Language of document : ECLI:EU:C:2023:1016

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2014/24/UE – Punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi fis-settur tat-trasport – Direttiva 2014/25/UE – Artikolu 80(1) – Raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni – Obbligu ta’ traspożizzjoni – Konklużjoni minn operatur ekonomiku ta’ ftehimiet intiżi għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni – Setgħa tal-awtorità kontraenti – Effett ta’ deċiżjoni preċedenti ta’ awtorità tal-kompetizzjoni – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża C‑66/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Frar 2022, fil-proċedura

Infraestruturas de Portugal SA,

Futrifer Indústrias Ferroviárias SA

vs

Toscca - Equipamentos em Madeira Lda,

fil-preżenza ta’:

Mota-Engil Railway Engineering SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos (Relatur), N. Piçarra u O. Spineanu‑Matei, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, P. G. Xuereb, L. S. Rossi, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, N. Wahl u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Marzu 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Futrifer Indústrias Ferroviárias SA, minn G. Guerra Tavares, A. Magalhães e Menezes u L. M Soares Romão, advogados,

–        għal Toscca - Equipamentos em Madeira Lda, minn N. Cunha Rodrigues u J. M. Sardinha, advogados,

–        għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, F. Batista, P. Moreira da Cruz u M. J. Ramos, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn L. Halajová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braga da Cruz, P. Ondrůšek u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Mejju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), kif ukoll tal-Artikolu 41(2)(b) u (ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Toscca - Equipamentos em Madeira Lda (iktar ’il quddiem “Toscca”) u, min-naħa l-oħra, Infraestruturas de Portugal SA, u Futrifer Indústrias Ferroviárias SA (iktar ’il quddiem “Futrifer”), dwar id-deċiżjoni ta’ Infraestruturas de Portugal li tagħti lil Futrifer kuntratt pubbliku għax-xiri ta’ riffieda u ta’ binarji tal-arżnu bil-krijożoti.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2014/24

3        Il-premessa 101 tad-Direttiva 2014/24 tipprovdi:

“Barra minn hekk, l-awtoritajiet kontraenti għandha tingħatalhom il-possibbiltà li jeskludu operaturi ekonomiċi li wrew li mhumiex affidabbli, pereżempju minħabba ksur ta’ obbligi ambjentali jew soċjali, inklużi regoli dwar l-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabilità jew forom oħra ta’ kondotta professjonali serjament skorretta, bħal ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni jew ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Għandu jiġi ċċarat li kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità tista’ twassal għad-dubju fl-integrità ta’ operatur ekonomiku u għalhekk twassal biex l-operatur ekonomiku ma jkunx adattat biex jingħata kuntratt pubbliku irrispettivament minn jekk l-operatur ekonomiku jkollux il-kapaċità ekonomika u teknika biex jitwettaq il-kuntratt.

[…] [L-awtoritajiet kontraenti] għandhom ukoll ikunu jistgħu jeskludu kandidati jew offerenti li t-twettiq tagħhom ta’ kuntratti pubbliċi preċedenti wera nuqqasijiet kbar fir-rigward ta’ rekwiżiti sostantivi, pereżempju n-nuqqas ta’ twettiq jew prestazzjoni ta’ suċċess, nuqqasijiet sinifikanti tal-prodott jew servizz mogħti, li b’hekk ma setax jintuża għall-iskop maħsub, jew imġiba skorretta li tqajjem dubji serji dwar l-affidabbiltà tal-operatur ekonomiku. Il-liġi nazzjonali għandha tipprevedi għal durata massima ta’ esklużjonijiet bħal dawn.

Bl-applikazzjoni ta’ raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-prinċipju ta’ proporzjonalità. Irregolaritajiet minuri għandhom iwasslu għall-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Madankollu każijiet ripetuti ta’ irregolaritajiet minuri jistgħu jwasslu għal dubju dwar l-affidibbiltà ta’ operatur ekonomiku li jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjonijiet tiegħu.”

4        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(5) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Fejn jingħata l-kuntratt permezz ta’ proċedura ristretta jew proċedura kompetittiva bin-negozjar, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, minkejja l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, li awtoritajiet kontraenti subċentrali jew kategoriji speċifiċi tagħhom jistgħu joħorġu s-sejħa għall-kompetizzjoni permezz ta’ avviż informattiv minn qabel skont l-Artikolu 48(2).”

5        Skont l-Artikolu 32(1) tal-imsemmija direttiva:

“Fil-każijiet u ċirkustanzi speċifiċi stipulati fil-paragrafi 2 sa 5, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu kuntratti pubbliċi permezz ta’ proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel.”

6        L-Artikolu 55 tal-istess direttiva, bit-titolu “L-informar ta’ kandidati u offerenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 2(b) tiegħu:

“Fuq talba mill-kandidat jew offerent ikkonċernat, malajr kemm jista’ jkun, u f’kull eventwalità fi żmien 15‑il jum mir-riċevuta ta’ talba bil-miktub, l-awtorità kontraenti għandha tinforma:

[…]

(b)      lil kull offerent li ma ġiex aċċettat bir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tiegħu, […]”

7        L-Artikolu 56 tad-Direttiva 2014/24 huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-kuntratti għandhom jingħataw fuq il-bażi ta’ kriterji stipulati skont l-Artikoli 67 sa 69, sakemm l-awtorità kontraenti tkun ivverifikat f’konformità mal-Artikoli 59 sa 61 li l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin huma ssodisfati:

[…]

(b)      l-offerta ġejja minn offerent li mhuwiex eskluż skont l-Artikolu 57 u li jissodisfa l-kriterji ta’ għażla stipulati mill-awtorità kontraenti skont l-Artikolu 58 u, fejn applikabbli, ir-regoli u l-kriterji nondiskriminatorji msemmija fl-Artikolu 65.

[…]

2.      […]

L-Istati Membri jistgħu jeskludu l-użu tal-proċedura fl-ewwel subparagrafu, jew li jillimitawha għal ċerti tipi ta’ akkwist jew għal ċirkostanzi speċifiċi.”

8        L-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Raġunijiet għall-esklużjoni”, jipprevedi:

“1.      L-awtoritajiet kontraenti għandhom jeskludu operatur ekonomiku milli jipparteċipa fi proċedura tal-akkwist fejn ikunu stabbilixxew, permezz ta’ verifika skont l-Artikoli 59, 60 u 61, jew huma b’xi mod ieħor konxji li dak l-operatur ekonomiku kien is-suġġett ta’ kundanna b’sentenza definittiva għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin [imsemmija fil-punti (a) sa (f) ta’ dan il-paragrafu 1.]

[…]

4.      L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist kwalunkwe operatur ekonomiku fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(c)      fejn l-awtorità kontraenti tista’ turi b’mezz adegwat li l-operatur ekonomiku huwa ħati ta’ kondotta professjonali ħażina serja, li trendi l-integrità tiegħu dubjuża;

(d)      fejn l-awtorità kontraenti ikollha indikazzjonijiet plawsibbli biżżejjed biex tikkonkludi li l-operatur ekonomiku ikun daħal f’akkordji ma’ operaturi ekonomiċi oħrajn li għandhom l-għan li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni;

[…]

5.      […]

Fi kwalunkwe ħin matul il-proċedura, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jiġu obbligati mill-Istati Membri li jeskludu, operatur ekonomiku fejn jinsab li l-operatur huwa, fid-dawl ta’ atti li saru jew li ma sarux, qabel jew inkella matul il-proċedura, f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4.

6.      Kwalunkwe operatur ekonomiku li qiegħed f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 jista’ jipprovdi evidenza, bil għan li l-miżuri meħudin mill-operatur ekonomiku jkunu biżżejjed biex juru l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni rilevanti għall-esklużjoni. Jekk tali evidenza titqies bħala suffiċjenti, l-operatur ekonomiku kkonċernat ma għandux ikun eskluż mill-proċedura tal-akkwist.

Għal dan il-għan, l-operatur ekonomiku għandu jagħti prova li hu ħallas jew impenja ruħu li jħallas kumpens fir-rigward ta’ kwalunkwe dannu maħluq mir-reat jew mill-kondotta ħażina tiegħu, li ċċara l-fatti u ċ-ċirkostanzi b’mod komprensiv billi kkollabora b’mod attiv mal-awtoritajiet investigattivi u li ħa miżuri konkreti tekniċi, organizzattivi u tal-persunal li huma adegwati sabiex jipprevjenu reati jew kondotta ħażina ulterjuri.

Il-miżuri meħuda mill-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu evalwati b’kont meħud tal-gravità u ċ-ċirkostanzi partikolari tar-reat jew tal-kondotta ħażina. Fejn il-miżuri jitqiesu bħala mhux suffiċjenti, l-operatur ekonomiku għandu jirċievi dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni.

Operatur ekonomiku li jkun ġie eskluż b’sentenza finali milli jipparteċipa fi proċeduri tal-għoti ta’ akkwist jew ta’ konċessjoni ma għandux ikun intitolat li jagħmel użu mill-possibbiltà provduta taħt dan il-paragrafu matul il-perijodu ta’ esklużjoni li jirriżulta minn dik is-sentenza fl-Istati Membri fejn is-sentenza tkun daħlet fis-seħħ.

7.      Permezz ta’ liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u b’kont meħud għad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-kondizzjonijiet implimentattivi ta’ dan l-Artikolu. B’mod partikolari, huma għandhom jiddeterminaw il-perijodu massimu tal-esklużjoni jekk ma ttieħdet l-ebda miżura, kif speċifikat fil-paragrafu 6, mill-operatur ekonomiku biex juri l-affidabbiltà tiegħu. Fejn il-perijodu ta’ esklużjoni ma jkunx ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali, dak il-perijodu ma għandux ikun itwal minn ħames snin mid-data tal-kundanna bis-sentenza finali fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 u tliet snin mid-data tal-avveniment rilevanti fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 4.”

 IdDirettiva 2014/25

9        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243), kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2364 tat‑18 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 337, p. 17) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/25”), jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-proċeduri għall-akkwist mill-entitajiet kontraenti fir-rigward ta’ kuntratti kif ukoll kompetizzjonijiet ta’ disinn, li l-valur tagħhom huwa stmat li mhuwiex inqas mil-limiti stipulati fl-Artikolu 15.

2.      Fis-sens ta’ din id-Direttiva l-akkwist huwa l-akkwist, permezz ta’ kuntratt ta’ provvisti, xogħlijiet jew servizzi ta’ xogħlijiet, ta’ provvisti jew servizzi minn entità kontraenti waħda jew aktar mingħand operaturi ekonomiċi magħżula minn dawk l-entitajiet kontraenti, dejjem jekk ix-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi jkunu maħsuba għall-kisba ta’ waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 8 sa 14.

[…]”

10      L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2014/25 jipprovdi:

“1.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, entitajiet kontraenti huma entitajiet li:

(a)      huma awtoritajiet kontraenti jew impriżi pubbliċi u li jsegwu waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 8 sa 14.”

11      L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-forniment jew it-tħaddim ta’ netwerks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, b’sistemi awtomatizzati, bit-tramway, bit-trolley bus, bil-karozza tal-linja jew bil-kejbil.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi tat-trasport, għandu jiġi kkunsidrat li hu stabbilit netwerk fejn is-servizz ikun ipprovdut f’kondizzjonijiet ta’ tħaddim preskritti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, bħal kondizzjonijiet fuq ir-rotot li għandhom jiġu servuti, il-kapaċità li għandha tkun disponibbli jew il-frekwenza tas-servizz.”

12      L-Artikolu 15(a) tal-imsemmija direttiva jipprevedi, essenzjalment, li din tal-aħħar għandha tapplika għall-kuntratti li l-valur stmat tagħhom mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ikun daqs jew ogħla mil-limitu ta’ 443 000 euro (EUR) għall-kuntratti ta’ provvisti u ta’ servizzi u għall-kompetizzjonijiet ta’ disinn.

13      L-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/25 jipprovdi:

“Ir-regoli u l-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u tal-għażla ta’ operaturi ekonomiċi li jitolbu kwalifika f’sistema ta’ kwalifika u r-regoli u l-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u tal-għażla ta’ kandidati u offerenti fi proċeduri miftuħa, ristretti jew innegozjati, fi djalogi kompetittivi jew fi sħubijiet għall-innovazzjoni jistgħu jinkludu r-raġunijiet għall-esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57 tad-Direttiva [2014/24] skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti fih.

Fejn l-entità kontraenti tkun awtorità kontraenti, dawk il-kriterji u r-regoli għandhom jinkludu r-raġunijiet ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57(1) u (2) tad-Direttiva [2014/24] skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu.

Jekk l-Istati Membri jesiġu dan, dawk il-kriterji u r-regoli għandhom, barra minn hekk, jinkludu r-raġunijiet ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva [2014/24] skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu. […]”

 Iddritt Portugiż

14      L-Artikolu 55(1)(c) tal-Código dos Contratos Públicos (il-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iċ-“CCP”), huwa fformulat kif ġej:

“Impedimenti

1.      L-entitajiet sussegwenti ma jistgħux ikunu kandidati, offerenti jew jiffurmaw parti minn grupp:

[…]

c)      persuni fiżiċi li ġiet imposta fuqhom sanzjoni għal kondotta professjonali serjament skorretta u li, sadanittant, ma ġewx irriabilitati, u persuni ġuridiċi li l-korpi amministrattivi, ta’ tmexxija jew maniġerjali tagħhom kienu suġġetti għal tali sanzjoni amministrattiva u jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom.

[…]”

15      L-Artikolu 55(1)(f) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi, b’mod partikolari, li l-entitajiet li kienu s-suġġett ta’ sanzjoni anċillari deċiża mill-awtorità tal-kompetizzjoni Portugiża u li tipprojbixxi l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma jistgħux ikunu kandidati, offerenti jew membri ta’ ebda grupp.

16      L-Artikolu 55 A tal-imsemmi kodiċi jirrigwarda t-tneħħija tal-impedimenti, elenkati fl-Artikolu 55(1) tiegħu, mill-awtorità kontraenti, u jippreċiża li dan ma għandux japplika għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 55(1)(f) tal-istess kodiċi.

17      L-Artikolu 70 taċ-CCP jipprovdi:

“Analiżi tal-offerti

[…]

2.      Offerti għandhom jiġu esklużi meta l-analiżi tagħhom tiżvela:

[…]

g)      L-eżistenza ta’ indizji importanti ta’ atti, ftehimiet, prattiki jew informazzjoni li jistgħu joħolqu distorsjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni.

[…]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

18      Toscca ppreżentat quddiem it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Viseu (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Viseu, il-Portugall) rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ Infraestruturas de Portugall, tal‑25 ta’ Lulju 2019, li tikkonsisti fl-għoti lil Futrifer ta’ kuntratt għax-xiri ta’riffieda u ta’ binarji tal-arżnu bil-krijożoti intiżi għas-settur tal-infrastrutturi ferrovjarji, għal prezz bażiku ta’ EUR 2 979 200. Fil-kuntest ta’ dak ir-rikors, Toscca talbet ukoll li dan il-kuntratt jingħata lilha.

19      Wara ċ-ċaħda ta’ dak ir-rikors permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Frar 2020, Toscca appellat quddiem it-Tribunal Central Administrativo Norte (il-Qorti Amministrattiva Ċentrali tat-Tramuntana, il-Portugall). Din tal-aħħar, permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Mejju 2020, annullat dik is-sentenza, laqgħet ir-rikors ta’ Toscca u kkundannat lil Infraestruturas de Portugal tagħti l-kuntratt lil din il-kumpannija.

20      Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ April 2021, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall) annullat is-sentenza msemmija fil-punt preċedenti minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni u bagħtet lura l-kawża lit-Tribunal Central Administrativo Norte (il-Qorti Amministrattiva Ċentrali tat-Tramuntana). Fit‑2 ta’ Ġunju 2021, din tal-aħħar tat sentenza ġdida li wasslet għall-istess riżultat bħal dak tas-sentenza tad‑29 ta’ Mejju 2020. Infraestruturas de Portugal u Futrifer appellaw, kull waħda minnhom, minn dik is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2021 quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema), li hija l-qorti tar-rinviju.

21      Din tal-aħħar tirrileva li, fit‑12 ta’ Ġunju 2019, Futrifer ġiet ikkundannata mill-Autoridade da Concorrência (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, il-Portugall) għall-ħlas ta’ multa għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ta’għoti ta’ kuntratti pubbliċi, organizzati fl‑2014 u fl‑2015 u li jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi ta’ manutenzjoni tal-apparat u tal-linji li jagħmlu parti min-network ferrovjarju nazzjonali, infrastruttura li l-amministrazzjoni tagħha kienet żgurata minn impriża pubblika li sadanittant kienet ingħaqdet ma’ Infraestruturas tal-Portugall.

22      Il-qorti tar-rinviju tindika, f’dan ir-rigward, li l-esklużjoni ta’ offerent fid-dawl ta’ nuqqas ta’ affidabbiltà minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, imwettaq barra minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, tkun ammessa biss skont l-Artikolu 55(1)(f) taċ-CCP, jiġifieri bl-effett ta’ kundanna espressa mogħtija mill-awtorità tal-kompetizzjoni, li timponi fuq dan l-offerent sanzjoni anċillari ta’ projbizzjoni ta’ parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi matul ċertu perijodu. Skont dik il-qorti, din is-soluzzjoni hija madankollu kuntrarja għad-Direttiva 2014/24 u, b’mod partikolari, għall-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tagħha, sa fejn din tippreġudika l-awtonomija tal-awtorità kontraenti sabiex tiddeċiedi dwar l-affidabbiltà ta’ kull offerent.

23      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, jekk id-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt lil offerent li ġie kkundannat għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku preċedenti, organizzata mill-istess awtorità kontraenti, tistax titqies bħala li tkun suffiċjentement motivata, fid-dawl, b’mod partikolari, tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, previst fl-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta, meta din l-awtorità kontraenti ma tkunx ifformulat evalwazzjoni awtonoma u motivata dwar l-affidabbiltà ta’ dan l-offerent.

24      Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-awtorità kontraenti ma hijiex meħtieġa, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, twettaq evalwazzjoni awtonoma dwar l-affidabbiltà ta’ offerent ikkundannat għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda kemm l-eżami tal-gravità tal-ksur imwettaq u tal-effett tiegħu fuq il-proċedura inkwistjoni kif ukoll l-eżami tan-natura xierqa tal-miżuri adottati mill-offerent inkwistjoni sabiex jirrimedja, fil-kuntest ta’ din l-aħħar proċedura, għall-konsegwenzi ta’ dan il-ksur (miżuri ta’ self-cleaning). F’dan l-aħħar rigward, hija tindika li, skont id-dritt nazzjonali, l-evalwazzjoni ta’ tali miżuri korrettivi għandha ssir esklużivament mill-awtorità tal-kompetizzjoni.

25      Issa, dik il-qorti tqis li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari tas-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2019, Meca (C‑41/18, EU:C:2019:507), ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, imwettaq minn offerent barra mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, għandu jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni debitament motivata mill-awtorità kontraenti fil-kuntest tal-eżami tal-affidabbiltà ta’ tali offerent.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1)      Ir-raġuni għal esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva [2014/24] tikkostitwixxi ‘riżerva ta’ deċiżjoni’ tal-awtorità kontraenti?

2)      Il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jissostitwixxi kompletament id-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-awtorità kontraenti skont l-Artikolu 57(4)(d) tad-Diretiva [2014/24] b’deċiżjoni (jiġifieri, bl-effetti ta’ deċiżjoni) ġenerika tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni li tapplika sanzjoni anċillari ta’ projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi matul perijodu speċifiku, adottata fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ multa minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni?

3)      Id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti dwar l-‘affidabbiltà’ tal-operatur ekonomiku fid-dawl tal-osservanza (jew in-nuqqas ta’ osservanza) tar-regoli tad-dritt dwar il-kompetizzjoni barra mill-proċedura konkreta ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għandha tinftiehem li teħtieġ evalwazzjoni bbażata fuq in-natura xierqa relattiva ta’ dan l-operatur ekonomiku, li tagħmel parti minn espressjoni konkreta tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, previst fl-Artikolu 41(2)(c) tal-[Karta]?

4)      Tista’ titqies li hija konformi mad-dritt Ewropew u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva [2014/24] s-soluzzjoni adottata mid-dritt Portugiż fl-Artikolu 55(1)(f) tal-CCP li tissuġġetta l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, ibbażata fuq ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li ma għandux x’jaqsam mal-proċedura konkreta ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni, għal dak li jiġi deċiż mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni meta tapplika s-sanzjoni anċillari ta’ projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, proċedura li fil-kuntest tagħha hija l-Awtorità għall-Kompetizzjoni li tevalwa r-rilevanza tal-miżuri ta’ self-cleaning adottati?

5)      Barra minn hekk, tista’ wkoll titqies bħala konformi mad-dritt Ewropew u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva [2014/24] s-soluzzjoni adottata mid-dritt Portugiż fl-Artikolu 70(2)(g) tal-CCP li jillimita l-possibbiltà ta’ esklużjoni ta’ offerta minħabba l-eżistenza ta’ indizji serji ta’ atti, ftehim, prattiki jew informazzjoni li tista’ toħloq distorsjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-proċedura konkreta ta’ għoti ta’ kuntratt li fiha jinstabu dawn il-prattiki?”

 Fuq ittalba għal proċedura mħaffa

27      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li l-proċedura fil-kawża prinċipali kienet ta’ natura urġenti. Hija semmiet, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 36(1)(c) tal-Código de Processo nos Tribunais Administrativos (il-Kodiċi tal-Proċedura tal-Qrati Amministrattivi) kif ukoll l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Volum 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17).

28      L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq it-talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża tkun teżiġi li din tiġi ttrattata f’qasir żmien.

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż għal sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja, li l-eżistenza tagħha għandha tiġi stabbilita fid-dawl ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali speċifiċi għall-kawża li fir-rigward tagħha tkun tressqet talba għal proċedura mħaffa (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Frar 2021, Sea Watch, C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2021:149, punt 22).

30      F’dan il-każ, fit‑23 ta’ Marzu 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li jiċħad it-talba tal-qorti nazzjonali msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza.

31      Fil-fatt, dik il-qorti sempliċement affermat li l-proċedura fil-kawża prinċipali kienet ta’ natura urġenti u semmiet dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma indikat sa fejn kienet teżisti, f’din il-kawża, urġenza straordinarja, li madankollu hija neċessarja sabiex jiġi ġġustifikat trattament b’mod imħaffef.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lammissibbiltà

32      Futrifer tqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula ma hijiex neċessarja sabiex tiġi riżolta t-tilwima fil-kawża prinċipali. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li r-Repubblika Portugiża għażlet leġittimament li ma tittrasponix fid-dritt nazzjonali l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, b’tali mod li dawn id-domandi huma ipotetiċi.

33      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, fejn id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala prinċipju, tagħti deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, EU:C:1981:302, punt 15, u tat‑28 ta’ April 2022, Caruter, C‑642/20, EU:C:2022:308, punt 28).

34      Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 61, u tat‑28 ta’ April 2022, Caruter, C‑642/20, EU:C:2022:308, punt 29).

35      F’dan il-każ, id-domandi jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tar-raġuni fakultattiva għal esklużjoni prevista fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, li tirrigwarda l-każ li fih l-awtorità kontraenti jkollha elementi suffiċjentement plawsibbli sabiex tikkonkludi li l-operatur ekonomiku kkonkluda ftehimiet ma’ operaturi ekonomiċi oħra bil-għan li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

36      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku lil offerent li ġie kkundannat mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għall-ħlas ta’ multa minħabba ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi preċedenti. Permezz tal-ewwel sat-tielet u tal-ħames domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-portata tas-setgħa ta’ evalwazzjoni li l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 jagħti lill-awtorità kontraenti peress li, skont il-leġiżlazzjoni Portugiża, din l-awtorità kontraenti hija marbuta bl-evalwazzjoni mwettqa mill-awtorità tal-kompetizzjoni dwar l-affidabbiltà tal-offerent li wettaq tali ksur fil-kuntest ta’ proċedura preċedenti ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, kemm jekk din l-evalwazzjoni tkun wasslet jew le għal sanzjoni anċillari ta’ projbizzjoni temporanja ta’ parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

37      Konsegwentement, ma jistax jitqies li dawn id-domandi ma għandhom ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li dawn huma ipotetiċi. Fir-rigward tal-fatt, allegat minn Futrifer, li r-Repubblika Portugiża għażlet leġittimament li ma tittrasponix fid-dritt nazzjonali l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, dan jirrigwarda aspetti sostantivi u bl-ebda mod ma jaffettwa l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula. Minn dan isegwi li l-ewwel sat-tielet u l-ħames domanda huma ammissibbli.

38      Fit-tieni lok, fil-kuntest tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-awtorità tal-kompetizzjoni biss hija kompetenti sabiex tevalwa r-rilevanza tal-miżuri korrettivi adottati mill-operatur ekonomiku li, minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, huwa suġġett għal sanzjoni imposta minn din l-awtorità, li tipprojbixxih milli jipparteċipa fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi matul ċertu perijodu.

39      Issa, mill-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li Futrifer, fi kwalunkwe mument, invokat l-adozzjoni ta’ miżuri korrettivi kif imsemmija fl-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24.

40      Minn dan isegwi li din ir-raba’ domanda hija ta’ natura ipotetika u għandha, għaldaqstant, tiġi ddikjarata bħala inammissibbli.

 Fuq ilmertu

 Osservazzjonijiet preliminari

41      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tkun tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li hija tkun adita biha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx irreferiet għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, K.B. u F.S. (Konstatazzjoni ex officio fil-qasam kriminali),C‑660/21, EU:C:2023:498, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-każ, fit-talba għal deċiżjoni preliminari huwa indikat li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa intiż għax-xiri, minn impriża pubblika, jiġifieri Infraestruturas de Portugal, ta’ riffieda u ta’ binarji tal-arżnu bil-krijożoti intiżi għas-settur tal-infrastrutturi ferrovjarji, għal prezz bażiku ta’ EUR 2 979 200.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 1(2) u mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/25, l-għoti ta’ kuntratt, fis-sens ta’ din id-direttiva, huwa l-akkwist, b’mod partikolari, ta’ provvisti minn entità kontraenti mingħand operaturi ekonomiċi magħżula mill-imsemmija entità, permezz ta’ kuntratt ta’ provvisti, għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet intiżi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni jew għall-operat ta’ networks intiżi li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport, b’mod partikolari bil-ferrovija. L-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmija direttiva jippreċiża li, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, l-entitajiet kontraenti huma entitajiet li jkunu awtoritajiet kontraenti jew impriżi pubbliċi u li jeżerċitaw waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 8 sa 14 tal-istess direttiva.

44      Barra minn hekk, mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/23 jirriżulta li din tapplika għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn entitajiet kontraenti f’dak li jirrigwarda l-kuntratti, kif ukoll il-kompetizzjonijiet, li l-valur stmat tagħhom jilħaq jew jaqbeż il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

46      F’tali ipoteżi, l-Artikolu 80(1) ta’ din id-direttiva jkun applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

47      Fit-tieni lok, peress li d-domandi preliminari jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-punt dwar jekk il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 jipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu, preliminarjament, jiġi ddeterminat jekk l-Istati Membri għandhomx l-obbligu li jittrasponu fid-dritt nazzjonali tagħhom kemm dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4), fil-każ fejn it-tilwima fil-kawża prinċipali tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, kif ukoll it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/25, fl-ipoteżi li din it-tilwima tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar direttiva.

48      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, din id-dispożizzjoni tipprevedi li “[l]-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist kwalunkwe operatur ekonomiku” fil-każijiet imsemmija fil-punti (a) sa (i) ta’ din id-dispożizzjoni.

49      F’dan ir-rigward, minn ċerti sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li interpretaw l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta, ċertament, li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jittrasponu jew le r-raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont l-Artikolu 57(4) u (7) tad-Direttiva 2014/24, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li ma japplikawx ir-raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni indikati f’din id-direttiva jew li jintegrawhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali bi grad ta’ rigorożità li jista’ jvarja skont il-każijiet, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet legali, ekonomiċi jew soċjali prevalenti fuq il-livell nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2019, Meca, C‑41/18, EU:C:2019:507, punt 33; tat‑30 ta’ Jannar 2020, Tim, C‑395/18, EU:C:2020:58, punti 34 u 40; kif ukoll tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Rad Service et, C‑210/20, EU:C:2021:445, punt 28).

50      Madankollu, analiżi tal-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, tal-kuntest li taħtu taqa’ din id-dispożizzjoni u tal-għan li din issegwi fil-kuntest ta’ din id-direttiva turi li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta minn dawn is-sentenzi, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jittrasponu l-imsemmija dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali tagħhom.

51      Fir-rigward, qabelxejn, tal-formulazzjoni ta’ dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4), minnha jirriżulta li l-għażla li jiġi deċiż li jiġi eskluż jew le operatur ekonomiku minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal waħda mir-raġunijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni taqa’ fuq l-awtorità kontraenti, sakemm l-Istati Membri ma jiddeċidux li jittrasformaw din il-possibbiltà ta’ esklużjoni f’obbligu. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jittrasponu l-imsemmija dispożizzjoni jew billi jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti japplikaw ir-raġunijiet għal esklużjoni elenkati minn din tal-aħħar, jew billi jeħtieġu li dawn japplikawhom. Għall-kuntrarju, u kuntrarjament għal dak li sostnew Futrifer u l-Gvern Portugiż, Stat Membru ma jistax jastjeni milli jintegra dawn ir-raġunijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu li tittrasponi d-Direttiva 2014/24 u b’hekk iċaħħad lill-awtoritajiet kontraenti mill-possibbiltà, li għandha, tal-inqas, tiġi rrikonoxxuta lilhom skont l-istess dispożizzjoni, li japplikaw dawn ir-raġunijiet.

52      Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-kuntest li taħtu jaqa’ l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 101 ta’ din id-direttiva tindika li l-“awtoritajiet kontraenti għandha tingħatalhom il-possibbiltà li jeskludu operaturi ekonomiċi li wrew li mhumiex affidabbli”. Din il-premessa tikkonferma għalhekk li Stat Membru għandu jittrasponi din id-dispożizzjoni sabiex ma jċaħħadx lill-awtoritajiet kontraenti mill-possibbiltà msemmija fil-punt preċedenti u fl-imsemmija premessa.

53      Din l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 hija kkonfermata wkoll a contrario mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li għal dak li jirrigwarda t-traspożizzjoni tagħhom l-Istati Membri huma rikonoxxuti espressament marġni ta’ evalwazzjoni. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-Artikolu 26(5) u tal-Artikolu 32(1) ta’ din id-direttiva, li skonthom “l-Istati Membri jistgħu jipprevedu […]”, jew ukoll tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 56(2) tal-imsemmija direttiva, li juża l-kliem “[l]-Istati Membri jistgħu jeskludu […]”.

54      L-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24 ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-imsemmija interpretazzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tagħti, b’mod ġenerali, lill-Istati Membri l-possibbiltà li jadottaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva kemm jekk dan ikun permezz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva, regolamentari jew amministrattiva. Din il-possibbiltà tirreferi għall-mod li bih huma jimplimentaw dan l-artikolu. L-għażla li b’hekk titħalla lill-Istati Membri ma tistax għalhekk tiġi estiża għat-traspożizzjoni jew le tar-raġunijiet fakultattivi għal-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 57(4) tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24 huwa applikabbli wkoll għar-raġunijiet obbligatorji għal esklużjoni previsti fl-Artikolu 57(1) ta’ din id-direttiva. Issa, ma jistax jiġi raġonevolment sostnut li l-possibbiltà prevista f’dan l-Artikolu 57(7) tista’ tintuża mill-Istati Membri sabiex ma jittrasponux tali raġunijiet għal esklużjoni fid-dritt intern tagħhom.

55      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għan imfittex mid-Direttiva 2014/24 f’dak li jirrigwarda r-raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li dan l-għan huwa rifless fl-enfasi magħmula fuq il-prerogattivi tal-awtoritajiet kontraenti. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-awtorità kontraenti, u lilha biss, fl-istadju tal-għażla tal-offerenti, il-kompitu li tevalwa jekk kandidat jew offerent għandux jiġi eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2019, Meca, C‑41/18, EU:C:2019:507, punt 34, u tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Delta Antrepriză de Construcţii şi Montaj 93, C‑267/18, EU:C:2019:826, punt 25).

56      Il-possibbiltà, jew saħansitra l-obbligu, għall-awtorità kontraenti li tapplika r-raġunijiet għal esklużjoni stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 hija b’mod partikolari intiża li tippermettilha tevalwa l-integrità u l-affidabbiltà ta’ kull wieħed mill-operaturi ekonomiċi li jipparteċipa fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

57      Il-leġiżlatur tal-Unjoni ried għalhekk jiżgura li l-awtoritajiet kontraenti jkollhom, fl-Istati Membri kollha, il-possibbiltà li jeskludu lill-operaturi ekonomiċi li huma jqisu li ma jkunux affidabbli.

58      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 jinkludi obbligu, għall-Istati Membri, li jittrasponu fid-dritt nazzjonali tagħhom ir-raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni elenkati f’din id-dispożizzjoni. Fil-kuntest ta’ dan l-obbligu ta’ traspożizzjoni, dawn l-Istati għandhom jipprevedu jew il-possibbiltà, jew l-obbligu għall-awtoritajiet kontraenti li japplikaw dawn ir-raġunijiet.

59      Għal dak li jirrigwarda, it-tieni nett, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/25, din id-dispożizzjoni tipprevedi li, jekk l-Istati Membri jitolbu dan, ir-regoli u l-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u ta’ għażla, b’mod partikolari, tal-kandidati u tal-offerenti fi proċeduri miftuħa, ristretti jew innegozjati għandhom jinkludu l-kriterji ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fih.

60      Mill-formulazzjoni ta’ dan it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 80(1) jirriżulta li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu jekk ir-raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni previsti fl-imsemmi Artikolu 57(4) għandhomx jiġu applikati, mill-entitajiet kontraenti, bħala kriterji ta’ esklużjoni tal-offerenti. Fl-assenza ta’ deċiżjoni f’dan is-sens, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/25 jirriżulta madankollu li l-Istati Membri għandhom, fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, tal-inqas jipprevedu l-possibbiltà għall-entitajiet kontraenti li jinkludu, fost ir-regoli u l-kriterji ta’ esklużjoni applikabbli fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, ir-raġunijiet għal esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24.

61      Għaldaqstant, fir-rigward tar-raġunijiet għal esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, l-Istati Membri għandhom, skont l-obbligu tagħhom li jittrasponu l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/25, jipprevedu l-possibbiltà li l-entitajiet kontraenti jinkludu dawn ir-raġunijiet għal esklużjoni fost il-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni fil-proċeduri li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar direttiva, bla ħsara għad-deċiżjoni eventwali ta’ dawn l-Istati, meħuda abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 80(1) tal-imsemmija direttiva, li tikkonsisti fl-impożizzjoni fuq dawn l-entitajiet li jinkludu l-imsemmija raġunijiet fost dawn il-kriterji.

62      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-argument ta’ Futrifer li l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 ma jistax jiġi invokat minn offerent eskluż, bħal, f’dan il-każ, Toscca, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, ħlief bi ksur, b’mod partikolari, tar-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv, hekk kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, id-deċiżjoni li permezz tagħha awtorità kontraenti tirrifjuta, anki jekk impliċitament, li teskludi operatur ekonomiku minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal waħda mir-raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 għandha neċessarjament tkun tista’ tiġi kkontestata minn kull persuna li għandha jew kellha interess li tikseb kuntratt partikolari u li kienet jew tinsab f’riskju li tiġi ppreġudikata minn ksur ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 143).

63      Għall-istess raġunijiet, għandha ssir evalwazzjoni identika fil-każ ta’ rifjut ta’ esklużjoni ta’ operatur ekonomiku minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal waħda mir-raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/25.

64      Għaldaqstant, ir-risposta għad-domandi preliminari għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet preliminari preċedenti.

 Fuq ilħames domanda

65      Permezz tal-ħames domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-possibbiltà li offerta ta’ offerent tiġi eskluża minħabba l-eżistenza ta’ indizji serji ta’ aġir ta’ dan tal-aħħar li jista’ joħloq distorsjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku li fil-kuntest tagħha jkun seħħ dan it-tip ta’ aġir.

66      Għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li dawn jagħmlu parti minnha (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Colt Technology Services et, C‑339/21, EU:C:2023:214, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

67      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, billi tipprevedi l-ipoteżi li fiha l-awtorità kontraenti “[j]kollha indikazzjonijiet plawsibbli biżżejjed biex tikkonkludi li l-operatur ekonomiku ikun daħal f’akkordji ma’ operaturi ekonomiċi oħrajn li għandhom l-għan li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni”, il-formulazzjoni tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 ma tillimitax l-applikazzjoni ta’ din ir-raġuni għal esklużjoni għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku li fil-kuntest tagħha jkun seħħ dan it-tip ta’ aġir.

68      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-kuntest li taħtu taqa’ din id-dispożizzjoni, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(5) ta’ din id-direttiva li jippermetti lill-awtoritajiet kontraenti, fi kwalunkwe mument tal-proċedura, jeskludu jew li jkunu obbligati mill-Istati Membri jeskludu lil operatur ekonomiku meta jkun jirriżulta li dan ikun jinsab, fid-dawl tal-atti li huwa jkun wettaq jew li huwa jkun naqas milli jwettaq, f’wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikolu 57(4) ta’ din id-direttiva.

69      It-tielet nett, l-imsemmija interpretazzjoni tippermetti lill-awtorità kontraenti, konformement mal-għan imfittex mid-Direttiva 2014/24 f’dak li jirrigwarda r-raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) ta’ din id-direttiva, hekk kif imfakkar fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, tiżgura ruħha mill-integrità u mill-affidabbiltà ta’ kull wieħed mill-operaturi ekonomiċi li jipparteċipa fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, J. Sch. Omnibusunternehmen u K. Reisen, C‑416/21, EU:C:2022:689, punt 42), liema integrità u affidabbiltà jistgħu jiġu ddubitati mhux biss fil-każ ta’ parteċipazzjoni ta’ tali operatur f’aġir antikompetittiv fil-kuntest ta’ din il-proċedura iżda wkoll fil-każ tal-parteċipazzjoni ta’ dan l-operatur f’tali aġir preċedenti.

70      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 70(2)(g) taċ-CCP jillimita l-possibbiltà għall-awtorità kontraenti li teskludi offerta minħabba l-eżistenza ta’ indizji serji ta’ atti, ta’ ftehimiet, ta’ prattiki jew ta’ informazzjoni li jistgħu joħolqu distorsjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni biss għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku li fil-kuntest tagħha jkunu seħħew dawn il-prattiki antikompetittivi, b’tali mod li tali esklużjoni ma tistax tiġi deċiża mill-awtorità kontraenti jekk il-prattiki antikompetittivi inkwistjoni jkunu seħħew qabel din il-proċedura.

71      F’dan ir-rigward, mill-punti 51, 58, 60 u 61 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt id-Direttiva 2014/24 jew taħt id-Direttiva 2014/25, l-Istati Membri għandhom, tal-inqas, jipprevedu l-possibbiltà għall-awtoritajiet kontraenti li jinkludu r-raġunijiet għal esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 fost il-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, bla ħsara għad-deċiżjoni eventwali ta’ dawn l-Istati li jittrasformaw din il-possibbiltà f’obbligu. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jirrestrinġu l-portata ta’ dawn ir-raġunijiet għal esklużjoni.

72      Mill-motivi preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-possibbiltà li offerta ta’ offerent tiġi eskluża minħabba l-eżistenza ta’ indizji serji ta’ aġir ta’ dan tal-aħħar li jista’ joħloq distorsjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku li fil-kuntest tagħha jkun seħħ dan it-tip ta’ aġir.

 Fuq lewwel u ttieni domanda

73      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandha tingħata risposta konġunta għalihom, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti biss lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni s-setgħa li tiddeċiedi dwar l-esklużjoni ta’ operaturi ekonomiċi mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

74      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, konformement mal-Artikolu 56(1)(b) tad-Direttiva 2014/24, l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tivverifika, matul il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, jekk l-offerta toriġinax minn offerent li ma huwiex eskluż taħt l-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva, fejn dan l-obbligu jestendi għall-operaturi ekonomiċi kollha li jkunu ppreżentaw offerta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Tim, C‑395/18, EU:C:2020:58, punt 46).

75      Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-awtorità kontraenti, u lilha biss, il-kompitu li tevalwa jekk kandidat jew offerent għandux jiġi eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku billi tivverifika l-integrità u l-affidabbiltà ta’ kull wieħed mill-operaturi ekonomiċi li jipparteċipa f’tali proċedura.

76      B’mod partikolari, ir-raġuni fakultattiva għal esklużjoni msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 101 ta’ din id-direttiva, hija bbażata fuq element essenzjali tar-relazzjoni bejn l-offerent rebbieħ tal-kuntratt inkwistjoni u l-awtorità kontraenti, jiġifieri l-affidabbiltà ta’ dak tal-ewwel, li fuqha hija bbażata l-fiduċja li tagħtih l-awtorità kontraenti (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, J. Sch. Omnibusunternehmen u K. Reisen, C‑416/21, EU:C:2022:689, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

77      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-awtoritajiet kontraenti japplikaw raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni, huma għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jobbligahom iwettqu evalwazzjoni konkreta u individwalizzata tal-attitudni tal-entità kkonċernata, abbażi tal-elementi rilevanti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Rad Service et, C‑210/20, EU:C:2021:445, punt 40, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punti 156 u 157).

78      Minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha teżisti proċedura speċifika rregolata mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali sabiex tittieħed azzjoni kontra ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u li fiha l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni hija inkarigata twettaq investigazzjonijiet f’dan ir-rigward, l-awtorità kontraenti għandha, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-provi prodotti, tibbaża ruħha, bħala prinċipju, fuq l-eżitu ta’ tali proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Vossloh Laeis, C‑124/17, EU:C:2018:855, punt 25).

79      Id-deċiżjoni ta’ tali awtorità li tkun ikkonstatat tali ksur u li tkun imponiet fuq offerent, għal dan il-motiv, sanzjoni pekunjarja, jista’ jkollha, f’dan il-kuntest, importanza partikolari, iktar u iktar jekk din is-sanzjoni kellha magħha projbizzjoni temporanja mill-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Għalkemm tali deċiżjoni tista’ twassal lill-awtorità kontraenti teskludi lil dan l-operatur ekonomiku mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, għall-kuntrarju, l-assenza ta’ tali deċiżjoni, la tista’ tipprekludi u lanqas teżenta lill-awtorità kontraenti milli twettaq tali evalwazzjoni.

80      Din l-evalwazzjoni għandha titwettaq id-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha sabiex jiġi vverifikat jekk l-applikazzjoni tar-raġuni għal esklużjoni msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 hijiex iġġustifikata.

81      Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Artikolu 55(1)(f) taċ-CCP jafda esklużivament lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni bl-evalwazzjoni tal-konsegwenzi li ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jista’ jkollu fil-kuntest tal-proċeduri futuri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Għalhekk, din il-leġiżlazzjoni tidher, minn naħa, li tobbliga lill-awtoritajiet kontraenti jikkonformaw ruħhom ma’ deċiżjoni ta’ din l-awtorità li timponi fuq operatur ekonomiku sanzjoni li tipprojbixxih milli jipparteċipa f’tali proċeduri matul ċertu perijodu u, min-naħa l-oħra, li tipprekludi lil dawn l-awtoritajiet kontraenti milli jeskludu minn dawn l-istess proċeduri lil operatur ekonomiku li ma kienx suġġett għal tali sanzjoni. Minn dan isegwi li offerent jista’ jiġi eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, wara deċiżjoni tal-imsemmija awtorità, mingħajr ma l-awtorità kontraenti tkun tista’ tevalwa l-aġir ta’ dan l-offerent u, konsegwentement, l-integrità u l-affidabbiltà ta’ dan tal-aħħar sabiex jeżegwixxi l-kuntratt inkwistjoni, u lanqas tiddeċiedi b’mod awtonomu, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jekk l-esklużjoni tal-imsemmi offerent hijiex iġġustifikata għar-raġuni msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24.

82      Tali leġiżlazzjoni, li torbot l-evalwazzjoni tal-integrità u tal-affidabbiltà tal-offerenti mal-konklużjonijiet ta’ deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni dwar, b’mod partikolari, il-parteċipazzjoni futura fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, tippreġudika s-setgħa ta’ evalwazzjoni li għandha tgawdi l-awtorità kontraenti fil-kuntest tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24.

83      Il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt preċedenti huma validi wkoll fil-każ fejn il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun taqa’ taħt id-Direttiva 2014/25, peress li, hekk kif tfakkar fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom, abbażi tal-obbligu tagħhom li jittrasponu l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 80(1) ta’ din id-direttiva, jipprevedu l-possibbiltà għall-entitajiet kontraenti li jinkludu r-raġunijiet għal esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 fost il-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni fil-proċeduri li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25, bla ħsara għad-deċiżjoni eventwali ta’ dawn l-Istati li jittrasformaw din il-possibbiltà f’obbligu. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jirrestrinġu s-setgħa ta’ evalwazzjoni li għandha tgawdi l-awtorità kontraenti f’dan il-kuntest.

84      Mill-motivi preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti biss lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni s-setgħa li tiddeċiedi dwar l-esklużjoni ta’ operaturi ekonomiċi mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

 Fuq ittielet domanda

85      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti dwar l-affidabbiltà ta’ operatur ekonomiku, adottata b’applikazzjoni tar-raġuni għal esklużjoni prevista minn din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2014/24, għandha tkun motivata.

86      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta jirrigwarda esklużivament l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li huwa impost fuq l-“istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni”. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma hijiex rilevanti fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

87      Madankollu, għandu jitfakkar li l-awtorità kontraenti għandha tikkonforma ruħha mal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni relatat mal-amministrazzjoni tajba, li jinkludi rekwiżiti li l-Istati Membri għandhom josservaw huma meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Fost dawn ir-rekwiżiti, l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet nazzjonali għandu importanza partikolari, sa fejn dan jippermetti lid-destinatarji ta’ dawn id-deċiżjonijiet jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-kawża jekk hemmx lok li jippreżentaw rikors ġudizzjarju kontrihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, EU:C:1987:442, punt 15, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 120).

88      Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-awtorità kontraenti hija suġġetta għal dan l-obbligu ta’ motivazzjoni. L-imsemmi obbligu jirrigwarda b’mod partikolari d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-awtorità kontraenti teskludi lil offerent b’applikazzjoni, b’mod partikolari, ta’ raġuni fakultattiva għal esklużjoni, bħal dik prevista fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24.

89      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 55(2)(b) tad-Direttiva 2014/24, fuq talba tal-offerent ikkonċernat, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jikkomunikaw, fl-iqsar żmien possibbli u mhux iktar tard minn ħmistax‑il jum minn meta jirċievu talba bil-miktub, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tiegħu.

90      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-awtorità kontraenti għandha wkoll timmotiva d-deċiżjoni tagħha meta hija tikkonstata li offerent ikun jinsab f’wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 57(4) ta’ din id-direttiva, iżda hija xorta waħda tiddeċiedi li ma teskludihx, pereżempju, minħabba li l-esklużjoni tkun tikkostitwixxi miżura sproporzjonata. Fil-fatt, deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ esklużjoni, filwaqt li raġuni fakultattiva għal esklużjoni tkun tidher applikabbli, taffettwa s-sitwazzjoni ġuridika tal-operaturi ekonomiċi l-oħra kollha li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, li għandhom għalhekk ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, jekk ikun il-każ, jiddeċiedu, abbażi tal-motivi li jidhru f’din id-deċiżjoni, li jippreżentaw rikors kontriha. F’dan ir-rigward, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ esklużjoni tista’ tiġi integrata fid-deċiżjoni finali tal-għoti tal-kuntratt lill-offerent magħżul.

91      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti dwar l-affidabbiltà ta’ operatur ekonomiku, adottata b’applikazzjoni tar-raġuni għal esklużjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, għandha tkun motivata.

 Fuq lispejjeż

92      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-possibbiltà li offerta ta’ offerent tiġi eskluża minħabba l-eżistenza ta’ indizji serji ta’ aġir ta’ dan tal-aħħar li jista’ joħloq distorsjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku li fil-kuntest tagħha jkun seħħ dan it-tip ta’ aġir.

2)      Il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti biss lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni s-setgħa li tiddeċiedi dwar l-esklużjoni ta’ operaturi ekonomiċi mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

3)      Il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti dwar l-affidabbiltà ta’ operatur ekonomiku, adottata b’applikazzjoni tar-raġuni għal esklużjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, għandha tkun motivata.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.