Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Lulju 2008 - L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-274/08)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentant: S. Fiorentino, avvocato dello Stato)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 1711, tat-30 ta' April 2008, dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet ta' l-aġenziji tal-ħlas ta' l-Istati Membri li jikkonċernaw l-infiq iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG), għas-sena finanzjarja 2007.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni li hija s-suġġett ta' din il-kawża ġiet ikkontestata parzjalment safejn tikkalkula l-interessi fuq l-ammonti li għandhom jitħallsu mill-Istat Taljan skond l-Artikolu 32(5) tar-Regolament (KE) Nru 1290/05 u, partikolarment, safejn tikkalkula l-interessi, li jibdew jiddekorru mid-data tal-ħlas ta' l-indebitu, fuq l-ammonti li ma jkunux ġew irkuprati fit-terminu ta' tmien snin mid-data ta' l-ewwel deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja u fejn ikunu pendenti proċedimenti ġudizzjarji quddiem qrati nazzjonali, u li 50 % minnhom għandhom jitħallsu mill-Istat Membru u l-50 % l-oħra mill-baġit Komunitarju.

In sostenn tar-rikors tiegħu, il-Gvern rikorrenti jinvoka l-ksur ta' l-Artikolu 32(5) tar-Regolament (KE) Nru 1290/05. Din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li għandhom jiġu kkalkulati l-interessi fil-każ li l-irkupru jkun ikkontestat fi proċedimenti ġudizzjarji, kemm għaliex is-sens litterali tal-paragrafu 5 ma jipprovdix għal dan (b'differenza minn dak li huwa previst fil-paragrafu 1), kif ukoll għaliex it-terminu li fih jiddekkorru l-interessi jista' jiġi stabbilit biss wara d-deċiżjoni ġudizzjarja.

____________