Language of document : ECLI:EU:C:2017:342

Kawża C315/15

Marcela PeškováuJiří Peška

vs

Travel Service a.s.

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Obvodní soud pro Prahu 6)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(3) – Kumpens lill-passiġġieri fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark u ta’ tħassir jew ta’ dewmien twil ta’ titjira – Portata – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kolliżjoni bejn ajruplan u għasfur – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ – Kunċett ta’ ‘miżuri raġonevoli’ sabiex tiġi evitata ċirkustanza straordinarja jew jiġu evitati l-konsegwenzi ta’ tali ċirkustanza”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-4 ta’ Mejju 2017

1.        Trasport – Trasport bl-ajru – Regolament Nru 261/2004 – Kumpens u assistenza għal passiġġieri – Tħassir jew dewmien twil ta’ titjira – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kundizzjoni – Ċirkustanzi straordinarji – Kunċett – Kolliżjoni bejn ajruplan u għasfur – Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, premessa 14 u Artikolu 5(3))

2.        Trasport – Trasport bl-ajru – Regolament Nru 261/2004 – Kumpens u assistenza għal passiġġieri – Tħassir jew dewmien twil ta’ titjira – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kundizzjoni – Ċirkustanzi straordinarji – Teħid, mit-trasportatur bl-ajru, tal-miżuri kollha raġonevoli sabiex jiġi evitat it-tħassir jew id-dewmien – Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikolu 5(3))

3.        Trasport – Trasport bl-ajru – Regolament Nru 261/2004 – Kumpens u assistenza għal passiġġieri – Tħassir jew dewmien twil ta’ titjira – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kundizzjoni – Ċirkustanzi straordinarji – Kunċett – Rikors mit-trasportatur għal espert tal-għażla tiegħu sabiex jeffettwa verifika mill-ġdid ta’ ajruplan li ħabat ma’ għasfur, bl-ewwel verifika mwettqa minn kumpannija awtorizzata u li wasslet għall-konstatazzjoni li ma kienx hemm dannu lill-ajruplan – Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, premessa 14 u Artikolu 5(3))

4.        Trasport – Trasport bl-ajru – Regolament Nru 261/2004 – Kumpens u assistenza għal passiġġieri – Tħassir jew dewmien twil ta’ titjira – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kundizzjoni – Ċirkustanzi straordinarji – Teħid, mit-trasportatur bl-ajru, tal-miżuri kollha raġonevoli sabiex jiġi evitat it-tħassir jew id-dewmien – Kunċett ta’ miżura raġonevoli – Miżuri intiżi sabiex jitnaqqsu r-riskji ta’ kolliżjoni bejn ajruplan u għasfur – Inklużjoni – Verifika mill-qorti nazzjonali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, premessa 14 u Artikoli 5(3) u 7)

5.        Trasport – Trasport bl-ajru – Regolament Nru 261/2004 – Kumpens u assistenza għal passiġġieri – Dewmien twil ta’ titjira – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kundizzjoni – Ċirkustanzi straordinarji – Dewmien attribwibbli wkoll għal ċirkustanzi oħra – Kalkolu tad-dewmien ikkawżat minn ċirkustanzi straordinarji sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ dritt għal kumpens

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, premessa 14 u Artikoli 5(3) u 7)

6.        Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Limiti – Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli – Neċessità li tingħata informazzjoni suffiċjenti lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv

(Artikolu 267 TFUE)

1.      L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ tħassir jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tar-Regolament Nru 261/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kolliżjoni bejn ajruplan u għasfur taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

F’dan il-każ, kolliżjoni bejn ajruplan u għasfur, kif ukoll il-ħsara possibbli kkawżata minn din il-kolliżjoni, jekk ma humiex marbuta intrinsikament mas-sistema ta’ funzjonament tal-ajruplan, ma humiex, min-natura jew mill-oriġini tagħhom, inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u jaħarbu mill-kontroll effettiv tiegħu. F’dan ir-rigward, ma huwiex rilevanti jekk din il-kolliżjoni attwalment ikkawżatx danni lill-ajruplan ikkonċernat. Fil-fatt, l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri bl-ajru, imfittex mir-Regolament Nru 261/2004 hekk kif huwa speċifikat fil-premessa 1 ta’ dan, jimplika li t-trasportaturi bl-ajru ma għandhomx jiġu inkoraġġuti joqogħdu lura milli jieħdu l-miżuri meħtieġa minn tali inċident sabiex iwettqu t-titjiriet tagħhom u sabiex ikunu fil-ħin b’detriment għall-għan tas-sigurtà ta’ dawn it-titjiriet.

(ara l-punti 24 sa 26, u d-dispożittiv 1)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 27 sa 30)

3.      L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tħassir jew d-dewmien twil ta’ titjira ma huwiex dovut għal ċirkustanzi straordinarji, meta dan it-tħassir jew dan id-dewmien jirriżulta mill-użu minn trasportatur bl-ajru ta’ espert magħżul minnu sabiex jaffettwa mill-ġdid il-kontrolli ta’ sigurtà meħtieġa minn kolliżjoni ma’ għasfur, wara li dawn ikunu diġà twettqu minn espert li huwa awtorizzat jagħmel dawn taħt ir-regolamenti applikabbli.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li huwa t-trasportatur bl-ajru, li meta ffaċċjat b’ċirkustanza straordinarja, bħall-kolliżjoni tal-ajruplan tiegħu ma’ għasfur, għandu jadotta l-miżuri xierqa għas-sitwazzjoni billi jimplementa l-mezzi kollha disponibbli f’termini ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji li huwa kellu, sabiex jevita, sa fejn huwa possibbli, it-tħassir jew id-dewmien twil tat-titjiriet tiegħu. Għalhekk, minkejja li r-Regolament Nru 261/2004 ma jaffettwax il-libertà tat-trasportaturi bl-ajru milli jagħmlu użu minn esperti tal-għażla tagħhom sabiex iwettqu l-kontrolli meħtieġa wara kolliżjoni ma’ għasfur, xorta jibqa’ l-fatt li, meta wara tali kolliżjoni diġà jkun twettaq kontroll minn espert awtorizzat għal dan il-għan skont ir-regolamenti applikabbli, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, jekk dan it-tieni kontroll li neċessarjament iwassal għal dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar mill-wasla tat-titjira kkonċernata għandux jiġi kkunsidrat bħala miżura xierqa għas-sitwazzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 ta’ din is-sentenza.

(ara l-punti 34, 35, 37, u d-dispożittiv 2)

4.      L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“miżuri raġonevoli” li trasportatur bl-ajru għandu jimplementa sabiex inaqqas u jevita r-riskji ta’ kolliżjoni ma’ għasfur u għalhekk sabiex jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens lill-passiġġieri skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jinkludu l-użu ta’ miżuri ta’ kontroll fuq bażi preventiva tal-eżistenza ta’ dawn l-għasafar, bil-kundizzjoni li, b’mod partikolari fuq il-livell tekniku u l-livell amministrattiv, tali miżuri jistgħu effettivament jiġu adottati minn dan it-trasportatur bl-ajru, li dawn il-miżuri ma jagħtux lok għal sagrifiċċji mhux tollerabbli fir-rigward tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu u li dan it-trasportatur ikun wera li dawn il-miżuri kienu effettivament ittieħdu fir-rigward tat-titjira kkonċernata mill-kolliżjoni ma’ għasfur, kundizzjonijiet li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li huma ssodisfatti.

(ara l-punt 48, u d-dispożittiv 3)

5.      L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira ta’ tliet sigħat jew iktar mill-wasla li sseħħ mhux biss f’ċirkustanza straordinarja, li ma setgħatx tiġi evitata permezz ta’ miżuri xierqa għas-sitwazzjoni u li kienet is-suġġett, min-naħa tat-trasportatur bl-ajru, tal-miżuri raġonevoli kollha sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi ta’ dan, iżda wkoll f’ċirkustanza oħra li ma taqax taħt din il-kategorija, id-dewmien ikkawżat minn din l-ewwel ċirkustanza għandu jiġi mnaqqas mill-ħin ta’ dewmien totali mill-wasla tat-titjira kkonċernata sabiex jiġi evalwat jekk id-dewmien mill-wasla ta’ din it-titjira kellux ikun is-suġġett ta’ kumpens previst taħt l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

(ara l-punt 54, u d-dispożittiv 4)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 57)