Language of document : ECLI:EU:C:2023:1010

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Diċembru 2023 (*)

Werrej


I. Ilkuntest ġuridiku

A. LIstatuti talUEFA

B. Irregoli talUEFA u talURBSFA dwar il“plejers imrawma lokalment”

1. Ir-regoli tal-UEFA

2. Irregoli talURBSFA

II. Ilfatti filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

III. Fuq lammissibbiltà

A. Fuq ilkundizzjonijiet proċedurali għalladozzjoni taddeċiżjoni tarrinviju

B. Fuq ilkontenut taddeċiżjoni tarrinviju

C. Fuq ilfatti talkawża u rrilevanza taddomandi magħmula lillQorti talĠustizzja

D. Fuq iddimensjoni transkonfinali talkawża prinċipali

IV. Fuq iddomandi preliminari

A. Osservazzjonijiet preliminari

1. Fuq issuġġett talkawża prinċipali

2. Fuq lapplikabbiltà taddritt talUnjoni għallisport u għallattività talassoċjazzjonijiet sportivi

3. Fuq lArtikolu 165 TFUE

B. Fuq iddomandi preliminari sa fejn jikkonċernaw lArtikolu 101 TFUE

1. Fuq linterpretazzjoni talArtikolu 101(1) TFUE

a) Fuq leżistenza ta’ “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi”

b) Fuq leffett fuq ilkummerċ bejn Stati Membri

c) Fuq ilkunċett ta’ aġir li għandu bħala “għan” jew bħala “riżultat” li jippreġudika lkompetizzjoni u fuq ilkaratterizzazzjoni tależistenza ta’ tali aġir

1) Fuq ilkaratterizzazzjoni tależistenza ta’ aġir li għandu bħala “għan” ilprevenzjoni, irrestrizzjoni jew iddistorsjoni talkompetizzjoni

2) Fuq ilkaratterizzazzjoni tależistenza ta’ aġir li għandu bħala “riżultat” ilprevenzjoni, irrestrizzjoni jew iddistorsjoni talkompetizzjoni

3) Fuq ilkategorizzazzjoni, bħala deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li għandhom bħala “għan” jew bħala “riżultat” irrestrizzjoni talkompetizzjoni, tarregoli li jobbligaw lillklabbs ikollhom kwota minima ta’ plejers “imrawma lokalment” fittimijiet tagħhom

d) Fuq ilpossibbiltà li ċertu aġir speċifiku jitqies li ma jaqax taħt lArtikolu 101(1) TFUE

2. Fuq linterpretazzjoni talArtikolu 101(3) TFUE

C. Fuq iddomandi preliminari sa fejn jikkonċernaw lArtikolu 45 TFUE

1. Fuq leżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta jew ta’ ostakolu għallmoviment liberu talħaddiema

2. Fuq leżistenza ta’ ġustifikazzjoni possibbli

V. Fuq lispejjeż


“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Suq intern – Regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet sportivi internazzjonali u nazzjonali – Futbol professjonali – Entitajiet irregolati mid-dritt privat b’setgħat regolatorji, ta’ kontroll u ta’ sanzjoni – Regoli li jobbligaw lill-klabbs tal-futbol professjonali jirrikorru għal numru minimu ta’ plejers ‘imrawma lokalment’ – Artikolu 101(1) TFUE – Deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tippreġudika l-kompetizzjoni – Kunċetti ta’ ‘għan’ u ta’ ‘effett’ antikompetittiv – Eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE – Kundizzjonijiet – Artikolu 45 TFUE – Diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità – Ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema – Ġustifikazzjoni – Kundizzjonijiet – Oneru tal-prova”

Fil-Kawża C‑680/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal de première instance francophone de Brussell (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Novembru 2021, fil-proċedura

UL,

SA Royal Antwerp Football Club

vs

Union royale belge des sociétés de football association ASBL (URBSFA),

fil-preżenza ta’:

Union des associations européennes de football (UEFA),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, K. Jürimäe, C. Lycourgos u O. Spineanu‑Matei, Presidenti ta’ Awla, M. Safjan, L. S. Rossi, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, N. Wahl, J. Passer (Relatur), M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Novembru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal UL, minn J.‑L. Dupont, S. Engelen, M. Hissel u F. Stockart, avocats,

–        għas‑SA Royal Antwerp Football Club, minn J.‑L. Dupont, M. Hissel u F. Stockart, avocats,

–        għall‑Union royale belge des sociétés de football association ASBL (URBSFA), minn N. Cariat, E. Matthys u A. Stévenart, avocats,

–        għall‑Union des associations européennes de football (UEFA), minn B. Keane, D. Slater u D. Waelbroeck, avocats,

–        għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin, J.‑C. Halleux, C. Pochet u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn K. Boskovits, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, A. Kramarczyk–Szaładzińska u M. Wiącek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, R. Capaz Coelho u C. Chambel Alves, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Rumen, minn L.‑E. Baţagoi, E. Gane, L. Liţu u A. Rotăreanu, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn H. Eklinder, J. Lundberg, C. Meyer‑Seitz, A. Runeskjöld, M. Salborn Hodgson, R. Shahsavan Eriksson, H. Shev u O. Simonsson, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Baches Opi, B.‑R. Killmann, D. Martin u G. Meessen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 u 101 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, UL u s-SA Royal Antwerp Football Club (iktar ’il quddiem ir-“Royal Antwerp”), u, min-naħa l-oħra, l-Union royale belge des sociétés de football association ASBL (URBSFA), fir-rigward ta’ talba għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tiċħad bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata azzjoni għal nullità u għal kumpens ippreżentata minn UL u r-Royal Antwerp kontra l-Unjoni des associations européennes de football (UEFA) u l-URBSFA.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      LIstatuti talUEFA

3        L-UEFA hija assoċjazzjoni rregolata mid-dritt privat stabbilita fl-Isvizzera. Skont l-Artikolu 2 tal-Istatuti tagħha, fil-verżjoni tagħhom adottata matul is-sena 2021 (iktar ’il quddiem l-“Istatuti tal-UEFA”), hija għandha bħala għan, b’mod partikolari, “li titratta l-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw il-futbol Ewropew”, “li tissorvelja u tikkontrolla l-iżvilupp ta’ kull tip ta’ futbol fl-Ewropa”, kif ukoll li “tipprepara u torganizza kompetizzjonijiet internazzjonali u tornej internazzjonali tal-futbol għal kull tip ta’ futbol fuq livell Ewropew”.

4        Konformement mal-Artikolu 5 tal-Istatuti tal-UEFA, kull assoċjazzjoni li hija stabbilita f’pajjiż Ewropew irrikonoxxut bħala Stat indipendenti mill-maġġoranza tal-membri tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU) u li hija responsabbli mill-organizzazzjoni tal-futbol f’dan il-pajjiż, tista’ ssir membru tal-UEFA. Bis-saħħa tal-Artikolu 7a ta’ dawn l-istatuti, sħubija timplika l-obbligu, għall-assoċjazzjonijiet ikkonċernati, li josservaw, b’mod partikolari, l-istatuti, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet tal-UEFA kif ukoll li jiżguraw l-osservanza tagħhom, f’pajjiżhom stess, mil-legi professjonali li jaqgħu taħthom kif ukoll mill-klabbs u mill-plejers. Fil-prattika, iktar minn 50 assoċjazzjoni internazzjonali huma attwalment membri tal-UEFA.

5        Skont l-Artikoli 11 u 12 tal-imsemmija statuti, l-organi tal-UEFA jinkludu b’mod partikolari “organu suprem” bl-isem ta’ “Kungress” u “Kumitat Eżekuttiv”.

B.      Irregoli talUEFA u talURBSFA dwar il“plejers imrawma lokalment”

1.      Ir-regoli tal-UEFA

6        Fit‑2 ta’ Frar 2005, il-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA adotta regoli li jipprevedu li l-klabbs tal-futbol professjonali li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol ta’ bejn il-klabbs organizzati mill-UEFA għandhom jinkludu massimu ta’ 25 plejer fil-lista tal-plejers tal-logħba, liema lista għandha tinkludi numru minimu ta’ plejers ikklassifikati bħala “plejers imrawma lokalment” u ddefiniti bħala plejers li, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, ġew imrawma matul mill-inqas tliet snin, ta’ età ta’ bejn 15 u 21 sena, mill-klabb tagħhom jew minn klabb ieħor affiljat mal-istess assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol (iktar ’il quddiem ir-“regoli dwar il-‘plejers imrawma lokalment’”).

7        Fil‑21 ta’ April 2005, ir-regoli dwar il-“plejers imrawma lokalment” ġew approvati mill-Kungress tal-UEFA waqt laqgħa li kienet tiġbor fiha l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol kollha li kienu membri tagħha u li nżammet f’Tallinn (l-Estonja) (iktar ’il quddiem il-“kungress ta’ Tallinn”).

8        Mill-istaġun 2007/2008, dawn ir-regoli jipprevedu li l-klabbs tal-futbol professjonali li jipparteċipaw f’kompetizzjoni internazzjonali tal-futbol bejn il-klabbs organizzata mill-UEFA għandhom jinkludu minimu ta’ 8 “plejers imrawma lokalment” fil-lista tal-plejers tal-logħba komposta minn numru massimu ta’ 25 plejer. Minn dawn it-8 plejers, mill-inqas 4 plejers għandhom ikunu ġew imrawma mill-klabb li jkun inkludihom fil-lista.

2.      Irregoli talURBSFA

9        L-URBSFA hija assoċjazzjoni li għandha s-sede tagħha fil-Belġju. Hija għandha bħala għan li tiżgura l-organizzazzjoni u l-promozzjoni tal-futbol f’dan l-Istat Membru. F’dan ir-rigward, hija membru kemm tal-UEFA kif ukoll tal-Fédération internationale de football association (FIFA).

10      Matul is-sena 2011, l-URBSFA introduċiet regoli dwar il-“plejers imrawma lokalment” fir-regolament federali tagħha.

11      Fil-verżjoni tagħhom applikabbli matul il-proċedura ta’ arbitraġġ li ppreċediet il-proċedura fil-kawża prinċipali, dawn ir-regoli kienu redatti kif ġej:

“Artikolu P335.11 – Diviżjonijiet futbol professjonali 1A u 1B: Sottomissjoni tal-lista ‘Squad size limit’

1.      Listi li għandhom jiġu sottomessi

11.      Il-klabbs kollha tal-futbol professjonali 1A u 1B għandhom jissottomettu l-listi li ġejjin […] u jżommuhom aġġornati:

–        lista massima ta’ 25 plejer […], li minnhom 8 plejers għandhom ikunu ġew imrawma minn klabbs Belġjani fis-sens tal-[Artikolu] P1422.12, fejn minimu ta’ 3 plejers għandhom jissodisfaw il-kundizzjoni addizzjonali riprodotta [fl-Artikolu] P1422.13. Jekk din il-kwota minima ma tintlaħaqx, dawn il-plejers ma jistgħux jiġu ssostitwiti bi plejers li ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet.

[…]

Artikolu P1422 – Inklużjoni obbligatorja fil-lista tal-plejers tal-logħba

1.      Għall-ewwel skwadra tal-klabbs tal-futbol professjonali

11.      Fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kompetizzjonijiet uffiċjali tal-ewwel skwadri […], il-klabbs tal-futbol professjonali għandhom obbligu jsemmu fil-lista tal-plejers tal-logħba minimu ta’ 6 plejers li ġew imrawma minn klabb Belġjan u li minnhom mill-inqas 2 plejers jissodisfaw il-kundizzjoni addizzjonali riprodotta fil-punt 13 iktar ’il quddiem. Meta l-klabb ma jkunx jista’ jinkludi n-numru minimu ta’ plejers meħtieġ mill-paragrafu preċedenti, dan ma jistax jissostitwixxihom billi jinkludi plejers li ma jissodisfawx din il-kundizzjoni.

12.      Il-plejers li, qabel għeluq it-23 sena tagħhom, għal mill-inqas tliet staġuni sħaħ, kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà għal logħba uffiċjali ma’ klabb fil-Belġju, jitqiesu li ġew imrawma minn klabb Belġjan.

13.      Il-plejers li jkunu ilhom affiljati għal mill-inqas tliet staġuni sħaħ ma’ klabb fil-Belġju qabel għeluq il-21 sena tagħhom jissodisfaw din il-kundizzjoni addizzjonali.

[…]

15.      Il-klabbs tal-futbol professjonali 1A u 1B jistgħu jinkludu fil-lista tal-plejers tal-logħba biss lil plejers li jinsabu fil-listi ‘Squad size limit’ tal-klabb ([Artikolu] P335).

16.      Fil-każ ta’ ksur tar-regoli msemmija hawn fuq, l-istanza federali kompetenti timponi s-sanzjonijiet previsti għall-inklużjoni ta’ plejers li ma jikkwalifikawx […], bl-eċċezzjoni tal-multi.”

12      Sussegwentement, dawn ir-regoli ġew emendati. Fil-verżjoni tagħhom li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari, dawn huma redatti kif ġej:

“Artikolu B4.1[12]

Għall-parteċipazzjoni fil-logħbiet uffiċjali tal-ewwel skwadri fil-futbol kompetittiv, għandhom japplikaw kundizzjonijiet speċifiċi għall-futbol professjonali u l-futbol amatorjali.

Artikolu P

Il-klabbs kollha tal-futbol professjonali 1A u 1B għandhom jissottomettu l-listi li ġejjin […] u jżommuhom aġġornati:

1°      lista massima ta’ 25 plejer […], li minnhom minn tal-inqas 8 plejers għandhom ikunu ġew imrawma minn klabbs Belġjani (dawn huma l-plejers li għal mill-inqas tliet staġuni sħaħ kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà għal logħba uffiċjali ma’ klabb fil-Belġju qabel għeluq it-23 sena), fejn minn tal-inqas 3 plejers għandhom jissodisfaw il-kundizzjoni addizzjonali li għandhom ikunu ssodisfaw din il-kundizzjoni qabel għeluq il‑21 sena tagħhom. Jekk din il-kwota minima ma tintlaħaqx, dawn il-plejers ma jistgħux jiġu ssostitwiti bi plejers li ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet.

[…]

Sabiex plejer ikun jista’ jiġi inkluż fil-lista ‘Squad size limit’:

–        huwa għandu jkun affiljat mal-Federazzjoni u għandu jkun temporanjament affiljat jew eliġibbli biex jilgħab mal-klabb li qiegħed jitlob l-inklużjoni tiegħu; u

–        jekk il-plejer ikun sportiv irremunerat li ma huwiex ċittadin ta’ pajjiż membru taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)], għandha tiġi pprovduta kopja jew tal-permess uniku li jkun għadu validu, jew taċ-ċertifikat uffiċjali maħruġ mill-awtorità lokali tal-post ta’ residenza tiegħu fil-Belġju li tikkonferma li l-isportiv irremunerat ippreżenta ruħu quddiem l-awtorità sabiex ikun jista’ jinħariġlu l-permess uniku li għalih għandu dritt […].

–        huwa għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà. Emendi għal din il-lista jistgħu jiġu approvati biss mill-awtorità federali.

[…]

Artikolu B6.109

L-obbligi li ġejjin huma validi fir-rigward tal-inklużjoni tal-plejers fil-lista tal-plejers tal-logħba.

Artikolu P

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin huma validi għall-ewwel skwadri tal-klabbs tal-futbol professjonali:

Fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kompetizzjonijiet uffiċjali tal-ewwel skwadri, il-klabbs tal-futbol professjonali għandhom obbligu jsemmu fil-lista tal-plejers tal-logħba minimu ta’ 6 plejers li ġew imrawma minn klabb Belġjan u li minnhom mill-inqas 2 plejers jissodisfaw il-kundizzjoni addizzjonali riprodotta iktar ’il quddiem.

Meta l-klabb ma jkunx jista’ jinkludi n-numru minimu ta’ plejers meħtieġ mill-paragrafu preċedenti, dan ma jistax jissostitwixxihom billi jinkludi plejers li ma jissodisfawx din il-kundizzjoni.

–        Il-plejers li, qabel għeluq it-23 sena tagħhom, għal mill-inqas tliet staġuni sħaħ, kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà għal logħba uffiċjali ma’ klabb fil-Belġju, jitqiesu li ġew imrawma minn klabb Belġjan.

–        Il-plejers li jkunu ilhom affiljati għal mill-inqas tliet staġuni sħaħ ma’ klabb fil-Belġju qabel għeluq il-21 sena tagħhom jissodisfaw din il-kundizzjoni addizzjonali.

[…]

Il-klabbs tal-futbol professjonali 1A u 1B jistgħu jinkludu fil-lista tal-plejers tal-logħba biss lil plejers li jinsabu fil-listi ‘Squad size limit’ tal-klabb.

Fil-każ ta’ ksur tar-regoli msemmija hawn fuq, l-istanza federali kompetenti timponi s-sanzjonijiet previsti għall-inklużjoni ta’ plejers li ma jikkwalifikawx, bl-eċċezzjoni tal-multi.”

II.    Ilfatti filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

13      UL huwa plejer tal-futbol professjonali li għandu n-nazzjonalità ta’ pajjiż terz kif ukoll dik Belġjana. Huwa ilu jeżerċita l-attività professjonali tiegħu fil-Belġju għal diversi snin. Fil-Belġju, huwa ħadem suċċessivament għal Royal Antwerp, klabb tal-futbol professjonali stabbilit fil-Belġju, u sussegwentement għal klabb tal-futbol professjonali ieħor.

14      Fit‑13 ta’ Frar 2020, UL adixxa lill-Cour Belge d’Arbitrage pour le Sport (il-Qorti Belġjana ta’ Arbitraġġ għall-Isport, iktar ’il quddiem iċ-“CBAS”) bil-għan li jiġi ddikjarat, b’mod partikolari, li r-regoli dwar il-“plejers imrawma lokalment” adottati mill-UEFA u mill-URBSFA huma nulli ipso jure minħabba li jiksru l-Artikoli 45 u 101 TFUE kif ukoll li jinkiseb kumpens għad-danni li dawn ir-regoli kkawżawlu. Ulterjorment, ir-Royal Antwerp intervjeniet volontarjament fil-proċedura, billi talbet, hija wkoll, li tiġi kkumpensata għad-danni kkawżati mill-imsemmija regoli.

15      Permezz ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fl‑10 ta’ Lulju 2020, iċ-CBAS iddeċidiet li dawn it-talbiet kienu inammissibbli sa fejn kienu jirrigwardaw ir-regoli dwar il-“plejers imrawma lokalment” adottati mill-UEFA u ammissibbli iżda infondati sa fejn kienu jirrigwardaw dawk adottati mill-URBSFA.

16      Fir-rigward tar-regoli adottati mill-UEFA, li ma kinitx parti fil-proċedura ta’ arbitraġġ, iċ-CBAS qieset, b’mod partikolari, li, fid-dawl tan-natura speċifika u distinta tagħhom meta mqabbla ma’ dawk adottati mid-diversi assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol membri tal-UEFA, fosthom l-URBSFA, dawn ma setgħux jitqiesu li kienu r-riżultat ta’ akkordju bejn dawn l-entitajiet differenti, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

17      Għal dak li jirrigwarda r-regoli adottati mill-URBSFA, iċ-CBAS ikkunsidrat essenzjalment, minn naħa, li dawn ma kinux jipprekludu l-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE minħabba li dawn kienu applikabbli mingħajr distinzjoni, li ma kienu joħolqu ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta skont in-nazzjonalità u li, fi kwalunkwe każ, dawn kienu ġġustifikati minn għanijiet leġittimi, neċessarji sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u kienu proporzjonati għal dawn il-finijiet Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet li dawn ir-regoli la kellhom bħala għan u lanqas bħala riżultat ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u li kienu, barra minn hekk, neċessarji u proporzjonati għat-tiftix ta’ għanijiet leġittimi, b’tali mod li lanqas ma kienu jiksru l-Artikolu 101(1) TFUE.

18      Konsegwentement, iċ-CBAS ċaħdet it-talbiet ta’ UL u tar-Royal Antwerp.

19      Permezz ta’ ċitazzjoni nnotifikata fl‑1 ta’ Settembru 2020, UL u r-Royal Antwerp ressqu proċedimenti kontra URBSFA quddiem it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) bil-għan li jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija għar-raġuni li din tikser l-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 1717 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan.

20      Insostenn tat-talbiet tagħhom, huma jsostnu, essenzjalment, minn naħa, li r-regoli dwar il-“plejers imrawma lokalment” li ġew adottati mill-UEFA u mill-URBSFA jimplimentaw pjan ġenerali li għandu bħala għan u bħala riżultat ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Min-naħa l-oħra, dawn ir-regoli jippreġudikaw il-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE sa fejn jillimitaw kemm il-possibbiltà għal klabb tal-futbol professjonali bħar-Royal Antwerp li jirrekluta plejers li ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ għeruq lokali jew nazzjonali ddikjarat fihom, u li jiskjerahom waqt logħba, kif ukoll il-possibbiltà għal plejer bħal UL li jiġi rreklutat u skjerat minn klabb li fir-rigward tiegħu huwa ma jistax isostni li għandu tali għeruq.

21      Fid‑9 ta’ Novembru 2021, il-UEFA ssottomettiet talba għal intervent volontarju insostenn tat-talbiet tal-URBSFA.

22      Permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fis‑26 ta’ Novembru 2021, jiġifieri wara d-data li fiha din it-talba għal deċiżjoni preliminari waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-intervent volontarju tal-UEFA ġie ddikjarat ammissibbli. Fit‑13 ta’ Diċembru 2021, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissjoni ta’ din il-parti l-ġdida fil-kawża prinċipali, konformement mal-Artikolu 97(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) tosserva, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistrieħ, kemm sa fejn din tikkonstata l-inammissibbiltà parzjali tat-talbiet ta’ UL u tar-Royal Antwerp kif ukoll sa fejn tiċħadhom bħala infondati għall-kumplament, fuq l-interpretazzjoni u fuq l-applikazzjoni ta’ żewġ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni – jiġifieri l-Artikoli 45 u 101 TFUE – li l-ksur tagħhom jista’ jiġi kklassifikat bħala “ksur tal-ordni pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 1717 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan fid-dawl tan-natura tagħhom u tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss, C‑126/97, EU:C:1999:269, u tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C‑168/05, EU:C:2006:675).

24      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju għaliha li tikseb spjegazzjonijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 u 101 TFUE sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha. Essenzjalment, din il-qorti tistaqsi, l-ewwel nett, jekk ir-regoli dwar il-“plejers imrawma lokalment” li ġew adottati mill-UEFA u mill-URBSFA jistgħux jiġu kklassifikati bħala “akkordju bejn impriżi”, bħala “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi” jew bħala “prattiki miftiehma” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. It-tieni nett, hija tistaqsi dwar il-konformità ta’ dawn ir-regoli mal-projbizzjoni tal-akkordji ddikjarata f’dan l-artikolu u mal-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit fl-Artikolu 45 TFUE, kif ukoll dwar in-natura potenzjalment iġġustifikata, adegwata, neċessarja u proporzjonata tal-imsemmija regoli. F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tirreferi, b’mod partikolari, għal stqarrija għall-istampa ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea u għal studju mwettaq f’isem din l-istituzzjoni li l-“konklużjoni prinċipali” tiegħu hija li r-regoli inkwistjoni jistgħu jkollhom effetti diskriminatorji indiretti skont in-nazzjonalità u effetti restrittivi fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema, u li minnu ma jiġix stabbilit li dawn huma proporzjonati mal-benefiċċji limitati li jirriżultaw minnhom fejn jidħol ekwilibriju kompetittiv bejn il-klabbs tal-futbol u t-taħriġ tal-plejers, fid-dawl tal-miżuri alternattivi inqas restrittivi li jidhru li huma mixtieqa.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-pjan dwar il-plejers imrawma lokalment adottat fit-2 ta’ Frar 2005 mill-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA, approvat mit-52 assoċjazzjoni membru tal-UEFA fil-Kungress ta’ Tallinn fil-21 ta’ April 2005 u implimentat permezz ta’ regolamenti adottati kemm mill-UEFA kif ukoll mill-federazzjonijiet membri tagħha?

2)      L-Artikoli 45 u 101 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-inklużjoni fil-manifest tal-logħba u l-użu fil-logħba ta’ plejers imrawma lokalment, ifformalizzati mill-Artikoli P335.11 u P.1422 tar-Regolament Federali tal-URBSFA u riprodotti fl-Artikoli B4.1[12] tat-Titolu 4 u B6.109 tat-Titolu 6 tar-regolament il-ġdid tal-URBSFA?”

III. Fuq lammissibbiltà

26      L-URBSFA, l-UEFA, il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni esprimew dubji dwar l-ammissibbiltà taż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

27      F’dan ir-rigward, huma jressqu, essenzjalment, erba’ tipi ta’ argumenti. L-ewwel nett, dawn jinkludu argumenti tat-tip proċedurali bbażati fuq il-fatt li d-deċiżjoni tar-rinviju saret qabel ma l-UEFA ġiet ammessa tintervjeni u għaldaqstant qabel ma nstemgħet fil-kawża prinċipali. It-tieni, qegħdin jiġu invokati argumenti tat-tip formali li skonthom il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni ma josservax ir-rekwiżiti ddikjarati fl-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura inkwantu din id-deċiżjoni ma tippreżentax f’biżżejjed dettall il-kuntest ġuridiku u fattwali li fih il-qorti tar-rinviju tressaq domandi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – sitwazzjoni li hija ta’ natura li tipprekludi lill-persuni kkonċernati milli jieħdu pożizzjoni effettiva dwar il-kwistjonijiet li għandhom jiġu deċiżi. It-tielet, qegħdin isiru argumenti tat-tip sostantiv marbuta man-natura ipotetika tat-talba għal deċiżjoni preliminari, inkwantu ma teżistix tilwima reali li t-trattament tagħha tista’ tirrikjedi kwalunkwe deċiżjoni interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tali sitwazzjoni tkun tirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li r-regoli dwar il-“plejers imrawma lokalment” ma pprekludewx lil UL milli jiġi rreklutat u skjerat mir-Royal Antwerp, u sussegwentement minn klabb tal-futbol professjonali ieħor. Ir-raba’ nett, il-kawża prinċipali għandha titqies li hija “purament interna” fir-rigward tal-Artikolu 45 TFUE u li ma hijiex tali li “tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, fid-dawl tan-natura inter partes tagħha, tan-nazzjonalità ta’ UL, tal-post ta’ stabbiliment tar-Royal Antwerp, kif ukoll tal-portata ġeografika limitata tar-regoli li ġew adottati mill-URBSFA.

A.      Fuq ilkundizzjonijiet proċedurali għalladozzjoni taddeċiżjoni tarrinviju

28      Fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tat-tqassim tal-funzjonijiet bejnha u l-qrati nazzjonali, li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju saritx konformement mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarji. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha taġixxi fuq din id-deċiżjoni tar-rinviju sakemm din ma tkunx ġiet irtirata fil-kuntest tar-rimedji li jistgħu jkunu previsti mid-dritt intern (sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 1982, Reina, 65/81, EU:C:1982:6, punt 7, u tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 70).

29      F’dan il-każ, għaldaqstant ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu pożizzjoni dwar il-konsegwenzi possibbli marbuta, fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali u bis-saħħa tar-regoli nazzjonali ta’ proċedura ġudizzjarja applikabbli għaliha, mal-ammissjoni ta’ parti ġdida wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju.

30      Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna l-proċedura li ppreċediet din is-sentenza, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 97(2) tar-Regoli tal-Proċedura jiddikjara li, meta parti ġdida tiġi ammessa tintervjeni fil-kawża prinċipali filwaqt li l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà pendenti, din il-parti taċċetta din il-proċedura fl-istat li fih tkun tinsab fil-mument meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi informata bl-ammissjoni tagħha. Għandu jingħad ukoll li, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-istat li fih kienet tinsab l-imsemmija proċedura fil-mument meta l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet informata bl-ammissjoni tal-UEFA biex tintervjeni fil-kawża prinċipali, din il-parti mhux biss irċeviet il-komunikazzjoni tal-atti kollha ta’ proċedura diġà nnotifikati lill-partijiet l-oħra kkonċernati, kif inhu previst mill-istess dispożizzjoni, iżda setgħet ukoll tressaq u effettivament ressqet, sussegwentement, osservazzjonijiet matul il-fażi bil-miktub u mbagħad waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali.

B.      Fuq ilkontenut taddeċiżjoni tarrinviju

31      Il-proċedura preliminari stipulata fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li permezz tagħha tal-ewwel tipprovdi lil tat-tieni l-punti ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu t-tilwim pendenti quddiemhom. Bis-saħħa tal-ġurisprudenza stabbilita, li issa hija riflessa fl-Artikolu 94(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali tirrikjedi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula jew li, tal-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Barra minn hekk, huwa indispensabbli, hekk kif jiddikjara l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, li t-talba għal deċiżjoni preliminari tesponi r-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll tar-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali. Dawn ir-rekwiżiti huma meħtieġa partikolarment fl-oqsma li huma kkaratterizzati minn sitwazzjonijiet kumplessi ta’ fatt u ta’ liġi bħall-qasam tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 83, kif ukoll tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas, C‑211/22, EU:C:2023:529, punti 23 u 24).

32      Barra minn hekk, l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni tar-rinviju ma għandhiex biss tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli iżda għandha wkoll tagħti lill-Gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet l-oħra kkonċernati l-possibbiltà li jressqu osservazzjonijiet konformement mal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ April 1982, Holdijk et, 141/81 sa 143/81, EU:C:1982:122, punt 7, kif ukoll tal‑11 ta’ April 2000, Deliège, C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punt 31).

33      F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari tissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju tispjega, fid-dettall, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni tesponi fil-qosor iżda b’mod ċar ir-raġunijiet fattwali u ġuridiċi li wasslu lill-qorti tar-rinviju tqis li kien neċessarju li tagħmel dawn id-domandi kif ukoll il-konnessjoni li tgħaqqad, fil-fehma tagħha, l-Artikoli 45 u 101 TFUE mal-kawża prinċipali fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

34      Ulterjorment, il-formulazzjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja turi l-fatt li l-awturi tagħhom ma kellhom ebda diffikultà biex jikkonċepixxu l-kuntest fattwali u ġuridiku li fih jidħlu d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, biex jifhmu s-sens u l-portata tad-dikjarazzjonijiet fattwali sottostanti, biex jisiltu r-raġunijiet għalfejn il-qorti tar-rinviju qieset li kien neċessarju li tagħmilhom kif ukoll, b’mod definittiv, biex tieħu pożizzjoni b’mod komplet u effettiv f’dan ir-rigward.

C.      Fuq ilfatti talkawża u rrilevanza taddomandi magħmula lillQorti talĠustizzja

35      Hija biss il-qorti nazzjonali adita bil-kawża prinċipali li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li ser tingħata iktar ’il quddiem, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-aspetti partikolari ta’ din it-tilwima, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’qagħda li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li r-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar dawn id-domandi huwa possibbli biss jekk ikun jidher, b’mod manifest, li l-interpretazzjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji biex tagħti risposta utli għall-imsemmija domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, EU:C:1981:302, punti 15 u 18, kif ukoll tas‑7 ta’ Frar 2023, Confédération paysanne et (Mutaġenesi każwali in vitro), C‑688/21, EU:C:2023:75, punti 32 u 33).

36      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju spjegati fil-qosor fil-punti 14 sa 24 ta’ din is-sentenza jixhdu n-natura fattwali tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, dawn l-istess dikjarazzjonijiet juru li l-fatt, għall-qorti tar-rinviju, li jsiru domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-kuntest, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 u 101 TFUE, ma huwiex manifestament nieqes minn rabta mal-fatti u mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

37      Fil-fatt, mill-imsemmija dikjarazzjonijiet jirriżulta, l-ewwel nett, li din il-qorti hija adita b’talba għal annullament ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li permezz tagħha ċ-CBAS ċaħdet, bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata, azzjoni għal nullità u għal kumpens ippreżentata minn UL u mir-Royal Antwerp kontra r-regoli tal-URBSFA u tal-UEFA dwar il-“plejers imrawma lokalment”. It-tieni, din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni kif ukoll fuq applikazzjoni tal-Artikoli 45 u 101 TFUE. It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fid-dawl tal-għan tat-tilwima li biha ġiet adita, hija għandha b’mod partikolari, biex tagħti s-sentenza tagħha, tistħarreġ il-mod kif iċ-CBAS interpretat u applikat l-Artikoli 45 u 101 TFUE, bil-għan li tiddetermina jekk id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija minnha hijiex kuntrarja jew le għall-ordni pubbliku Belġjan.

D.      Fuq iddimensjoni transkonfinali talkawża prinċipali

38      Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-kapital ma japplikawx għas-sitwazzjonijiet li fihom l-elementi kollha huma kkonfinati fi ħdan Stat Membru wieħed (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 47, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 31). Għalhekk, talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet f’tali sitwazzjonijiet jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli, f’ċerti każijiet speċifiċi, biss jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tindika l-elementi konkreti li jippermettu li jiġi stabbilit li l-interpretazzjoni preliminari mitluba hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima minħabba rabta bejn is-suġġett jew iċ-ċirkustanzi ta’ din it-tilwima u l-Artikoli 49, 56 jew 63 TFUE, konformement ma’ kif inhu meħtieġ mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punti 50 sa 55, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 34).

39      Madankollu, f’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli minħabba li l-Artikolu 45 TFUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa mingħajr rabta mal-kawża prinċipali fid-dawl tan-natura “purament interna” tagħha.

40      Fil-fatt, minn naħa, għalkemm huwa minnu li l-kawża prinċipali hija ta’ natura inter partes li UL għandu n-nazzjonalità Belġjana, li r-Royal Antwerp hija stabbilita fil-Belġju u li r-regoli adottati mill-URBSFA għandhom portata ġeografika limitata għat-territorju ta’ dan l-Istat Membru, hekk kif osservaw ġustament uħud mill-partijiet ikkonċernati, xorta jibqa’ l-fatt li din it-tilwima tikkonċerna deċiżjoni ta’ arbitraġġ li fiha ċ-CBAS interpretat u applikat, b’mod partikolari, l-Artikolu 45 TFUE, hekk kif jirriżulta mill-punt 17 ta’ din is-sentenza. Il-kwistjoni dwar jekk dan l-artikolu japplikax għall-imsemmija tilwima għaldaqstant tirriżulta mill-mertu tagħha u, għalhekk, ma tistax tiġi invokata, jekk mhux biex jiġi ppreġudikat l-eżitu tagħha, sabiex tiġi kkontestata l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

41      Barra minn hekk, ir-regoli tal-UEFA u dawk tal-URBSFA li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma, skont il-qorti tar-rinviju, strettament marbuta sa fejn l-URBSFA għandha l-obbligu, fil-kapaċità tagħha bħala membru tal-UEFA, tosserva l-istatuti, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet tal-UEFA u sa fejn ir-regoli tagħha dwar il-“plejers imrawma lokalment” huma direttament ispirati minn dawk li ġew preċedentement adottati u approvati minn din tal-aħħar fil-kungress ta’ Tallinn, hekk kif issemma fil-punt 7 ta’ din is-sentenza. Għandu jingħad ukoll li huma, essenzjalment, dawn ir-rabtiet fattwali u ġuridiċi bejn ir-regoli tal-URBSFA, dawk tal-UEFA u d-dritt tal-Unjoni li wasslu lill-qorti tar-rinviju tiddikjara bħala ammissibbli l-intervent volontarju tal-UEFA fid-deċiżjoni msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza.

42      Min-naħa l-oħra, il-kawża prinċipali tirrigwarda, fl-istess waqt, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni, miċ-CBAS, tal-Artikolu 101 TFUE.

43      B’danakollu, hija ġurisprudenza stabbilita li, filwaqt li l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu tirrikjedi, fost kundizzjonijiet oħra, li jiġi stabbilit, b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti, li ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma jista’ jaffettwa, b’mod sinjifikattiv, il-kummerċ bejn l-Istati Membri billi jeżerċita influwenza diretta jew indiretta u attwali jew potenzjali fuq il-kummerċ kurrenti, bir-riskju li jiġi ostakolat it-twettiq jew il-funzjonament tas-suq intern, din il-kundizzjoni tista’ titqies li tiġi ssodisfatta meta jseħħ aġir li jkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ING Pensii, C‑172/14, EU:C:2015:484, punti 48 u 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-portata ġeografika tar-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tar-rabta stretta bejniethom, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 101 TFUE ma għandu ebda rabta mal-kawża prinċipali minħabba li r-regoli relatati ma’ dan l-artikolu jistgħu ma jkunux tali li “jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri”.

45      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli fl-intier tagħha.

IV.    Fuq iddomandi preliminari

46      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli li ġew adottati minn assoċjazzjoni responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet tal-futbol fuq livell Ewropew u implimentati kemm minn din l-assoċjazzjoni kif ukoll mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol membri tagħha, u li jobbligaw lil kull klabb li jipparteċipa f’dawn il-kompetizzjonijiet jinkludi fil-lista tal-plejers tiegħu kif ukoll li juri fuq il-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ plejers imrawma jew mill-klabb innifsu jew fil-konfini territorjali tal-assoċjazzjoni nazzjonali li magħha huwa affiljat l-imsemmi klabb.

47      Permezz tat-tieni domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 45 u 101 TFUE għandhomx jiġu interpretat fis-sens li jipprekludu regoli li ġew adottati minn assoċjazzjoni responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet tal-futbol fuq livell nazzjonali, u li jobbligaw lil kull klabb li jipparteċipa f’dawn il-kompetizzjonijiet jinkludi fil-lista tal-plejers tiegħu kif ukoll li juri fuq il-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ plejers imrawma fil-konfini territorjali ta’ din l-assoċjazzjoni.

48      Kemm fid-dawl tal-portata ta’ dawn id-domandi kif ukoll fid-dawl tan-natura tat-tilwima li fil-kuntest tagħha dawn id-domandi tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġ, qabel ma jiġu eżaminati, li jiġu fformulati osservazzjonijiet preliminari maqsuma fi tliet partijiet.

A.      Osservazzjonijiet preliminari

1.      Fuq issuġġett talkawża prinċipali

49      Mid-diċitura nnifisha taż-żewġ domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hemm sovrappożizzjoni bejniethom sa fejn dawn jikkonċernaw l-Artikolu 101 TFUE. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tipprova tikseb spjegazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu bil-għan li tkun tista’ tistħarreġ kif dan ġie applikat f’deċiżjoni ta’ arbitraġġ dwar il-konformità, mal-imsemmi artikolu, tar-regoli dwar il-“plejers imrawma lokalment”, hekk kif ġew adottati u implimentati mill-UEFA kif ukoll mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol differenti li huma membri tagħha, fosthom l-URBSFA.

50      Min-naħa l-oħra, dawn iż-żewġ domandi huma differenti sa fejn jikkonċernaw l-Artikolu 45 TFUE peress li hija biss it-tieni minn dawn id-domandi, li tirrigwarda r-regoli adottati u implimentati mill-URBSFA, li jirreferu għal dan l-artikolu. F’dan ir-rigward, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li ma hijiex intenzjoni tagħha li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda dwar il-konformità tar-regoli adottati u implimentati mill-UEFA mal-Artikolu 45 TFUE. Madankollu, din il-qorti tippreċiża, essenzjalment, li hija ma teskludix li tieħu inkunsiderazzjoni din il-kwistjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ftehim, ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew ta’ prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.

51      Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi differenti, jeħtieġ li jiġu ttrattati flimkien id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, billi inizjalment jiġi interpretat l-Artikolu 101 TFUE u sussegwentement l-Artikolu 45 TFUE.

2.      Fuq lapplikabbiltà taddritt talUnjoni għallisport u għallattività talassoċjazzjonijiet sportivi

52      Id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 u 101 TFUE fil-kuntest ta’ tilwima li tqiegħed inkwistjoni regoli li ġew adottati minn żewġ entitajiet li, skont l-istatuti rispettivi tagħhom, huma assoċjazzjonijiet irregolati mid-dritt privat responsabbli mill-organizzazzjoni u mill-kontroll tal-futbol rispettivament fuq il-livell Ewropew u Belġjan, u li jissuġġettaw il-kompożizzjoni tat-timijiet li jistgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tal-futbol ta’ bejn il-klabbs għal ċerti kundizzjonijiet, flimkien ma’ sanzjonijiet.

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sa fejn l-ipprattikar ta’ sport jikkostitwixxi attività ekonomika, dan jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma applikabbli għal tali attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, EU:C:1974:140, punt 4, kif ukoll tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 27).

54      Huma biss ċerti regoli speċifiċi li, minn naħa, ġew adottati esklużivament għal raġunijiet ta’ natura mhux ekonomika u li, min-naħa l-oħra, jirrigwardaw kwistjonijiet li jikkonċernaw biss l-isport bħala tali li għandhom jitqiesu li ma jagħmlu parti minn ebda attività ekonomika. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ dawk li jirrigwardaw l-esklużjoni ta’ plejers barranin mill-kompożizzjoni tat-timijiet li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet bejn timijiet li jirrappreżentaw lill-pajjiżhom jew li jirrigwardaw l-iffissar ta’ kriterji ta’ klassifikazzjoni użati għas-selezzjoni tal-atleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet b’mod individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, EU:C:1974:140, punt 8; tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 76 u 127, kif ukoll tal‑11 ta’ April 2000, Deliège, C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punti 43, 44, 63, 64 u 69).

55      Bl-eċċezzjoni ta’ dawn ir-regoli speċifiċi, ir-regoli li l-assoċjazzjonijiet sportivi jadottaw bil-għan li jirregolaw ix-xogħol bis-salarju jew il-provvista ta’ servizzi tal-plejers professjonisti jew semi‑professjonisti u, b’mod usa’, ir-regoli li, filwaqt li ma jirregolawx formalment dan ix-xogħol jew din il-provvista ta’ servizzi, għandhom inċidenza diretta fuq l-imsemmi xogħol jew l-imsemmija provvista ta’ servizzi, jistgħu jaqgħu taħt l-Artikoli 45 u 56 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, EU:C:1974:140, punti 5, 17 sa 19 u 25; tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 75, 82 sa 84, 87, 103 u 116; tat‑12 ta’ April 2005, Simutenkov, C‑265/03, EU:C:2005:213, punt 32, kif ukoll tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, EU:C:2010:143, punti 28 u 30).

56      Bl-istess mod, ir-regoli adottati minn tali assoċjazzjonijiet u, b’mod usa’, l-aġir tal-assoċjazzjonijiet li adottawhom, jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar id-dritt tal-kompetizzjoni meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jiġu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punti 30 sa 33), li jimplika li dawn l-assoċjazzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “impriżi” fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE jew li r-regoli inkwistjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.

57      B’mod iktar ġenerali, peress li tali regoli jaqgħu għalhekk taħt l-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, dawn għandhom, fil-każ fejn jiddikjaraw rekwiżiti applikabbli għall-individwi, jiġu kkonċepiti u implimentati billi jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punti 60, 65 u 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58      B’danakollu, ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, irrispettivament minn jekk joħorġux mill-UEFA jew mill-URBSFA, ma jagħmlux parti minn dawk ir-regoli li fir-rigward tagħhom tista’ tiġi applikata l-eċċezzjoni msemmija fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, liema eċċezzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret numru ta’ drabi li għandha tibqa’ limitata għall-għan proprju tagħha u li ma tistax tiġi invokata biex tiġi eskluża kull attività sportiva mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar id-dritt ekonomiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1976, Donà, 13/76, EU:C:1976:115, punti 14 u 15, kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 26).

59      Għall-kuntrarju, minkejja li dawn ir-regoli ma jirregolawx formalment il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-plejers, dawn għandhom jitqiesu li għandhom inċidenza diretta fuq dan ix-xogħol inkwantu jissuġġettaw għal ċerti kundizzjonijiet, suġġetti għal sanzjonijiet jekk ma jiġux osservati, il-kompożizzjoni tat-timijiet li jistgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tal-futbol ta’ bejn il-klabbs kif ukoll, konsegwentement, il-parteċipazzjoni tal-plejers innifishom f’dawn il-kompetizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 116 u 119).

60      B’mod iktar speċifiku, mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija regoli jipprevedu, essenzjalment, li l-klabbs tal-futbol professjonali li jipparteċipaw f’dawn il-kompetizzjonijiet għandhom, suġġett għal sanzjonijiet, jinkludu fil-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ “plejers imrawma lokalment”. Fir-regoli adottati mill-UEFA, din l-espressjoni tintuża biex jiġu indikati, fil-verità, mhux biss il-plejers li ġew imrawma mill-klabb li jimpjegahom, iżda wkoll plejers li ġew imrawma minn klabb ieħor affiljat mal-istess assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol. Fir-regoli adottati mill-URBSFA, l-imsemmija espressjoni tintuża esklużivament biex jiġu indikati plejers li ġew imrawma minn “klabb Belġjan”, jiġifieri klabb affiljat ma’ din l-assoċjazzjoni, ikun liema klabb ikun. Iċ-ċirkustanza li tali regoli b’hekk jillimitaw il-possibbiltà li għandhom il-klabbs li jinkludu plejers fil-lista tal-plejers tal-logħba, u għaldaqstant li jiskjeraw lil dawn il-plejers fil-logħba korrispondenti, u mhux formalment il-possibbiltà li jimpjegaw lill-imsemmija plejers, hija irrilevanti peress li l-parteċipazzjoni f’logħob u f’kompetizzjonijiet tikkostitwixxi l-għan essenzjali tal-attività tal-plejers u li din il-possibbiltà ta’ impjieg tirriżulta wkoll, min-naħa tagħha, limitata b’konsegwenza ta’ dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 120, kif ukoll tat‑13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 50).

61      Barra minn hekk, peress li l-kompożizzjoni tat-timijiet tikkostitwixxi wieħed mill-parametri essenzjali tal-kompetizzjonijiet li fihom jikkompetu l-klabbs tal-futbol professjonali u li dawn il-kompetizzjonijiet jagħtu lok għal attività ekonomika, ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom ukoll jitqiesu li għandhom inċidenza diretta fuq il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ din l-attività ekonomika u fuq il-kompetizzjoni bejn il-klabbs tal-futbol professjonali li jeżerċitaw din l-attività.

62      Għalhekk, ir-regoli tal-UEFA u tal-URBSFA li fir-rigward tagħhom il-qorti tar-rinviju għamlet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 45 u 101 TFUE.

3.      Fuq lArtikolu 165 TFUE

63      Il-maġġoranza tal-partijiet fil-kawża prinċipali u wħud mill-gvernijiet li ħadu sehem fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja esprimew ruħhom, minn perspettivi differenti, dwar il-konsegwenzi li jistgħu jkunu marbuta mal-Artikolu 165 TFUE fil-kuntest tar-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

64      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 165 TFUE għandu jinftiehem fid-dawl tal-Artikolu 6(e) TFUE li jipprevedi li l-Unjoni għandha kompetenza biex tieħu azzjonijiet sabiex tappoġġja, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-formazzjoni vokazzjonali, iż-żgħażagħ u l-isport. Fil-fatt, l-Artikolu 165 TFUE jikkonkretizza din id-dispożizzjoni billi jispeċifika kemm l-għanijiet li huma attribwiti lill-azzjoni tal-Unjoni fl-oqsma kkonċernati kif ukoll il-mezzi li għalihom wieħed jista’ jirrikorri biex jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet.

65      B’hekk, fir-rigward tal-għanijiet li huma attribwiti għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-isport, l-Artikolu 165 TFUE jiddikjara, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija ’l quddiem tal-kwistjonijiet Ewropej tal-isport, waqt li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tiegħu, l-istrutturi tiegħu bbażati fuq il-volontarjat kif ukoll il-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu, u, fl-aħħar inċiż tal-paragrafu 2 tiegħu, li l-azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam għandha tkun immirata lejn l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea tal-isport, billi tiġi promossa l-ġustizzja u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi kif ukoll il-kooperazzjoni bejn il-korpi responsabbli mill-isport, u billi tiġi protetta l-integrità fiżika u morali tal-isportivi, speċjalment ta’ dawk l-iktar żgħażagħ fosthom.

66      Fir-rigward tal-mezzi li għalihom wieħed jista’ jirrikorri biex jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, l-Artikolu 165 jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi kif ukoll mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-isport u, fil-paragrafu 4 tiegħu, li l-Parlament u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jew il-Kunsill, li jaġixxi waħdu fuq proposta tal-Kummissjoni, jistgħu jadottaw, rispettivament, inċentivi jew rakkomandazzjonijiet.

67      It-tieni, kif jirriżulta kemm mid-diċitura tal-Artikolu 165 TFUE kif ukoll minn dik tal-Artikolu 6(e) TFUE, l-awturi tat-Trattati kellhom l-intenzjoni li permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jikkonferixxu lill-Unjoni kompetenza ta’ appoġġ li tippermettilha twettaq “azzjoni” f’numru ta’ oqsma speċifiċi, fosthom l-isport, u mhux “politika”, hekk kif previst f’dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE. B’hekk l-imsemmija dispożizzjonijiet jikkostitwixxu bażi legali li tawtorizza lill-Unjoni teżerċita din il-kompetenza, fiċ-ċirkustanzi u l-limiti ffissati minnhom, fosthom, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 165(4) TFUE, l-esklużjoni ta’ kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti adottati fuq livell nazzjonali. Barra minn hekk, l-imsemmija kompetenza ta’ appoġġ tippermetti lill-Unjoni tadotta atti legali bis-sempliċi għan li tappoġġja, tikkoordina jew tikkompleta l-azzjoni tal-Istati Membri konformement mal-Artikolu 6 TFUE.

68      B’korrelazzjoni, u kif jirriżulta wkoll mill-kuntest li minnu jagħmel parti l-Artikolu 165 TFUE, b’mod partikolari mill-inklużjoni tiegħu fit-Tielet Parti tat-Trattat FUE, li huwa ddedikat għall-“Politika u Azzjonijiet Interni tal-Unjoni”, u mhux fl-Ewwel Parti ta’ dan it-trattat, li jinkludi dispożizzjonijiet ta’ prinċipju, fosthom, fit-Titolu II, “Dispożizzjonijiet ta’ Applikazzjoni Ġenerali” dwar, b’mod partikolari, il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-protezzjoni tal-ambjent jew ukoll il-protezzjoni tal-konsumaturi, dan l-artikolu ma jikkostitwixxix dispożizzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali ta’ natura trażversali.

69      Għaldaqstant, minkejja li l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni elementi u għanijiet differenti elenkati fl-Artikolu 165 TFUE meta jadottaw, fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu u fil-kundizzjonijiet iffissati minnu, azzjonijiet ta’ inċentiv jew rakkomandazzjonijiet fil-qasam tal-isport, dawn l-elementi u għanijiet differenti kif ukoll dawn l-azzjonijiet ta’ inċentiv u rakkomandazzjonijiet ma jirrikjedux li jiġu integrati jew li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod restrittiv fl-applikazzjoni tar-regoli li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta, irrispettivament minn jekk dawn jirrigwardawx il-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 45 TFUE) jew jekk jirrigwardawx id-dritt tal-kompetizzjoni (Artikolu 101 TFUE). B’mod usa’, l-Artikolu 165 TFUE lanqas ma jista’ jitqies li huwa regola speċjali li jeskludi kompletament jew parzjalment lill-isport minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju tal-Unjoni li jistgħu jiġu applikati għalih jew li jimponi li dan jirċievi trattament speċjali fil-kuntest ta’ din l-applikazzjoni.

70      It-tielet, xorta jibqa’ fil-fatt li, kif osservat numru ta’ drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, l-attività sportiva għandha importanza soċjali u edukattiva kunsiderevoli, li issa hija riflessa fl-Artikolu 165 TFUE, għall-Unjoni kif ukoll għaċ-ċittadini tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 106, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punti 33 u 34).

71      Barra minn hekk, din l-attività tippreżenta karatteristiċi speċifiċi ċerti li, filwaqt li jikkonċernaw speċjalment l-isport amatorjali, jistgħu jinstabu wkoll fl-ipprattikar tal-isport bħala attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 33).

72      Fl-aħħar nett, tali karatteristiċi speċifiċi jistgħu eventwalment jittieħdu inkunsiderazzjoni, fost elementi oħra u sa fejn jirriżultaw li huma rilevanti, fl-applikazzjoni tal-Artikoli 45 u 101 TFUE, premess, madankollu, li dan it-teħid inknsiderazzjoni jseħħ biss fil-kuntest u fl-osservanza tal-kundizzjonijiet kif ukoll tal-kriterji ta’ applikazzjoni previsti għal kull wieħed minn dawn l-artikoli.

73      B’mod partikolari, meta jiġi sostnut li regola adottata minn assoċjazzjoni sportiva tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema jew akkordju antikompetittiv, il-karatterizzazzjoni ta’ din ir-regola bħala ostakolu jew bħala akkordju antikompetittiv għandha, fi kwalunkwe ipoteżi, tistrieħ fuq eżami konkret tal-kontenut tal-imsemmija regola fil-kuntest reali li fih din għandha tiġi implimentata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 98 sa 103; tal‑11 ta’ April 2000, Deliège, C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punti 61 sa 64, kif ukoll tat‑13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C‑176/96, EU:C:2000:201, punti 48 sa 50). Tali eżami jista’ jimplika li jittieħdu inkunsiderazzjoni, pereżempju, in-natura, l-organizzazzjoni jew ukoll il-funzjonament tal-isport ikkonċernat u, b’mod iktar speċifiku, kemm jiġi pprattikat b’mod professjonali, il-mod kif huwa pprattikat, il-mod kif jinteraġixxu d-diversi atturi li jipparteċipaw fih kif ukoll ir-rwol li għandhom l-istrutturi jew l-organi li huma responsabbli fuq kull livell u li magħhom l-Unjoni tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni, konformement mal-Artikolu 165(3) TFUE.

74      Barra minn hekk, meta tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, l-assoċjazzjoni li tkun adottat ir-regola inkwistjoni għandha l-possibbiltà li turi n-natura ġġustifikata, neċessarja u proporzjonata tagħha fid-dawl ta’ ċerti għanijiet li jistgħu jitqiesu bħala leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 104), u li min-naħa tagħhom jiddependu mill-karatteristiċi speċifiċi tal-isport ikkonċernat f’każ partikolari.

75      Huwa fid-dawl tal-punti kollha preċedenti li jeħtieġ li jiġu eżaminati d-domandi tal-qorti tar-rinviju sa fejn jikkonċernaw l-Artikolu 101 TFUE u sussegwentement l-Artikolu 45 TFUE.

B.      Fuq iddomandi preliminari sa fejn jikkonċernaw lArtikolu 101 TFUE

76      L-Artikolu 101 TFUE huwa applikabbli għal kull entità li teżerċita attività ekonomika u li, bħala tali, għandha tiġi kkategorizzata bħala impriża, indipendentement mill-forma ġuridika tagħha kif ukoll mill-mod ta’ finanzjament tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C‑41/90, EU:C:1991:161, punt 21; tal‑11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, EU:C:2007:775, punt 38, kif ukoll tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punti 20 u 21).

77      Konsegwentement, l-imsemmi artikolu huwa applikabbli, b’mod partikolari, għal entitajiet li huma kkostitwiti taħt forma ta’ assoċjazzjonijiet li għandhom bħala għan, skont l-istatuti tagħhom, l-organizzazzjoni u l-kontroll ta’ sport speċifiku, sa fejn dawn l-entitajiet jeżerċitaw attività ekonomika b’rabta ma’ dan l-isport, billi joffru oġġetti jew servizzi, u fejn dawn għandhom jiġu kkategorizzati, f’dan ir-rigward, bħala “impriżi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punti 22, 23 u 26).

78      Barra minn hekk, l-Artikolu 101 TFUE japplika wkoll għal entitajiet li, minkejja li fihom innifishom ma jikkostitwixxux neċessarjament impriżi, jistgħu jiġu kkategorizzati bħala “assoċjazzjonijiet ta’ impriżi”.

79      F’dan il-każ, fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali u tad-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 101 TFUE huwa applikabbli għall-UEFA u għall-URBSFA ġaladarba dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet għandhom bħala membri jew bħala affiljati, sew jekk direttament u sew jekk indirettament, entitajiet, bħalma huma l-klabbs tal-futbol, li jistgħu jiġu kkategorizzati bħala “impriżi” inkwantu dawn jeżerċitaw attività ekonomika.

1.      Fuq linterpretazzjoni talArtikolu 101(1) TFUE

80      L-Artikolu 101(1) TFUE jiddikjara li kull ftehim bejn impriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u prattiki miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn Stati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern huma inkompatibbli mas-suq intern.

a)      Fuq leżistenza ta’ “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi”

81      L-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE fil-każ ta’ entità bħall-UEFA jew l-URBSFA, bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi, teħtieġ, l-ewwel nett, li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi”, bħal deċiżjoni li tikkonsisti, għall-assoċjazzjoni kkonċernata, mill-adozzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ regolamenti li jkollhom inċidenza diretta fuq il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-attività ekonomika tal-impriżi li huma direttament jew indirettament membri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 64, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punti 42 sa 45).

82      Issa, hawnhekk, dan huwa l-każ taż-żewġ deċiżjonijiet li fir-rigward tagħhom il-qorti tar-rinviju qiegħda tressaq domandi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri dawk li permezz tagħhom l-UEFA u l-URBSFA adottaw regoli dwar il-“plejers imrawma lokalment”.

b)      Fuq leffett fuq ilkummerċ bejn Stati Membri

83      It-tieni, l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE fil-każ ta’ tali deċiżjonijiet timplika l-konstatazzjoni, b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti, li dawn “jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri”, b’mod sinjifikattiv, billi jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta u attwali jew potenzjali fuq il-fluss tal-kummerċ, bir-riskju li jiġi ostakolat it-twettiq tal-funzjonament tas-suq intern.

84      F’dan il-każ, il-portata ġeografika tad-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza u suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li jiġi kkunsidrat li din il-kundizzjoni ġiet issodisfatta.

c)      Fuq ilkunċett ta’ aġir li għandu bħala “għan” jew bħala “riżultat” li jippreġudika lkompetizzjoni u fuq ilkaratterizzazzjoni tależistenza ta’ tali aġir

85      Sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat, f’każ speċifiku, li ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma jaqgħu taħt il-projbizzjoni ddikjarata fl-Artikolu 101(1) TFUE, huwa neċessarju, konformement mal-kliem innifsu ta’ din id-dispożizzjoni, li jintwera jew li dan l-aġir għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, jew li dan l-aġir ikollu tali riżultat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, EU:C:1966:38, p. 359, u tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas, C‑211/22, EU:C:2023:529, punt 31).

86      Għal dan il-għan, jeħtieġ, qabel kollox, li jiġi eżaminat l-għan tal-aġir inkwistjoni. Fil-każ fejn, wara li jsir tali eżami, jirriżulta li dan l-aġir għandu għan antikompetittiv, ma jkunx neċessarju li jsir eżami tal-effett tiegħu fuq il-kompetizzjoni. Għaldaqstant huwa biss fil-każ fejn ma jkunx jista’ jiġi kkunsidrat li l-imsemmi aġir għandu tali għan antikompetittiv li jkun neċessarju li, sussegwentement, isir l-eżami ta’ dan l-effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, EU:C:1966:38, p. 359, kif ukoll tas‑26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punti 16 u 17).

87      L-eżami li għandu jsir huwa differenti skont jekk jirrigwardax il-punt dwar jekk l-aġir inkwistjoni jkollux bħala “għan” jew bħala “riżultat” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, fejn kull wieħed minn dawn iż-żewġ kunċetti huwa suġġett għal regoli ġuridiċi u probatorji distinti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 63).

1)      Fuq ilkaratterizzazzjoni tależistenza ta’ aġir li għandu bħala “għan” ilprevenzjoni, irrestrizzjoni jew iddistorsjoni talkompetizzjoni

88      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif spjegata fil-qosor, b’mod partikolari, fis-sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann‑La Roche et (C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 78), u tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 67), il-kunċett ta’ “għan” antikompetittiv, filwaqt li ma jikkostitwixxix, kif jirriżulta mill-punti 85 u 86 ta’ din is-sentenza, eċċezzjoni fil-konfront tal-kunċett ta’ “riżultat” antikompetittiv, għandu madankollu jiġi interpretat b’mod strett.

89      B’hekk, dan il-kunċett għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi esklużivament għal ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li juru grad suffiċjenti ta’ noċività għall-kompetizzjoni b’tali mod li jkun jista’ jiġi kkunsidrat li ma huwiex meħtieġ li jsir eżami tal-effetti tagħhom. Fil-fatt, ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li jagħmlu ħsara lill-funzjonament it-tajjeb tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, EU:C:1966:38, p. 359; tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 78, kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 67).

90      Fost it-tipi ta’ aġir li għandhom jiġu kkunsidrati bħala tali hemm, primarjament, ċertu aġir kollużorju partikolarment noċiv għall-kompetizzjoni, bħall-akkordji orizzontali li jwasslu għall-iffissar tal-prezzijiet, għal-limitazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew għat-tqassim tal-klijentela. Fil-fatt, dan it-tip ta’ aġir huwa tali li joħloq żieda fil-prezzijiet jew tnaqqis fil-produzzjoni u, għalhekk, tal-offerta – li jwassal għal użu ħażin tar-riżorsi għad-detriment tal-impriżi utenti u tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punti 17 u 33; tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 51, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2015, ING Pensii, C‑172/14, EU:C:2015:484, punt 32).

91      Mingħajr ma neċessarjament ikunu daqstant noċivi fil-konfront tal-kompetizzjoni, tipi oħra ta’ aġir jistgħu wkoll jitqiesu, f’ċerti każijiet, li għandhom għan antikompetittiv. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ ċerti tipi ta’ ftehim orizzontali minbarra akkordji, pereżempju ftehim li jwassal għall-esklużjoni ta’ impriżi kompetituri mis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 76, 77, 83 sa 87 u 101, kif ukoll tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punti 113 u 114), jew ukoll ċerti tipi ta’ deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li għandhom bħala għan li jikkoordinaw l-aġir tal-membri tagħhom, b’mod partikolari fejn jidħlu prezzijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 1987, Verband der Sachversicherer vs Il‑Kummissjoni, 45/85, EU:C:1987:34, punt 41).

92      Bil-għan li jiġi ddeterminat, f’każ speċifiku, jekk ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma fihomx, min-natura tagħhom stess, grad suffiċjenti ta’ noċività fil-konfront tal-kompetizzjoni sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li għandhom bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tagħha, huwa neċessarju li tiġi eżaminata, l-ewwel nett, il-portata tal-ftehim, tad-deċiżjoni jew tal-prattika inkwistjoni, it-tieni, il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jidħlu u, it-tielet nett, l-għanijiet li dawn għandhom l-intenzjoni li jilħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53, kif ukoll tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann‑La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 79).

93      F’dan ir-rigward, qabel kollox, fir-rigward tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jidħol l-aġir inkwistjoni, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali li jikkaratterizzaw l-istruttura u l-funzjonament tas-setturi u/jew tas-swieq inkwistjoni (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53, kif ukoll tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffman‑La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 80). Min-naħa l-oħra, b’ebda mod ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati u wisq iżjed li jintwerew, l-effetti ta’ dan l-aġir fuq il-kompetizzjoni, sew jekk reali jew potenzjali kif ukoll jekk negattivi jew pożittivi, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 85 u 86 ta’ din is-sentenza.

94      Sussegwentement, fir-rigward tal-għanijiet tal-aġir inkwistjoni, hemm lok li jiġu ddeterminati l-għanijiet oġġettivi li dan l-aġir għandu l-intenzjoni li jikseb fil-konfront tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li l-impriżi involuti aġixxew mingħajr ma kellhom l-intenzjoni suġġettiva li jwettqu prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-fatt li fittxew li jilħqu ċerti għanijiet leġittimi ma humiex determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, EU:C:2006:229, punti 64 u 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punt 21).

95      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat numru ta’ drabi li ftehimiet intiżi għall-kompartimentalizzazzjoni tas-swieq skont fruntieri nazzjonali, bil-għan li jikkostitwixxu mill-ġdid il-kompartimentalizzazzjoni tas-swieq nazzjonali jew li jagħmlu iktar diffiċli l-interpenetrazzjoni tas-swieq nazzjonali, jistgħu jkunu kuntrarji għall-għan tat-Trattati UE u FUE li huwa dak tat-twettiq tal-integrazzjoni ta’ dawn is-swieq permezz tal-ħolqien tas-suq intern u li, għal din ir-raġuni, bħala prinċipju, dawn għandhom jiġu kkategorizzati bħala ftehimiet li għandhom “bħala għan” ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 2008, Sot. Lélos kai Sia et, C‑468/06 sa C‑478/06, EU:C:2008:504, punt 65 u l-ġurisprurdenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 139).

96      Din il-ġurisprudenza, li ġiet applikata wkoll għal aġir minbarra ftehimiet, irrispettivament minn jekk dawn jirriżultawx minn impriżi jew minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 1972, Vereeniging van Cementhandelaren vs Il‑Kummissjoni, 8/72, EU:C:1972:84, punti 23 sa 25 u 29, kif ukoll tas‑16 ta’ Settembru 2008, Sot. Lélos kai Sia et, C‑468/06 sa C‑478/06, EU:C:2008:504, punt 66), tibbaża ruħha fuq il-fatt li, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1)(b) TFUE, l-istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern jagħmel parti integrali mill-għan ta’ stabbiliment ta’ dan is-suq li l-Artikolu 3(3) TFUE jattribwixxi, fost oħrajn, lill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punti 42 u 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, billi jikkompartimentalizza s-swieq skont fruntieri nazzjonali, billi jirrikostitwixxi l-kompartimentalizzazzjoni jew jagħmel l-interpenetrazzjoni ta’ dawn is-swieq iktar diffiċli, tali aġir jinnewtralizza l-vantaġġi li l-konsumaturi jistgħu jisiltu minn kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2008, Sot. Lélos kai Sia et (C‑468/06 sa C‑478/06, EU:C:2008:504, punt 66).

97      Il-kategorizzazzjoni bħala “għan” antikompetittiv, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, għalhekk intużat għal forom differenti ta’ akkordji li għandhom l-intenzjoni jew it-tendenza li jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont il-fruntieri nazzjonali, irrispettivament minn jekk ikunux jinvolvu, b’mod partikolari, il-prevenzjoni jew ir-restrizzjoni tal-kummerċ parallel, il-garanzija ta’ protezzjoni territorjali assoluta għal min għandu drittijiet esklużivi jew il-limitazzjoni, taħt forom oħra, tal-kompetizzjoni transkonfinali fis-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 61, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 139 sa 142).

98      Fl-aħħar nett, il-karatterizzazzjoni ta’ aġir speċifiku fis-sens li għandu bħala “għan” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandha, fi kwalunkwe każ, tindika r-raġunijiet preċiżi għalfejn dan l-aġir joħloq grad suffiċjenti ta’ noċività fir-rigward tal-kompetizzjoni li jiġġustifika li jitqies li għandu tali għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 69).

2)      Fuq ilkaratterizzazzjoni tależistenza ta’ aġir li għandu bħala “riżultat” ilprevenzjoni, irrestrizzjoni jew iddistorsjoni talkompetizzjoni

99      Il-kunċett ta’ aġir li għandu “riżultat” antikompetittiv jiġbor fih, min-naħa tiegħu, aġir li ma jistax jiġu kkunsidrat li għandu “għan” antikompetittiv, sakemm ma jintweriex li dan l-aġir għandu bħala riżultat attwali jew potenzjali li joħloq prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni u dan b’mod kunsiderevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il‑Kummissjoni, C‑7/95 P, EU:C:1998:256, punt 77, kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 117).

100    Għal dan il-għan, huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kompetizzjoni skont il-kuntest reali li fih din tirriżulta fl-assenza tal-ftehim, tad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew tal-prattika miftiehma inkwistjoni (sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, EU:C:1966:38, p. 360, kif ukoll tat‑20 ta’ Jannar, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 118), billi jiġu ddefiniti s-suq jew is-swieq li fuqhom dan l-aġir jista’ jipproduċi l-effetti tiegħu, u sussegwentement billi dawn tal-aħħar jiġu kkaratterizzati, sew jekk ikunu reali u sew jekk ikunu potenzjali. Dan l-eżami nnifsu jimplika li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti.

3)      Fuq ilkategorizzazzjoni, bħala deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li għandhom bħala “għan” jew bħala “riżultat” irrestrizzjoni talkompetizzjoni, tarregoli li jobbligaw lillklabbs ikollhom kwota minima ta’ plejers “imrawma lokalment” fittimijiet tagħhom

101    F’dan il-każ, għal dak li għandu x’jaqsam mal-kontenut tar-regoli tal-UEFA u tal-URBSFA li fir-rigward tagħhom il-qorti tar-rinviju qiegħda tressaq domandi preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitfakkar, minn naħa, li dawn ir-regoli jobbligaw lill-klabbs tal-futbol professjonali, li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet tal-futbol ta’ bejn il-klabbs li jaqgħu taħt dawn l-assoċjazzjonijiet, biex jinkludu fil-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ plejers li jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa biex ikunu jistgħu jitqiesu bħala “plejers imrawma lokalment” hekk kif iddefiniti fl-imsemmija regoli taħt piena ta’ sanzjonijiet. Billi jagħmlu hekk, huma jillimitaw, min-natura tagħhom stess, il-possibbiltà li għandhom il-klabbs li jinkludu f’din il-lista plejers li ma jissodisfawx tali rekwiżiti.

102    Min-naħa l-oħra, mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li din il-limitazzjoni tal-possibbiltà li għandhom il-klabbs li jikkomponu liberament it-timijiet tagħhom issir b’żewġ modi differenti. Fil-fatt, ir-regoli tal-UEFA u tal-URBSFA jobbligaw lil dawn il-klabbs jinkludu fil-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ plejers li, filwaqt li huma kkategorizzati bħala “plejers imrawma lokalment”, fil-verità ma ġewx imrawma neċessarjament mill-klabb li jimpjegahom iżda minn klabb differenti affiljat mal-istess assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol, ikun liema klabb ikun u indipendentement minn kull rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni ġeografika fi ħdan il-konfini territorjali ta’ din l-assoċjazzjoni. F’dan is-sens, il-limitazzjoni introdotta minn dawn ir-regoli sseħħ, fil-verità, fuq il-livell tal-assoċjazzjoni kkonċernata u għaldaqstant fuq il-livell nazzjonali. B’mod parallel, ir-regoli tal-UEFA jobbligaw ukoll lill-imsemmija klabbs l-obbligu li jinkludu, fost il-“plejers tal-futbol imrawma lokalment” li għandhom jinkludu fil-lista tal-plejers tal-logħba, numru minimu ta’ plejers li effettivament ġew imrawma mill-klabb li jimpjegahom. B’hekk, il-limitazzjoni imposta min-naħa tagħhom isseħħ fuq il-livell tal-klabb ikkonċernat.

103    Għal dak li jirrigwarda l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jidħlu r-regoli li fir-rigward tagħhom il-qorti tar-rinviju qiegħda tressaq domandi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, qabel kollox, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl tan-natura speċifika tal-“prodotti” kkostitwiti, mill-perspettiva ekonomika, mill-kompetizzjonijiet sportivi, huwa permess, b’mod ġenerali, li assoċjazzjonijiet li huma responsabbli minn dixxiplina sportiva, bħall-UEFA jew l-URBSFA, jadottaw regoli relatati, b’mod partikolari, mal-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet f’din id-dixxiplina, mal-iżvolġiment it-tajjeb ta’ dawn il-kompetizzjonijiet u mal-parteċipazzjoni tal-isportivi fihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 2000, Deliège, C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:1999, punti 67 u 68, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punt 60), sa fejn dawn l-assoċjazzjonijiet ma jillimitawx, b’dan il-mod, l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 81 u 83, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punt 52).

104    Sussegwentement, in-natura speċifika tal-futbol professjonali u tal-attivitajiet ekonomiċi li għalihom dan l-isport jagħti lok jippermettu li jiġi kkunsidrat li huwa leġittimu, għall-assoċjazzjonijiet bħall-UEFA u l-URBSFA, li jirregolaw, b’mod iktar partikolari, il-kundizzjonijiet li fihom il-klabbs tal-futbol professjonali jistgħu jikkostitwixxu t-timijiet li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet ta’ bejn il-klabbs fil-konfini territorjali tagħhom.

105    Fil-fatt, dan l-isport, li fl-Unjoni għandu importanza kunsiderevoli mhux biss soċjali u kulturali (sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 106, u tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 40), iżda wkoll medjatika, huwa kkaratterizzat, fost partikolaritajiet oħra, miċ-ċirkustanza li dan jagħti lok għall-organizzazzjoni ta’ ħafna kompetizzjonijiet fuq livell kemm Ewropew kif ukoll nazzjonali li fihom jintalbu jipparteċipaw numru kbir ħafna ta’ klabbs u numru kbir ħafna ta’ plejers. Barra minn hekk, dan huwa kkaratterizzat, bħalma huwa ċertu sport ieħor, mill-fatt li l-parteċipazzjoni f’dawn il-kompetizzjonijiet hija rriżervata għal timijiet li kisbu ċerti riżultati sportivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 132), fejn l-iżvolġiment tal-imsemmija kompetizzjonijiet huwa bbażat fuq logħbiet bejn, u l-eliminazzjoni progressiva ta’, dawn it-timijiet. Dan konsegwentement jistrieħ essenzjalment fuq il-mertu sportiv, li jkun jista’ jintwera biss jekk it-timijiet kollha parteċipanti jkunu ġew ikkostitwiti b’osservanza tal-kundizzjonijiet regolatorji u tekniċi omoġenji li jiżguraw ċerti opportunitajiet indaqs.

106    Fl-aħħar nett, il-kundizzjonijiet reali li jikkaratterizzaw il-funzjonament tas-“suq” ikkostitwiti, mill-perspettiva ekonomika, minn kompetizzjonijiet tal-futbol professjonali, jispjegaw li r-regoli li jistgħu jiġu adottati minn assoċjazzjonijiet bħall-UEFA u l-URBSFA, u b’mod iktar partikolari r-regoli dwar l-organizzazzjoni u l-iżvolġiment it-tajjeb tal-kompetizzjonijiet li jaqgħu taħthom, jistgħu jkomplu jagħmlu riferiment, fuq ċerti punti u sa ċertu mod, għal rekwiżit jew għal kriterju nazzjonali. Fil-fatt, minn perspettiva funzjonali, dan l-isport huwa kkaratterizzat mill-koeżistenza ta’ kompetizzjonijiet bejn il-klabbs u kompetizzjonijiet bejn timijiet li jirrappreżentaw assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol, li l-kompożizzjoni tagħhom tista’ tiġi leġittimament suġġetta għall-osservanza ta’ “klawżoli ta’ nazzjonalità” fid-dawl tan-natura speċifika ta’ dawn il-logħbiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 127 u 128 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

107    Għal dak li jirrigwarda l-għan li r-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali oġġettivament ifittxu li jilħqu, fir-rigward tal-kompetizzjoni, mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju dwar il-kontenut ta’ dawn ir-regoli jirriżulta li dawn jillimitaw jew jikkontrollaw wieħed mill-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni li jistgħu jipprattikaw il-klabbs tal-futbol professjonali, jiġifieri r-reklutaġġ ta’ plejers ta’ talent, irrispettivament mill-klabb u l-post fejn ikunu ġew imrawma, li jippermetti lit-tim tagħhom jirbaħ meta jilgħab kontra t-tim avversarju. Minn din il-perspettiva, il-Gvern Belġjan żied, ġustament, li din il-limitazzjoni hija tali li jkollha effett fuq il-kompetizzjoni bejn il-klabbs mhux biss fis-“suq introduttiv jew ta’ provvista” kkostitwit, mill-perspettiva ekonomika, mir-reklutaġġ tal-plejers, iżda wkoll fis-“suq ta’ implimentazzjoni” kkostitwit, mill-istess perspettiva, mill-kompetizzjonijiet tal-futbol ta’ bejn il-klabbs.

108    Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li jkollha tiddetermina jekk ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali fihomx, min-natura tagħhom stess, grad suffiċjenti ta’ noċività fir-rigward tal-kompetizzjoni biex ikunu jistgħu jitqiesu li għandhom bħala “għan” ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

109    Għal dan il-għan, hija jkollha tieħu inkunsiderazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 92 ta’ din is-sentenza, il-portata ta’ dawn ir-regoli u tiddetermina jekk dawn tal-aħħar jillimitawx, b’mod suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li dawn fihom grad ta’ noċività tali li jippermetti li jiġu kkategorizzati bħala antikompetittivi minħabba l-“għan”, l-aċċess tal-klabbs tal-futbol professjonali għar-“riżorsi” essenzjali għas-suċċess tagħhom bħalma huma, mill-perspettiva ekonomika, il-plejers diġà mrawma, billi jobbligawhom jirreklutaw numru minimu ta’ plejers imrawma f’qafas nazzjonali, għad-detriment tal-kompetizzjoni transkonfinali li normalment jipprattikaw billi jirreklutaw plejers imrawma fi ħdan assoċjazzjonijiet nazzjonali oħra tal-futbol. Minn din il-perspettiva, il-proporzjon ta’ plejers ikkonċernati fih rilevanza partikolari.

110    Il-qorti tar-rinviju jkollha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 70 sa 73, 93 u 94 ta’ din is-sentenza, il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew adottati kif ukoll l-aspetti speċifiċi tal-futbol, u jkollha tevalwa jekk l-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli kellhiex, jew le, bħala għan ir-restrizzjoni tal-aċċess tal-klabbs għal dawn ir-riżorsi, il-kompartimentalizzazzjoni jew il-kompartimentalizzazzjoni mill-ġdid tas-swieq skont fruntieri nazzjonali jew li tagħmel iktar diffiċli l-interpenetrazzjoni tas-swieq nazzjonali billi tintroduċi forma ta’ “preferenza nazzjonali”.

111    Jekk il-qorti tar-rinviju tasal, fi tmiem l-eżami tagħha, għall-konklużjoni li l-grad ta’ noċività tar-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa suffiċjenti biex tkun iġġustifikata l-kunsiderazzjoni li dawn għandhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u li, konsegwentement, jaqgħu taħt il-projbizzjoni ddikjarata fl-Artikolu 101(1) TFUE, ma jkunx hemm lok, għaliha, li teżamina r-riżultat attwali jew potenzjali ta’ dawn ir-regoli.

112    Fil-każ kuntrarju, hija jkollha teżamina dan ir-riżultat.

d)      Fuq ilpossibbiltà li ċertu aġir speċifiku jitqies li ma jaqax taħt lArtikolu 101(1) TFUE

113    Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull ftehim bejn impriżi jew kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li jillimita l-libertà ta’ azzjoni tal-impriżi li huma partijiet f’dan il-ftehim jew li huma suġġetti għall-osservanza ta’ din id-deċiżjoni ma jaqax neċessarjament taħt il-projbizzjoni ddikjarata fl-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt, l-eżami tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jidħlu wħud minn dawn il-ftehimiet u wħud minn dawn id-deċiżjonijiet jista’ jwassal għall-konstatazzjoni, l-ewwel nett, li dawn ikunu ġġustifikati bit-tiftix ta’ għan jew numru ta’ għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali neqsin, fihom innifishom, minn natura antikompetittiva, it-tieni, li l-mezzi konkreti li għalihom wieħed irrikorra biex jintlaħqu dawn l-għanijiet huma verament neċessarji għal dan u, it-tielet nett, li, anki jekk jiġri li dawn il-mezzi għandhom bħala riżultat inerenti li joħolqu restrizzjoni jew distorsjoni, minn tal-inqas potenzjali, tal-kompetizzjoni, dan ir-riżultat inerenti ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju, b’mod partikolari billi jelimina kull kompetizzjoni. Din il-ġurisprudenza tista’ tkun applikabbli, b’mod partikolari, fil-preżenza ta’ ftehimiet jew ta’ deċiżjonijiet li jieħdu l-forma ta’ regoli adottati minn assoċjazzjoni bħal assoċjazzjoni professjonali jew assoċjazzjoni sportiva, bil-għan li jfittxu li jilħqu ċerti għanijiet ta’ natura etika jew deontoloġika u, b’mod usa’, li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ attività professjonali, jekk l-assoċjazzjoni kkonċernata turi li l-kundizzjonijiet imsemmija ġew issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 97; tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punti 42 sa 48, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punti 93, 96 u 97).

114    B’mod iktar speċifiku, fil-qasam tal-isport, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet biex osservat, fid-dawl tal-elementi għad-dispożizzjoni tagħha, li l-leġiżlazzjoni antidoping adottata mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (IOC) ma taqax taħt il-projbizzjoni ddikjarata fl-Artikolu 101(1) TFUE, minkejja li tillimita l-libertà ta’ azzjoni tal-atleti u għandha bħala riżultat inerenti li toħloq restrizzjoni potenzjali tal-kompetizzjoni bejniethom billi tiddefinixxi l-limitu li lil hinn minnu l-preżenza ta’ nandrolone tikkostitwixxi doping, u dan sabiex tippreżerva l-iżvolġiment leali, integru u oġġettiv tal-kompetizzjoni sportiva, li tiżgura l-opportunitajiet indaqs bejn l-atleti, li tipproteġi s-saħħa tagħhom kif ukoll li tiżgura r-rispett tal-valuri etiċi li huma ċentrali għall-isport, fosthom il-meritokrazija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punti 43 sa 55).

115    Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 113 ta’ din is-sentenza ma tistax tapplika fil-preżenza ta’ aġir li, filwaqt li ma għandux bħala “riżultat” inerenti li joħloq restrizzjoni, minn tal-inqas potenzjalment, tal-kompetizzjoni billi jillimita l-libertà ta’ azzjoni ta’ ċerti impriżi, joħloq, fir-rigward ta’ din il-kompetizzjoni, grad ta’ noċività li jiġġustifika li jiġi kkunsidrat li dan għandu bħala “għan” speċifiku li joħloq prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tagħha. B’hekk, huwa biss jekk jirriżulta, fi tmiem l-eżami tal-aġir inkwistjoni f’każ speċifiku, li dan l-aġir ma għandux bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni li jkun hemm lok li jiġi ddeterminat, sussegwentement, jekk dan jistax jirriżulta minn din il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 69; tal‑4 ta’ Settembru 2014, API et, C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, EU:C:2014:2147, punt 49, kif ukoll tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International, C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890, punti 51, 53, 56 u 57).

116    Fir-rigward tal-aġir li għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, għaldaqstant huwa biss b’applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE u sa fejn ikunu ġew osservati l-kundizzjonijiet kollha previsti minn din id-dispożizzjoni li dan l-aġir jista’ jibbenefika minn eżenzjoni tal-projbizzjoni ddikjarata fl-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punt 21).

117    F’dan il-każ, huwa għalhekk biss jekk il-qorti tar-rinviju, fi tmiem l-eżami tagħha tar-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tasal għall-konklużjoni li dawn ma għandhomx bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, iżda għandhom tali riżultat, li jkollha tivverifika jekk tali aġir jissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 113 ta’ din is-sentenza, billi tieħu inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, l-għanijiet esposti, b’mod partikolari, mill-assoċjazzjonijiet sportivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu f’li tiġi żgurata l-omoġeneità tal-kundizzjonijiet li fihom huma kkostitwiti t-timijiet li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tal-futbol ta’ bejn il-klabbs kif ukoll li jiġi inkoraġġut it-trawwim tal-plejers iż-żgħażagħ tal-futbol professjonali.

2.      Fuq linterpretazzjoni talArtikolu 101(3) TFUE

118    Mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 101(3) TFUE jirriżulta li kull ftehim, kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew kull prattika miftiehma li tirriżulta li hija kuntrarja għall-Artikolu 101(1) TFUE, sew jekk minħabba l-għan, sew jekk minħabba l-effett antikompetittiv, jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha previsti f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il‑Kummissjoni, punt 38, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 230), filwaqt li għandu jiġi osservat li dawn il-kundizzjonijiet huma iktar stretti minn dawk imsemmija fil-punt 113 ta’ din is-sentenza.

119    Konformement mal-Artikolu 101(3) TFUE, il-benefiċċju minn din l-eżenzjoni, f’każ speċifiku, huwa suġġett għal erba’ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, għandu jiġi stabbilit, b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 95), li l-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni għandhom jippermettu li jkun hemm kisbiet ta’ effikaċja, billi jikkontribwixxu jew għat-titjib tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, jew inkella għall-promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku. It-tieni, għandu jiġi stabbilit, bl-istess livell ta’ probabbiltà, li parti ekwa tal-profitt li jirriżulta minn dawn il-kisbiet ta’ effikaċja hija rriżervata għall-utenti. It-tielet, il-ftehim, id-deċiżjoni jew il-prattika inkwistjoni ma għandhomx jobbligaw lill-impriżi parteċipanti restrizzjonijiet li ma humiex indispensabbli biex ikun hemm tali kisbiet ta’ effikaċja. Ir-raba’ nett, dan il-ftehim, din id-deċiżjoni jew din il-prattika ma għandhomx jagħtu lill-impriżi parteċipanti l-possibbiltà li tiġi eliminata kull kompetizzjoni effettiva għal parti sostanzjali tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati.

120    Hija l-parti li tistrieħ fuq tali eżenzjoni li għandha turi, permezz ta’ argumenti u provi konvinċenti, li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa biex tkun tista’ tibbenefika minnha ġew issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il‑Kummissjoni, 42/84, EU:C:1985:327, punt 45, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 82). Fil-każ fejn dawn l-argumenti u dawn il-provi jkunu tali li jobbligaw lill-parti l-oħra tikkonfutahom b’mod konvinċenti, huwa permess, fl-assenza ta’ tali konfutazzjoni, li jiġi konkluż li l-oneru tal-prova fuq il-parti li tinvoka l-Artikolu 101(3) TFUE ġie ssodisfatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 79, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 83).

121    B’mod partikolari, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni mfakkra fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, il-kisbiet ta’ effikaċja li l-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma għandhom jippermettu li jsiru ma jikkorrispondux għal kull vantaġġ li l-impriżi parteċipanti jisiltu minn dan il-ftehim, din id-deċiżjoni jew din il-prattika fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħhom, iżda biss għall-vantaġġi oġġettivi kunsiderevoli li l-imsemmi ftehim, l-imsemmija deċiżjoni jew l-imsemmija prattika, ikkunsidrati b’mod speċifiku, jippermettu li jsiru fis-settur/i jew suq/swieq differenti kkonċernati. Barra minn hekk, sabiex din l-ewwel kundizzjoni tkun tista’ titqies li ġiet issodisfatta, jeħtieġ mhux biss li tiġi stabbilita r-realtà u l-portata ta’ dawn il-kisbiet ta’ effikaċja, iżda wkoll li jintwera li dawn huma ta’ natura li jpaċu l-inkonvenjenti li jirriżultaw mill-ftehim, mid-deċiżjoni jew mill-prattika inkwistjoni mill-perspettiva tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni, 56/64 u 58/64, EU:C:1966:41, p. 502, u tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punti 232, 234 u 236, kif ukoll, b’analoġija, tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 43).

122    Għal dak li jikkonċerna t-tieni kundizzjoni mfakkra fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, din timplika li jiġi stabbilit li l-kisbiet ta’ effikaċja li l-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni għandhom jippermettu li jsiru għandhom effett favorevoli fuq l-utenti kollha, irrispettivament minn jekk ikunux professjonisti, konsumaturi intermedjarji jew konsumaturi finali fid-diversi setturi jew swieq ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, EU:C:2006:734, punt 70, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punti 236 u 242).

123    Għaldaqstant, f’sitwazzjoni fejn l-aġir li jikser l-Artikolu 101(1) TFUE huwa antikompetittiv minħabba l-għan, jiġifieri għandu grad suffiċjenti ta’ noċività għall-kompetizzjoni, u fejn, barra minn hekk, huwa tali li jaffettwa kategoriji differenti ta’ utenti jew ta’ konsumaturi, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk u, jekk ikun il-każ, kemm, dan l-aġir, minkejja n-natura tiegħu li tikkostitwixxi ħsara, għandu effett favorevoli fuq kull waħda minn dawn il-kategoriji.

124    Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni mfakkra fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, dwar in-natura indispensabbli jew neċessarja tal-aġir inkwistjoni, hija tinvolvi l-evalwazzjoni u l-paragun tal-effett rispettiv ta’ dan l-aġir u tal-miżuri alternattivi li realment jistgħu jiġu ppjanati, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk il-kisbiet ta’ effikaċja mistennija mill-imsemmi aġir jistgħux isiru permezz ta’ miżuri inqas restrittivi għall-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, din il-kundizzjoni ma tistax twassal biex tiġi applikata waħda mill-għażliet bejn tali aġir u tali miżuri alternattivi fl-ipoteżi fejn dawn tal-aħħar ma jidhrux inqas restrittivi għall-kompetizzjoni.

125    Fir-rigward tar-raba’ kundizzjoni mfakkra fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, il-verifika tal-osservanza tagħha, f’każ speċifiku, jimplika li għandu jsir eżami tal-elementi ta’ natura kwantitattiva u kwalitattiva li jikkaratterizzaw il-funzjonament tal-kompetizzjoni fis-setturi jew is-swieq ikkonċernati, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni jagħtux lill-impriżi parteċipanti l-possibbiltà li tiġi eliminata kull kompetizzjoni effettiva għal parti sostanzjali tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. B’mod partikolari, fil-preżenza ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew ta’ ftehim li għalih kien hemm adeżjoni kollettiva min-naħa tal-impriżi, is-sehem mis-suq importanti ħafna miżmum minnhom jista’ jikkostitwixxi, fost ċirkustanzi oħra rilevanti u fil-kuntest ta’ analiżi globali ta’ dawn tal-aħħar, indikatur tal-possibbiltà li din id-deċiżjoni jew dan il-ftehim jagħtu, fid-dawl tal-kontenut tagħhom u tal-għan jew tar-riżultat tagħhom, lill-impriżi parteċipanti li jeliminaw kull kompetizzjoni effettiva – raġuni li waħedha teskludi l-vantaġġ tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 101(3) TFUE.

126    B’mod iktar ġenerali, l-eżami tal-kundizzjonijiet differenti msemmija fil-punt 119 ta’ din is-sentenza jista’ jirrikjedi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-partikolaritajiet tas-settur/i jew tas-suq/swieq ikkonċernati mill-ftehim, mid-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew mill-prattika miftiehma inkwistjoni, jew dawn il-karatteristiċi jew dawn il-partikolaritajiet ikunu deċiżivi fir-rigward tar-riżultat ta’ dan l-eżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 103, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 236).

127    Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda mill-erba’ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 119 ta’ din is-sentenza huwa biżżejjed biex jiġi eskluż il-vantaġġ tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 101(3) TFUE.

128    Hawnhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar jekk ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha li jippermettu lill-partijiet jibbenefikaw minn eżenzjoni taħt l-Artikolu 101(3) TFUE wara li jkunu qegħduhom f’pożizzjoni jissodisfaw l-oneru tal-prova impost fuqhom, hekk kif imfakkar fil-punt 120 ta’ din is-sentenza.

129    Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi osservat, fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, relatata mal-vantaġġi oġġettivi kunsiderevoli li aġir li għandu bħala għan jew bħala riżultat il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni għandu jippermetti li jinkisbu fis-settur/i jew suq/swieq ikkonċernati, li r-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċpali jistgħu jinċentivaw lill-klabbs tal-futbol professjonali jirreklutaw u jħarġu lil plejers żgħażagħ u għaldaqstant li l-kompetizzjoni tiġi intensifikata permezz tat-taħriġ. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, waħedha, li jkollha tiddeċiedi, fid-dawl tal-argumenti u tal-provi konkreti prodotti jew li għandhom jiġu prodotti mill-partijiet, irrispettivament minn jekk ikunux ta’ natura ekonomika, statistika jew ta’ xort’oħra, dwar ir-realtà ta’ dan l-inċentiv, dwar il-portata tal-kisbiet ta’ effikaċja li jirriżultaw minnu f’termini ta’ taħriġ kif ukoll dwar il-punt jekk dawn il-kisbiet ta’ effikaċja humiex ta’ natura li jpaċu l-inkonvenjenti li jirriżultaw mill-imsemmija regoli mill-perspettiva tal-kompetizzjoni.

130    Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, li l-aġir inkwistjoni għandu jkollu effett favorevoli għall-utenti, irrispettivament minn jekk ikunux professjonisti jew konsumaturi intermedji jew konsumaturi finali, fuq is-setturi jew swieq ikkonċernati, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, l-“utenti” jinkludu, fuq quddiem, il-klabbs tal-futbol professjonali u l-plejers innifishom. Ma’ dawn għandhom jingħaddu, b’mod usa’, il-“konsumaturi” finali li huma, fis-sens ekonomiku tal-kelma, l-ispettaturi jew it-telespettaturi. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, ma jistax jiġi eskluż a priori li l-interess li wħud minnhom juru lejn il-kompetizzjonijiet ta’ bejn il-klabbs jiddependi, fost parametri oħra, mill-post fejn huma stabbiliti l-klabbs li jipparteċipaw fihom u mill-preżenza, fi ħdan it-timijiet skjerati minn dawn il-klabbs, ta’ plejers imrawma lokalment. Għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi b’mod partikolari, fid-dawl tal-argumenti u tal-provi konkreti prodotti jew li għandhom jiġu prodotti mill-partijiet, dwar il-kwistjoni jekk, fis-suq li dawn jaffettwaw b’mod ewlieni, jiġifieri dak tar-reklutaġġ tal-plejers minn dawn il-klabbs, ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom effett favorevoli reali mhux bis fuq il-plejers iżda wkoll fuq il-klabbs kollha kif ukoll fuq l-ispettaturi u t-telespettaturi jew jekk, kif ġie sostnut quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn joperawx, fil-prattika, favur ċerti kategoriji ta’ klabbs iżda wkoll, fl-istess ħin, għad-detriment ta’ oħrajn.

131    Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, dwar in-natura strettament neċessarja tar-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl tal-argumenti u tal-provi konkreti prodotti jew li għandhom jiġu prodotti mill-partijiet, jekk miżuri alternattivi bħal dawk li ssemmew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri l-impożizzjoni ta’ rekwiżiti ta’ taħriġ ta’ plejers għall-finijiet tal-għoti ta’ liċenzji lill-klabbs tal-futbol professjonali, l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament jew ta’ inċentivi finanzjarji, b’mod partikolari, għall-klabbs iż-żgħar, jew sistema ta’ kumpens dirett għall-ispejjeż sostnuti mill-klabbs li jrawmu, jistgħux jikkostitwixxu, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 108 u 109, kif ukoll tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, EU:C:2010:143, punti 41 sa 45), miżuri inqas restrittivi tal-kompetizzjoni.

132    Fir-rigward tar-raba’ kundizzjoni, dwar jekk, filwaqt li joħolqu restrizzjoni tal-kompetizzjoni li jistgħu jkunu involuti fiha l-klabbs tal-futbol professjonali permezz tar-reklutaġġ ta’ plejers diġà mrawma, ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jeliminawx il-kompetizzjoni, l-element determinanti huwa l-livell li miegħu ġew iffissati l-ammonti minimi ta’ “plejers imrawma lokalment” li għandhom jitniżżlu fil-lista’ tal-plejers tal-logħba fi proporzjon man-numru totali ta’ plejers li għandhom jitniżżlu f’din il-lista. B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni indikat li, fir-rigward ta’ regoli simili li tagħhom kienet ħadet konjizzjoni, dawn il-proporzjonijiet minimi ma kinux jidhrulha sproporzjonati, anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-klabbs tal-futbol professjonali jistgħu fil-verità jkollhom jew ikunu jixtiequ jirreklutaw numru ogħla ta’ “plejers imrawma lokalment” bil-għan li jilqgħu għar-riskji bħas-seħħ ta’ inċidenti jew mard. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, waħedha, li finalment ikollha tiddeċiedi dan il-punt.

133    Dan il-paragun għandu jsir billi, sa fejn possibbli, tiġi mqabbla s-sitwazzjoni li tirriżulta mir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni inkwistjoni meta mqabbla mas-sitwazzjoni li tirriżulta fis-suq ikkonċernat li kieku ma kienx hemm prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan tal-aħħar minħabba dawn ir-restrizzjonijiet.

134    Min-naħa l-oħra, il-fatt li r-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali japplikaw għall-kompetizzjonijiet kollha ta’ bejn il-klabbs u li jaqgħu taħt l-UEFA u l-URBSFA kif ukoll għall-klabbs tal-futbol professjonali kollha u għall-plejers kollha li jipparteċipaw fihom ma huwiex determinanti. Fil-fatt, dan l-element huwa inerenti għall-eżistenza nnifisha tal-assoċjazzjonijiet li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, f’konfini territorjali speċifiku, setgħa regolatorja li għall-osservanza tagħha huma suġġetti l-impriżi kollha li huma membri tagħhom kif ukoll il-persuni kollha affiljati magħhom.

135    Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, sa fejn dawn jirrigwardaw l-Artikolu 101 TFUE, tkun li:

–      l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli li ġew adottati minn assoċjazzjoni responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet tal-futbol fuq livell Ewropew u implimentati kemm minn din l-assoċjazzjoni kif ukoll mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol membri tagħha, u li jobbligaw lil kull klabb li jipparteċipa f’dawn il-kompetizzjonijiet jinkludi fil-lista tal-plejers tiegħu kif ukoll jniżżel fil-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ plejers imrawma jew mill-klabb innifsu jew fil-konfini territorjali tal-assoċjazzjoni nazzjonali li magħha l-imsemmi klabb huwa affiljat, u għandu jipprekludi wkoll regoli li ġew adottati minn assoċjazzjoni responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet tal-futbol fuq livell nazzjonali, u li jobbligaw lil kull klabb li jipparteċipa f’dawn il-kompetizzjonijiet jinkludi fil-lista tal-plejers tiegħu kif ukoll iniżżel fil-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ plejers imrawma fil-konfini territorjali ta’ din l-assoċjazzjoni, jekk jiġi stabbilit, minn naħa, li dawn id-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri u, min-naħa l-oħra, li dawn għandhom jew bħala għan jew bħala riżultat ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn il-klabbs tal-futbol professjonali, sakemm, fit-tieni waħda minn dawn l-ipoteżi, ma jintweriex, permezz ta’ argumenti u ta’ provi konvinċenti, li dawn huma kemm iġġustifikati bit-tiftix ta’ għan jew ta’ numru ta’ għanijiet leġittimi u kif ukoll strettament neċessarji għal dawn il-finijiet;

–      l-Artikolu 101(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tali deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, jekk jirriżultaw li huma kuntrarji għall-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-applikazzjoni ta’ dan l-aħħar paragrafu biss jekk jintwera, permezz ta’ argumenti u ta’ provi konvinċenti, li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għal dawn il-finijiet ġew issodisfatti.

C.      Fuq iddomandi preliminari sa fejn jikkonċernaw lArtikolu 45 TFUE

1.      Fuq leżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta jew ta’ ostakolu għallmoviment liberu talħaddiema

136    Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Artikolu 45 TFUE, li għandu effett dirett, jipprekludi kull miżura, irrispettivament minn jekk din tkunx ibbażata fuq in-nazzjonalità jew jekk tkunx applikabbli indipendentement min-nazzjonalità, li tista’ tisfavorixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni meta dawn ikunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom billi din il-miżura tipprekludihom jew tiddisswadihom milli jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 93 sa 96, kif ukoll tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, EU:C:2010:143, punti 33 u 34).

137    F’dan il-każ, hekk kif tiddikjara l-qorti tar-rinviju, mill-kliem innifsu u mill-istruttura tagħhom jirriżulta li regoli bħal dawk tal-URBSFA jistgħu, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jisfavorixxu lill-plejers tal-futbol professjonali li jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru, jiġifieri l-Belġju, li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, u li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet rikjesti minn dawn ir-regoli. Fil-fatt, filwaqt li ma humiex direttament ibbażati fuq kriterju ta’ nazzjonalità jew ta’ residenza, dawn ir-regoli huma xorta waħda bbażati fuq rabta ta’ natura espliċitament “nazzjonali” u dan minn żewġ aspetti, kif osservat korrettament il-Kummissjoni. Minn naħa, dawn jiddefinixxu lill-“plejers imrawma lokalment” bħala dawk li ġew imrawma fi ħdan klabb “Belġjan”. Min-naħa l-oħra, dawn jobbligaw lill-klabbs tal-futbol professjonali li jixtiequ jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet tal-futbol ta’ bejn il-klabbs li jaqgħu taħt l-URBSFA jinkludu fil-lista tal-plejers tagħhom u jinkludu fil-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ plejers li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex ikunu jistgħu jiġu kkategorizzati b’dan il-mod.

138    B’hekk, l-imsemmija regoli jillimitaw il-possibbiltà li għandhom il-plejers li ma jistgħux igawdu minn tali rabta “nazzjonali” milli jiġu inklużi fil-lista tal-plejers ta’ tali klabbs u milli jiġu inklużi fil-lista tal-plejers tal-logħba, u għaldaqstant milli jkunu jistgħu jiġu skjerati minn dawn il-klabbs. Kif ġie osservat fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, iċ-ċirkustanza li b’dan il-mod hija kkonċernata l-parteċipazzjoni tal-plejers fit-timijiet, u mhux formalment il-possibbiltà li dawn il-plejers jiġu impjegati, ma tagħmilx differenza peress li l-parteċipazzjoni f’logħbiet u f’kompetizzjonijiet tikkostitwixxi l-għan essenzjali tal-attività tal-imsemmija plejers.

139    B’dan il-mod, ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 u 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, joħolqu diskriminazzjoni indiretta fil-konfront tal-plejers provenjenti minn Stat Membru ieħor, inkwantu wisq probabbli dawn ir-regoli jispiċċaw jiġu applikati għad-detriment ta’ dawn tal-aħħar.

140    Għaldaqstant dawn ir-regoli prima facie jippreġudikaw il-moviment liberu tal-ħaddiema, suġġett għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju.

2.      Fuq leżistenza ta’ ġustifikazzjoni possibbli

141    Miżuri li ma joriġinawx mill-Istat jistgħu jiġu aċċettati, anki meta jostakolaw moviment liberu stabbilit mit-Trattat FUE, jekk jiġi stabbilit, l-ewwel nett, li l-adozzjoni tagħhom ifittex għan leġittimu ta’ interess ġenerali kompatibbli ma’ dan it-trattat u, għalhekk, ta’ natura li ma hijiex purament ekonomika, u, it-tieni, li dawn josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jfisser li jkunu adatti biex jiggarantixxu t-twettiq ta’ dan l-għan u li ma jmorrux lil hinn milli jkun neċessarju biex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 104; tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 38, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punt 48). B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar in-natura adatta ta’ tali miżuri, għandu jitfakkar li dawn jistgħu jitqiesu li huma tali li jiggarantixxu t-twettiq tal-għan invokat biss jekk jissodisfaw effettivament ħsieb li dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 61, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubruo 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni ogħla), C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 178).

142    L-istess bħal fil-każ ta’ miżuri li joriġinaw mill-Istat, huwa l-awtur ta’ dawn il-miżuri li ma joriġinawx mill-Istat li għandu juri li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi ġew osservati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Ċipru, C‑515/14, EU:C:2016:30, punt 54, u tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjativa), C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 77).

143    F’dan il-każ, għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-punt jekk ir-regoli tal-URBSFA inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfawx l-imsemmija kundizzjonijiet, fid-dawl tal-argumenti u tal-provi prodotti mill-partijiet.

144    B’hekk, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, kemm fid-dawl tal-funzjoni soċjali u edukattiva tal-isport, irrikonoxxuta fl-Artikolu 165 TFUE, kif ukoll, b’mod usa’, tal-importanza kunsiderevoli tal-isport fl-Unjoni, li ħafna drabi ġiet enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan li jiġi inkoraġġut ir-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ plejers tal-futbol professjonali żgħażagħ jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 106, u tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 39).

145    It-tieni, fir-rigward tan-natura adatta ta’ regoli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jilħqu l-għan inkwistjoni, jeħtieġ li jiġi osservat qabel kollox, li dan l-għan jista’, f’ċerti każijiet u taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġġustifika miżuri li, mingħajr ma jkunu kkonċepiti b’mod tali li jiggarantixxu, b’ċertezza u b’mod li jista’ jiġi kkwantifikat bil-quddiem, żieda jew intensifikazzjoni fir-reklutaġġ u fit-taħriġ tal-plejers żgħażagħ, jistgħu madankollu joħolqu inċentivi reali u sinjifikattivi f’dan is-sens (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 108 u 109, kif ukoll tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, EU:C:2010:143, punti 41 sa 45).

146    Sussegwentement, hemm lok li jiġi osservat li, sa fejn regoli bħal dawn tal-URBSFA inkwistjoni fil-kawża prinċipali jobbligaw lill-klabbs tal-futbol professjonali li jixtiequ jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tal-futbol ta’ bejn il-klabbs li jaqgħu taħt din l-assoċjazzjoni jinkludu fil-lista tal-plejers tagħhom u li jinkludu fil-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ plejers żgħażagħ imrawma minn klabb li jaqa’ taħt l-imsemmija assoċjazzjoni, ikun liema klabb ikun, in-natura adatta tagħhom li jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan li jikkonsisti fl-inkoraġġiment tar-reklutaġġ u t-taħriġ tal-plejers żgħażagħ fuq livell lokali jkollha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-elementi kollha rilevanti.

147    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li, billi jqiegħdu fuq l-istess livell il-plejers żgħażagħ kollha li ġew imrawma minn klabb affiljat mal-assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol inkwistjoni, ikun liema klabb ikun, l-imsemmija regoli jistgħu ma jikkostitwixxux inċentivi reali u sinjifikattivi, għal uħud minn dawn il-klabbs, b’mod partikolari dawk li għandhom riżorsi finanzjarji sinjifikattivi, biex jirreklutaw plejers żgħażagħ bil-għan li jrawmuhom huma stess. Għall-kuntrarju, tali politika ta’ reklutaġġ u ta’ taħriġ, li għall-klabb ikkonċernat, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, tiswa, hija twila u hija inċerta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 42), hija mqiegħda fuq l-istess livell bħar-reklutaġġ ta’ plejers żgħażagħ diġà mrawma minn kwalunkwe klabb ieħor li wkoll huwa affiljat ma’ din l-assoċjazzjoni, ikun fejn ikun illokalizzat dan il-klabb ieħor fil-konfini territorjali tal-imsemmija assoċjazzjoni. Issa, huwa preċiżament l-investiment lokali fit-trawwim tal-plejers iż-żgħażagħ, b’mod partikolari meta dan isir minn klabbs żgħar, jekk ikun il-każ bi sħubija ma’ klabbs oħra fl-istess reġjun, ta’ daqs potenzjalment transkonfinali, li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-funzjoni soċjali u edukattiva tal-isport (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 44).

148    It-tielet, ikollha tiġi eżaminata, kif jirriżulta mill-punti 131 u 132 ta’ din is-sentenza, in-natura neċessarja u proporzjonali tar-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari tan-numru minimu ta’ “plejers imrawma lokalment” li għandu jiġi inkluż fil-lista tal-plejers tal-klabbs u inkluż fil-lista tal-plejers tal-logħba, bis-saħħa ta’ dawn ir-regoli, b’kuntrast man-numru totali ta’ plejers li għandhom jinsabu f’dawn il-listi.

149    L-elementi kollha msemmija fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza u, jekk ikun il-każ, l-elementi l-oħra li l-qorti tar-rinviju tista’ tqis li huma rilevanti fid-dawl ta’ din is-sentenza, għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ddettaljata u globali minn din il-qorti, fid-dawl tal-argumenti u tal-provi prodotti jew li għandhom jiġu prodotti mill-partijiet fil-kawża prinċipali.

150    Fid-dawl tal-punti preċedenti kollha, jeħtieġ li r-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, sa fejn dawn jirrigwardaw l-Artikolu 45 TFUE, tkun li dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli li ġew adottati minn assoċjazzjoni responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet tal-futbol fuq livell nazzjonali u li jobbligaw lil kull klabb li jipparteċipa f’dawn il-kompetizzjonijiet jinkludi fil-lista tal-plejers tiegħu kif ukoll iniżżel fil-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ plejers imrawma fil-konfini territorjali ta’ din l-assoċjazzjoni, sakemm ma jiġix stabbilit li dawn ir-regoli huma tali li jiggarantixxu, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan li jikkonsisti fl-inkoraġġiment, fuq livell lokali, tar-reklutaġġ u t-taħriġ tal-plejers tal-futbol professjonali żgħażagħ, u li dawn ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex dan l-għan jintlaħaq.

V.      Fuq lispejjeż

151    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli li ġew adottati minn assoċjazzjoni responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet tal-futbol fuq livell Ewropew u implimentati kemm minn din l-assoċjazzjoni kif ukoll mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol membri tagħha, u li jobbligaw lil kull klabb li jipparteċipa f’dawn il-kompetizzjonijiet jinkludi fil-lista tal-plejers tiegħu kif ukoll iniżżel fil-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ plejers imrawma jew mill-klabb innifsu jew fil-konfini territorjali tal-assoċjazzjoni nazzjonali li magħha l-imsemmi klabb huwa affiljat, u għandu jipprekludi wkoll regoli li ġew adottati minn assoċjazzjoni responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet tal-futbol fuq livell nazzjonali, u li jobbligaw lil kull klabb li jipparteċipa f’dawn il-kompetizzjonijiet jinkludi fil-lista tal-plejers tiegħu kif ukoll iniżżel fil-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ plejers imrawma fil-konfini territorjali ta’ din l-assoċjazzjoni, jekk jiġi stabbilit, minn naħa, li dawn id-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri u, min-naħa l-oħra, li dawn għandhom jew bħala għan jew bħala riżultat ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn il-klabbs tal-futbol professjonali, sakemm, fit-tieni waħda minn dawn l-ipoteżi, ma jintweriex, permezz ta’ argumenti u ta’ provi konvinċenti, li dawn huma kemm iġġustifikati bit-tiftix ta’ għan jew ta’ numru ta’ għanijiet leġittimi u kif ukoll strettament neċessarji għal dawn il-finijiet.

2)      L-Artikolu 101(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tali deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, jekk jirriżultaw li huma kuntrarji għall-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-applikazzjoni ta’ dan l-aħħar paragrafu biss jekk jintwera, permezz ta’ argumenti u ta’ provi konvinċenti, li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għal dawn il-finijiet ġew issodisfatti.

3)      L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli li ġew adottati minn assoċjazzjoni responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet tal-futbol fuq livell nazzjonali u li jobbligaw lil kull klabb li jipparteċipa f’dawn il-kompetizzjonijiet jinkludi fil-lista tal-plejers tiegħu kif ukoll iniżżel fil-lista tal-plejers tal-logħba numru minimu ta’ plejers imrawma fil-konfini territorjali ta’ din l-assoċjazzjoni, sakemm ma jiġix stabbilit li dawn ir-regoli huma tali li jiggarantixxu, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan li jikkonsisti fl-inkoraġġiment, fuq livell lokali, tar-reklutaġġ u t-taħriġ tal-plejers tal-futbol professjonali żgħażagħ, u li dawn ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex dan l-għan jintlaħaq.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.