Language of document : ECLI:EU:C:2023:1029

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

21 ta’ Diċembru 2023 (*)

“ Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ Arrest Ewropew – Artikolu 4a(1) – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva – Eċċezzjonijiet – Eżekuzzjoni obbligatorja – Piena mogħtija fil-kontumaċja – Kunċett ta’ ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ – Proċedura ġudizzjarja li tbiddel jew tikkombina pieni mogħtija preċedentement – Deċiżjoni li tistabbilixxi piena globali – Deċiżjoni mogħtija mingħajr ma l-persuna kkonċernata tkun dehret personalment – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi projbizzjoni assoluta ta’ konsenja tal-persuna kkonċernata fil-każ ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi”

Fil-Kawża C‑396/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew

Generalstaatsanwaltschaft Berlin

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, P. Busche, M. Hellmann u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u H. Leupold, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34) kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-proċedura dwar l-eżekuzzjoni, fil-Ġermanja, tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra ċittadin Pollakk bl-għan tal-eżekuzzjoni, fil-Polonja, ta’ piena li tneħħi il-libertà.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”, jipprevedi:

“1.       Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.       L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.       Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 tat-Trattat [UE].”

4        L-Artikolu 4a(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna ma dehritx personalment”, hija redatta kif ġej:

“L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tneħħi l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti:

(a)      fi żmien debitu

(i)       jew kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni, jew b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata;

u

(ii)       kienet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-kawża;

[...]”

 Id-dritt Ġermaniż

5        Il-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (il-Liġi dwar l-Assistenza Legali Reċiproka Internazzjonali fil-Qasam Kriminali), tat-23 ta’ Diċembru 1982 (BGBl.1982 I, p. 2071), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fis-27 ta’ Ġunju 1994 (BGBl. 1994 I, p. 1537) (iktar ’il quddiem l-“IRG”) jipprevedi:

“L-estradizzjoni hija eskluża meta

[...]

3.       fil-każ ta’ talba għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, il-persuna kkundannata ma dehritx personalment waqt is-seduta fil-proċeduri li wasslu għall-kundanna [...]”

6        L-Artikolu 460 tal-iStrafprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) jipprevedi l-istabbiliment sussegwenti ta’ sentenza globali, skont l-Artikolu 55 tal-iStrafgesetzbuch (il-Kodiċi Kriminali), u l-Artikolu 462(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jippreċiża li l-qorti kompetenti għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha mingħajr ma żżomm seduta, permezz ta’ digriet.

 Id‑dritt nazzjonali Pollakk

7        L-Artikolu 139(1) tal-Kodeks postępowania karnego (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem il-“KpK”) jipprevedi, essenzjalment, il-possibbiltà li ssir notifika fl-indirizz magħruf ta’ persuna li ma tkunx ikkomunikat l-indirizz il-ġdid tagħha.

8        Skont l-Artikolu 75(1) tal-KpK, l-akkużat għandu jikkomunika l-indirizz il-ġdid tiegħu fil-każ ta’ bidla tad-domiċilju fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali.

9        L-Artikolu 86 tal-Kodeks karny (il-Kodiċi Kriminali) fil-verżjoni applikabbli  fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi, essenzjalment, li, fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ sentenza globali, il-piena individwali massima tikkostitwixxi l-minimu tal-piena globali u s-somma tal-pieni tikkostitwixxi l-massimu ta’ din il-piena globali, filwaqt li fl-istess ħin tiffissa limitu konkret massimu għal tali piena globali.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, ġiet adita mill-awtoritajiet Pollakki b’talba intiża għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-5 ta’ Frar 2021 kontra ċittadin Pollakk mis-Sąd Okręgowy w Piotrkowie Trybunalskim (il-Qorti Reġjonali ta’ Piotrków Trybunalski, il-Polonja). Dan il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa intiż għall-arrest u għall-konsenja tal-persuna kkonċernata lil dawn l-awtoritajiet għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin mogħtija mis-Sąd Rejonowy w Piotrkowie Trybunalskim (il-Qorti Distrettwali ta’ Piotrków Trybunalski, il-Polonja), permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ Ottubru 2019 li tikkundanna lill-persuna kkonċernata għal piena globali (iktar ’il quddiem is-“sentenza globali tat-30 ta’ Ottubru 2019”), li minnha sentejn, ħdax-il xahar u 27 jum għadhom iridu jiġu eżegwiti.

11      Is-sentenza globali tat-30 ta’ Ottubru 2019 tinkludi diversi sentenzi ta’ kundanna mogħtija mis-Sąd Rejonowy w Piotrkowie Trybunalskim (il-Qorti Distrettwali ta’ Piotrków Trybunalski), jiġifieri sentenza tal-25 ta’ April 2019, li kienet twassal għall-kumulu ta’ diversi pieni mogħtija preċedentement kontra l-persuna kkonċernata, u sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2019.

12      Il-persuna kkonċernata dehret personalment jew kienet irrappreżentata minn avukat maħtur ex officio fil-kuntest tal-proċeduri li wasslu għall-pieni li l-kumuli tagħhom ġiet deċiża permezz ta’ din is-sentenza tal-25 ta’ April 2019. Min-naħa l-oħra, din is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2019 u s-sentenza globali tat-30 ta’ Ottubru 2019 ingħataw fil-kontumaċja. Madankollu, it-taħrikiet għad-dehra għas-seduti li ppreċedew l-għoti ta’ dawn is-sentenzi, mibgħuta mill-awtoritajiet Pollakki kompetenti lill-persuna kkonċernata permezz ta’ avviż tal-posta Pollakka fl-indirizz li din tal-aħħar kienet indikatilhom bħala dik tar-residenza permanenti tagħha, huma, skont l-Artikolu 139(1) tal-KpK, meqjusa li ġew innotifikati lilha.

13      Il-Generalstaatsanwaltschaft Berlin (il-Prosekutur Ġenerali ta’ Berlin, il-Ġermanja), inizjalment, talab li l-persuna kkonċernata titqiegħed taħt detenzjoni sabiex tiġi kkonsenjata lill-awtoritajiet Pollakki. Fit-tieni lok, hija qieset li l-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-IRG, li jittrasponi fid-dritt Ġermaniż l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, joħloq ostakolu għal din il-konsenja. Fil-fehma tagħha, taħrika għad-dehra meqjusa li ġiet innotifikata skont l-Artikolu 139(1) tal-KpK ma tistax tiggarantixxi li l-persuna kkonċernata tkun ġiet informata b’mod effettiv bid-data u l-post tas-seduta kif teżiġi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C-108/16 PPU, EU:C:2016:346). Għaldaqstant, hija issa qiegħda titlob li l-konsenja tal-persuna kkonċernata tiġi ddikjarata illegali.

14      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja tal-fatt, li għaliha hija suġġetta tali konsenja u li tikkonsisti fil-verifika li l-fatti allegati jikkostitwixxu reat fiż-żewġ Stati Membri li huma meħtieġa li jikkooperaw, hija ssodisfatta f’dan il-każ.

15      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-proċedura li wasslet għal sentenza li timponi piena globali, permezz tal-kumulu a posteriori ta’ pieni mogħtija preċedentement, meta l-awtorità li tat din is-sentenza ma tistax teżamina mill-ġdid id-dikjarazzjoni ta’ ħtija u lanqas temenda l-pieni mogħtija preċedentement.

16      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, f’dan ir-rigward, li, fis-sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C-271/17 PPU, EU:C:2017:629), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-kunċett ikopri wkoll proċedura sussegwenti, bħal dik li twassal għal sentenza globali, li fi tmiemha ngħatat id-deċiżjoni li emendat b’mod definittiv il-livell tal-piena inizjalment mogħtija, bil-kundizzjoni li l-awtorità li adottat din l-aħħar deċiżjoni tkun ibbenefikat f’dan ir-rigward minn ċerta setgħa diskrezzjonali.

17      F’dan il-każ, mill-informazzjoni pprovduta mill-qrati Pollakki jirriżulta li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kumulu a posteriori ta’ pieni imposti preċedentement, il-qorti għandha, in virtù tal-leġiżlazzjoni nazzjonali pertinenti, ċertu setgħa diskrezzjonali, peress li tista’ tiddeċiedi fid-diskrezzjoni tagħha piena globali li l-limitu tagħha huwa kkostitwit mill-piena inizjali l-iktar għolja u l-limitu mit-total tal-pieni kollha inizjalment mogħtija. Madankollu, sa fejn is-sentenza globali tat-30 ta’ Ottubru 2019 ma tatx lok għal eżami mill-ġdid tad-dikjarazzjoni ta’ ħtija tal-persuna kkonċernata u lanqas ma emendat il-pieni mogħtija preċedentement, il-qorti tar-rinviju tiddubita li tali sentenza tista’ effettivament taqa’ taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

18      Id-dubji tal-qorti tar-rinviju huma sostnuti mill-fatt li, fil-fehma tagħha, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 japplika biss meta proċedura ta’ kumulu tal-pieni ppronunzjata preċedentement tagħti lok għall-għoti ta’ sentenza abbażi ta’ seduta. Issa, dan ma huwiex, b’mod partikolari, il-każ fid-dritt Ġermaniż. Għaldaqstant, hija tikkunsidra li, fid-dawl tad-diverġenzi fl-organizzazzjoni tal-proċedura kriminali fid-diversi Stati Membri, jeżisti riskju li, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, tali proċedura taqa’ jew ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

19      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-IRG, li tistabbilixxi l-kundanna fil-kontumaċja bħala “ostakolu assolut” għall-konsenja ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew filwaqt li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li din il-leġiżlazzjoni tittrasponi fid-dritt Ġermaniż, jipprevedi biss f’dan ir-rigward raġuni fakultattiva ta’ rifjut.

20      Skont il-qorti tar-rinviju, din l-aħħar dispożizzjoni ma ġietx trasposta b’mod sħiħ fid-dritt Ġermaniż peress li l-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-IRG ma jipprevedix il-possibbiltà għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżerċita setgħa diskrezzjonali fil-każ ta’ kundanna fil-kontumaċja.

21      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 69, 72, 73 u 76), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm l-applikazzjoni diretta tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija eskluża, peress li din ma għandhiex effett dirett, xorta jibqa’ l-fatt li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tinterpreta d-dritt nazzjonali konformement ma’ din id-deċiżjoni qafas sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha, madankollu hija eskluża interpretazzjoni contra legem ta’ dan id-dritt.

22      Il-qorti tar-rinviju tqis li hija ma hijiex f’pożizzjoni li tinterpreta l-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-IRG fis-sens li jagħtiha, fil-kuntest tal-eżami tal-ostakolu għall-konsenja tal-persuna kkonċernata, setgħa diskrezzjonali li jippermettilha tiddikjara legali din il-konsenja minkejja l-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-artikolu. Hija tqis li, skont l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-setgħa diskrezzjonali li hija għandha f’dan ir-rigward, hija għandha tkun tista’ tqis li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, id-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata ġie debitament irrispettat u li l-konsenja ta’ din tal-aħħar hija għalhekk legali.

23      Fil-fatt, prima facie, iċ-ċirkustanzi li fihom it-taħrika għad-dehra ġiet innotifikata lill-persuna kkonċernata jistgħu, skont il-qorti tar-rinviju, jitqiesu li ma jiggarantixxux b’mod suffiċjenti li din ġiet informata b’mod ċert bid-data tas-seduta li tat lok għas-sentenza globali tat-30 ta’ Ottubru 2019, kif teżiġi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki , C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346), u ma jissodisfawx, għaldaqstant, ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Madankollu, mill-punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni kkonċernata tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra, b’mod partikolari, l-aġir tal-persuna kkonċernata, li jippermettilha tiżgura ruħha li l-konsenja tagħha ma timplikax ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, peress li attenzjoni partikolari tista’ tingħata lil “nuqqas manifest (...) ta’ diliġenza” possibbli tal-persuna kkonċernata, pereżempju meta jidher li din tal-aħħar fittxet li taħrab min-notifika tal-informazzjoni indirizzata lilha. Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li, billi ma żammitx lill-awtoritajiet Pollakki kompetenti informati bl-indirizz ta’ residenza reali tagħha, il-persuna kkonċernata ma attendietx għas-seduta li tat lok għas-sentenza globali tat-30 ta’ Ottubru 2019.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Deċiżjoni li tinvolvi kumulu a posteriori tal-pieni tibqa’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], meta d-deċiżjoni tkun ittieħdet permezz ta’ sentenza mogħtija fi tmiem seduta, iżda l-qorti ma tkunx tista’, fl-ambitu ta’ din is-sentenza, la teżamina mill-ġdid id-dikjarazzjoni ta’ ħtija u lanqas temenda l-pieni imposti abbażi tar-reati differenti?

2.      Il-fatt li l-leġiżlatur Ġermaniż, fil-punt 3 tal-Artikolu 83(1) [tal-IRG], stabbilixxa l-kundanna fil-kontumaċja bħala ostakolu assolut għall-konsenja minkejja li l-Artikolu 4a(1) tad-[Deċizjoni Qafas 2002/584], jipprevedi biss f’dan ir-rigward raġuni fakultattiva għal rifjut, huwa kompatibbli mas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

25      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, ikopri proċedura li wasslet għal sentenza li timponi piena globali, permezz tal-kumulu a posteriori ta’ pieni mogħtija preċedentement, meta l-awtorità li tagħti din is-sentenza ma tistax teżamina mill-ġdid id-dikjarazzjoni ta’ ħtija tal-persuna kkonċernata u lanqas temenda dawn l-aħħar pieni.

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jinftiehem bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar, indipendentement mill-klassifikazzjonijiet fl-Istati Membri. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 67, u tat-22 ta’ Diċembru 2017, Ardic, C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 63).

27      Dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jindika l-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni ġudizzjarja li kkundannat b’mod definittiv lill-persuna li ntalbet il-konsenja tagħha fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (sentenzi tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 74, kif ukoll tat-23 ta’ Marzu 2023,Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni), C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, punt 52).

28      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fl-ipoteżi fejn il-proċedura tkun inkludiet diversi istanzi li jkunu wasslu għal deċiżjonijiet suċċessivi, li mill-inqas waħda minnhom tkun ingħatat fil-kontumaċja, l-imsemmi kunċett ikopri l-istanza li wasslet għall-aħħar waħda minn dawn id-deċiżjonijiet, bil-kundizzjoni li l-qorti kkonċernata tkun iddeċidiet b’mod definittiv dwar il-ħtija tal-persuna kkonċernata u tkun ikkundannatha għal piena, bħal miżura li tneħħi il-libertà, wara eżami, fil-fatt kif ukoll fid-dritt, tal-provi inkriminanti u skaġunanti, li jinkludu, jekk ikun il-każ, it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tagħha (Sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 81).

29      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, minkejja li tittieħed wara li deċiżjoni waħda jew iktar, ikunu kkundannaw lill-persuna kkonċernata għal piena waħda jew iktar, deċiżjoni, mogħtija fi stadju sussegwenti tal-proċedura u li temenda piena waħda jew iktar li jneħħu l-libertà mogħtija preċedentement, bħal sentenza li timponi piena globali, madankollu ma taffettwax id-dikjarazzjoni ta’ ħtija magħmula minn dawn id-deċiżjonijiet preċedenti, peress li din tkun, għaldaqstant, miksuba b’mod finali (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek, C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 84).

30      Minn naħa, tali sentenza tbiddel il-quantum tal-piena jew tal-pieni imposti u għandha, għaldaqstant, tiġi distinta mill-miżuri dwar il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena li tneħħi l-libertà. Min-naħa l-oħra, proċedura li twassal għal deċiżjoni bħalma hi sentenza li timponi piena globali, li tikkonsisti b’mod partikolari li tikkonverti f’piena ġdida unika waħda jew iktar pieni deċiżi preċedentement kontra l-persuna kkonċernata, bil-għan neċessarjament ta’ riżultat iktar favorevoli għal din tal-aħħar. B’hekk, pereżempju, bħala riżultat ta’ diversi kundanni, li kull waħda minnhom kienet tinvolvi l-impożizzjoni ta’ piena, il-pieni imposti jistgħu jiġu akkumulati sabiex tinkiseb piena globali li l-quantum tagħha huwa inqas mis-somma tal-pieni differenti imposti bid-deċiżjonijiet distinti preċedenti (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek, C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punti 85 u 86).

31      L-osservanza tal-korrettezza tal-kawża timplika d-dritt, għall-persuna kkonċernata, li tattendi għad-dibattiti minħabba l-konsegwenzi importanti li dawn jista’ jkollhom fuq il-quantum tal-piena li se tkun imposta fuqha. Għalhekk, proċedura speċifika ta’ ffissar ta’ piena globali ma tistax tikkostitwixxi eżerċizzju purament formali u aritmetiku, iżda għandha tinkludi setgħa diskrezzjonali għad-determinazzjoni tal-livell tal-piena permezz, b’mod partikolari, ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni jew tal-personalità tal-persuna kkonċernata, jew inkella permezz ta’ ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti. Ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward il-punt dwar jekk il-qorti kkonċernata għandhiex jew le s-setgħa li tiggrava l-piena deċiża preċedentement (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek, C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punti 87 sa 89).

32      Għaldaqstant, proċedura, li twassal għal sentenza li timponi piena globali, li tirriżulta għal determinazzjoni mill-ġdid tal-livell ta’ pieni li jneħħu l-libertà deċiżi preċedentement, għandha titqies li taqa’ taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, meta tagħti, għal dan l-għan, setgħa diskrezzjonali lill-awtorità kompetenti u li hija tirriżulta f’deċiżjoni li tiddeċiedi b’mod finali fuq il-piena (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek, C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 90).

33      Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jirreferi għal sentenza li timponi piena globali bħas-sentenza globali tat-30 ta’ Ottubru 2019, peress li mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-proċedura li wasslet għal din is-sentenza tinkludi setgħa diskrezzjonali għad-determinazzjoni tal-livell ta’ din il-piena globali.

34      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, ikopri proċedura li wasslet għal sentenza li timponi piena globali, permezz tal-kumulu a posteriori ta’ pieni mogħtija preċedentement, meta, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-awtorità li tagħti din is-sentenza ma tistax teżamina mill-ġdid id-dikjarazzjoni ta’ ħtija tal-persuna kkonċernata u lanqas temenda dawn l-aħħar pieni, iżda għandha setgħa diskrezzjonali għad-determinazzjoni mill-ġdid tal-livell ta’ din il-piena globali.

 Fuq it-tieni domanda

35      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tittrasponi l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jeskludi, b’mod ġenerali, il-possibbiltà għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena meta l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-kuntest tal-proċess li wassal għad-deċiżjoni kkonċernata.

36      Għal dan l-għan, l-imsemmija Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi, fl-Artikolu 1(2) tagħha, ir-regola skont liema l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement għad-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess deċiżjoni qafas. Ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu għalhekk jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss fil-każijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, previsti mill-imsemmija deċiżjoni qafas. L-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiġi suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet li huma limitatament elenkati fiha. Konsegwentement, billi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tiegħu, huwa mifhum bħala eċċezzjoni li għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU EU:C:2017:503, punt 50).

37      B’hekk, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tistabbilixxi espliċitament, minn naħa, ir-raġunijiet obbligatorji (Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas) u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet fakultattivi (Artikoli 4 u 4a tal-imsemmija deċiżjoni qafas) għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. B’mod partikolari, l-Artikolu 4a tal-istess deċiżjoni qafas jillimita l-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew billi jelenka, b’mod preċiż u uniformi, il-kundizzjonijiet li fihom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment ma jistgħux jiġu rrifjutati (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 53).

38      Mill-kliem tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprevedi raġuni fakultattiva ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ garanzija li tneħħi il-libertà, jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment għall-proċedura li wasslet għall-kundanna tagħha. Din l-għażla hija, madankollu, suġġetta għal erba’ eċċezzjonijiet fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni, li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija mċaħħda mill-possibbiltà li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew li ġie indirizzat lilha. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 40).

39      Għaldaqstant, awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li jneħħu l-libertà jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-proċeduri li jkunu wasslu għad-deċiżjoni kkonċernata, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jkunx jindika li l-kundizzjonijiet stabbiliti, rispettivament fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jkunu ssodisfatti (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 54).

40      Minn dan isegwi li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija marbuta li tipproċedi bl-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, minkejja l-assenza tal-parti kkonċernata fil-proċeduri li wasslu għad-deċiżjoni kkonċernata, meta tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ waħda miċ-ċirkustanzi msemmija rispettivament, fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 55).

41      Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tippreċiża li, peress li dan l-Artikolu 4a jipprevedi każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’, fi kwalunkwe każ, anki wara li tkun ikkonstatat li ċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza ma jkoprux is-sitwazzjoni tal-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra li jippermettulha tiżgura ruħha li l-konsenja tal-persuna kkonċernata ma timplikax ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek C‑270/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 107, kif ukoll tas-17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg, C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 51u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ b’hekk tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir muri mill-persuna kkonċernata. Fil-fatt huwa f’dan l-istadju tal-proċedura ta’ konsenja li tista’ tingħata attenzjoni partikolari lill-fatt li l-persuna kkonċernata ppruvat tevita n-notifika tal-informazzjoni indirizzata lilha (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg, C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata)

43      Minn dan jirriżulta li, meta tivverifika li waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija ssodisfatta, awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tiġi prekluża milli tiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata billi tieħu, f’dan ir-rigward, debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-kawża li hija adita biha, inkluża l-informazzjoni li jista’ jkollha hija stess.

44      F’dan il-każ, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tobbliga, b’mod ġenerali, lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni kkonċernata tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew fil-każ ta’ kundanna fil-kontumaċja. Din il-leġiżlazzjoni ma tħalli lil din l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ebda setgħa diskrezzjonali għall-finijiet tal-verifika tal-eżistenza ta’ waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija, rispettivament, fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, jekk id-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata jistgħux jitqiesu li ġew irrispettati, u, għaldaqstant, sabiex tiddeċiedi li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew ikkonċernat.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

46      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil qorti nazzjonali ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, peress li din ma għandhiex effett dirett. Madankollu, l-awtoritajiet tal-Istati Membri, inklużi l-qrati, huma meħtieġa jagħtu, sa fejn ikun possibbli, interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali tagħhom li tippermettilhom jiżguraw riżultat kompatibbli mal-finalità segwita mid-deċiżjoni qafas ikkonċernata (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 109).

47      Fil-fatt, għalkemm id-deċiżjonijiet qafas ma jistgħux jipproduċu effett dirett, in-natura vinkolanti tagħhom madankollu timplika obbligu li jinterpretaw id-dritt intern tagħhom b’mod konformi b’effett mid-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet qafas. Meta japplikaw id-dritt nazzjonali tagħhom, dawn l-awtoritajiet huma għalhekk obbligati li jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-deċiżjoni qafas ikkonċernata sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha, madankollu hija eskluża interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali. B’hekk, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u li jiġu applikati metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni qafas ikkonċernata u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-finalità mfittxija minnha (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 72 sa 77).

48      Minn dan isegwi li hija l-qorti tar-rinviju, li filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu tagħha u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

49      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-dispożizzjoni li teskludi, b’mod ġenerali, il-possibbiltà għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena meta l-persuna kkonċernata ma dehritx personalment fil-kuntest tal-proċess li jkun wassal għad-deċiżjoni kkonċernata, tmur kontra l-imsemmija dispożizzjoni. Qorti nazzjonali għandha, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan ta’ din id-deċiżjoni qafas.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, ikopri proċedura li wasslet għal sentenza li timponi piena globali, permezz tal-kumulu a posteriori ta’ pieni mogħtija preċedentement, meta, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-awtorità li tagħti din is-sentenza ma tistax teżamina mill-ġdid id-dikjarazzjoni ta’ ħtija tal-persuna kkonċernata u lanqas temenda dawn l-aħħar pieni, iżda għandha setgħa diskrezzjonali għad-determinazzjoni mill-ġdid tal-livell ta’ din il-piena globali.

2)      L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 4a(1), għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-dispożizzjoni li teskludi, b’mod ġenerali, il-possibbiltà għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena meta l-persuna kkonċernata ma dehritx personalment fil-kuntest tal-proċess li jkun wassal għad-deċiżjoni kkonċernata, tmur kontra l-imsemmija dispożizzjoni. Qorti nazzjonali għandha, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-finalità ta’ din id-deċiżjoni qafas.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.