Language of document : ECLI:EU:C:2023:1013

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 21 u 45 TFUE – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri – Ħaddiem li jikseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti filwaqt li jżomm in-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 3 – Benefiċjarji – Il-punt 2(d) tal-Artikolu 2 – Membru tal-familja – Axxendenti diretti dipendenti tal-ħaddiem ċittadin tal-Unjoni – Artikolu 7(1)(a) u (d) – Dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur – Żamma tal-istatus ta’ persuna dipendenti fl-Istat Membru ospitanti – Artikolu 14(2) – Żamma tad-dritt ta’ residenza – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(2) – Ugwaljanza fit-trattament – Vantaġġi soċjali – Benefiċċji tal-assistenza soċjali – Piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti”

Fil-Kawża C‑488/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Lulju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Awwissu 2021, fil-proċedura

GV

vs

Chief Appeals Officer

Social Welfare Appeals Office,

The Minister for Employment Affairs and Social Protection,

Ireland,

The Attorney General,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, E. Regan, F. Biltgen u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, P. G. Xuereb, L. S. Rossi, A. Kumin (Relatur), N. Wahl, I. Ziemele, D. Gratsias u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: C. Strömholm, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ Ottubru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal GV, minn D. Shortall, SC, P. Brazil, BL u S. Kirwan, solicitor,

–        għal Chief Appeals Officer, Social Welfare Appeals Office, Minister for Employment Affairs and Social Protection, Ireland u għall-Attorney General, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Delaney u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn N. J Travers, SC u A. Carroll, BL,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn M. Jespersen, C. Maertens, V. Pasternak Jørgensen, M. Søndahl Wolff u Y. T. Thyregod Kollberg, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, R. Kanitz u N. Scheffel, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Frar 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(d) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn GV, minn naħa, u ċ-Chief Appeals Officer (id-Direttur tal-Uffiċċju tal-Appelli, l-Irlanda), u s-Social Welfare Appeals Officer (l-Uffiċċjal tal-Appelli fil-Qasam tal-Protezzjoni Soċjali, l-Irlanda), il-Minister for Employment Affairs and Social Protection (il-Ministru għall-Impjiegi u għall-Protezzjoni Soċjali, l-Irlanda), Ireland (l-Irlanda) u l-Attorney General (il-Prosekutur Ġenerali, l-Irlanda), min-naħa l-oħra, dwar l-għoti ta’ allowance tal-invalidità lil GV (iktar ’il quddiem l-“allowance tal-invalidità”).

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004

3        It-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”), jinkludi Kapitolu 9 intitolat “Benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus”. F’dan il-kapitolu, l-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Disposizzjoni ġenerali”, jipprevedi:

“1.      Dan l-Artikolu għandu japplika għal benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus taħt il-leġislazzjoni li, minħabba l-ambitu personali, objettivi u/jew kondizzjonijiet dwar l-intitolar, għandha karatteristiċi kemm tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) u kemm ta’ assistenza soċjali.

2.      Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu, “benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus” tfisser dawn il-benefiċċji li:

[…]

ċ)      huma elenkati fl-Anness X.

[…]”

4        L-Anness X tal-imsemmi regolament, li jelenka l-“[b]enefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji mogħtija fi flus”, fis-sens tal-Artikolu 70(2)(c) tal-istess regolament, jipprevedi li, fir-rigward tal-Irlanda, fost dawn il-benefiċċji hemm l-“allowance tal-invalidità (il-Liġi kkonsolidata tal‑2005 dwar il‑Protezzjoni Soċjali, Parti III, Kapitolu 10)”.

 Ir-Regolament (KE) Nru 492/2011

5        L-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1), jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.      Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.”

 IdDirettiva 2004/38

6        Skont il-premessi 3 u 5 tad-Direttiva 2004/38:

“3.      Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni [Ewropea] għandha tkun l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza. Hu għalhekk neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni.

[…]

5.      Id-dritt taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqalu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza [min-nazzjonalità] […]”.

7        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, fil-paragrafu 2(d) tiegħu jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

2)      ‘membru tal-familja’ tfisser:

[…]

d)      il-qraba [axxendenti] diretti dipendenti […].”

8        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Benefiċjarji”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

9        Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza”, jinkludi l-Artikoli 7 u 14 tagħha.

10      Dan l-Artikolu 7, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

ċ)      miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

–        għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

d)      membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).”

11      L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”, jipprovdi:

“Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

F’każijiet speċifiċi fejn hemm dubju raġonevoli dwar jekk ċittadin ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jissoddisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 12 u 13, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu verifika ta’ dan. Din il-verika m’għandhiex titwettaq sistematikament.”

12      L-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva, li jinsab fil-Kapitolu IV tagħha, intitolat “Dritt ta’ residenza permanenti”, jipprovdi:

“Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.”

 Iddritt Irlandiż

 IrRegolament tal2015

13      Il-leġiżlazzjoni intiża li tittrasponi d-Direttiva 2004/38 fid-dritt Irlandiż tinsab fil-European Communities (Free Movement of Persons) Regulations 2015 (ir-Regolamenti dwar il-Komunitajiet Ewropej (Moviment Liberu tal-Persuni) tal‑2015) li ssostitwixxew, mill‑1 ta’ Frar 2016, il-European Communities (Free Movement of Persons) (No 2) Regulations 2006 (ir-Regolamenti dwar il-Komunitajiet Ewropej (Moviment Liberu tal-Persuni) (Nru 2) tal‑2006) tat‑18 ta’ Diċembru 2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal‑2015”).

14      L-Artikolu 3(5)(b) tar-Regolament tal‑2015 jiddefinixxi l-“membru tal-familja rrikonoxxut taċ-ċittadin tal-Unjoni” kif ġej:

“i)      il-konjuġi jew is-sieħeb ċivili taċ-ċittadin tal-Unjoni,

ii)      dixxendent dirett taċ-ċittadin tal-Unjoni, tal-konjuġi jew tas-sieħeb ċivili tiegħu u li:

I)      għandu inqas minn 21 sena; jew

II)      huwa dipendenti taċ-ċittadin tal-Unjoni, tal-konjuġi jew tas-sieħeb ċivili tiegħu, jew

iii)      axxendent dirett dipendenti fuq iċ-ċittadin tal-Unjoni, jew fuq il-konjuġi jew is-sieħeb ċivili tiegħu.”

15      Id-dritt ta’ residenza fl-Irlanda huwa stabbilit fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, li l-paragrafu 3(a) tiegħu jipprovdi:

“Ċittadin tal-Unjoni jista’ jirrisjedi fl-Istat għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur:

i)      jekk ikun impjegat jew persuna li taħdem għal rasha fl-Istat;

ii)      jekk ikollu biżżejjed riżorsi għalih u għall-membri tal-familja tiegħu biex ma jkunx ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat u jkollu assigurazzjoni għall-mard komprensiva għalih stess u għall-membri tal-familja tiegħu; jew

iii)      jekk ikun irreġistrat fi skola approvata jew iffinanzjata mill-Istat sabiex isegwi prinċipalment hemmhekk studji u jekk ikollu assigurazzjoni għall-mard komprensiva għalih u għall-membri tal-familja tiegħu u, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mod ieħor, jikkonvinċi lill-Ministru li għandu riżorsi suffiċjenti għalih u għall-membri tal-familja tiegħu sabiex jevita li jsir piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat, jew

iv)      bla ħsara għall-paragrafu 4, jekk ikun membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jissodisfa waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (i), (ii) jew (iii).”

16      L-Artikolu 11(1) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għaż-żamma ta’ dritt ta’ residenza fl-Irlanda. Din id-dispożizzjoni tipprevedi:

“Persuna li tirrisjedi fl-Istat abbażi tal-Artikoli 6, 9 jew 10 għandha d-dritt li tkompli tirrisjedi fl-Istat sakemm tkun tissodisfa d-dispożizzjoni rilevanti tal-artikolu kkonċernat u sakemm ma ssirx piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tal-assistenza soċjali tal-Istat.”

 IlLiġi tal2005

17      L-Artikolu 210(1) u (9) tas-Social Welfare Consolidation Act 2005 (il-Liġi Kkonsolidata tal‑2005 dwar il-Protezzjoni Soċjali, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2005”) jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, allowance (‘allowance tal-invalidità’) huwa dovut lil persuna:

a)      li tkun laħqet l-età ta’ 16‑il sena, iżda li ma tkunx laħqet l-età tal-irtirar;

b)      li, minħabba diżabbiltà partikolari, hija sostanzjalment ostakolata fl-eżerċizzju ta’ impjieg (li għalih isir riferiment f’dan il-kapitolu bħala ‘impjieg xieraq’) li, li kieku l-persuna ma kinitx issofri minn din id-diżabbiltà, ikun xieraq fl-età tagħha, l-esperjenza tagħha u l-kwalifiki tagħha, irrispettivament minn jekk tibbenefikax jew le minn servizz ta’ taħriġ ta’ persuni b’diżabbiltà skont l-Artikolu 68 tal-Health Act, 1970 (il-Liġi tal‑1970 dwar is-Saħħa);

c)      li l-mezzi ta’ sussistenza tagħha ta’ kull ġimgħa, bla ħsara għall-paragrafu 2, ma jeċċedux l-ammont tal-allowance tal-invalidità (possibbilment miżjuda) li din il-persuna kienet tirċievi taħt il-Kapitolu 10 li kieku ma kellhiex mezzi ta’ għajxien.

[…]

9.      Persuna ma tistax tirċievi allowance tal-invalidità skont dan l-artikolu, sakemm ma tkunx abitwalment residenti fit-territorju tal-Istat.”

18      Skont l-Artikolu 264(1) u (5) tal-Liġi tal‑2005:

“1. Rekwiżit, f’kull waħda mid-dispożizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 3, li persuna għandha tirrisjedi abitwalment fit-territorju tal-Istat, ifisser li:

a)      il-persuna għandha tirrisjedi b’mod abitwali fit-territorju tal-Istat fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni u li hija għandha tirrisjedi b’mod abitwali fit-territorju tal-Istat wara li tkun ippreżentat din l-applikazzjoni sabiex jibqa’ jkollha d-dritt li tikseb l-allowance mitluba;

b)      il-persuna tkun ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu residenti fit-territorju tal-Istat skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 […]

c)      il-persuna tkun membru tal-familja ta’ persuna msemmija fil-punt b) […]

[…]

5.      Minkejja l-paragrafi 1 sa 4, u bla ħsara għall-paragrafu 9, persuna li ma għandhiex dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Istat ma għandhiex titqies, għall-finijiet ta’ din il-liġi, li tirrisjedi abitwalment fit-territorju tal-Istat.

[…]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

19      GV hija ċittadina Rumena u omm AC, ċittadina Rumena, filwaqt li din tal-aħħar hija residenti u taħdem fl-Irlanda. AC kiseb, barra minn hekk, iċ-ċittadinanza Irlandiża permezz ta’ naturalizzazzjoni.

20      Matul il-perijodu bejn is-sena 2009 u s-sena 2016, GV ġiet tirrisjedi diversi drabi fl-Irlanda qabel ma rritornat, kull darba, fir-Rumanija jew fi Spanja. Barra minn hekk, hija kienet finanzjarjament dipendenti fuq bintha, li kienet tibgħatilha l-flus perjodikament.

21      Mis-sena 2017, GV tirrisjedi l-Irlanda ma’ bintha. Fit‑28 ta’ Settembru 2017, minħabba d-deterjorament ta’ saħħitha bl-artrite, GV talbet l-għoti tal-allowance tal-invalidità, abbażi tal-Liġi tal‑2005.

22      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din l-allowance, li l-għan tagħha huwa li tipproteġi lill-benefiċjarji kontra l-faqar, tikkostitwixxi benefiċċju ta’ assistenza soċjali li jitħallas mingħajr il-ħlas mill-persuna kkonċernata ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-imsemmija allowance, il-persuna kkonċernata għandha tissodisfa ċerti kundizzjonijiet, jiġifieri kundizzjonijiet marbuta mal-età tagħha, mad-diżabbiltà tagħha u mar-riżorsi tagħha. Barra minn hekk, id-dritt Irlandiż jeskludi l-ħlas tal-istess allowance lil persuna li ma tirrisjedix abitwalment fl-Irlanda, bħal persuna li ma għandhiex dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru. Fl-aħħar nett, din il-qorti tfakkar li l-allowance għall-persuni b’diżabbiltà hija kklassifikata bħala “benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus” fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Frar 2018, l-applikazzjoni għall-allowance tal-invalidità ta’ GV ġiet miċħuda. Ir-rikors ippreżentat minn GV kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud ukoll permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Frar 2019. Ir-raġuni għaċ-ċaħda kemm ta’ din l-applikazzjoni kif ukoll ta’ dan ir-rikors kienet li GV ma kellhiex dritt ta’ residenza fl-Irlanda.

24      Wara talba mressqa f’isem GV minn organizzazzjoni mhux governattiva, din id-deċiżjoni tat‑12 ta’ Frar 2019 ġiet riveduta. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Lulju 2019, l-Appeals Officer (l-Uffiċjal tal-Appelli) ikkonkluda li GV, bħala axxendent dirett dipendenti ta’ ċittadin tal-Unjoni, impjegat fl-Irlanda, kellha dritt ta’ residenza, iżda ma kellhiex id-dritt li tibbenefika minn benefiċċju ta’ assistenza soċjali.

25      Tressqet talba għal reviżjoni quddiem id-Direttur tal-Uffiċċju tal-Appelli. Dan tal-aħħar ikkonferma, permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Lulju 2019, li GV ma kellhiex dritt għall-allowance tal-invalidità peress li, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal‑2015, hija ssir, jekk tingħatalha din l-allowance, piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali nazzjonali u li, għaldaqstant, hija ma jkollhiex iktar dritt ta’ residenza.

26      GV ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda). Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Mejju 2020, din il-qorti annullat id-deċiżjoni tat‑23 ta’ Lulju 2019. F’din is-sentenza, l-imsemmija qorti ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal‑2015, sa fejn jissuġġetta d-dritt ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin Irlandiż, bħal GV, għall-kundizzjoni li dan il-membru tal-familja ma għandux isir piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat, kien inkompatibbli mad-Direttiva 2004/38. Skont l-istess qorti, sa fejn jiġi stabbilit, fil-mument meta l-imsemmi membru tal-familja jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, li l-membru tal-familja huwa dipendenti fuq dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, ma jeżisti l-ebda rekwiżit għal dan il-membru tal-familja li jibqa’ dipendenti fuq l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni sabiex ikompli jgawdi dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti.

27      Id-Direttur tal-Uffiċċju tal-Appelli u l-Ministru għall-Impjiegi u għall-Protezzjoni Soċjali appellaw mill-imsemmija sentenza quddiem il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), li hija l-qorti tar-rinviju.

28      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-Ministru għall-Impjiegi u għall-Protezzjoni Soċjali, il-kunċett ta’ “membru tal-familja” fis-sens tal-punt 2(d) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 jinkludi r-rekwiżit li l-membru tal-familja jibqa’ dipendenti fuq iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat sakemm jiġi invokat id-dritt idderivat ta’ residenza. Għalhekk, meta r-rabta ta’ dipendenza bejn dan il-membru tal-familja u dan iċ-ċittadin tal-Unjoni ma tibqax teżisti, b’mod partikolari, minħabba l-ħlas ta’ benefiċċju tal-assistenza soċjali bħall-allowance tal-invalidità, l-imsemmi membru tal-familja, li għalhekk isir finanzjarjament dipendenti fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti, ma jistax jibqa’ jibbenefika minn tali dritt ta’ residenza. Tali interpretazzjoni, minn naħa, hija kkorroborata kemm mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll minn dik tal-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, ma hijiex kontradetta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

29      Il-qorti tar-rinviju tindika li, għall-kuntrarju, GV issostni, essenzjalment, li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal‑2015, billi jissuġġetta għall-kundizzjoni ta’ “piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tal-assistenza soċjali tal-Istat” l-aċċess għall-benefiċċju ta’ assistenza soċjali ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni ħaddiem impjegat li jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq id-dipendenza tiegħu fuq dan il-ħaddiem impjegat, filwaqt li tali kundizzjoni ma tinsabx fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, hija dispożizzjoni vvizzjata b’illegalità. Skont GV, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “dipendenza” tikkonferma l-pożizzjoni tagħha. Barra minn hekk, l-argument imressaq mill-Ministru għall-Impjieg u għall-Protezzjoni Soċjali jippreġudika d-dritt tiegħu għal ugwaljanza fit-trattament, iggarantit fl-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva.

30      Huwa f’dan il-kuntest li l-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Id-dritt ta’ residenza idderivat ta’ membru tal-familja li huwa axxendent dirett ta’ ċittadin u ħaddiem tal-Unjoni skont l-Artikolu 7[(1)(d)] tad-Direttiva [2004/38] huwa suġġett għall-kundizzjoni ta’ dipendenza kontinwa ta’ dan il-membru tal-familja fuq il-ħaddiem?

2.      Id-Direttiva [2004/38] tipprekludi li Stat Membru ospitanti jillimita l-aċċess għall-ħlas tal-benefiċċju ta’ assistenza soċjali minn membru tal-familja ta’ ċittadin u ħaddiem tal-Unjoni li tgwadi minn dritt ta’ residenza dderivat fuq il-bażi tad-dipendenza tagħha fuq dak il-ħaddiem, meta l-aċċess għal tali ħlas ikun ifisser li hija ma tibqax dipendenti fuq il-ħaddiem?

3.      Id-Direttiva [2004/38] tipprekludi li Stat Membru ospitanti jillimita l-aċċess għall-ħlas tal-benefiċċju ta’ assistenza soċjali minn membru tal-familja ta’ ċittadin u ħaddiem tal-Unjoni li tgawdi minn dritt ta’ residenza dderivat fuq il-bażi tad-dipendenza tagħha fuq dak il-ħaddiem, minħabba li l-ħlas tal-benefiċċju jkun iwassal għall-fatt li l-membru tal-familja kkonċernata ssir piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat?”

 Fuq ittalba għal ftuħ millġdid talfażi orali talproċedura

31      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Marzu 2023, wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, il-konvenuti fil-kawża prinċipali talbu li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

32      Insostenn tat-talba tagħhom, dawn il-konvenuti jsostnu, essenzjalment, li, fil-konklużjonijiet tagħha, l-Avukata Ġenerali, billi pproponiet l-adozzjoni ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “dipendenza”, skont il-punt (2)(d) tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 7(1)(d) tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri li jitqies li dan il-kunċett jirreferi għan-neċessità ta’ “appoġġ emozzjonali” u, għaldaqstant, għal bżonnijiet li setgħu ma kinux materjali u, b’mod partikolari, finanzjarji, eċċediet il-limiti tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali u, konsegwentement, ipproponiet li tingħata deċiżjoni ultra petita.

33      Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi kunċett jistax ikopri, totalment jew parzjalment, dipendenza ta’ natura emozzjonali la ġiet diskussa fil-fażi bil-miktub tal-proċedura u lanqas waqt is-seduta. Għalhekk, il-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet jew il-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li abbażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Schneider Electric et, C‑556/20, EU:C:2022:378, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li n-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu xi jkunu l-kwistjonijiet li dan tal-aħħar jeżamina fil-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Schneider Electric et, C‑556/20, EU:C:2022:378, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, b’mod partikolari jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi tal-proċedura, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tagħha, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

37      Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiddeċiedi abbażi ta’ argument li ma ġiex indirizzat fil-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni tal-portata tal-kunċett ta’ “dipendenza”, fis-sens tal-punt 2(d) tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 7(1)(d) tad-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari dik dwar jekk din id-dipendenza tistax tkun ta’ natura emozzjonali, ġiet, b’mod partikolari, diskussa waqt is-seduta.

38      Barra minn hekk, it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ma tinkludi ebda fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti f’din il-kawża.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq iddomandi preliminari

40      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li, minn aspett formali, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38, dan il-fatt ma jwaqqafx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kollha li jistgħu jkunu utli għall-għoti ta’ deċiżjoni fil-kawża li għandha quddiemha, irrispettivament minn jekk dik il-qorti tkunx għamlet riferiment għalihom jew le fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li AC, ċittadina Rumena u bint GV, wara li eżerċitat il-libertà ta’ moviment tagħha billi ġiet tirrisjedi u taħdem fl-Irlanda, kisbet in-nazzjonalità Irlandiża matul is-sena 2016 permezz ta’ naturalizzazzjoni.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eventwali drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2004/38 lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandhom huma stess in-nazzjonalità ta’ Stat Membru u li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu ma’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni huma, lil hinn mid-drittijiet awtonomi li dawn il-membri jistgħu jisiltu minn din id-direttiva bis-saħħa tal-kwalità tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni, idderivati minn dawk li jgawdi minnhom l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni minħabba l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Madankollu, id-Direttiva 2004/38 tirregola biss il-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istati Membri minbarra dak li huwa jkollu n-nazzjonalità tiegħu. Fil-fatt, sa fejn, bis-saħħa ta’ prinċipju tad-dritt internazzjonali, Stat Membru ma jistax jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu stess id-dritt li jidħlu fit-territorju tiegħu u li jirrisjedu fih u sa fejn dawn għalhekk igawdu, f’dan l-Istat Membru, minn dritt ta’ residenza inkundizzjonat, din id-direttiva ma hijiex intiża li tirregola r-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li tiegħu jkollu n-nazzjonalità. Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, hija lanqas ma hija intiża li tagħti, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, dritt ta’ residenza dderivat lill-membri tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punti 33 u 37, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’dan il-każ, mill-mument tan-naturalizzazzjoni ta’ AC fl-Irlanda, id-Direttiva 2004/38, bħala prinċipju, la tirregola d-dritt ta’ residenza tagħha fl-Irlanda, u lanqas id-dritt ta’ residenza dderivat li jibbenefikaw minnu, jekk ikun il-każ, membri tal-familja tagħha, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bħal GV.

45      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, li jkun eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu billi mar u rrisjeda legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ma tistax tiġi assimilata ma’ sitwazzjoni purament interna minħabba s-sempliċi fatt li dan iċ-ċittadin, fil-kuntest ta’ din ir-residenza, kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti minbarra n-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu. Minn dan din iddeduċiet li l-effett utli tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE jeżiġi li ċittadin tal-Unjoni f’tali sitwazzjoni għandu jkun jista’ jibqa’ jgawdi, fl-Istat Membru ospitanti, mid-drittijiet misluta mill-imsemmija dispożizzjoni, wara li jkun kiseb in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, jekk ikun il-każ, minbarra n-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu, u, b’mod partikolari, għandu jkun jista’ jgħix ħajja tal-familja normali fl-imsemmi Stat Membru, filwaqt li hemmhekk jibbenefika mill-preżenza, flimkien miegħu, tal-membri tal-familja tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punti 49, 52 u 53).

46      Dan l-Artikolu 21(1), li jistabbilixxi b’mod ġenerali d-dritt għal kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, huwa espress b’mod speċifiku, b’mod partikolari fl-Artikolu 45 TFUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, MH u ILA (Drittijiet għal pensjoni fil-każ ta’ falliment), C‑168/20, EU:C:2021:907, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Minn dan isegwi li l-effett utli tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema tal-Unjoni mill-Artikolu 45(1) TFUE jeżiġi li membru tal-familja ta’ ħaddiem ċittadin tal-Unjoni li, wara li jkun eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu billi jirrisjedi u jaħdem fl-Istat Membru ospitanti, ikun kiseb in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, ikun jista’ jingħata dritt ta’ residenza dderivat.

48      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-għoti tad-dritt ta’ residenza dderivat li minnu jibbenefika l-membru tal-familja, dawn ma għandhomx ikunu iktar stretti minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/38 fir-rigward tal-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza tal-istess natura lil membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru differenti minn dak li huwa għandu n-nazzjonalità tiegħu. Fil-fatt, anki jekk din id-direttiva ma tkoprix sitwazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, din għandha tiġi applikata b’analoġija għal din is-sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 45(2) TFUE jipprovdi li l-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema jimplika l-abolizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità, bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, f’dak li jirrigwarda l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol. Din id-dispożizzjoni, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, hija kkonkretizzata fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, li jippreċiża li l-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru jibbenefika, fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra li ma għandux iċ-ċittadinanza tagħhom, mill-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali (ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C‑181/19, EU:C:2020:794, punti 44 u 78).

50      Issa, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 45 u 48 ta’ din is-sentenza jirriżulta, mutatis mutandis, li l-fatt li ċittadin ta’ Stat Membru, li mar u jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, jikseb, sussegwentement, in-nazzjonalità ta’ dan l-aħħar Stat Membru, minbarra n-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu, ma jistax jimplika li jiġi mċaħħad mid-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament, skont l-Artikolu 45(2) TFUE, kif implimentat mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, u li l-kundizzjonijiet relatati mal-għoti ta’ vantaġġi soċjali ma għandhomx ikunu iktar stretti minn dawk previsti minn din l-aħħar dispożizzjoni.

51      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula, li, f’dan il-kuntest, għandhom jinftiehmu bħala li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, kif implimentat mid-dritt sekondarju.

52      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ma huwiex ikkontestat li GV kienet axxendent dirett dipendenti ta’ ħaddiem ċittadin tal-Unjoni, jiġifieri AC, kemm fil-mument meta hija ngħaqdet ma’ dan il-ħaddiem f’dan l-Istat Membru, kif ukoll fil-mument meta hija talbet l-għoti ta’ allowance tal-invalidità. Madankollu, il-Ministru għall-Impjiegi u l-Protezzjoni Soċjali jqis, essenzjalment, li l-ħlas ta’ din l-allowance lil GV jimplika li din ma tibqax iktar dipendenti fuq bintha, iżda fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Irlanda. Għaldaqstant, peress li GV ma tkunx tissodisfa iktar il-kundizzjoni li tinsab fil-punt 2(d) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, hija titlef id-dritt ta’ residenza dderivat tagħha li hija tibbenefika minnu fl-Istat Membru ospitanti, konformement mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal‑2015, li jissuġġetta ż-żamma tad-dritt ta’ residenza dderivat ta’ axxendent dirett, b’mod partikolari, għall-kundizzjoni li dan l-axxendent dirett ma jsirx piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti.

53      Huwa f’dan il-kuntest li, permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE, kif implimentat mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, moqri flimkien mad-Direttiva 2004/38, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru jirrifjutaw l-għoti ta’ benefiċċju ta’ assistenza soċjali lil axxendent dirett li, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal dan il-benefiċċju, huwa dipendenti fuq ħaddiem ċittadin tal-Unjoni, jew li saħansitra tippermetti l-irtirar tad-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur, għar-raġuni li l-għoti tal-imsemmi benefiċċju jkollu l-effett li dan il-membru tal-familja ma jibqax iktar dipendenti fuq il-ħaddiem ċittadin tal-Unjoni, b’tali mod li jsir piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-imsemmi Stat Membru.

54      Fl-ewwel lok, skont il-kliem tal-Artikolu 7(1)(d) tad-Direttiva 2004/38, li għandu jiġi applikat b’analoġija, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, għandu dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur “membr[u] tal-familja li qed [jakkumpanja] jew li se [jingħaqad] ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ)” ta’ dan l-Artikolu 7.

55      Il-kunċett ta’ “membru tal-familja”, użat fl-Artikolu 7(1)(d) tad-Direttiva 2004/38, li għandu jiġi applikat b’analoġija, huwa ddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva u jindika, b’mod partikolari, il-punt (d), il-“qraba [axxendenti] diretti dipendenti”.

56      Għaldaqstant, minn qari flimkien tal-punt 2(d) tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 7(1)(a) u (d) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li l-axxendenti diretti ta’ ħaddiem ċittadin tal-Unjoni jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza dderivat ta’ iktar minn tliet xhur, meta jkunu “dipendenti” fuq dan il-ħaddiem.

57      Fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li s-sitwazzjoni ta’ dipendenza għandha teżisti fil-pajjiż minn fejn ġej il-membru tal-familja kkonċernat, fil-mument meta jitlob li jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni li huwa dipendenti fuqu (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2014, Reyes, C‑423/12, EU:C:2014:16, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Madankollu, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-kawża li tat lok għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti fil-mument meta l-persuna kkonċernata titlob li tibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru ospitanti, u mhux dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti minn din il-persuna kkonċernata sabiex iżżomm dan id-dritt.

59      F’dan l-aħħar rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”, jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu, li ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom dritt ta’ residenza kif previst, b’mod partikolari, fl-Artikolu 7 tagħha, sakemm ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu 7.

60      Għalhekk, minn dan l-Artikolu 14(2), moqri flimkien mal-punt 2(d) tal-Artikolu 2 u mal-Artikolu 7(1)(a) u (d) tad-Direttiva 2004/38, jirriżulta li axxendent dirett ta’ ħaddiem ċittadin tal-Unjoni jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat sakemm jibqa’ dipendenti fuq dan il-ħaddiem, u dan sakemm dan l-axxendent, li jkun irrisjeda legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, ikun jista’ jitlob dritt ta’ residenza permanenti konformement mal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38.

61      Tali interpretazzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-kunċett ta’ “benefiċjarju”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 jimplika li l-kwalità ta’ benefiċjarju, anki jekk din tkun inkisbet fil-passat, tista’ tintilef sussegwentement jekk il-kundizzjonijiet, b’mod partikolari dawk li jinsabu fil-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li għalihom jagħmel riferiment dan l-Artikolu 3(1), ma jibqgħux issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, Chenchooliah, C‑94/18, EU:C:2019:693, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li GV kienet dipendenti fuq bintha, jiġifieri AC, kemm fil-mument meta ngħaqdet magħha kif ukoll fil-mument li fih hija talbet l-għoti tal-allowance tal-invalidità. Għaldaqstant, fil-mument ta’ din l-applikazzjoni, GV kienet tissodisfa l-kundizzjoni sabiex tibbenefika, bħala “membru tal-familja”, minn dritt ta’ residenza dderivat, konformement mad-Direttiva 2004/38.

63      Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza, ħaddiem ċittadin tal-Unjoni jibbenefika, anki f’sitwazzjoni bħal dik ta’ AC, li kisbet, matul ir-residenza tagħha fl-Istat Membru ospitanti, in-nazzjonalità ta’ dan tal-aħħar, minbarra n-nazzjonalità ta’ oriġini tagħha mid-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament, skont l-Artikolu 45(2) TFUE, kif implimentat mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

64      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “vantaġġi soċjali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 7(2), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan jinkludi l-vantaġġi kollha li, marbuta jew le ma’ kuntratt ta’ impjieg, huma ġeneralment irrikonoxxuti lill-ħaddiema nazzjonali, prinċipalment minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ ħaddiem jew minħabba s-sempliċi fatt tar-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali, u li l-estensjoni tagħhom għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra tidher għalhekk ta’ natura li tiffaċilita l-mobbiltà tagħhom fi ħdan l-Unjoni u, għaldaqstant, l-integrazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Dan il-kunċett jista’ jinkludi benefiċċji ta’ assistenza soċjali li fl-istess ħin jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni speċifiku tar-Regolament Nru 883/2004, bħal, kif tippreċiża l-qorti tar-rinviju, l-allowance tal-invalidità (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 1993, Schmid, C‑310/91, EU:C:1993:221, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li benefiċċju ta’ assistenza soċjali, bħall-allowance tal-invalidità mogħti lil axxendent dirett, jikkostitwixxi għall-ħaddiem migrant “vantaġġ soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, peress li dan l-axxendent dirett huwa r-responsabbiltà ta’ dan il-ħaddiem, fis-sens tal-punt 2(d) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 1987, Lebon, 316/85, EU:C:1987:302, punti 12 u 13). Barra minn hekk, l-imsemmi axxendent dirett dipendenti, bħala benefiċjarju indirett tal-ugwaljanza fit-trattament mogħti lill-imsemmi ħaddiem, jista’ jinvoka dan l-Artikolu 7(2) sabiex jikseb din l-allowance meta, skont id-dritt nazzjonali, din tingħata direttament lil tali axxendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 1992, Bernini, C‑3/90, EU:C:1992:89, punt 26, kif ukoll tal‑14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga et, C‑238/15, EU:C:2016:949, punt 40).

67      Fil-fatt, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punt 106 tal-konklużjonijiet tagħha, jekk, meta axxendent dirett ikun dipendenti fuq ħaddiem li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, dan l-axxendent dirett ma setax jingħata benefiċċju ta’ assistenza soċjali, li għall-ħaddiem migrant jikkostitwixxi “vantaġġ soċjali”, li jistgħu jitolbuh l-axxendenti diretti dipendenti fuq il-ħaddiema ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, dan iwassal għal ksur tal-ugwaljanza fit-trattament ta’ dan il-ħaddiem migrant.

68      L-imsemmi Artikolu 7(2) jipproteġi għalhekk kontra d-diskriminazzjonijiet li l-ħaddiem migrant u l-membri tal-familja tiegħu, anki dawk imsemmija fil-punt 2(d) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, jistgħu jaffaċċjaw fl-Istat Membru ospitanti.

69      Minn dan jirriżulta li l-kwalità ta’ axxendent “dipendenti,” fis-sens tal-punt 2(d) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, ma tistax tiġi affettwata mill-għoti ta’ benefiċċju ta’ assistenza soċjali fl-Istat Membru ospitanti. Jekk jiġi deċiż mod ieħor, dan iwassal sabiex jiġi aċċettat li l-għoti ta’ tali benefiċċju jista’ jtellef lill-persuna kkonċernata l-kwalità tagħha ta’ membru tal-familja dipendenti u, konsegwentement, jiġġustifika l-irtirar ta’ dan il-benefiċċju, jew it-telf minnha tad-dritt ta’ residenza tagħha. Tali soluzzjoni tipprojbixxi, fil-prattika, lil dan il-membru tal-familja dipendenti milli jitlob dan il-benefiċċju u tippreġudika, minħabba f’hekk, l-ugwaljanza fit-trattament rikonoxxuta lill-ħaddiem migrant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 1987, Lebon, 316/85, EU:C:1987:302, punt 20).

70      L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, moqri flimkien mal-punt 2(d) tal-Artikolu 2, l-Artikolu 7(1)(a) u (d) u l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/38, jikkontribwixxi għalhekk għat-twettiq tal-għan imfittex ta’ dan ir-regolament, li huwa li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-ħaddiema, sa fejn dan jippermetti li jinħolqu kundizzjonijiet ottimali għall-integrazzjoni tal-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni li għamlu użu minn din il-libertà u eżerċitaw attività professjonali fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 51).

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, permezz tal-kontribuzzjonijiet fiskali li ħaddiem migrant iħallas fl-Istat Membru ospitanti ful-kuntest tal-impjieg tiegħu hemmhekk, dan il-ħaddiem jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-politiki soċjali ta’ dan l-Istat Membru u għandu, konsegwentement, igawdi minnhom taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema nazzjonali. Għaldaqstant, l-għan li jiġi evitat piż finanzjarju mhux raġonevoli għall-Istat Membru ospitanti ma jistax jiġġustifika inugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema migranti u l-ħaddiema nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, IlKummissjoni vs IlPajjiżi lBaxxi C‑542/09, EU:C:2012:346, punti 66 u 69).

72      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 45 TFUE, kif implimentat mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, moqri flimkien mal-punt 2(d) tal-Artikolu 2, mal-Artikolu 7(1)(a) u (d), kif ukoll mal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/38, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru jirrifjutaw l-għoti ta’ benefiċċju ta’ assistenza soċjali lil axxendent dirett li, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal dan il-benefiċċju, huwa dipendenti fuq ħaddiem ċittadin tal-Unjoni, jew li saħansitra tippermetti l-irtirar tad-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur, għar-raġuni li l-għoti tal-imsemmi benefiċċju jkollu l-effett li dan il-membru tal-familja ma jibqax iktar dipendenti fuq dan il-ħaddiem ċittadin tal-Unjoni u għalhekk isir piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-imsemmi Stat Membru.

 Fuq lispejjeż

73      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 45 TFUE, kif implimentat mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, moqri flimkien mal-punt 2(d) tal-Artikolu 2, mal-Artikolu 7(1)(a) u (d), kif ukoll mal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru jirrifjutaw l-għoti ta’ benefiċċju ta’ assistenza soċjali lil axxendent dirett li, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal dan il-benefiċċju, huwa dipendenti fuq ħaddiem ċittadin tal-Unjoni Ewropea, jew li saħansitra tippermetti l-irtirar tad-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur, għar-raġuni li l-għoti tal-imsemmi benefiċċju jkollu l-effett li dan il-membru tal-familja ma jibqax iktar dipendenti fuq dan il-ħaddiem ċittadin tal-Unjoni u għalhekk isir piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-imsemmi Stat Membru.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.