġistrazzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali għal prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 32 u 33 minkejja li dawn kienu jinkludu l-element “stoff”. It-tieni lment, invokat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa bbażat fuq żball ta’ liġi tal-Bord tal-Appell, fis-sens li għadd kbir ta’ trade marks verbali preċedenti kienu ġew irreġistrati mill-EUIPO jew kienu suġġetti għal reġistrazzjonijiet Ġermaniżi jew internazzjonali għal prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 32 u 33 minkejja li dawn kienu jinkludu l-element “kloster”.

49      L-EUIPO jikkontesta dawn l-argumenti.

50      Fir-rigward tal-ewwel ilment, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saret l-ewwel sentenza tal-Artikolu 94 tar-Regolament 2017/1001), id-deċiżjonijiet tal-EUIPO għandhom ikunu motivati. Skont il-ġurisprudenza, dan l-obbligu għandu l-istess portata bħal dik sanċita mill-Artikolu 296 TFUE u l-għan tiegħu huwa li jippermetti, minn naħa, lill-partijiet interessati sabiex ikunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni [ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2004, Sunrider vs UASI – Vitakraft-Werke Wührmann u Friesland Brands (VITATASTE u METABALANCE 44), T‑124/02 u T‑156/02, EU:T:2004:116, punti 72 u 73 u l-ġurisprudenza ċċitata].

51      Għandu wkoll jitfakkar li d-deċiżjonijiet li l-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO huma mitluba jieħdu, skont ir-Regolament Nru 207/2009, dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni, u mhux fuq il-bażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal-EUIPO [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, EU:C:2007:252, punt 65; tat-2 ta’ Mejju 2012, UniversalPHOLED, T‑435/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:210, punt 37, u tat-8 ta’ Mejju 2012, Mizuno vs UASI – Golfino (G), T‑101/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:223, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Barra minn hekk ġie deċiż li, minkejja li, fir-rigward tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, l-EUIPO għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà adottati u jistaqsi b’attenzjoni partikolari dwar il-kwistjoni ta’ jekk hemmx lok li tingħata deċiżjoni fl-istess sens, l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għandha madankollu tkun irrikonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità [ara s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2015, Sabores de Navarra vs UASI – Frutas Solano (KIT, EL SABOR DE NAVARRA), T‑46/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:39, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata].

52      Barra minn hekk, is-sistema tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea hija sistema awtonoma, magħmula minn numru ta’ regoli u li ssegwi għanijiet speċifiċi għaliha, u l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali. Konsegwentement, il-kwistjoni jekk sinjal jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi evalwata biss abbażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti. L-EUIPO u, jekk ikun il-każ, il-qorti tal-Unjoni, ma humiex marbuta, minkejja li jistgħu jeħduhom inkunsiderazzjoni, minn deċiżjonijiet meħuda fuq il-livell tal-Istati Membri, u saħansitra ta’ pajjiż terz, u ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 ma tobbliga lill-EUIPO jew, fuq rikors, lill-Qorti Ġenerali biex tikseb riżultati identiċi għal dawk milħuqa mill-amministrazzjonijiet jew mill-qrati nazzjonali f’sitwazzjoni simili [ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, Australian Gold vs UASI – Effect Management & Holding (HOT), T‑611/13, EU:T:2015:492, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata].

53      F’dan il-każ, fil-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata l-Bord tal-Appell qies li t-trade marks tal-Unjoni Ewropea invokati mir-rikorrenti u li jużaw il-kelma “stoff” ma kinux jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-eżaminatur. Barra minn hekk, fl-istess punt huwa indika li l-imsemmija trade marks ma kinux sinjali komparabbli, peress li dawn kienu ċertament jinkudu l-element “stoff”, iżda bħala parti minn kliem ieħor. Fir-rigward tat-trade marks irreġistrati fir-reġistru Ġermaniż jew fir-reġistru internazzjonali u li jinkludu, huma wkoll, il-kelma “stoff”, fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata huwa rrileva li dawn ir-reġistrazzjonijiet ma kinux is-suġġett tal-proċedimenti mressqa quddiemu u li huma ma kinux jibdlu l-konklużjoni tiegħu dwar in-natura mhux reġistrabbli tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

54      Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li din il-motivazzjoni hija suffiċjenti.

55      F’dak li jikkonċerna t-tieni lment, l-EUIPO jsostni li d-dokumenti li jidhru fl-Anness K 13 tar-rikors huma inammissibbli, peress li ġew prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali.

56      Dan l-anness jikkonsisti f’estratt mis-sit internet Ġermaniż ta’ polymark tat-23 ta’ Novembru 2016. Huwa jelenka seba’ trade marks verbali li jinkludu l-element verbali “kloster”, liema trade marks ġew irreġistrati bħala trade marks tal-Unjoni Ewropea jew bħala trade marks Ġermaniżi, jew inkella ġew suġġetti għal reġistrazzjoni internazzjonali b’estensjoni tal-protezzjoni fl-Unjoni.

57      Minkejja li tressqu għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, dawn id-dokumenti ma humiex provi fis-sens proprju tagħhom, fis-sens, b’mod partikolari, tal-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, imma jikkonċernaw il-prassi deċiżjonali tal-EUIPO u ta’ awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali oħrajn, li għaliha, anki jekk l-imsemmija prassi hija sussegwenti għall-proċedimenti quddiem l-EUIPO, parti għandha d-dritt li tirreferi [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, EU:T:2005:420, punt 20; tat-18 ta’ Novembru 2014, Repsol vs UASI – Adell Argiles (ELECTROLINERA), T‑308/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:965, punt 20, u tal-24 ta’ Novembru 2016, CG vs EUIPO – Perry Ellis International Group (P PRO PLAYER), T‑349/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:677, punti 18 u 19]. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

58      B’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 51 u 52 iktar ’il fuq, l-ilment invokat mir-rikorrenti għandu għaldaqstant jiġi miċħud. B’mod partikolari, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 32 u 44 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell b’mod korrett qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet, minn naħa, deskrittiva fir-rigward tal-prodotti “birra u prodotti tal-birrerija; xarbiet imħallta bbażati fuq il-birra, preparazzjonijiet biex isiru x-xarbiet” li jaqgħu fil-klassi 32 u “xarbiet alkoħoliċi minbarra birra; spirti u likuri, b’mod partikolari wiski, brandi, vinello; xarbiet alkoħoliċi mħallta minn qabel, mingħajr dawk ibbażati fuq il-birra; preparazzjonijiet biex tagħmel xarbiet alkoħoliċi” li jaqgħu fil-klassi 33 (ara l-punt 32 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, ta’ natura li tqarraq bil-pubbliku meta hija kienet tapplika għal xarbiet mingħajr alkoħol (ara l-punt 44 iktar ’il fuq), b’mod li r-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod utli, għall-finijiet li tinvalida din il-konklużjoni, deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2015, KIT, EL SABOR DE NAVARRA, T‑46/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:39, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Il-fatt li trade marks li fihom l-element “kloster” ġew irreġistrati fil-passat ma jippermettix li wieħed jikkontesta n-natura deskrittiva u qarrieqa tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

59      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li r-raba’ motiv jiġi miċħud, u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

60      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Alpirsbacher Klosterbräu Glauner GmbH & Co. KG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gervasoni

Kowalik-Bańczyk

Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Ottubru 2017.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.