Language of document : ECLI:EU:C:2023:1027

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

21 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Appell – Rikors għad-danni – Operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni ta’ impriżi – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiddikjara l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE – Annullament tad-deċiżjoni minħabba difett proċedurali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea – Rabta kawżali”

Fil-Kawża C‑297/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑3 ta’ Mejju 2022,

United Parcel Service Inc., stabbilita f’Atlanta, Georgia (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn F. Hoseinian, advokat, W. Knibbeler, A. Pliego Selie, F. Roscam Abbing u T. van Helfteren, advocaten, u A. Ryan, solicitor,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Berghe, M. Farley u N. Khan, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ħames Awla, Z. Csehi (Relatur), M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, United Parcel Service Inc. (iktar ’il quddiem “UPS”), titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑23 ta’ Frar 2022, United Parcel Service vs Il‑Kummissjoni (T‑834/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:84), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiż għall-kumpens tad-dannu li hija allegatament ġarrbet minħabba l-illegalità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 431 final, tat‑30 ta’ Jannar 2013, li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/M.6570 – UPS/TNT Express) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Ilkuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), intitolat “Sospensjoni ta’ konċentrazzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja kif definit f’Artikolu 1, jew konċentrazzjoni li għandha tkun eżaminata mill-Kummissjoni [Ewropea] skond l-Artikolu 4(5), ma għandhiex tkun implimentata qabel tkun notifikata jew qabel ma tkun dikjarata kompatibbli mas-suq komuni permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikoli 6(1)(b), 8(1) jew 8(2), jew a bażi ta’ preżunzjoni skond l-Artikolu 10(6).”

3        L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Perjodi perentorji għall-bidu ta’ proċeduri u għal deċiżjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 5 tiegħu:

“Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni li fiha tannula deċiżjoni tal-Kummissjoni jew parti minnha liema deċiżjoni hija suġġetta għall-perjodu perentorju stabbilit f’dan l-Artikolu, l-konċentrazzjoni għandha tkun eżaminata mill-ġdid mill-Kummissjoni bil-għan li tadotta deċiżjoni skond l-Artikolu 6(1).

Il-konċentrazzjoni għandha tkun eżaminata mill-ġdid fid-dawl tal-kundizzjonijiet kurrenti tas-suq.

Il-partijiet li jagħmlu n-notifika għandhom jissottomettu notifika ġdida jew jissupplimentaw lin-notifika oriġinali, mingħajr dewmien, meta n-notifika oriġinali ma tibqax kompleta minħabba bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq jew fl-informazzjoni provvduta. Meta ma jkunx hemm dawn it-tipi ta’ bidliet, il-partijiet għandhom jiċċertifikaw dan mingħajr dewmien.

Il-perjodi stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom jibdew jgħoddu mill-ewwel jum utli wara dak li fih tkun riċevuta l-informazzjoni kompluta f’notifika ġdida, notifika supplimentata, jew ċertifikazzjoni fis-sens tat-tielet subparagrafu.

It-tieni u t-tielet subparagrafu għandhom japplikaw ukoll fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 8(7).”

 Ilfatti li wasslu għattilwima

4        Il-fatti li wasslu għat-tilwima, kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 13 tas-sentenza appellata, huma li ġejjin:

“1      Fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), [l-appellanti, UPS], u TNT Express NV (iktar ’il quddiem ‘TNT’) huma żewġ kumpanniji preżenti fis-swieq tas-servizzi internazzjonali ta’ distribuzzjoni espressa ta’ pakketti żgħar.

2      Fis‑26 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat avviż ta’ notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6570 – UPS/TNT Express) (ĠU 2012, C 186, p. 9) […]

3      Fil‑11 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni informat lil UPS li hija kellha l-intenzjoni li tipprojbixxi l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ppjanata bejnha u TNT.

4      Fl‑14 ta’ Jannar 2013, UPS ippubblikat din l-informazzjoni permezz ta’ stqarrija għall-istampa.

5.      […]

6      Fit‑30 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni adottat id-[deċiżjoni kontenzjuża]. Il-Kummissjoni qieset li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni bejn UPS u TNT kienet [ser] tikkostitwixxi ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fis-swieq tas-servizzi inkwistjoni fi ħmistax-il Stat Membru, jiġifieri fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fid-Danimarka, fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fl-Ungerija, f’Malta, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Polonja, fir-Rumanija, fis-Slovenja, fis-Slovakkja, fil-Finlandja u fl-Isvezja.

7      Permezz ta’ stqarrija għall-istampa tal-istess jum, UPS ħabbret li hija kienet ser tirrinunzja għall-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ppjanata.

8      Fil‑5 ta’ April 2013, UPS adixxiet lill-Qorti Ġenerali b’rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, irreġistrat bin-numru T‑194/13, u b’talba għal proċedura mħaffa, li ġiet miċħuda mill-Qorti Ġenerali.

9      Fis‑7 ta’ April 2015, FedEx Corp. ħabbret offerta ta’ xiri ta’ TNT.

10      Fl‑4 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Każ M.7630 – FedEx/TNT Express) (ĠU 2015, C 220, p. 15), fir-rigward tal-operazzjoni li biha FedEx kellha takkwista lil TNT.

11      Fit‑8 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim ŻEE (Każ M.7630 – FedEx/TNT Express), li sommarju tagħha ġie ppublikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 450, p. 12), dwar l-operazzjoni bejn FedEx u TNT.

12      Permezz tas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il‑Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

13      Fis‑16 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni appellat mis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144), li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet permezz tas-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il‑Kummissjoni vs United Parcel Service (C‑265/17 P, EU:C:2019:23).”

 Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

5        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Diċembru 2017, UPS ippreżentat rikors intiż, l-ewwel, għall-kumpens tad-dannu, fl-ammont ta’ EUR 1.742 biljuni, li hija allegatament ġarrbet minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni kontenzjuża u, it-tieni, għall-għoti ta’ kumpens għat-taxxi li ser jinġabru fuq il-kumpens mogħti.

6        Skont ir-rikors, l-allegat dannu ta’ EUR 1.742 biljuni kien kompost kif ġej:

–        EUR 131 miljun, li jikkorrispondu għall-ammont nett tat-telf imġarrab minn UPS minħabba l-kumpens għal terminazzjoni invertit (EUR 200 miljun grossi) imħallas lil TNT skont il-ftehim ta’ fużjoni minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-operazzjoni;

–        iktar minn EUR 1.638 biljuni, li jirriflettu l-valur nett wara t-taxxa tas-sinerġiji tal-ispejjeż mitlufa minħabba l-projbizzjoni tal-operazzjoni;

–        iktar minn EUR 2.4 miljuni, li jikkorrispondu għall-ispejjeż ġudizzjarji sostnuti minn UPS (EUR 3.7 miljuni grossi) għall-intervent fl-operazzjoni FedEx/TNT;

–        inqas minn EUR 29 miljun fi spejjeż ta’ operazzjoni evitati (EUR 44.2 miljuni grossi).

7        Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ UPS.

8        Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-illegalitajiet li jirriżultaw mill-ksur tad-drittijiet proċedurali, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel, iddeċidiet, fil-punti 94 u 123 tas-sentenza appellata, li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ UPS minħabba l-assenza ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-verżjoni finali tal-mudell ekonometriku kien diġà ġie stabbilit b’mod definittiv permezz tas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il‑Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144, punti 221 u 222), li kienet kisbet l-awtorità ta’ res judicata wara ċ-ċaħda tal-appell tal-Kummissjoni permezz tas-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il‑Kummissjoni vs United Parcel Service (C‑265/17 P, EU:C:2019:23). Skont il-Qorti Ġenerali, dan il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ UPS jikkostitwixxi, min-naħa tal-Kummissjoni, ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

9        It-tieni, fil-punt 143 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondat l-argument ta’ UPS li l-Kummissjoni kienet kisret ukoll id-drittijiet proċedurali ta’ UPS fil-kuntest tal-analiżi tagħha taż-żidiet fl-effiċjenza minħabba li ma kkomunikatx il-kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ dawn iż-żidiet.

10      It-tielet, fir-rigward tal-allegat ksur tad-drittijiet proċedurali bbażat fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ ċerti dokumenti kunfidenzjali ta’ FedEx, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 172 u 182 tas-sentenza appellata, li dan ma kienx ġie stabbilit.

11      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegati illegalitajiet li jirriżultaw mill-allegati żbalji dwar l-evalwazzjoni tal-mertu tal-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, il-Qorti Ġenerali rrilevat, l-ewwel, fil-punt 228 tas-sentenza appellata, wara li bbilanċjat l-interessi preżenti, li l-irregolaritajiet allegati minn UPS fir-rigward tal-mudell ekonometriku tal-Kummissjoni ma kinux suffiċjentement serji sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

12      It-tieni, fil-punt 289 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li UPS ma kienx irnexxielha turi l-eżistenza ta’ żbalji fl-evalwazzjoni tan-natura verifikabbli tal-allegati żidiet fl-effiċjenza li jistgħu jistabbilixxu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

13      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-illegalità li tirriżulta mill-assenza ta’ komunikazzjoni tal-mudell ekonometriku u t-tliet danni allegati li għalihom UPS kienet qiegħda titlob kumpens minħabba l-impossibbiltà li tiġi implimentata l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ppjanata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, l-ewwel nett, fil-punt 343 tas-sentenza appellata, li kellha tiġi miċħuda t-talba għall-kumpens tad-dannu li jikkonċerna l-ispejjeż marbuta mal-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura ta’ kontroll tal-operazzjoni bejn FedEx u TNT.

14      Sussegwentement, fil-punt 350 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, peress li l-ħlas minn UPS ta’ kumpens għal terminazzjoni ta’ EUR 200 miljun favur TNT jirriżulta direttament mill-ftehim bejn dawn iż-żewġ impriżi, ma kienx stabbilit li l-ksur tad-drittijiet proċedurali ta’ UPS jew il-ksur l-ieħor allegat minn din tal-aħħar kienu l-kawża determinanti ta’ dan il-ħlas.

15      Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dannu relatat mal-lucrum cessans imġarrab minn UPS minħabba l-impossibbiltà li tiġi implimentata l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ppjanata, il-Qorti Ġenerali qieset, l-ewwel, fil-punt 353 tas-sentenza appellata, li t-talba ta’ UPS kellha tiġi interpretata fis-sens li ma kellhiex bħala suġġett il-kumpens għal telf ta’ opportunità li twettaq l-imsemmija operazzjoni, iżda l-kumpens għat-telf ċert ta’ sinerġiji ta’ spejjeż. Issa, sa fejn kien biss bi tweġiba għal mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali li UPS indikat li t-talba għal kumpens kienet tinkludi, b’ċertu mod, telf ta’ opportunità, il-Qorti Ġenerali qieset li dan il-kap ġdid ta’ dannu kien ġie ppreżentat tardivament u kien, konsegwentement, inammissibbli.

16      It-tieni, fil-punti 355 u 358 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li UPS la kienet uriet u lanqas ma kienet ipprovdiet elementi li kienu jippermettu li jiġi konkluż, biċ-ċertezza meħtieġa, li l-iżbalji ta’ disinn allegati fir-rigward tal-mudell ekonometriku applikat kienu suffiċjenti sabiex jinvalidaw l-analiżi ekonomika kollha tal-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ppjanata u l-konstatazzjoni ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll, fl-imsemmija punti tas-sentenza appellata, li ma setax jiġi konkluż li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża kellu impatt deċiżiv fuq l-eżitu tal-proċedura ta’ kontroll tal-operazzjoni ppjanata.

17      It-tielet, fil-punt 365 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, peress li UPS kienet irrinunzjat għall-pjan tagħha li takkwista lil TNT sa mill‑14 ta’ Jannar 2013, anki jekk jitqies li l-irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża setgħet ikkawżat lucrum cessans lil UPS, il-fatt li din l-impriża kienet irrinunzjat għall-operazzjoni ppjanata hekk kif tħabbret id-deċiżjoni kontenzjuża kellu l-effett li jikser kull rabta kawżali diretta bejn din l-irregolarità u d-dannu allegat.

18      Fil-punt 371 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma kienx ġie stabbilit li l-ksur tad-drittijiet proċedurali ta’ UPS jew il-ksur l-ieħor allegat minn din tal-aħħar kienu l-kawża determinanti tal-allegat lucrum cessans tagħha u li, għaldaqstant, kien hemm lok li t-talba għall-kumpens ta’ dan id-dannu tiġi miċħuda.

 Ittalbiet talpartijiet quddiem ilQorti talĠustizzja

19      UPS titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tagħti lil UPS kumpens flimkien mal-interessi applikabbli għad-dannu mġarrab, kif mitlub fl-ewwel istanza, konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 340 TFUE;

–        sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lil UPS għall-ispejjeż.

 Fuq lappell

21      Insostenn tal-appell tagħha, UPS tqajjem sitt aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet, minn naħa, meta qieset li l-iżbalji serji imputabbli lill-Kummissjoni fir-rigward tal-mudell ekonometriku użat minn din l-istituzzjoni ma kinux ta’ natura li jistabbilixxu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, meta kkonkludiet li ma kienx hemm rabta kawżali mad-dannu allegat. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta qieset li l-kumpens għal terminazzjoni ma setax jiġi rkuprat peress li kien ġie konkluż volontarjament. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta ddeċidiet li r-rabta kawżali bejn il-ksur serju mwettaq mill-Kummissjoni u d-dannu relatat mal-lucrum cessans kienet ġiet miksura minħabba l-azzjonijiet imwettqa minn UPS wara d-deċiżjoni kontenzjuża. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta qieset li l-Kummissjoni kellha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex taċċetta ż-żidiet fl-effiċjenza, b’tali mod li ma kinitx wettqet żball suffiċjentement serju fir-rigward tal-evalwazzjoni taż-żidiet fl-effiċjenza. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta ddeċidiet li UPS ma kinitx issottomettiet lill-uffiċjal tas-seduta t-talbiet meħtieġa fir-rigward tad-dokumenti ta’ FedEx. Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta kkonkludiet li d-dannu li rriżulta mit-telf ta’ opportunità kien jikkostitwixxi kap ġdid ta’ dannu li, għaldaqstant, kien inammissibbli.

 Fuq ittielet aggravju

 Largumenti talpartijiet

22      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, UPS tikkritika lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li wettqet, fil-punti 364 u 365 tas-sentenza appellata, żbalji ta’ liġi meta affermat li l-azzjonijiet meħuda minn UPS wara d-deċiżjoni kontenzjuża kellhom l-effett li jiksru r-rabta kawżali diretta bejn il-ksur serju mwettaq mill-Kummissjoni u d-dannu relatat mal-lucrum cessans imġarrab minn UPS minħabba l-impossibbiltà li timplimenta l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ppjanata. Skont UPS, l-azzjonijiet li hija ħadet kienu l-konsegwenza diretta tad-deċiżjoni kontenzjuża.

23      UPS tippreċiża, fl-ewwel lok, li, meta kkonkludiet li UPS kienet iddeċidiet li “tabbanduna” l-konċentrazzjoni ppjanata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn waslet għal konklużjoni legalment żbaljata, ibbażata fuq interpretazzjoni manifestament distorta tal-provi disponibbli. Fil-fatt, UPS ma rrinunzjatx għall-proġett ta’ akkwist tagħha peress li hija talbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali u talbet li tintuża l-proċedura mħaffa. Barra minn hekk, UPS impenjat ruħha kuntrattwalment li żżomm l-offerta tagħha sakemm il-Kummissjoni ma tipprojbixxihiex. Permezz ta’ stqarrija għall-istampa tal‑14 ta’ Jannar 2013, hija informat lis-swieq tal-kapital li, fil-każ li l-Kummissjoni tadotta effettivament deċiżjoni ta’ projbizzjoni, UPS tkun għalhekk legalment inkapaċi li twettaq l-offerta li kellha tiskadi konformement mal-kundizzjonijiet kuntrattwali tagħha. Sussegwentement, fit‑30 ta’ Jannar 2013, id-data tad-deċiżjoni kontenzjuża, UPS ippubblikat stqarrija għall-istampa li tispjega l-passi kuntrattwali meħtieġa, meħuda minħabba din id-deċiżjoni. Fir-rigward ta’ dawn il-passi kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali ma tistax tikkritika lil UPS talli ħadet l-azzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004, li jipprevedi li l-konċentrazzjonijiet li ġew ipprojbiti ma jistgħux jitwettqu.

24      Fit-tieni lok, UPS issostni li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li r-rabta kawżali bejn l-iżball serju mwettaq mill-Kummissjoni u d-dannu relatat mal-lucrum cessans imġarrab minn UPS minħabba l-impossibbiltà li tiġi implimentata l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ppjanata kienet miksura peress li UPS ma kinitx ippreżentat offerta oħra għall-akkwist ta’ TNT u lanqas ma nediet offerta kompetitriċi b’reazzjoni għal dik ta’ FedEx hija konklużjoni żbaljata u ma tirriflettix ir-realtà ekonomika.

25      Fil-fatt, l-ewwel, UPS ma kellha ebda raġuni sabiex tistenna eżitu differenti sa fejn, minn naħa, il-proċedura għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet għadha pendenti u l-Kummissjoni kienet qiegħda tiddefendi bil-qawwa l-legalità ta’ din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, ebda parti ma tista’ tkun meħtieġa tkompli tinnotifika l-operazzjoni bit-tama li finalment tikseb l-approvazzjoni, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan kienx possibbli b’applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-offerti pubbliċi ta’ akkwist, minn perspettiva kummerċjali jew oħra.

26      It-tieni, minbarra l-fatt li din l-offerta ġdida ma kinitx ser tiġi approvata jew li ma tantx kien probabbli li tiġi approvata mill-awtorità regolatorja finanzjarja Olandiża skont il-leġiżlazzjoni Olandiża fil-qasam tal-offerti pubbliċi ta’ akkwist, li kienet teħtieġ li din l-awtorità tapprova nota dwar l-offerta pubblika ta’ xiri qabel ma parti tkun tista’ twettaq dan l-akkwist, UPS tenfasizza li huwa ineżatt u irrealistiku li jiġi ssuġġerit li hija setgħet tniedi offerta riveduta qabel l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża mill-Qorti Ġenerali.

27      It-tielet, fil-mument li fih il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, TNT kienet ġiet akkwistata minn FedEx u ma kienx għadu possibbli għal UPS li tagħmel offerta għall-akkwist ta’ TNT. F’dawn iċ-ċirkustanzi, UPS kienet ukoll prekluża milli titlob lill-Kummissjoni tkompli bl-evalwazzjoni tagħha ta’ offerta minn UPS fir-rigward ta’ TNT. Skont UPS, il-Qorti Ġenerali aċċettat li l-proċedura tkun suġġetta għal trattament prijoritarju, iżda l-annullament seħħ iktar minn sena wara l-akkwist ta’ TNT minn FedEx.

28      Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet aggravju huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

29      Għandu jitfakkar, preliminarjament, li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżerċita biss, abbażi tal-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ tal-klassifikazzjoni legali tagħhom u tal-konsegwenzi legali misluta minnha (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, NRW Bank vs SRB, C‑662/19 P, EU:C:2021:846, punt 35). Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, ma tikkostitwixxix punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 68).

30      Meta jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll skont l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Il‑Kummissjoni vs Valencia Club de Fútbol, C‑211/20 P, EU:C:2022:862, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Tali żnaturament jeħtieġ li l-Qorti Ġenerali tkun manifestament qabżet il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-provi. F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jintwera li dokument jista’ jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni differenti minn dik mogħtija mill-Qorti Ġenerali (sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 44, kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑623/20 P, EU:C:2023:97, punt 128).

32      F’dan il-każ, permezz ta’ dan l-aggravju, UPS ma tilmentax li l-Qorti Ġenerali wettqet klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-fatti meta ddeċidiet, fil-punt 365 tas-sentenza appellata, li l-fatt li UPS irrinunzjat għall-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ppjanata intiża li takkwista lil TNT sa mit-tħabbir tad-deċiżjoni kontenzjuża, u għalhekk ferm qabel ma FedEx ħabbret l-offerta ta’ xiri tagħha fir-rigward ta’ din tal-aħħar, jikkostitwixxi att li kiser ir-rabta kawżali diretta bejn l-irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni waqt l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni kontenzjuża u d-dannu allegat. UPS, għall-kuntrarju, tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat il-provi meta ddeċidiet, fil-punti 364 u 365 tas-sentenza appellata, li hija kienet irrinunzjat għal din l-operazzjoni.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punti 364 u 365 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, li UPS, permezz tal-ewwel stqarrija għall-istampa tagħha tal‑14 ta’ Jannar 2013, indikat b’mod inekwivoku li hija kienet ħadet id-deċiżjoni li tabbanduna l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ppjanata ma’ TNT u, permezz tat-tieni stqarrija għall-istampa tat‑30 ta’ Jannar 2013, ħabbret l-irtirar tal-offerta tagħha fir-rigward ta’ TNT u d-deċiżjoni ta’ dawn iż-żewġ impriżi li jtemmu l-ftehim ta’ fużjoni bejniethom. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonstatat b’mod sovran li UPS kienet irrinunzjat li takkwista lil TNT sa mill‑14 ta’ Jannar 2013 u li hija qatt ma kienet irtirat din ir-rinunzja, fatt li huwa muri wkoll mill-fatt li UPS ma ppreżentatx offerta ġdida fir-rigward ta’ TNT wara d-deċiżjoni kontenzjuża, u lanqas ma rreaġixxiet għal dik ta’ FedEx bit-tnedija ta’ offerta kompetitriċi.

34      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-argumenti li hija tiżviluppa insostenn ta’ dan l-aggravju, UPS sempliċement issostni interpretazzjoni tad-dokumenti, f’dan il-każ, l-istqarrijiet għall-istampa tal‑14 u tat‑30 ta’ Jannar 2013, u taċ-ċirkustanzi fattwali relatati magħhom, li hija differenti minn dik adottata fis-sentenza appellata, mingħajr ma turi li l-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward żnaturat b’mod manifest l-atti tal-proċess u marret lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-provi meta kkonkludiet li UPS kienet iddeċidiet li tirrinunzja għall-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu barra minn hekk jiġi rrilevat li UPS ma tilmentax li l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament meta ddeċidiet, fil-punt 363 tas-sentenza appellata, li l-ftehim ta’ fużjoni tad‑19 ta’ Marzu 2012 kien jagħti lil UPS il-possibbiltà li ġġedded l-offerta tagħha fir-rigward ta’ TNT fl-eventwalità ta’ dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà, u dan biss fid-diskrezzjoni tagħha.

35      Fir-rigward tal-argument, imressaq f’dan il-kuntest minn UPS, dwar ir-rilevanza tal-assenza ta’ preżentazzjoni ta’ offerta oħra għall-akkwist ta’ TNT jew ta’ offerta kompetitriċi b’reazzjoni għal dik ta’ FedEx, dan lanqas ma jista’ juri l-eżistenza ta’ żnaturament. Fil-fatt, permezz ta’ dan l-argument, UPS, mhux talli ma tikkontestax l-evalwazzjoni fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 365 tas-sentenza appellata, li tgħid li UPS la ppreżentat offerta oħra għall-akkwist ta’ TNT u lanqas ma nediet offerta kompetitriċi b’reazzjoni għal dik ta’ FedEx, iżda tirrikonoxxi l-eżattezza ta’ din l-evalwazzjoni tal-fatti u sempliċement tinvoka ċirkustanzi li jiġġustifikaw, fil-fehma tagħha, tali fatti.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ittieni aggravju

 Largumenti tal-partijiet

37      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, UPS tikkritika lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li wettqet, fil-punti 346, 347 u 350 tas-sentenza appellata, żball ta’ liġi meta ċaħdet l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-iżball suffiċjentement serju imputabbli lill-Kummissjoni u l-kumpens għal terminazzjoni għas-sempliċi raġuni li dan il-kumpens kien ġie miftiehem liberament.

38      UPS issostni, l-ewwel nett, li meta d-dannu mġarrab minn individwu jkun direttament ikkawżat minn żball suffiċjentement serju ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tiġi stabbilita indipendentement mill-fatt li l-att li jikkawża d-dannu jkun kuntratt bejn individwi li l-obbligu sottostanti tiegħu jkun ġie konkluż qabel it-twettiq ta’ dan l-iżball suffiċjentement serju. UPS tippreċiża f’dan ir-rigward li, jekk jiġi segwit ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, l-Unjoni qatt ma tkun responsabbli għad-dannu mġarrab minn individwi minħabba żball suffiċjentement serju imputabbli lil istituzzjoni fil-każ li l-individwi involuti jkunu volontarjament stabbilixxew relazzjoni kuntrattwali sottostanti jew ikunu taw il-kunsens tagħhom għal dan. Il-Qorti Ġenerali tistabbilixxi l-allegata rieda u l-kunsens liberu tal-individwi affettwati minn att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni bħala elementi deċiżivi li jippermettu li tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ rabta kawżali. Madankollu, l-Artikolu 340 TFUE bl-ebda mod ma jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-kumpens għad-danni marbuta ma’ ftehimiet kuntrattwali bejn individwi li ġew stabbiliti volontarjament u miftiehma liberament.

39      Sussegwentement, skont UPS, għalkemm l-eżistenza ta’ kumpens għal terminazzjoni toriġina mill-ftehim ta’ fużjoni tad‑19 ta’ Marzu 2012, dan ma huwiex il-każ f’dak li jirrigwarda l-ħlas ta’ dan il-kumpens, li, min-naħa tiegħu, ġie attivat mid-deċiżjoni kontenzjuża. F’dan ir-rigward, din il-kawża hija distinta minn dik li tat lok għas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Schneider Electric (C‑440/07 P, EU:C:2009:459). Fil-fatt, f’dik il-kawża, Schneider setgħet tevita d-dannu invokat li kieku kompliet il-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni sabiex tikseb l-approvazzjoni għall-akkwist ta’ Legrand wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali tal-projbizzjoni tal-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni diġà implimentata, minflok ma għażlet li tabbanduna l-proċedura. Issa, f’dan il-każ, UPS ma setgħetx tevita l-ħlas tal-kumpens għal terminazzjoni fid-dawl tal-fatt li dan il-kumpens kien, fil-prattika, obbligatorju.

40      Fl-aħħar nett, UPS issostni li l-Qorti Ġenerali ma weġbitx għall-argument tagħha li l-inklużjoni tal-kumpens għal terminazzjoni fil-ftehim ta’ fużjoni tad‑19 ta’ Marzu 2012 kienet, fil-prattika, obbligatorja. F’dan ir-rigward, UPS tippreċiża li l-argument li l-kumpens għal terminazzjoni ma setax jiġi rkuprat għas-sempliċi raġuni li l-kumpens kien miftiehem liberament huwa żbaljat. Fil-fatt, l-impriżi kkonċernati minn offerta pubblika ta’ xiri jinsistu, fil-prattika, fuq l-inklużjoni ta’ kumpens għal terminazzjoni.

41      Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

42      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 344 u 345 tas-sentenza appellata, li l-ħlas tal-kumpens għal terminazzjoni kien joriġina minn obbligu kuntrattwali li jirriżulta mit-termini tal-ftehim ta’ fużjoni tad‑19 ta’ Marzu 2012. Dan il-ftehim kien jipprevedi li l-offerta pubblika ta’ xiri ta’ UPS fir-rigward tat-titoli ta’ TNT kienet konkluża taħt il-kundizzjoni sospensiva ta’ deċiżjoni pożittiva tal-Kummissjoni u li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ din il-kundizzjoni kien jikkostitwixxi kawża ta’ xoljiment tal-ftehim ta’ fużjoni, li kien jippermetti lil TNT tikseb, fuq l-ewwel talba, il-ħlas minn UPS ta’ kumpens għal terminazzjoni ta’ EUR 200 miljun.

43      Fil-punti 346 u 347 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li dan l-impenn kuntrattwali kien jirriżulta mir-rieda tal-partijiet li jaqsmu bejniethom, skont l-evalwazzjoni libera tagħhom, ir-riskju li l-operazzjoni ppjanata ma tiksibx l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, riskju li fir-rigward tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja kienet fakkret, fil-punt 203 tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Schneider Electric (C‑440/07 P, EU:C:2009:459), li kien inerenti għal kull proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, b’riferiment għall-punt 205 ta’ din l-aħħar sentenza, li l-konsegwenzi dannużi tal-impenji kuntrattwali miftiehma liberament mid-destinatarju ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni ma jistgħux jikkostitwixxu l-kawża determinanti tad-dannu mġarrab minħabba illegalitajiet li jivvizzjaw din id-deċiżjoni.

44      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment imqajjem minn UPS kif espost fil-qosor fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li s-sentenza appellata ma tistax tiġi interpretata bħala li hija intiża li teskludi r-responsabbiltà ta’ istituzzjoni tal-Unjoni fil-każijiet kollha li d-dannu allegat ikun ibbażat fuq relazzjonijiet kuntrattwali. Huwa minnu li, meħuda waħedha, l-osservazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 347 tas-sentenza appellata, fis-sens li l-konsegwenzi dannużi tal-impenji kuntrattwali miftiehma liberament mid-destinatarju ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni ma jistgħux jikkostitwixxu l-kawża determinanti tad-dannu mġarrab minħabba illegalitajiet li jivvizzjaw din id-deċiżjoni, tista’ tagħti lok għal tali interpretazzjoni. Madankollu, u kif jirriżulta mill-qari tal-punti 344 sa 347 tas-sentenza appellata, ikkunsidrati flimkien, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa speċifiku għall-klawżola kuntrattwali inkwistjoni f’dan il-każ, li permezz tagħha l-partijiet qassmu bejniethom, skont l-evalwazzjoni libera tagħhom, ir-riskju li l-operazzjoni ppjanata ma tiksibx l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni billi ffissaw ammont fiss ta’ EUR 200 miljun.

45      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ta’ UPS ibbażat fuq in-natura allegatament obbligatorja, fil-prattika, ta’ kumpens għal terminazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan huwa intiż li jikkontesta l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 346 u 347 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, fis-sens li l-kumpens għal terminazzjoni miftiehem f’dan il-każ kien ġie miftiehem liberament, mingħajr ma ġie invokat jew ipprovat l-iċken żnaturament.

46      Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, dan l-argument huwa inammissibbli fl-istadju tal-appell.

47      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali ma weġbitx għall-argument ta’ UPS li l-kumpens ma kienx ġie miftiehem liberament iżda kien, fil-prattika, obbligatorju, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jimponilha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament li hija segwiet, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Dan l-obbligu ma jeżiġix li l-Qorti Ġenerali tipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fit-tilwima. Il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita, bil-kundizzjoni li permezz tagħha l-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest tal-eżami ta’ appell (sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni, C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali wieġbet preċiżament għall-argument ta’ UPS li l-kumpens kien fil-prattika obbligatorju meta indikat, fil-punt 346 tas-sentenza appellata, li l-impenn kuntrattwali li jitqassam bejn UPS u TNT ir-riskju li l-operazzjoni ppjanata ma tiksibx l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, riskju li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li huwa inerenti għal kull proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, kien miftiehem liberament.

49      Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq lewwel parti talewwel aggravju

 Largumenti talpartijiet

50      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, UPS tikkritika lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li wettqet, b’mod partikolari fil-punti 356 sa 358 tas-sentenza appellata, żball ta’ liġi u żnaturament tad-deċiżjoni kontenzjuża meta ddeċidiet li l-mudell ekonometriku użat mill-Kummissjoni kien biss wieħed mill-elementi li ġġustifikaw il-projbizzjoni u li UPS ma kinitx uriet l-impatt deċiżiv tal-iżbalji ta’ liġi serji identifikati fuq l-eżitu tad-deċiżjoni kontenzjuża.

51      Il-Kummissjoni ssostni li din l-ewwel parti hija parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

52      Għandu jitfakkar li, fil-punti 354 sa 358 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-ksur suffiċjentement serju tad-drittijiet proċedurali ta’ UPS, kif ikkonstatat fil-punt 123 ta’ dik is-sentenza, jew l-iżbalji ta’ disinn allegati fir-rigward tal-mudell ekonometriku applikat mill-Kummissjoni, ma setgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu l-kawża tad-dannu materjali marbut mal-lucrum cessans imġarrab minn UPS minħabba l-impossibbiltà li tiġi implimentata l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ppjanata.

53      Issa, fil-punt 365 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, anki jekk jitqies li l-irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża setgħet ikkawżat lucrum cessans lil UPS, il-fatt li din l-impriża rrinunzjat għall-operazzjoni ppjanata sa minn meta tħabbret id-deċiżjoni kontenzjuża kellu l-effett li jikser kull rabta kawżali diretta bejn din l-irregolarità u d-dannu allegat.

54      Sa fejn, kif jirriżulta mill-motivi li jinsabu fil-punti 32 sa 36 ta’ din is-sentenza, l-argumenti li permezz tagħhom UPS ikkontestat din il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 365 tas-sentenza appellata ġew miċħuda, għandu jiġi kkonstatat li l-punti 355 sa 358 tas-sentenza appellata għandhom natura superfluwa f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-rabta kawżali bejn il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha jew l-allegat ksur ieħor imwettaq mill-Kummissjoni u l-allegat dannu materjali marbut mal-lucrum cessans imġarrab minn UPS minħabba l-impossibbiltà li tiġi implimentata l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ppjanata.

55      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-argumenti indirizzati kontra motivi superfluwi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għaldaqstant huma ineffettivi (digriet tas‑17 ta’ Jannar 2023, Theodorakis u Theodoraki vs Il‑Kunsill, C‑137/22 P, EU:C:2023:41, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56      Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

 Fuq ittieni parti talewwel aggravju kif ukoll fuq irraba’ u lħames aggravju

 Largumenti talpartijiet

57      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, UPS issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punti 216 u 226 tas-sentenza appellata, li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni użat mudell ekonometriku vvizzjat b’irregolaritajiet, jiġifieri metodu mhux konvenzjonali bbażat fuq ipoteżijiet mhux ittestjati u mhux ivverifikati, mingħajr ma eżaminat l-affidabbiltà tar-riżultati tagħha u s-sensittività tal-mudell, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li dawn l-irregolaritajiet huma suffiċjentement serji sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

58      Permezz tar-raba’ aggravju, li huwa maqsum fi tliet partijiet, UPS issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet, b’mod partikolari fil-punti 124 sa 143 kif ukoll fil-punti 229 sa 289 tas-sentenza appellata, żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni taż-żidiet fl-effiċjenza.

59      Permezz tal-ħames aggravju, UPS tikkritika lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li wettqet, fil-punti 172, 182 u 183 tas-sentenza appellata, żball ta’ liġi meta kkonkludiet li UPS ma kinitx preċiża fit-talbiet tagħha għal aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw il-kompetittività ta’ FedEx, li wassalha sabiex titlef id-dritt ta’ aċċess tagħha għal ċerti dokumenti ta’ FedEx.

60      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha invokati fil-kuntest ta’ din il-parti u ta’ dawn l-aggravji.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

61      Kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 82 tas-sentenza appellata, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huwa meħtieġ li jiġu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni tal-Unjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ta’ din l-istituzzjoni u d-dannu invokat. Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors ikollu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il‑Kummissjoni, C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punti 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex meħtieġa teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni partikolari (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea, C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 148 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62      Peress li t-tieni u t-tielet aggravju ta’ dan l-appell ġew miċħuda, għandu jiġi kkunsidrat li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 350 u 365 tas-sentenza appellata, fis-sens li r-rabta kawżali ma hijiex stabbilita la fir-rigward tal-allegat dannu li jikkonsisti fil-ħlas tal-kumpens għal terminazzjoni u lanqas fir-rigward tal-allegat lucrum cessans imġarrab minn UPS minħabba l-impossibbiltà li tiġi implimentata l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ppjanata ma humiex ikkontestati b’mod effettiv minn UPS. Barra minn hekk, il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punt 343 tas-sentenza appellata dwar l-assenza ta’ rabta kawżali fir-rigward tad-dannu marbut mal-ispejjeż marbuta mal-parteċipazzjoni ta’ UPS fil-proċedura ta’ kontroll tal-operazzjoni bejn FedEx u TNT ma ġewx ikkontestati minn UPS.

63      Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kellha raġun meta stabbilixxiet, fis-sentenza appellata, li ma kienx hemm rabta kawżali fir-rigward tat-tliet danni distinti allegati.

64      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ appell, meta wieħed mill-motivi mogħtija mill-Qorti Ġenerali jkun biżżejjed sabiex jiġġustifika d-dispożittiv tas-sentenza tagħha, id-difetti li bihom jista’ jkun ivvizzjat motiv ieħor tas-sentenza inkwistjoni ma jistgħux jinfluwenzaw l-imsemmi dispożittiv, b’tali mod li l-aggravju li jinvokahom ikun ineffettiv u jkollu jiġi miċħud (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2014, Buono et vs Il‑Kummissjoni, C‑12/13 P u C‑13/13 P, EU:C:2014:2284, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Vialto Consulting vs Il‑Kummissjoni, C‑650/19 P, EU:C:2021:879, punt 86).

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti li permezz tagħhom UPS għandha l-intenzjoni turi, fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju kif ukoll tar-raba’ u tal-ħames aggravju, l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali supplimentari għall-ksur li jikkonċerna d-drittijiet tad-difiża, li ġie stabbilit b’mod definittiv permezz tas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il‑Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144, punti 221 u 222), jekk jitqies li huma fondati, ma jistgħux iwasslu għall-annullament tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

 Fuq issitt aggravju

 Largumenti talpartijiet

66      Permezz tas-sitt aggravju tagħha, UPS tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet, fil-punt 353 tas-sentenza appellata, żball ta’ liġi meta kkonkludiet li d-dannu mitlub minħabba t-telf ta’ profitti kien jirrigwarda biss it-telf totali stmat tas-sinerġiji u li kull talba għal kumpens imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali f’ammont inqas minn dan it-telf totali stmat ta’ profitti kienet tikkostitwixxi kap ġdid ta’ dannu li huwa inammissibbli peress li ġie invokat tardivament. B’mod partikolari, UPS issostni li, jekk, skont il-Qorti Ġenerali, UPS ma għandhiex dritt għall-kumpens sħiħ tat-telf allegat li jirriżulta mis-sinerġiji mitlufa, kienet naturalment il-Qorti Ġenerali li kellha tiddetermina, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, sa fejn il-kumpens li għandu jingħata għandu jkun inqas mill-ammont totali mitlub.

67      Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

68      Għandu jiġi rrilevat li l-argument ta’ UPS huwa bbażat fuq il-premessa li, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punt 353 tas-sentenza appellata, id-dannu materjali marbut mal-lucrum cessans jinkludi d-dannu li jirriżulta mit-telf ta’ opportunità, fejn dan tal-aħħar għandu għalhekk jitnaqqas mid-dannu inizjalment mitlub, jiġifieri ammont inqas mill-ammont totali mitlub.

69      Madankollu, mill-punti 5 u 6 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 353 tas-sentenza appellata, li t-talba għall-kumpens ta’ telf ta’ opportunità kienet tikkostitwixxi kap ġdid ta’ dannu, li ma kienx tqajjem fir-rikors. Peress li d-dannu marbut mat-telf tal-opportunità li tiġi implimentata l-konċentrazzjoni ppjanata huwa fundamentalment distint minn dak marbut mal-lucrum cessans li jirriżulta mill-projbizzjoni ta’ din l-operazzjoni, l-ewwel kap tad-dannu ma jistax jitqies li jikkostitwixxi element li għandu jitnaqqas mit-tieni wieħed. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-kap tad-dannu marbut mat-telf ta’ opportunità, li ġie invokat fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali biss bi tweġiba għall-mistoqsijiet tagħha, ġie ppreżentat tardivament u għalhekk kien inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑104/89 u C‑37/90, EU:C:2000:38, punt 47, kif ukoll tas‑7 ta’ Novembru 2019, Rose Vision vs Il‑Kummissjoni, C‑346/18 P, EU:C:2019:939, punt 43).

70      Għaldaqstant, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud.

71      Peress li ma ntlaqa’ l-ebda wieħed mill-aggravji invokati minn UPS insostenn tal-appell tagħha, hemm lok li dan l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

72      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

73      Konformement mal-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

74      Peress li UPS tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      United Parcel Service Inc. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.