Language of document : ECLI:EU:T:2015:113

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

26 ta’ Frar 2015 (*)

 “FAEGG — Taqsima ‘Garanzija’ — FAEG u FAEŻR — Spejjeż esklużi mill-finanzjament — Miżuri ta’ żvilupp rurali — ‘Żvantaġġi naturali’ u agroambjent — Adegwatezza tal-kontrolli — Korrezzjonijiet finanzjarji b’rata fissa — Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑365/13,

Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas, R. Krasuckaitė u A. Petrauskaitė, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Steiblytė u G. von Rintelen, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/214/UE, tat-2 ta’ Mejju 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 123, p. 11),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. Van der Woude (Relatur), President, I. Wiszniewska-Białecka u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/214/UE, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 123, p. 11, iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni Ewropea, fost in-nefqa eskluża mill-finanzjament Komunitarju, eskludiet ċertu nfiq magħmul mir-Repubblika tal-Litwanja, iddikjarat għas-snin 2008 u 2009. In-nefqa eskluża kienet relatata ma’ miżuri ta’ sostenn tal-FAEŻR, li taqa’ taħt l-assi 2 tal-Programm ta’ Żvilupp Rurali tal-Litwanja, għall-2007-2013 (iktar ʼil quddiem il-“programm”), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 5076, tad-19 ta’ Ottubru 2007, kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 10216, tal-14 ta’ Diċembru 2009.

2        Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara investigazzjoni mwettqa fil-Litwanja, mill-21 sal-25 ta’ Settembru 2009, fil-kuntest tal-clearance tal-kontijiet tal-FAEŻR, sabiex jiġi vverifikat jekk is-sistema ta’ ġestjoni tal-assi 2 tal-programm kinitx konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

3        Ir-rapport ta’ awditjar redatt wara din l-investigazzjoni ġie kkomunikat lir-Repubblika tal-Litwanja permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Diċembru 2009. Ir-risposta tal-awtoritajiet Litwani waslet għand il-Kummissjoni fl-1 ta’ Frar 2010.

4        Il-Kummissjoni sejħet laqgħa bilaterali, li nżammet fil-21 ta’ Ottubru 2010. Matul din il-laqgħa, ir-rappreżentanti tar-Repubblika tal-Litwanja u tal-Kummissjoni ddiskutew ir-riżultati tal-awditjar. Il-minuti tal-imsemmija laqgħa ntbagħtu lill-awtoritajiet Litwani fit-13 ta’ Diċembru 2010.

5        B’ittra tal-10 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni kkomunikat lir-Repubblika tal-Litwanja l-konstatazzjonijiet tagħha wara l-investigazzjoni, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 171, p. 90). F’din l-ittra, il-Kummissjoni pproponiet li tapplika, fir-rigward tan-nefqa korrispondenti għat-talbiet imressqa fl-2008 u fl-2009, korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % għall-miżura agroambjentali (miżura Nru 214) u ta’ 2 % għall-miżura ta’ għajnuna favur bdiewa li jinsabu f’żoni bi żvantaġġi naturali għajr żoni muntanjużi (miżura Nru 212) (iktar ʼil quddiem il-“miżura relatata mal-iżvantaġġi naturali”).

6        B’ittra tat-22 ta’ Diċembru 2011, l-awtoritajiet Litwani adixxew il-korp ta’ konċiljazzjoni b’din il-proposta ta’ korrezzjoni finanzjarja, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 885/2006. Fit-30 ta’ Marzu 2012, il-korp ta’ konċiljazzjoni ppreżenta r-rapport finali tiegħu. Il-Kummissjoni b’mod parzjali ħadet inkunsiderazzjoni l-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport.

7        Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni emendat il-pożizzjoni finali tagħha.

8        Id-deċiżjoni kkontestata ntbagħtet lir-Repubblika tal-Litwanja fit-3 ta’ Mejju 2013, akkumpanjata minn rapport fil-qosor li jispjega l-motivi tal-korrezzjoni finanzjarja. Bl-imsemmija deċiżjoni, korrezzjoni finanzjarja ta’ EUR 3 448 510 kienet imposta għall-2008 u l-2009 tat-tressiq tat-talbiet, sa fejn tirrigwarda l-miżuri Nri 1 u 9 tal-assi 2 tal-programm.

9        Essenzjalment, il-Kummissjoni ġġustifikat l-impożizzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja għall-motivi li ġejjin:

–        l-osservanza tal-kriterju ta’ ammissibbiltà relatat mad-densità tal-annimali li ma kienx osservat, fir-rigward tal-miżura relatata mal-iżvantaġġi naturali;

–        l-impenji relatati mal-miżura agroambjentali ma ġewx ivverifikati f’100 % tal-qatgħat agrikoli;

–        il-kontroll tal-impenn relatat mal-użu ta’ fertilizzanti ma kienx biżżejjed, peress li l-verifika kienet biss viżwali.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2013, ir-Repubblika tal-Litwanja ppreżentat dan ir-rikors.

11      Ir-Repubblika tal-Litwanja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq magħmul minnha taħt il-FAEŻR;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Litwanja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

13      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Litwanja tinvoka ħames motivi. L-ewwel żewġ motivi jirrigwardaw il-miżura relatata mal-iżvantaġġi naturali. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 10 u 15 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1975/2006, tas-7 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ kontroll kif ukoll il-konformità reċiproka rigward il-miżuri ta’ sostenn għall-iżvilupp rurali (ĠU L 368, p. 74), u tal-Artikolu 48 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006, tal-15 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-FAEŻR (ĠU L 368, p. 15). It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 209, p. 1) u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

14      Il-motivi l-oħra huma relatati mal-miżura agroambjentali. It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1975/2006, tal-Artikolu 48(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 u tal-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 73/2009, kif ukoll il-kundizzjonalità prevista bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243), jirrigwarda l-kontroll tal-impenji fil-qatgħat kollha. Ir-raba’ u l-ħames motivi, ibbażati, minn naħa, fuq il-ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1975/2006 u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005 kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jinvolvu l-verifika tal-impenji dwar l-użu ta’ fertilizzant.

[omissis]

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005, kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

108    Ir-Repubblika tal-Litwanja tikkontesta l-impożizzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % għall-miżuri agroambjentali li jirrigwardaw il-kriterju relatat mal-użu ta’ fertilizzanti, ibbażata fuq il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li l-kontrolli viżwali magħmula kienu insuffiċjenti. Hija ssostni li l-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % hija sproporzjonata fid-dawl tal-ksur allegat, u tmur lil hinn dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

109    Ir-Repubblika tal-Litwanja tirrileva li, fir-rapport tiegħu, il-korp ta’ konċiljazzjoni ddubita l-fondatezza tal-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 %. Fil-fatt, il-kontrolli mwettqa retroattivament kienu wrew li ma kienx hemm ksur wieħed, hekk li l-ksur allegat ħoloq riskju limitat għall-FAEŻR (ara l-punt 96 iktar ʼil fuq).

110    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005, il-Kummissjoni tevalwa l-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament Komunitarju, billi tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa waħda, in-natura u l-gravità tal-ksur u, min-naħa l-oħra, id-dannu finanzjarju kkawżat lill-Unjoni.

111    F’dan ir-rigward, id-dokument Nru VI/5330/97 jipprovdi korrezzjoni ta’ 5 % meta jitwettqu l-kontrolli prinċipali kollha, iżda mingħajr ma jiġu osservati l-għadd, il-frekwenza jew ir-rigorożità previsti mir-regolamenti, u jista’ għaldaqstant jiġi konkluż li dawn il-kontrolli ma joffrux il-livell mistenni ta’ garanzija tar-regolarità tat-talbiet u li r-riskju ta’ telf għall-baġit tal-Unjoni huwa sinjifikattiv (ara l-punt 55 iktar ʼil fuq).

112    F’din il-kawża, fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-natura u tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ġustament issostni, li, għalkemm il-kontrolli tal-kriterju relatat mal-użu ta’ fertilizzanti huma biss viżwali, dan in-nuqqas għandu jitqies li huwa difett li jaffettwa element essenzjali mill-kontroll, li jista’ fil-prinċipju jiġġustifika korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 %, skont id-dokument Nru VI/5330/97 (ara l-punt 111 iktar ʼil fuq).

113    Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, din il-korrezzjoni b’rata fissa ġiet applikata biss għall-miżuri kkonċernati bil-kriterju relatat mal-użu ta’ fertilizzanti. Dan jirriżulta mir-rapport ta’ sinteżi u ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

114    Madankollu, fir-rigward, fit-tieni lok, tal-importanza tar-riskju finanzjarju rrappreżentat min-nuqqas ta’ kontroll tal-miżuri li jirrigwardaw il-kriterju relatat mal-użu ta’ fertilizzanti, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx ġustament tikkunsidra li dan in-nuqqas jirrappreżenta riskju ta’ telf sinjifikattiv għall-baġit tal-Unjoni, skont id-dokument VI/5330/97 (ara l-punt 111 iktar ʼil fuq).

115    Skont il-ġurisprudenza, għalkemm il-Kummissjoni għandha l-oneru li tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli Komunitarji, meta dan il-ksur jiġi stabbilit, huwa l-Istat Membru li għandu juri, jekk ikun il-każ, li l-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li għandhom jinġibdu minnu (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑5/03, Ġabra, EU:C:2005:426, punt 38).

116    F’din il-kawża, ir-Repubblika tal-Litwanja, mistiedna bil-miktub mill-Qorti Ġenerali sabiex tispeċifika, matul is-seduta, in-natura tal-kontrolli iktar komprensivi magħmula ex post sabiex tiġi vverifikata l-affidabbiltà tal-kontrolli viżwali mwettqa fl-2008 u fl-2009, spjegat li, wara r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapport ta’ awditjar kkomunikat lill-awtoritajiet Litwani fl-10 ta’ Diċembru 2009, kienu twettqu kontrolli ex post skont il-metodi previsti mill-Kummissjoni, billi ġew ivverifikati l-fatturi u l-kontijiet ta’ 10 % tal-bdiewa kkonċernati.

117    Il-Kummissjoni ma kkontestatx li l-metodi użati fil-kontrolli ex post kienu konformi mar-rakkomandazzjonijiet tagħha. Hija sostniet li dawn il-kontrolli ma jeliminawx in-nuqqas inizjali.

118    Sa fejn dawn il-kontrolli ex post, ibbażati fuq taħlita ta’ metodi, u mwettqa fuq 10 % tal-kampjun, ma wasslux għall-konstatazzjoni ta’ xi ksur fuq il-215 persuna li ressqu talba li kienu hekk ikkontrollati (ara l-punt 109 iktar ʼil fuq), hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-Repubblika tal-Litwanja wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li, fil-prattika, l-assenza ta’ kontrolli doppji skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kienet wasslet biss għal riskju finanzjarju baxx għall-baġit tal-Unjoni. Issa, skont id-dispożizzjonijiet tad-dokument Nru VI/5330/97 (ara l-punt 55 iktar ʼil fuq), dan ir-riskju ma jiġġustifikax l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % fir-rigward ta’ dawn il-miżuri kkonċernati, li hija prevista biss meta r-riskju ta’ telf għall-baġit tal-Unjoni huwa sinjifikattiv.

119    Għaldaqstant, l-impożizzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % fir-rigward tal-miżuri agroalimetari marbuta mal-kriterju relatat mal-użu ta’ fertilizzanti, hija kuntrarja għall-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005 u għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

120    Hemm lok li jiġi kkonstatat, għaldaqstant, li l-ħames motiv huwa fondat. Ir-rikors għandu jiġi miċħud sa fejn huwa bbażat fuq l-erba’ motivi l-oħra.

121    Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, sa fejn timponi korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % fir-rigward tal-miżuri agroalimetari marbuta mal-kriterju relatat mal-użu ta’ fertilizzanti.

 Fuq l-ispejjeż

122    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

123    F’dan il-każ, kull waħda mill-partijiet għandha tiġi kkundannata li tbati l-ispejjeż relattivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/214/UE, tat-2 ta’ Mejju 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) hija annullata, sa fejn timponi korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % fir-rigward tal-miżuri agroalimetari marbuta mal-kriterju relatat mal-użu ta’ fertilizzanti.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Ir-Repubblika tal-Litwanja u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Van der Woude

Wiszniewska-Białecka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Frar 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Litwan.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.