Language of document : ECLI:EU:C:2023:1015

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Diċembru 2023 (*)(i)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti’ – Kriterji – Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi) tas‑Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Rinviju għal deċiżjoni preliminari minn kulleġġ ġudikanti li ma huwiex qorti indipendenti u imparzjali stabbilit minn qabel bil-liġi – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑718/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych) (il-Qorti Suprema (Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi), il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Novembru 2021, fil-proċedura

L. G.

vs

Krajowa Rada Sądownictwa,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Prechal (Relatriċi), K. Jürimäe, C. Lycourgos, Z. Csehi u O. Spineanu‑Matei, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, S. Rodin, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, D. Gratsias, M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Novembru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal L. G., minnu stess,

–        għall-Krajowa Rada Sądownictwa, minn A. Dalkowska, J. Kołodziej-Michałowicz, D. Pawełczyk-Woicka u P. Styrna, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, M. Jacobs, L. van den Broeck u M. van Regemorter, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen u M. Søndahl Wolff, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u P. P. Huurnink, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn L. G. u l-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“KRS”) fir-rigward ta’ deċiżjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba ta’ L. G. li jiġi awtorizzat ikompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu lil hinn mill-età normali ta’ rtirar.

 Ilkuntest ġuridiku

 IlKostituzzjoni

3        L-Artikolu 10 tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”) jipprevedi:

“1.      Is-sistema politika tar-Repubblika tal-Polonja għandha bħala bażi s-separazzjoni u l-bilanċ bejn il-poter leġiżlattiv, eżekuttiv u ġudizzjarju.

2.      Is-Sejm [(il-Parlament, il-Polonja)] u s-Senat jeżerċitaw il-poter leġiżlattiv. Il-President tar-Repubblika u l-Kunsill tal-Ministri jeżerċitaw il-poter eżekuttiv. Il-qrati u t-tribunali jeżerċitaw il-poter ġudizzjarju.”

4        L-Artikolu 45(1) tal-Kostituzzjoni jipprevedi:

“Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ xieraq u pubbliku, mingħajr dewmien eċċessiv, minn qorti kompetenti, indipendenti u imparzjali.”

5        L-Artikolu 60 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“Iċ-ċittadini Pollakki li jgawdu mid-drittijiet ċivili kollha tagħhom għandhom id-dritt li jaċċedu, taħt kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza, għas-servizzi pubbliċi.”

6        Skont l-Artikolu 77(2) tal-Kostituzzjoni:

“Il-liġi ma tista’ timpedixxi lil ebda persuna milli teżerċita rimedju ġudizzjarju biex tinvoka l-libertajiet u d-drittijiet miksura tagħha.”

7        L-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“L-imħallfin għandhom jinħatru mill-President tar-Repubblika, fuq proposta [tal-KRS], għal żmien indeterminat.”

8        L-Artikolu 186(1) tal-Kostituzzjoni jipprevedi:

“Il-[KRS] huwa l-gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin.”

9        L-Artikolu 187 tal-Kostituzzjoni jiddikjara:

“1.      Il-[KRS] huwa kompost:

1)      mill-Ewwel President tas-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema, il-Polonja)], mill-Ministru għall-Ġustizzja, mill-President tan-Naczelny Sąd Administracyjny [(il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja)] u minn persuna nnominata mill-President tar-Repubblika,

2)      minn ħmistax-il membru eletti minn fost l-imħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], tal-qrati ordinarji, tal-qrati amministrattivi u tal-qrati militari,

3)      minn erba’ membri eletti mis-Sejm [(il-Parlament, il-Polonja)] minn fost id-deputati u minn żewġ membri eletti mis-Senat minn fost is-senaturi.

[…]

3.      Il-mandat tal-membri eletti [tal-KRS] huwa ta’ erba’ snin.

4.      Ir-regoli, il-qasam ta’ attività, il-metodu ta’ ħidma [tal-KRS] kif ukoll il-mod li bih jiġu eletti l-membri tiegħu huma ddefiniti mil-liġi.”

 IlLiġi dwar ilQorti Suprema

10      L-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema), tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 5), daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ April 2018. Din il-liġi ġiet sussegwentement emendata diversi drabi.

11      Il-Liġi dwar il-Qorti Suprema stabbilixxiet b’mod partikolari, fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), żewġt awli ġodda msemmija rispettivament Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi) u Izba Dyscyplinarna (Awla Dixxiplinari).

12      Skont l-Artikolu 26(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema:

“Għandhom jaqgħu fil-kompetenza tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi r-rikorsi straordinarji, it-tilwimiet fil-qasam elettorali u l-kontestazzjonijiet tal-validità ta’ referendum nazzjonali jew ta’ referendum kostituzzjonali, il-konstatazzjoni tal-validità tal-elezzjonijiet u tar-referendums, il-kawżi l-oħra relatati mad-dritt pubbliku, inkluż il-kontenzjuż dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, tar-regolamentazzjoni tal-enerġija, tat-telekomunikazzjonijiet u tat-trasport ferrovjarju, kif ukoll ir-rikorsi diretti kontra d-deċiżjonijiet tal-Przewodniczy Krajowej Rady Radiofonii i Telewizji [(il-President tal-Kunsill Nazzjonali tar-Radju u tat-Televiżjoni, il-Polonja)], jew li jikkontestaw it-tul eċċessiv tal-proċeduri quddiem il-qrati ordinarji u militari, kif ukoll quddiem is-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)].”

 IlLiġi dwar ilKRS

13      Skont l-Artikolu 9a tal-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. tal‑2011, pożizzjoni 714), kif emendata bl-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra), tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 3), li daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Jannar 2018, u bl-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u Ċerti Liġijiet Oħra), tal‑20 ta’ Lulju 2018 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 1443), li daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Lulju 2018 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-KRS”):

“1.      Is-Sejm [(il-Parlament)] jeleġġi, minn fost l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)], tal-qrati ordinarji, tal-qrati amministrattivi u tal-qrati militari, ħmistax-il membru [tal-KRS] għal mandat komuni ta’ perijodu ta’ erba’ snin.

[…]

3.      Il-mandat konġunt tal-membri ġodda tal-[KRS] eletti minn fost l-imħallfin għandu jibda l-għada tal-ġurnata tal-elezzjoni tagħhom. Il-membri uxxenti tal-[KRS] għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom sal-jum li fih jibda l-mandat konġunt tal-membri l-ġodda tal-[KRS].”

14      L-Artikolu 37(1) tal-Liġi dwar il-KRS jipprovdi:

“Jekk ikunu applikaw numru ta’ kandidati għal pożizzjoni ta’ mħallef, [il-KRS] teżamina u tevalwa konġuntament il-kandidaturi kollha sottomessi. F’din is-sitwazzjoni, [il-KRS] tadotta riżoluzzjoni li tinkludi d-deċiżjonijiet tagħha dwar il-preżentazzjoni ta’ proposta ta’ ħatra fil-pożizzjoni ta’ mħallef fir-rigward tal-kandidati kollha.”

15      L-Artikolu 43(2) tal-Liġi dwar il-KRS jipprevedi:

“Jekk ir-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 37(1) ma tiġix ikkontestata mill-parteċipanti kollha fil-proċedura, din issir definittiva għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ preżentazzjoni tal-proposta ta’ ħatra fil-pożizzjoni ta’ mħallef tal-parteċipanti li ma jkunux ippreżentaw appell, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1b).”

16      Id-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fl-Artikolu 6 tal-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017 li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra hija fformulata kif ġej:

“Il-mandat tal-membri [tal-KRS] imsemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 187(1) tal-[Kostituzzjoni], eletti bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet attwali, għandu jibqa’ effettiv sal-jum ta’ qabel il-bidu tal-mandat tal-membri l-ġodda [tal-KRS], mingħajr madankollu ma jinqabżu d-90 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, sakemm dan il-mandat ma jkunx spiċċa qabel minħabba li jkun wasal fi tmiemu.”

17      L-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS kien jiddikjara:

“1.      Parteċipant fil-proċedura jista’ jippreżenta appell quddiem is-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)] minħabba l-illegalità tar-riżoluzzjoni [tal-KRS], kemm il-darba r-regoli partikolari ma jipprovdux mod ieħor. […]

1a      Fil-kawżi individwali li jirrigwardaw ħatra għall-kariga ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)], huwa possibbli li jiġi ppreżentat appell quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny [(il-Qorti Amministrattiva Suprema)]. F’dawn il-kawżi, ma huwiex possibbli li jiġi ppreżentat appell quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. Insostenn tal-appell quddiem in-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)], ma jistax jiġi invokat aggravju bbażat fuq evalwazzjoni mhux xierqa tal-osservanza, mill-kandidati, tal-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni fit-teħid tad-deċiżjoni rigward il-preżentazzjoni tal-proposta ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].

1b      Fil-każ li mhux il-parteċipanti kollha fil-proċedura jkunu kkontestaw ir-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 37(1) fil-kawżi individwali li jirrigwardaw il-ħatra għall-kariga ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)], l-imsemmija riżoluzzjoni ssir definittiva, għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni ta’ preżentazzjoni tal-proposta ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)] u għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ proposta ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef f’din l-istess qorti, fir-rigward tal-parteċipanti fil-proċedura li ma jkunux ippreżentaw appell.

[…]

4.      Fil-kawżi individwali li jirrigwardaw il-ħatra għall-kariga ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)], l-annullament, min-Naczelny Sąd Administracyjny [(il-Qorti Amministrattiva Suprema)], tar-riżoluzzjoni [tal-KRS] rigward in-nuqqas ta’ preżentazzjoni tal-proposta ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)] huwa ekwivalenti għall-ammissjoni tal-kandidatura tal-parteċipant fil-proċedura li ppreżenta l-appell, għal pożizzjoni vakanti ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)], pożizzjoni li għaliha, fid-data tal-għoti tad-deċiżjoni tan-Naczelny Sąd Administracyjny [(il-Qorti Amministrattiva Suprema)], il-proċedura quddiem [il-KRS] tkun għadha ma ntemmietx jew, fil-każ tal-assenza ta’ tali proċedura, għall-pożizzjoni vakanti li jmiss ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)] li tiġi ippubblikata.”

18      Il-paragrafu 1a tal-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS ġie introdott f’dan l-artikolu permezz tal-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017 li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra u l-paragrafi 1b u 4 ġew introdotti fih permezz tal-Liġi tal‑20 ta’ Lulju 2018 li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u Ċerti Liġijiet Oħra. Qabel l-introduzzjoni ta’ dawn l-emendi, l-appelli indikati f’dan il-paragrafu 1a ġew ippreżentati quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) konformement mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 44.

19      Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2019, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) iddikjarat l-Artikolu 44(1a) tal-Liġi dwar il-KRS inkompatibbli mal-Kostituzzjoni, minħabba li, essenzjalment, il-kompetenza mogħtija lin-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) minn dan il-paragrafu 1a ma kienet iġġustifikata la fid-dawl tan-natura tal-kawżi kkonċernati, la tal-karatteristiċi organizzattivi tal-imsemmija qorti u lanqas tal-proċedura applikata minnha. F’din is-sentenza, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) indikat ukoll li din id-dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità kienet “twassal neċessarjament għall-għeluq tal-proċeduri ġudizzjarji pendenti kollha bbażati fuq id-dispożizzjoni mħassra”.

20      Sussegwentement, l-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS ġie emendat bl-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz ustawy – Prawo o ustroju sądów administracyjnych (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Kontenzjuż Amministrattiv), tas‑26 ta’ April 2019 (Dz. U. tal‑2019, pożizzjoni 914), li daħlet fis-seħħ fit‑23 ta’ Mejju 2019. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 44 huwa issa fformulat kif ġej:

“Parteċipant fil-proċedura jista’ jippreżenta appell quddiem is-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)] minħabba l-illegalità tar-riżoluzzjoni [tal-KRS], kemm il-darba r-regoli partikolari ma jipprovdux mod ieħor. Ma huwiex possibbli li jiġi ppreżentat appell fil-kawżi individwali relatati mal-ħatra fil-kariga ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)].”

21      Barra minn hekk, l-Artikolu 3 ta’ din il-liġi tas‑26 ta’ April 2019 ippreveda li l-“appelli minn riżoluzzjonijiet [tal-KRS] f’kawżi individwali dwar il-ħatra ta’ mħallfin fis-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)], li nbdew iżda ma ġewx konklużi qabel ma din il-Liġi tidħol fis-seħħ, għandhom jingħalqu ex lege”.

 IlLiġi dwar lOrganizzazzjoni talQrati Ordinarji

22      L-Artikolu 69 tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji) tas‑27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. Nru 98, pożizzjoni 1070), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“1.      Il-membri tal-ġudikatura għandhom jirtiraw fil-jum li fih jilħqu l-età ta’ 65 sena, kemm il-darba ma jippreżentawx quddiem il-[KRS], mhux iktar tard minn sitt xhur u mhux qabel tnax-il xahar qabel ma jilħqu l-età ċċitata iktar ’il fuq, dikjarazzjoni li tindika x-xewqa tagħhom li jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom u għandhom jippreżentaw ċertifikat, stabbilit fil-kundizzjonijiet applikabbli għall-kandidati għal membri ordinarji tal-ġudikatura, li jikkonferma li l-istat ta’ saħħithom jippermettilhom li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom.

[…]

1b.      Il-[KRS] jista’ jawtorizza membru tal-ġudikatura jkompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, jekk iż-żamma tiegħu f’din il-kariga tkun taqdi interess leġittimu tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja jew interess soċjali importanti, b’kunsiderazzjoni tal-imperattivi tal-użu razzjonali tal-membri tal-persunal tal-qrati ordinarji u tal-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-volum tax-xogħol tal-qrati differenti. […]

[…]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

23      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Diċembru 2020, L. G., imħallef fi ħdan is-Sąd Okręgowy w K. (il-Qorti Reġjonali ta’ K., il-Polonja), informa lill-KRS dwar ir-rieda tiegħu li jkompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu lil hinn mit‑12 ta’ Ġunju 2021, data ta’ għeluq il-65 sena tiegħu.

24      Permezz ta’ riżoluzzjoni tat‑18 ta’ Frar 2021, il-KRS iddeċieda li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba ta’ L. G. wara li kkonstata li din kienet tressqet wara l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza msemmi fl-Artikolu 69(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji.

25      L. G. ippreżenta appell kontra din ir-riżoluzzjoni quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

26      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Najwyższy (Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych) (il-Qorti Suprema (Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi)), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 69(1b) tal-[Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji], li tissuġġetta l-effettività tad-dikjarazzjoni ta’ mħallef dwar ir-rieda li jkompli jokkupa l-kariga ta’ mħallef wara li jilħaq l-età ta’ irtirar għall-awtorizzazzjoni ta’ awtorità oħra?

2.      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] jipprekludi interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li skontha dikjarazzjoni tardiva ta’ mħallef dwar ir-rieda li jkompli jokkupa l-kariga ta’ mħallef wara li jilħaq l-età ta’ irtirar hija mingħajr effett irrispettivament miċ-ċirkustanzi ta’ nuqqas ta’ osservanza tat-terminu u tal-importanza ta’ dan in-nuqqas ta’ osservanza għall-proċeduri li jirrigwardaw l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għat-tkomplija fil-kariga ta’ mħallef?”

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

27      Peress li l-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, qajmet dubji jekk il-kulleġġ ġudikanti tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li ppreżenta din it-talba għal deċiżjoni preliminari hijiex “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet kollha kkonċernati biex jiddibattu dan l-aspett waqt is-seduta.

28      Permezz ta’ digriet tat‑3 ta’ Novembru 2022, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Novembru 2022, l-istanza ta’ rinviju tistabbilixxi diversi elementi li, fil-fehma tagħha, huma tali li jikkonfermaw li hija għandha din il-kwalità ta’ qorti. Elementi analogi għal dawk esposti minn din l-istanza, barra minn hekk, ukoll tressqu mill-KRS u mill-Gvern Pollakk u ġew iddibattuti waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

29      Fl-aħħar nett, il-partijiet ikkonċerenati ngħataw, wara s-seduta, il-possibbiltà li jifformulaw bil-miktub osservazzjonijiet kumplimentari fir-rigward tal-elementi li jinsabu fid-digriet tal-istanza tar-rinviju tat‑3 ta’ Novembru 2022. L. G., il-KRS, il-Gvern Belġjan u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni għamlu użu minn din il-possibbiltà.

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

30      Il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-punt jekk l-istanza tar-rinviju, f’dan il-każ kulleġġ ġudikanti tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) (iktar ’il quddiem l-“Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi”) ikkostitwit minn tliet imħallfin ta’ din l-awla, tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’mod partikolari dak dwar l-eżistenza ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, li huma meħtieġa minn istanza ta’ rinviju sabiex din tkun tista’ titqies li hija “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

31      Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni jirriżulta li d-dubji li għandha din l-istituzzjoni f’dan ir-rigward huma relatati, b’mod iktar preċiż, maċ-ċirkustanza li l-ħatra, fl‑10 ta’ Ottubru 2018, mill-President tal-Repubblika tal-Polonja, tat-tliet membri kkonċernati tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, seħħet fuq il-bażi ta’ proposti li jinsabu fir-riżoluzzjoni Nru 331/2018 adottata fit‑28 ta’ Awwissu 2018 mill-KRS (iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni Nru 331/2018”), jiġifieri korp li l-indipendenza tiegħu tqiegħdet inkwistjoni numru ta’ drabi, inkluż f’numru ta’ sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku, kif jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż.(Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema–Ħatra) (C‑487/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza W.Ż.”, EU:C:2021:798), li, meta seħħew dawn il-ħatriet, din ir-riżoluzzjoni kienet is-suġġett ta’ appell quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema), li, permezz ta’ digriet tas‑27 ta’ Settembru 2018, issospendiet is-saħħa eżekuttiva tal-imsemmija riżoluzzjoni.

32      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li, fis-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2021, Dolińska‑Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:1108JUD004986819) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Dolińska‑Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja”), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonkludiet li kien jeżisti ksur tar-rekwiżit ta’ “tribunal […] mwaqqaf b’liġi”, iddikjarat fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), minħabba l-proċess li, fuq il-bażi tar-riżoluzzjoni Nru 331/2018, wassal għall-ħatra tal-membri ta’ żewġ kulleġġi ġudikanti bi tliet imħallfin tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi. Hija żżid li wieħed mill-kulleġġi kien jinkludi wieħed mill-imħallfin sedenti fl-istanza ta’ rinviju li ressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

33      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Marzu 2021, A. B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Azzjoni ġudizzjarja) (C‑824/18, iktar ’il quddiem is-sentenza “A. B. et”, EU:C:2021:153) ir-riżoluzzjoni Nru 331/2018 ġiet annullata min-Naczelny Sąd Administracyjny (il‑Qorti Amministrattiva Suprema) permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2021.

34      L. G. kif ukoll il-Gvern Belġjan u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkondividu, essenzjalment, id-dubji espressi mill-Kummissjoni.

35      Min-naħa tagħha, fid-digriet tagħha tat‑3 ta’ Novembru 2022 imsemmi fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, l-istanza tar-rinviju indikat li d-digriet tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tas‑27 ta’ Settembru 2018 li ssospenda s-saħħa eżekuttiva tar-riżoluzzjoni Nru 331/2018 la kien ġie nnotifikat lill-President tar-Repubblika tal-Polonja u lanqas lill-persuni li l-ħatra tagħhom fil-pożizzjoni ta’ mħallef fl-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi kienet proposta f’din ir-riżoluzzjoni, fejn il-persuni kkonċernati ma humiex, fil-fatt, partijiet fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti. Barra minn hekk, huwa biss id-dispożittiv ta’ dan id-digriet tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema), li jindika li s-saħħa eżekuttiva tar-riżoluzzjoni Nru 331/2018 ġiet sospiża “fil-parti kkontestata tagħha”, li ġie ppubblikat fit‑28 ta’ Settembru 2018, fejn il-motivi tal-imsemmija digriet saru pubbliċi biss fid‑19 ta’ Ottubru 2018, jiġifieri disat ijiem wara l-ħatra tal-persuni kkonċernati.

36      Issa, skont l-istanza tar-rinviju, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ waqt il-preżentata tal-appell kontra r-riżoluzzjoni Nru 331/2018 quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema), xejn ma kien jindika li tali rikors seta’ jwassal għal tqegħid inkwistjoni tal-proposti ta’ ħatra tal-kandidati magħżula mill-KRS f’din ir-riżoluzzjoni u lanqas, għalhekk, li tiġi ostakolata l-ħatra tagħhom mill-President tar-Repubblika tal-Polonja. Fil-fatt, skont l-Artikolu 44(1b) tal-Liġi dwar il-KRS, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ f’dak iż-żmien, għalkemm tali riżoluzzjoni ma ġietx ikkontestata mill-parteċipanti kollha fil-proċedura, hija saret definittiva u, għalhekk, eżekuttiva fir-rigward tal-parti tagħha li tinkludi l-proposti ta’ ħatra fil-kariga ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Barra minn hekk, fil-mument meta seħħet il-ħatra tal-imħallfin li jikkomponu l-istanza ta’ rinviju, għadha ma nbdiet ebda proċedura għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà eventwali ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, fejn domandi preliminari ntbagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward biss fit‑22 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża C‑824/18, A. B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Azzjoni ġudizzjarja).

37      Fir-rigward tas-sentenza tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tal‑21 ta’ Settembru 2021, fiha jiġi espressament ippreċiżat li l-effetti tagħha ma jirrigwardawx il-validità u l-effikaċja tal-atti presidenzjali ta’ ħatra għall-pożizzjonijiet ta’ mħallef ikkonċernati inkwantu tali atti ma humiex suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

38      Fl-aħħar nett, fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-imħallfin ikkonċernati nħatru fl-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi fuq il-bażi ta’ riżoluzzjoni tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tagħha li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-KRS, l-istanza ta’ rinviju hija tal-fehma li din iċ-ċirkustanza ma hijiex suffiċjenti biex jiġi attribwit nuqqas ta’ indipendenza lil dawn l-imħallfin jew lill-kulleġġ ġudikanti li fih huma sedenti, hekk kif jirriżulta kemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll minn dik tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema).

39      Il-Gvern Pollakk u l-KRS jikkondividu, essenzjalment, il-pożizzjonijiet hekk esposti mill-istanza ta’ rinviju.

40      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk organu tar-rinviju għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, u għaldaqstant sabiex jiġi evalwat jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari hijiex ammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, bħal, fost oħrajn, l-oriġini legali ta’ dan l-organu, in-natura permanenti tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l-applikazzjoni, mill-organu inkwistjoni, tad-dispożizzjonijiet legali kif ukoll l-indipendenza tiegħu (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) bħala tali tissodisfa r-rekwiżiti msemmija u ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li, sa fejn tali talba għal deċiżjoni preliminari tirriżulta minn qorti nazzjonali, għandu jiġi preżunt li din tissodisfa dawn ir-rekwiżiti indipendentement mill-kompożizzjoni konkreta tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punti 68 u 69).

42      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tat-tqassim tal-funzjonijiet bejnha u l-qorti nazzjonali, li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħditx konformement mar-regoli nazzjonali dwar l-organizzazzjoni tal-qrati u l-proċedura ġudizzjarja. Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għad-deċiżjoni tar-rinviju maħruġa minn qorti ta’ Stat Membru, sakemm ma tkunx ġiet irrevokata fil-kuntest tar-rimedji li jistgħu jkunu previsti mid-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu wkoll inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, li l-element ċentrali tas-sistema ġudizzjarja stabbilita mit-Trattati huwa kkostitwit mill-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE li, filwaqt li tistabbilixxi djalogu minn imħallef għal imħallef bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, għandha bħala għan li tiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fejn b’hekk tippermetti li tiġi żgurata l-koerenza tiegħu, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar nett, in-natura adatta tad-dritt stabbilit mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punti 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, fir-rigward ta’ kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku, li l-preżunzjoni mfakkra fil‑punt 41 ta’ din is-sentenza tista’ tinqaleb meta deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru jew minn qorti internazzjonali twassal biex jiġi kkunsidrat li l-imħallef li jikkostitwixxi l-qorti tar-rinviju ma jkollux in-natura ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 72).

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li s-sentenza Dolińska‑Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u s-sentenza tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tal‑21 ta’ Settembru 2021, invokati mill-Kummissjoni, ingħataw rispettivament minn qorti internazzjonali u qorti ta’ Stat Membru u li t-tnejn huma ta’ natura definittiva. Barra minn hekk, dawn is-sentenzi jirrigwardaw speċifikament ċirkustanzi li fihom imħallfin tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi nħatru fuq il-bażi tar-riżoluzzjoni Nru 331/2018.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hawnhekk, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, flimkien ma’ dawk imwettqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Settembru 2021, huma tali li jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha, waħedha, il-jedd li tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, biex tikkunsidra, fid-dawl tal-ġurisprudenza tagħha stess, li l-kulleġġ ġudikanti tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi li ressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari quddiemha f’din il-kawża ma għandhiex in-natura ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, u, konsegwentement, li dan il-kulleġġ ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza biex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

47      Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-sentenza Dolińska‑Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bdiet biex tfakkar, fil-punti 272 sa 280 ta’ din is-sentenza, il-ġurisprudenza tagħha li skontha l-kunċett ta’ “qorti stabbilita bil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, li l-għan tiegħu huwa b’mod partikolari li jippreżerva l-poter ġudizzjarju minn kull influwenza esterna irregolari li tirriżulta b’mod partikolari mill-poter eżekuttiv, iżda wkoll mill-poter leġiżlattiv, jew saħansitra mill-poter ġudizzjarju nnifsu, jiġbor fih l-osservanza tar-regoli nazzjonali li jiggvernaw il-ħatra tal-imħallfin, li għandhom ikunu redatti bi kliem ċar. Bl-istess mod, hija fakkret li minn din il-ġurisprudenza kien jirriżulta li dan il-kunċett kellu rabtiet stretti ħafna mal-garanziji ta’ “indipendenza” u ta’ “imparzjalità” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Fil-fatt, tali rekwiżiti għandhom, inkomuni, it-tendenza għall-osservanza tal-prinċipji fundamentali tas-supremazija tad-dritt tas-separazzjoni tal-poteri, b’tali mod li l-eżami mill-perspettiva tar-rekwiżit ta’ “tribunal […] mwaqqaf b’liġi” għandu sistematikament jistħarreġ jekk l-irregolarità allegata f’kawża speċifika hijiex ta’ gravità tali li ppreġudikat dawn il-prinċipji u kkompromettiet l-indipendenza tal-qorti inkwistjoni.

48      Insostenn tal-konstatazzjoni tagħha ta’ ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB f’dan il-każ, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem osservat, essenzjalment, fil-punti 281 sa 338 tas-sentenza Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja, li l-ħatriet tal-membri li jikkomponu l-kulleġġi ġudikanti inkwistjoni tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi kienu saru bi ksur manifest ta’ regoli nazzjonali fundamentali li jiggvernaw il-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin. Hija bbażat din il-konstatazzjoni, b’mod partikolari, fuq diversi deċiżjonijiet adottati mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), jiġifieri sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019 mogħtija mill-Awla tax-Xogħol u tal-Assigurazzjonijiet Soċjali ta’ din il-qorti, u riżoluzzjoni tat‑23 ta’ Jannar 2020 adottata konġuntament mill-Awla Ċivili, l-Awla Kriminali u l-Awla tax-Xogħol u tal-Assigurazzjonijiet Soċjali tal-imsemmija qorti, it-tnejn minnhom adottati wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982), kif ukoll id-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2019 li permezz tagħha din l-istess qorti nazzjonali kienet ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza W.Ż.

49      F’dan ir-rigward, minn naħa, kif jirriżulta mill-punti 309 sa 312 u 320 tas-sentenza Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonstatat l-assenza ta’ garanziji suffiċjenti ta’ indipendenza, fir-rigward tal-poter leġiżlattiv u eżekuttiv, tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tagħha li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-KRS. Minn din il-konstatazzjoni hija ddeduċiet li l-ħatra tal-imħallfin ikkonċernati fl-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, fuq il-bażi tar-riżoluzzjoni Nru 331/2018, kienet saret bi ksur ta’ prinċipji kostituzzjonali li jiggvernaw il-funzjonament tal-KRS, bħall-prinċipji ta’ separazzjoni ta’ poteri u ta’ indipendenza tal-poter ġudizzjarju, b’tali mod li dawn l-imħallfin ma setgħux jitqiesu li kienu indipendenti u imparzjali.

50      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irreferiet, fil-punti 321 sa 338 tas-sentenza Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja, għaċ-ċirkustanza li l-ħatra ta’ dawn l-istess imħallfin mill-President tar-Repubblika tal-Polonja kienet saret filwaqt li s-saħħa eżekuttiva tar-riżoluzzjoni Nru 331/2018 li kienet tinkludi proposti ta’ ħatra tal-persuni kkonċernati għall-pożizzjonijiet li kellhom jimtlew fi ħdan l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi kienet ġiet sospiża bid-digriet tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tas‑27 ta’ Settembru 2018.

51      F’dan l-aħħar rigward, mis-sentenza Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja, b’mod partikolari mill-punti 330 u 338, jirriżulta li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkunsidrat li ħatriet li saru f’tali ċirkustanzi kienu jsarrfu, min-naħa tal-poter eżekuttiv, f’ċaħda profonda tal-awtorità, tal-indipendenza u tar-rwol tal-poter ġudizzjarju u kienu deliberatament intiżi li jostakolaw l-iżvolġiment effettiv tal-ġustizzja, b’tali mod li dawn kellhom jitqiesu li jikkostitwixxu ksur flagranti tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB u kienu manifestament inkompatibbli mal-prinċipju tal-Istat tad-dritt.

52      Fil-punti 331 sa 333 tal-istess sentenza, din il-qorti, barra minn hekk, enfasizzat li l-gravità ta’ dan il-ksur kien, f’dan il-każ, bil-wisq iktar minnu fid-dawl tal-importanza fundamentali u tan-natura sensittiva tal-kompetenzi li bihom hija fdata l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi.

53      Għalkemm huwa minnu li, minn fost is-sitt imħallfin sedenti fil-kulleġġi ġudikanti tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenza Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja, wieħed minnhom biss huwa sedenti fi ħdan il-kulleġġ ġudikanti ta’ din l-awla li ressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari, madankollu, mill-motivi ta’ din is-sentenza jirriżulta b’mod ċar li l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem huma validi mingħajr distinzjoni għall-imħallfin kollha ta’ din l-awla li nħatru fi ħdanha f’ċirkustanzi analogi u, b’mod partikolari, fuq il-bażi tar-riżoluzzjoni Nru 331/2018.

54      Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sentenza tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tal‑21 ta’ Settembru 2021, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ din is-sentenza, mogħtija wara s-sentenza A. B. et, din il-qorti nazzjonali annullat ir-riżoluzzjoni Nru 331/2018, inkluż fil-parti tagħha li pproponiet għall-ħatra l-imħallfin imsemmija fil-punt preċedenti, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq konstatazzjonijiet u evalwazzjonijiet meħuda fil-parti l-kbira tagħhom minn dawk li jinsabu fis-sentenza Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja kif ukoll fid-deċiżjonijiet tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) imsemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza.

55      Fit-taqsimiet 7.1 sa 7.6 tas-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Settembru 2021, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema), barra minn hekk, ikkonstatat, minn naħa, li l-emendi magħmula fl-Artikolu 44 ta’ din il-Liġi dwar il-KRS mil-Liġijiet tat‑8 ta’ Diċembru 2017 u tal‑20 ta’ Lulju 2018 imsemmija fil-punt 18 ta’ din is-sentenza kienu, inizjalment, ċaħdu minn kull effettività l-appelli li sa dak il-mument kienu ġew ippreżentati kontra r-riżoluzzjonijiet tal-KRS li jipproponu kandidati għall-ħatra fil-pożizzjonijiet ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Min-naħa l-oħra, hija tosserva li, filwaqt li ġiet adita b’sensiela ta’ appelli ta’ din in-natura, dan l-Artikolu 44 kien, sussegwentement, ġie emendat mill-ġdid bil-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 imsemmija fil-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza, liema fatt kellu bħala effett li jeskludi li tali appelli jistgħu jkomplu jiġu ppreżentati fil-futur, u li din l-aħħar liġi kienet ipprevediet li ipso jure ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward ta’ tali appelli pendenti quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema).

56      Fir-rigward ta’ dawn l-emendi leġiżlattivi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ikkunsidrat li, evalwati fil-kuntest fattwali u ġuridiku tagħhom, dawn manifestament kellhom bħala għan li jipprekludu li qorti tista’ teżamina kemm l-għaqda ta’ fatturi differenti setgħu kellhom bħala konsegwenza li l-imħallfin maħtura reċentement fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tagħha ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u, fir-rigward tal-emendi introdotti permezz tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019, li jipprekludu li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi f’dan ir-rigward. In-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) kkunsidrat ukoll li tali ċirkustanzi kienu ta’ natura li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ dubji sistemiċi għall-partijiet fil-kawża fir-rigward tal-punt dwar jekk imħallfin maħtura b’dan il-mod kinux jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti.

57      Fir-rigward tal-elementi li jikkostitwixxu l-kuntest ġuridiku u fattwali msemmi fil-punt preċedenti u li fil-kuntest tiegħu seħħew l-imsemmija emendi leġiżlattivi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema), kif jirriżulta mit-taqsimiet 7.5 u 7.6 tas-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Settembru 2021, irreferiet għal numru ta’ fatturi. F’dan ir-rigward, din il-qorti, l-ewwel nett, enfasizzat li, b’effett tal-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017, il-mandat tal-membri tal-KRS li dak iż-żmien kienu qed jokkupaw il-kariga kien tqassar u li l-kompożizzjoni ta’ dan l-organu kienet ġiet elaborata mill-ġdid, bil-konsegwenza li żdiedet b’mod kunsiderevoli l-influwenza tal-poter leġiżlattiv u eżekuttiv fi ħdanha. It-tieni, hija osservat li din l-elaborazzjoni mill-ġdid tal-kompożizzjoni tal-KRS kienet saret f’mument fejn kien previst li f’qasir żmien jimtlew numru importanti ħafna ta’ pożizzjonijiet fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). It-tielet, hija kkonstatat li kienu jeżistu dubji u nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom żvolġa l-proċess ta’ ħatra tal-membri tal-KRS il-ġdid u kkonstatat li, fid-dawl, kemm tal-kompożizzjoni konkreta ta’ dan il-korp kif ukoll tal-attività effettivament skjerata mill-imsemmi korp, dan tal-aħħar kien waqaf milli jkun indipendenti mill-poter leġiżlattiv u eżekuttiv. Ir-raba’, hija enfasizzat li l-emendi leġiżlattivi msemmija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza kienu kkonċernaw biss ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS li jipproponu kandidati għall-ħatra f’pożizzjonijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u mhux dawk li kienu jipproponu kandidati għall-ħatra f’pożizzjonijiet ta’ mħallef fi qrati nazzjonali oħra.

58      Fid-dawl tal-ġurisprudenza nnifisha tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza Dolińska‑Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja kif ukoll min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) fis-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2021, kif deskritti fil-punti 47 sa 57 ta’ din is-sentenza, iwasslu biex jiġi kkunsidrat li l-kulleġġ ġudikanti tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi li ressaq din it-talba għal deċiżjoni preliminari, minħabba l-modalitajiet li rregolaw il-ħatra tal-imħallfin li jikkomponuh, ma għandux in-natura ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilit minn qabel bil-liġi, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, fejn għalhekk dan il-kulleġġ ma jikkostitwixxix “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

59      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkru r-rabtiet indissoċjabbli li, skont it-termini nfishom tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jeżistu, għall-finijiet tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bejn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-imħallfin kif ukoll ta’ aċċess għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 55).

60      B’mod partikolari, fir-rigward tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-konsegwenzi fundamentali li dan il-proċess jinvolvi għall-funzjonament it-tajjeb u għall-leġittimità tal-poter ġudizzjarju fi Stat demokratiku rregolat mis-supremazija tad-dritt, tali proċess jikkostitwixxi neċessarjament element inerenti għall-kunċett ta’ “qorti stabbilit minn qabel bil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, filwaqt li ġie ppreċiżat li l-indipendenza ta’ qorti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, titkejjel, b’mod partikolari, bil-mod kif ikunu nħatru l-membri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Fil-fatt, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-qrati mitluba jinterpretaw jew japplikaw id-dritt tal-Unjoni jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-kompożizzjoni tal-istanza u tal-ħatra tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u tan-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi inkwistjoni (sentenza W.Ż., punti 109 u 128 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-funzjoni ta’ ġudikatura, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali bħala garanti tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni u tal-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri ddikjarati fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      F’dan ir-rigward, jeħtieġ, qabel kollox, li jitfakkar li, fis-sentenza W.Ż., il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest ta’ kawża li fiha kienet inkwistjoni deċiżjoni adottata mill-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi li kienet qed tiddeċiedi b’kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li tali kulleġġ ma jistax jiġi kkunsidrat bħala qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk jirriżulta mill-kundizzjonijiet kollha u miċ-ċirkustanzi li fihom seħħ il-proċess ta’ ħatra ta’ dan l-imħallef uniku li din il-ħatra saret bi ksur manifest tar-regoli fundamentali li jagħmlu parti sħiħa mill-istabbiliment u mill-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja kkonċernata u li r-riżultat sħiħ li għalih iwassal l-imsemmi proċess jitqiegħed f’periklu billi jinxterdu dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallef ikkonċernat.

63      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, kif jirriżulta mill-punt 146 tas-sentenza W.Ż., u mill-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) imsemmija, rispettivament, fil-punti 49 u 57 ta’ din is-sentenza, fost tali kundizzjonijiet u ċirkustanzi hemm il-fatt li l-imħallfin li jikkomponu l-kulleġġ ġudikanti tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi li għamel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża nħatru fi ħdan din l-awla fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni ġdida tagħha li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-KRS. F’dan il-punt 146, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħalma għamlu dawn iż-żewġ qrati l-oħra, iktar speċifikament għamlet riferiment, f’dan ir-rigward, għall-fatt li l-mandat fis-seħħ ta’ ċerti membri li sa dak il-mument kienu jikkomponu l-KRS, li t-tul tiegħu kellu jkun ta’ erba’ snin konformement mal-Artikolu 187(3) tal-Kostituzzjoni, kien tqassar, kif ukoll għaċ-ċirkustanza li, bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu 9a, il-ħmistax-il membru tal-KRS li huma mħallfin, li qabel kienu jiġu eletti mill-kollegi tagħhom, fir-rigward tal-KRS il-ġdida, ġew eletti mis-Sejm (il-Parlament), bil-konsegwenza li 23 mill-25 membru li jikkomponu dan l-organu ġew innominati mill-poter eżekuttiv u leġiżlattiv Pollakk jew huma membri tal-imsemmija poteri.

64      Huwa minnu li, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċ-ċirkustanza li organu, bħall-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, implikat fil-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin huwa, b’mod preponderanti, kompost minn membri magħżula mill-poter leġiżlattiv ma tistax, waħedha, twassal sabiex titqiegħed f’dubju n-natura ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi u l-indipendenza tal-imħallfin maħtura fi tmiem dan il-proċess. Madankollu, skont din il-ġurisprudenza, ikun differenti meta din iċ-ċirkustanza magħduda ma’ elementi rilevanti oħra u mal-kundizzjonijiet li fihom dawn l-għażliet seħħew iwasslu sabiex jiġu ġġenerati tali dubji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita permezz tal-liġi fl-Istat Membru emittenti) C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punti 74 sa 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65      Issa, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat numru ta’ drabi li l-emendi leġiżlattivi msemmija fil-punt 63 ta’ din is-sentenza kienu seħħew fl-istess waqt tal-adozzjoni, permezz tal-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017, ta’ riforma sostanzjali tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li kienet tinkludi, b’mod partikolari, il-ħolqien fi ħdan din il-qorti, ta’ żewġt awli ġodda, jiġifieri l-Awla Dixxiplinari u l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, kif ukoll it-tnaqqis tal-età ta’ rtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Hekk kif osservat ukoll in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Settembru 2021, dawn l-emendi għalhekk seħħew f’mument meta numru ta’ pożizzjonijiet ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddikjarati vakanti jew li kienu għadhom kif inħolqu kienu waslu biex jimtlew (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 106 u 107 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u W.Ż., punt 150).

66      Fit-tieni lok, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi li nħolqot ex nihilo fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u li fi ħdanha l-imħallfin kollha nħatru fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tagħha, ingħatat, kif jirriżulta mill-Artikolu 26(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, u kif osservat il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja, kompetenzi f’oqsma partikolarment sensittivi, bħall-kontenzjuż elettorali u dak marbut maż-żamma ta’ referendums, il-kawżi l-oħra li jaqgħu taħt id-dritt pubbliku, b’mod partikolari dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni, jew ukoll l-appelli straordinarji li jippermettu l-kisba tal-annullament ta’ deċiżjonijiet definittivi mogħtija mill-qrati ordinarji jew minn awli oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

67      Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li, b’mod parallel mal-emendi leġiżlattivi msemmija fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, ir-regoli li jinsabu fl-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS fil-qasam ta’ rimedji ġudizzjarji miftuħa kontra r-riżoluzzjonijiet tal-KRS li jipproponu kandidati għall-ħatra f’pożizzjonijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ġew, inizjalment, emendati sostanzjalment, hekk kif jirriżulta mill-punti 17 u 18 ta’ din is-sentenza.

68      Meta ntalbet tagħti deċiżjoni fir-rigward ta’ emendi ta’ din in-natura, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat in-natura problematika ta’ dispożizzjonijiet li jwasslu għall-eliminazzjoni tal-effettività tar-rimedji ġudizzjarji ta’ dan it-tip li kienu jeżistu sa dak iż-żmien, b’mod partikolari meta l-adozzjoni tagħhom, ikkunsidrata flimkien ma’ elementi rilevanti oħra li jikkaratterizzaw il-proċess ta’ ħatra f’pożizzjonijiet f’qorti suprema nazzjonali f’kuntest ġuridiku-fattwali nazzjonali partikolari, tidher ta’ natura li tista’ toħloq, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji ta’ natura sistemika f’dak li jirrigwarda l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin maħtura fi tmiem dan il-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza A. B. et, punt 156).

69      Issa, qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Settembru 2021, ikkonstatat, f’dan ir-rigward, li appell bħal dak previst fl-Artikolu 44(1a) sa (4) tal-Liġi dwar il-KRS, fir-redazzjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġijiet tat‑8 ta’ Diċembru 2017 u tal‑20 ta’ Lulju 2018, kien nieqes minn kull effettività reali u, għalhekk, kellu biss dehra ta’ rimedju ġudizzjarju. Sussegwentement, hija enfasizzat li r-restrizzjonijiet hekk introdotti f’dawn l-aħħar liġijiet kienu jikkonċernaw biss l-appelli ppreżentati kontra riżoluzzjonijiet tal-KRS dwar preżentazzjonijiet ta’ kandidaturi għal pożizzjonijiet ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), filwaqt li r-riżoluzzjonijiet tal-KRS dwar preżentazzjonijiet ta’ kandidaturi għal pożizzjonijiet ta’ mħallef fil-qrati nazzjonali l-oħra jibqgħu, min-naħa tagħhom, suġġetti għas-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju ġenerali li kienet fis-seħħ qabel. Fl-aħħar nett, hija kkonstatat li l-imsemmija emendi leġiżlattivi kienu seħħew, hekk kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, ftit taż-żmien qabel ma l-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tagħha ntalbet tiddeċiedi dwar il-kandidaturi sottomessi għall-finijiet tal-mili ta’ numru ta’ pożizzjonijiet ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddikjarati vakanti jew li kienu għadhom kif inħolqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza A. B. et, punti 157, 162 u 164).

70      Fir-raba’ lok, fil-punti 138 u 139 tas-sentenza W.Ż., il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li, meta saret il-ħatra, fuq il-bażi tar-riżoluzzjoni Nru 331/2018 tal-membru tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi kkonċernat mill-kawża li tat lok għal din is-sentenza, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema), li kienet adita b’rikors intiż għall-annullament ta’ din ir-riżoluzzjoni, kienet ordnat, fis‑27 ta’ Settembru 2018, li tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tagħha. Issa, din l-istess ċirkustanza, esposta wkoll mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja, tapplika għal dak li jikkonċerna l-ħatra tat-tliet membri sedenti fil-kulleġġ ġudikanti tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi li ressqu din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

71      F’dan ir-rigward, l-istanza tar-rinviju effettivament sostniet, fid-digriet tagħha tat‑3 ta’ Novembru 2022, li d-digriet tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tas‑27 ta’ Settembru 2018 la kien ġie nnotifikat lill-kandidati għal pożizzjoni ta’ mħallef fi ħdan l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi magħżula mill-KRS fir-riżoluzzjoni tagħha Nru 331/2018, u lanqas lill-President tar-Repubblika tal-Polonja, minħabba li dawn ma kinux partijiet fil-kawża li dak iż-żmien kienet pendenti quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema). Hija ddikjarat ukoll li l-motivi ta’ dan l-aħħar digriet ma kinux ġew ippubblikati immedjatament.

72      Madankollu, kif jikkonfermaw, f’dan il-każ, l-indikazzjonijiet ipprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja minn L. G. u mill-Kummissjoni u kif jirriżulta wkoll mill-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza Dolińska‑Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja, fil-mument meta seħħew il-ħatriet tat-tliet imħallfin tal-istanza tar-rinvju fi ħdan l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, ma setax jiġi injorat, b’mod partikolari mill-President tar-Repubblika tal-Polonja, li l-effetti ta’ din ir-riżoluzzjoni kienu ġew sospiżi permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema).

73      B’hekk, il-fatt li l-ħatriet inkwistjoni saru b’urġenza u mingħajr stennija għall-għarfien tal-motivi tad-digriet tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tas‑27 ta’ Settembru 2018, fuq il-bażi tar-riżoluzzjoni Nru 331/2018, li madankollu kienet sospiża permezz ta’ dan id-digriet, ippreġudika gravement il-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza W.Ż., punt 127), hekk kif qalet ukoll il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza Dolińska‑Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja.

74      Fil-ħames lok, filwaqt li n-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) kienet tinsab adita b’appell għall-annullament tar-riżoluzzjoni Nru 331/2018 u kienet issospendiet il-proċeduri quddiemha fl-istennija tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑824/18, A. B. et, il-leġiżlatur Pollakk adotta l-Liġi tas‑26 April 2019 imsemmija fil-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza.

75      Issa, fir-rigward tal-emendi introdotti minn din il-liġi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punti 137 u 138 tas-sentenza A. B. et, li, esklużivament meta jiġu kkunsidrati konġuntament ma’ numru ta’ elementi kuntestwali oħra msemmija fil-punti 99 sa 105 u 130 sa 135 ta’ din is-sentenza, tali emendi huma ta’ natura li jissuġġerixxu li l-poter leġiżlattiv Pollakk, f’dan il-każ, aġixxa bl-intenzjoni speċifika li jipprekludi kull possibbiltà li jkun hemm stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS li pproponew il-ħatra tal-imħallfin fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), liema fatt maż-żmien ġie kkonfermat min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Settembru 2021, kif jirriżulta mill-punt 56 ta’ din is-sentenza.

76      Fis-sitt u l-aħħar lok, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-riżoluzzjoni Nru 331/2018 ġiet annullata min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Settembru 2021 u dan, b’mod partikolari, kif jirriżulta mit-taqsima 10 ta’ din is-sentenza, b’kunsiderazzjoni tal-konstatazzjonijiet u tal-evalwazzjonijiet imsemmija fil-punti 55 sa 57 ta’ din is-sentenza. Issa, għalkemm huwa minnu, kif enfasizzat l-istanza tar-rinviju fid-digriet tagħha tat‑3 ta’ Novembru 2022, li l-effetti ta’ din is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2021 ma jirrigwardawx il-validità u l-effikaċja tal-atti presidenzjali ta’ ħatra fil-pożizzjonijiet ta’ mħallef ikkonċernati, madankollu hemm lok li jitfakkar, bħalma tagħmel il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-punt 228 tas-sentenza Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja, li, bis-saħħa tal-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni, l-att li permezz tiegħu l-KRS jipproponi kandidat għall-ħatra fil-pożizzjoni ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jikkostitwixxi kundizzjoni sine qua non sabiex dan il-kandidat ikun jista’ jinħatar f’tali pożizzjoni mill-President tar-Repubblika tal-Polonja (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja(Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Mill-punti kollha preċedenti jirriżulta li, ikkunsidrati konġuntament, l-elementi kollha kemm sistemiċi kif ukoll ċirkustanzjali, imsemmija fil-punti 47 sa 57 ta’ din is-sentenza, minn naħa, u fil-punti 62 sa 76 ta’ din is-sentenza, min-naħa l-oħra, li kkaratterizzaw il-ħatra, fi ħdan l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, tat-tliet imħallfin li jikkostitwixxu l-istanza tar-rinviju f’din il-kawża għandhom bħala konsegwenza li din ma għandhiex in-natura ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, dawn l-elementi kollha kkunsidrati flimkien joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-persuni kkonċernati u tal-kulleġġ ġudikanti li fih huma sedenti fir-rigward ta’ elementi esterni, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti tal-poter leġiżlattiv u eżekuttiv nazzjonali, u tan-newtralità tagħhom fil-konfront tal-interessi inkwistjoni. L-imsemmija elementi jistgħu għalhekk iwasslu għal assenza ta’ dehra ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin u ta’ din l-istanza, li tkun tali tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira f’dawn il-partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżunzjoni mfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza għandha titqies li nqalbet u, konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-kulleġġ ġudikanti tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi li ressaq din it-talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, u konsegwentement din it-talba għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

 Fuq lispejjeż

79      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych) (il-Qorti Suprema (Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi), il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal20 ta’ Ottubru 2021, hija inammissibbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.


i      Fil-punti 32, 33, 36, 42, 54, 63, 70 u 76 ta’ dan it-test saru modifiki ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.