Language of document : ECLI:EU:C:2023:1030

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

21 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 4a(1) – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva – Eċċezzjonijiet – Eżekuzzjoni obbligatorja – Piena mogħtija fil-kontumaċja – Kunċett ta’ ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ – Persuna kkonċernata li ma dehritx personalment la fl-ewwel istanza u lanqas fl-appell – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi projbizzjoni assoluta ta’ konsenja tal-persuna kkonċernata fil-każ ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi”

Fil-Kawża C‑397/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura fil-proċeduri dwar l-eżekuzzjoni ta’ żewġ mandati ta’ arrest Ewropew maħruġa fil-konfront ta’

LM

fil-preżenza ta’:

Generalstaatsanwaltschaft Berlin,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, P. Busche, M. Hellmann u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u H. Leupold, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34) kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-proċedura dwar l-eżekuzzjoni, fil-Ġermanja, tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra ċittadin Pollakk bl-għan tal-eżekuzzjoni, fil-Polonja, ta’ piena ta’ tneħħija ta’ libertà.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”, jipprevedi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop tal-arrest u [l-konsenja] minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 tat-Trattat [UE].”

4        L-Artikolu 4a(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna ma dehritx personalment”, jipprevedi:

“L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti:

(a)      fi żmien debitu

(i)      jew kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni, jew b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata;

u

(ii)      kienet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-kawża;

[…]”

 Id-dritt Ġermaniż

5        Il-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (il-Liġi dwar l-Assistenza Ġudizzjarja Internazzjonali f’Materji Kriminali), tat-23 ta’ Diċembru 1982 (1982 I, p. 2071), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fis-27 ta’ Ġunju 1994 (BGBl. 1994 I, p. 1537), (iktar ’il quddiem l-“IRG”) jipprevedi:

“L-estradizzjoni hija eskluża meta

[…]

3.      fil-każ ta’ talba għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, il-persuna kkundannata ma dehritx personalment waqt is-seduta fil-proċeduri li wasslu għall-kundanna […]”

 Id‑dritt nazzjonali Pollakk

6        L-Artikolu 139(1) tal-Kodeks postępowania karnego (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem il-“KpK”) jipprevedi, essenzjalment, il-possibbiltà li ssir notifika fl-indirizz magħruf ta’ persuna li ma tkunx ikkomunikat l-indirizz il-ġdid tagħha

7        Skont l-Artikolu 75(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, l-akkużat għandu jikkomunika l-indirizz il-ġdid tiegħu fil-każ ta’ bidla tad-domiċilju fil-kuntest ta’ proċedura kriminali.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, ġiet adita mill-awtoritajiet Pollakki b’talba għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fis-26 ta’ Lulju 2021 kontra ċittadin Pollakk mis-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań, il-Polonja). Dan il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa intiż għall-arrest u għall-konsenja tal-persuna kkonċernata lil dawn l-awtoritajiet għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li tneħħi l-libertà ta’ sitt xhur mogħtija mis-Sąd Rejonowy w Pile (il-Qorti Distrettwali ta’ Piła, il-Polonja), permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Frar 2020, li minnha 5 xhur u 29 jum għadhom iridu jiġu eżegwiti mill-persuna kkonċernata.

9        Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2020, is-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań, il-Polonja) ċaħdet l-appell ippreżentat mill-persuna kkonċernata kontra din is-sentenza mingħajr ma wettqet eżami tal-mertu tal-kawża.

10      Huwa stabbilit li l-persuna kkonċernata ma dehritx personalment fil-kawża tagħha la fl-ewwel istanza u lanqas fl-appell u lanqas ma kienet irrappreżentata minn avukat.

11      Il-persuna kkonċernata rċeviet it-taħrika għad-dehra fl-ewwel istanza u l-motivi tas-sentenza tal-ewwel istanza fl-indirizz li kienet indikat lill-awtoritajiet Pollakki kompetenti meta ġiet arrestata bħala dik tar-residenza permanenti tagħha. Min-naħa l-oħra, it-taħrika għad-dehra fl-appell, mibgħuta f’dan l-indirizz, ġiet irċevuta mhux mill-persuna kkonċernata, li kienet appellat, iżda mis-sieħba tagħha, li tirrisjedi wkoll fl-imsemmi indirizz. L-awtoritajiet Pollakki ma kinux f’pożizzjoni li jipprovaw li hija kienet effettivament ikkonsenjatha lill-persuna kkonċernata.

12      Fil-25 ta’ Awwissu 2021, il-persuna kkonċernata ġiet arrestata f’Berlin (il-Ġermanja) u tqiegħdet taħt detenzjoni provviżorja abbażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Huwa għalhekk iddikjara li ma jagħtix il-kunsens tiegħu għal proċedura ta’ konsenja ssemplifikata lill-awtoritajiet Pollakki.

13      Fl-1 ta’ Settembru 2021, il-qorti tar-rinviju ordnat it-tqegħid tal-persuna kkonċernata taħt detenzjoni bl-għan tal-konsenja tagħha lill-awtoritajiet Pollakki.

14      Wara li kisbet mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti kkonċernata preċiżazzjonijiet dwar iċ-ċirkustanzi eżatti li fihom il-persuna kkonċernata kienet ġiet imsejħa, il-Generalstaatsanwaltschaft Berlin (il-Prosekutur Ġenerali ta’ Berlin, il-Ġermanja) illibera lill-persuna kkonċernata u talab lill-qorti tar-rinviju li tannulla l-mandat ta’ arrest maħruġ għall-finijiet ta’ estradizzjoni u tiddikjara bħala illegali l-konsenja tal-persuna kkonċernata minħabba li l-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-IRG, li jittrasponi fid-dritt Ġermaniż l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, joħloq ostakola għal tali konsenja.

15      Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Settembru 2021, il-qorti tar-rinviju neħħiet il-mandat ta’ arrest maħruġ għall-finijiet tal-estradizzjoni tal-persuna kkonċernata, li kienet diġà inħelset. Minkejja li qieset li l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja tal-fatt, li għaliha hija suġġetta tali konsenja u li tikkonsisti fil-verifika li l-fatti allegati jikkostitwixxu reat fiż-żewġ Stati Membri li kkooperaw, kienet issodisfatta f’dan il-każ, hija ddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni dwar it-talba intiża sabiex il-konsenja tal-persuna kkonċernata tiġi ddikjarata illegali.

16      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li t-taħrika għad-dehra fl-appell indirizzata lill-persuna kkonċernata kienet ġiet irċevuta mis-sieħba tagħha jissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

17      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, fil-fatt, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346), li tipprevedi li r-riċezzjoni ta’ taħrika għad-dehra minn membru adult fid-dar tal-persuna kkonċernata hija biżżejjed biss jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ jippermetti li jiġi żgurat li, u, jekk ikun il-każ, meta din il-persuna adulta effettivament għaddiet din it-taħrika lill-persuna kkonċernata, tkun restrittiva wisq. Skont il-qorti tar-rinviju, għandu pjuttost jiġi preżunt li, bħala regola ġenerali, il-membri adulti tal-istess dar jgħaddu lil membri oħra ta’ dik id-dar oġġetti kkunsinnati ddestinati għal dawn tal-aħħar, u li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, filwaqt li jinjoraw l-avvenimenti interni fid-dar ikkonċernata, ma jistgħux għalhekk jipprovaw li t- taħrika għad-dehra effettivament ingħatat lill-persuna kkonċernata. Fin-nuqqas ta’ tali preżunzjoni, l-ostakolu għal tali konsenja li tikkostitwixxi kundanna fil-kontumaċja jkun “insormontabbli”.

18      Il-qorti tar-rinviju tqis għalhekk li l-prova li l-persuna kkonċernata effettivament saret taf bit-taħrika għad-dehra li kienet ġiet innotifikata lilha għandha titqies li ġiet stabbilita meta din it-taħrika tkun ġiet ikkonsenjata lil persuna adulta koabitanti mal-persuna kkonċernata, sakemm din tal-aħħar ma turix il-kuntrarju b’mod plawżibbli.

19      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-proċess li ppreċeda d-deċiżjoni tal-ewwel istanza jekk l-appell ippreżentat mill-persuna kkonċernata ġie miċħud mingħajr ma twettaq eżami tal-mertu.

20      Il-qorti tar-rinviju tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628), li tgħid li, fil-każ ta’ proċeduri kriminali li jinkludu diversi istanzi, dan il-kunċett jirrigwarda l-proċess li fil-kuntest tiegħu tkun ingħatat deċiżjoni definittiva dwar il-ħtija tal-persuna kkonċernata kif ukoll dwar il-kundanna ta’ din tal-aħħar għal piena wara eżami ġdid, fil-fatt kif ukoll fid-dritt, tal-kawża fuq il-mertu, jiġifieri l-aħħar istanza fil-mertu.

21      Minn dan il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li, f’dan il-każ, hija l-proċedura quddiem il-qorti li tiddeċiedi fl-appell, li fiha l-persuna kkonċernata ma pparteċipatx, li hija determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u li, sa fejn il-persuna kkonċernata ma dehritx personalment fil-kuntest ta’ din il-proċedura, għandha tiġi ddikjarata illegali l-konsenja tagħha u għandha tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

22      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza li tirriżulta minn din is-sentenza f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-persuna kkonċernata ma segwitx it-taħrika tagħha għas-seduta fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell.

23      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis, minn naħa, li jaqgħu biss taħt il-kunċett ta’ “proċess”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-proċeduri li taw lok għal eżami tal-kawża fuq il-mertu. Issa, jeżistu diverġenzi fl-organizzazzjoni tal-proċedura ta’ appell fid-diversi Stati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligu, tal-qorti nazzjonali, li tipproċedi, fil-każ tal-assenza tal-persuna kkonċernata, għal tali eżami.

24      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, jekk l-appell jiġi miċħud mingħajr ma jsir eżami fuq il-mertu, is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza tikseb l-awtorità ta’ res judicata u tkun għalhekk eżekuttiva, li jimplika li l-konsenja tal-persuna kkonċernata tkun, fir-realtà, mitluba għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza. Minn dan hija tiddeduċi li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċess”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirreferi għad-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita.

25      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-IRG, li tistabbilixxi l-kundanna fil-kontumaċja bħala “ostakolu assolut” għall-konsenja ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew filwaqt li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tittrasponi fid-dritt Ġermaniż, jipprevedi biss f’dan ir-rigward raġuni fakultattiva ta’ rifjut.

26      Skont il-qorti tar-rinviju, din l-aħħar dispożizzjoni ma ġietx trasposta b’mod sħiħ fid-dritt Ġermaniż peress li l-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-IRG ma jipprevedix il-possibbiltà għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżerċita setgħa diskrezzjonali fil-każ ta’ kundanna fil-kontumaċja.

27      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 69, 72, 73 u 76), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm l-applikazzjoni diretta tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija eskluża, peress li din tal-aħħar ma għandhiex effett dirett, xorta jibqa’ l-fatt li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tinterpreta d-dritt nazzjonali konformement ma’ din id-deċiżjoni qafas sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha, madankollu hija eskluża interpretazzjoni contra legem ta’ dan id-dritt.

28      Il-qorti tar-rinviju tqis li hija ma hijiex f’pożizzjoni li tinterpreta l-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-IRG fis-sens li jagħtiha, fil-kuntest tal-eżami tal-ostakolu għall-konsenja tal-persuna kkonċernata, setgħa diskrezzjonali li tippermettilha tiddikjara legali din il-konsenja minkejja l-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-artikolu. Hija tqis li, skont l-Artikolu 4a(1) (a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u s-setgħa diskrezzjonali li hija għandha f’dan ir-rigward, hija għandha tkun tista’ tikkunsidra li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, id-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata ġie debitament irrispettat anki jekk ma dehritx personalment fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell u li l-konsenja ta’ din tal-aħħar hija għalhekk legali.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] għandu jibqa’ jiġi interpretat fis-sens li, meta t-taħrika tiġi nnotifikata billi tingħata lil persuna adulta li tgħix mal-parti kkonċernata, hija l-awtorità ġudizzjarja emittenti li għandha tipproduċi l-prova li l-parti kkonċernata tkun fil-fatt irċeviet it-taħrika, jew l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li n-notifika f’idejn persuna adulta li tgħix mal-parti kkonċernata tistabbilixxi li l-parti kkonċernata kellha fil-fatt għarfien tat-taħrika, sakemm din tal-aħħar ma turix b’mod plawżibbli li dan ma huwiex il-każ u għaliex?

2.      Il-kunċett ta’ ‘proċess’ użat fl-Artikolu 4a(1) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn ikun sar appell, dan jipprevedi l-proċess li ppreċeda d-deċiżjoni tal-ewwel istanza fil-każ li l-persuna mħarrka biss tkun ressqet appell u dan ġie miċħud mingħajr eżami fil-mertu?

3.      Il-fatt li, fil-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-[IRG], il-leġiżlatur Ġermaniż stabbilixxa l-kundanna fil-kontumaċja bħala ostakolu assolut għall-konsenja minkejja li l-Artikolu 4a(1) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] jipprevedi biss f’dan ir-rigward raġuni fakultattiva għal rifjut, huwa kompatibbli mas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4a(1) (a)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta taħrika għad-dehra tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata bil-kunsinna tagħha lil persuna adulta li tgħix magħha, il-persuna kkonċernata għandhiex titqies li effettivament kellha għarfien ta’ din it-taħrika għad-dehra, sakemm din ma turix b’mod plawżibbli l-kuntrarju, jew inkella hijiex l-awtorità ġudizzjarja emittenti kkonċernata li għandha tipproduċi l-prova li l-persuna kkonċernata effettivament irċeviet l-imsemmija taħrika għad-dehra.

31      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li taħrika għad-dehra ġiet ikkunsinnata lil terz li jimpenja ruħu li jikkunsinna din it-taħrika lill-persuna kkonċernata ma jippermettix li jiġi stabbilit mingħajr ekwivoku la l-fatt li l-persuna kkonċernata effettivament irċeviet l-informazzjoni dwar id-data u l-post tal-proċess tagħha u lanqas, jekk ikun il-każ, il-mument preċiż ta’ din ir-riċezzjoni (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki, C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 47).

32      B’hekk, ma tissodisfax waħedha l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, taħrika għad-dehra li tkun ġiet innotifikata mhux direttament lill-persuna kkonċernata, iżda bil-kunsinna, fl-indirizz ta’ din tal-aħħar, lil persuna adulta residenti fid-dar ikkonċernata li impenjat ruħha li tikkunsinjaha lilha, mingħajr ma l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ jippermetti li jiġi żgurat li, u, jekk ikun il-każ, meta, din il-persuna effettivament ikkunsinnat din it-taħrika lill-persuna kkonċernata (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki, C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 54).

33      Il-qorti tar-rinviju tqis li għandha titbiegħed mill-ġurisprudenza li tirriżulta minn din is-sentenza, li hija tqis restrittiva wisq. Hija ssostni li pjuttost għandha tiġi stabbilita preżunzjoni, ibbażata fuq il-fatt li l-persuna adulta residenti fid-dar tal-persuna kkonċernata effettivament tgħaddi lil din tal-aħħar it-taħrika indirizzata lilha, li tista’ tiġi kkonfutata jekk il-persuna kkonċernata turi li dan, fir-realtà, ma kienx il-każ. Fin-nuqqas ta’ tali preżunzjoni, l-ostakolu għall-konsenja tal-persuna kkonċernata li jikkostitwixxi kundanna fil-kontumaċja jkun, fil-fehma tagħha, “insormontabbli”.

34      Għandu jiġi kkonstatat li din il-preżunzjoni tmur kontra l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li huwa li tiġi protetta l-persuna mħarrka sabiex tidher billi jiġi żgurat li hija jkollha l-informazzjoni dwar id-data u l-post tal-proċess tagħha. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, sabiex jintlaħaq dan l-għan, għandu jiġi stabbilit b’mod inekwivoku li din it-terza persuna effettivament tkun ikkunsinnat it-taħrika lill-persuna kkonċernata (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki, C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346, punti 46 u 48).

35      Fi kwalunkwe każ, il-ġurisprudenza li tirriżulta mill-imsemmija sentenza ma tistax titqies li hija restrittiva wisq.

36      Fil-fatt, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li taħrika għad-dehra ikkonsenjata lil persuna adulta residenti fid-dar tal-persuna kkonċernata, li tkun impenjat ruħha li tikkunsinna din it-taħrika lil din tal-aħħar, tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 biss meta l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ jippermetti li jiġi żgurat li, u, jekk ikun il-każ, meta din il-persuna tkun effettivament ikkunsinnat din it-taħrika lill-persuna kkonċernata.

37      B’hekk, hija l-awtorità ġudizzjarja emittenti li għandha tindika, fil-mandat ta’ arrest Ewropew, l-elementi li abbażi tagħhom ikun ġie kkonstatat li l-persuna kkonċernata uffiċjalment u effettivament irċeviet l-informazzjoni dwar id-data u l-post tal-proċess tagħha (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki, C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346, punti 46 u 49).

38      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, meta awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiżgura ruħha li l-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 4a(1)(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ikunu ssodisfatti, hija tista’ wkoll tibbaża ruħha fuq ċirkustanzi oħra li jippermettulha tiżgura ruħha li l-kunsinna tat-taħrika għad-dehra lill-persuna kkonċernata ma timplikax ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ din tal-aħħar, b’mod partikolari l-aġir tal-persuna kkonċernata. Huwa fil-fatt f’dan l-istadju tal-proċedura ta’ konsenja li attenzjoni speċjali tista’ tingħata għal nuqqas manifest possibbli ta’ diliġenza min-naħa tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari meta jidher li hija fittxet li taħrab in-notifika tal-informazzjoni li ġiet indirizzata lilha (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki, C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346, punti 50 u 51).

39      Minn dan isegwi li l-fatt li l-persuna kkonċernata ma rċevietx it-taħrika għad-dehra personalment ma jikkostitwixxix “ostakolu assolut” għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontriha. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tasal, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtorità ġudizzjarja emittenti kkonċernata fil-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra l-persuna kkonċernata, għall-konklużjoni li tali taħrika tosserva, fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jew li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-kawża kkonċernata, id-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata kienu, minkejja dan il-fatt, debitament irrispettati u li l-konsenja tal-persuna kkonċernata hija għalhekk legali.

40      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta taħrika għad-dehra tkun innotifikata lill-persuna kkonċernata bil-kunsinna tagħha lil persuna adulta koabitanti magħha, hija l-awtorità ġudizzjarja emittenti kkonċernata li għandha tipproduċi l-prova li l-persuna kkonċernata effettivament irċeviet din it-taħrika għad-dehra.

 Fuq it-tieni domanda

41      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jirrigwardax il-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni tal-ewwel istanza meta l-appell ippreżentat mill-persuna kkonċernata jkun ġie miċħud mingħajr ma twettaq eżami tal-mertu tal-kawża.

42      Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, meta, bħal f’dan il-każ, il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell li tkun wasslet għal sentenza li tikkonferma d-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza, mingħajr ma l-kawża tkun ġiet eżaminata mill-ġdid fil-mertu, din il-proċedura taqax taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

43      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jinftiehem bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar, indipendentement mill-klassifikazzjonijiet fl-Istati Membri. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 67 u tat-22 ta’ Diċembru 2017, Ardic C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 63).

44      Dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jindika l-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni ġudizzjarja li kkundannat b’mod definittiv lill-persuna li ntalbet il-konsenja tagħha fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (sentenzi tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 74, kif ukoll tat-23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni), C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, punt 52).

45      Hija d-deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi b’mod definittiv il-kawża fir-rigward tal-mertu, fis-sens li ma tistax tinbidel permezz ta’ rimedju ordinarju, li hija determinanti għall-persuna kkonċernata, peress li taffettwa direttament is-sitwazzjoni individwali tagħha fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ ħtija kif ukoll, jekk ikun il-każ, fl-istabbiliment tal-piena ta’ tneħħija ta’ libertà li għandha tiskonta (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 83).

46      Għaldaqstant, huwa f’dan l-istadju tal-proċedura li l-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha ta’ difiża b’mod sħiħ sabiex targumenta, b’mod effettiv, il-punt tagħha u teżerċita b’hekk influwenza fuq id-deċiżjoni finali li tista’ tinvolvi t-tneħħija ta’ libertà individwali tagħha. Ir-riżultat li twassal għalih din il-proċedura huwa irrilevanti f’dan il-kuntest (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 84).

47      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, ta’ xenarju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-proċess żvolġa matul żewġ istanzi suċċessivi, jiġifieri l-ewwel istanza segwita bi proċedura ta’ appell, billi hija biss il-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni mogħtija fl-appell li għaldaqstant hija rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sakemm din l-istanza kienet intiża għad-deċiżjoni li ma tistax tiġi suġġetta għal appell ordinarju li għaldaqstant ddeċidiet b’mod finali il-kawża fir-rigward tal-mertu (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 90).

48      Minn dan isegwi li l-element determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ proċedura bħala li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, huwa l-fatt li din il-proċedura wasslet għal sentenza li tikkostitwixxi kundanna definittiva u li, konsegwentement, tiddeċiedi l-kawża definittivament fuq il-mertu.

49      Għandu jiġi kkonstatat li proċedura ta’ appell bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tat lok għal sentenza li tikkonferma d-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza, mingħajr ma twettaq eżami tal-mertu tal-kawża, taqa’ taħt dan il-kunċett meta tiddeċiedi definittivament il-kawża kkonċernata, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

50      Fil-fatt, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa intiż li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni u li jippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni kkonċernata tipproċedi bil-konsenja tal-persuna kkonċernata minkejja l-assenza tagħha fil-proċeduri li jkunu wasslu għall-kundanna tagħha, filwaqt li jiġu osservati d-drittijiet tad-difiża tagħha (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 58).

51      Issa, jekk proċedura ta’ appell, li twettqet fl-assenza tal-persuna kkonċernata, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, minħabba li ma tinkludix eżami tal-kawża fil-mertu, dan ikollu l-konsegwenza li l-proċedura rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tkun il-proċedura tal-ewwel istanza u li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata jkun jista’ jiġi vverifikat biss fir-rigward unikament ta’ din il-proċedura.

52      Tali sitwazzjoni ma tistax tiġi aċċettata, peress li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, meta jkunu previsti żewġ istanzi, il-fatt li l-persuna kkonċernata setgħet effettivament teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha fl-ewwel istanza ma jippermettix li jiġi konkluż li dan kien neċessarjament il-każ fl-appell, jekk din l-istanza żvolġiet fl-assenza tagħha. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 80). Barra minn hekk, il-fatt li persuna kkundannata fl-ewwel istanza tappella sabiex tiddefendi d-drittijiet tagħha ma jistax ikollu l-effett li jnaqqas il-protezzjoni mogħtija lilha mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

53      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, jirreferi għal proċedura ta’ appell li tat lok għal sentenza li tikkonferma d-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza u li għalhekk taqta’ l-kawża b’mod definittiv. Il-fatt li din il-proċedura ta’ appell żvolġiet mingħajr ma sar eżami tal-mertu tal-kawża ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

 Fuq it-tielet domanda

54      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tittrasponi l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jeskludi, b’mod ġenerali, il-possibbiltà għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena meta l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-kuntest tal-proċess li wassal għad-deċiżjoni kkonċernata.

55      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tistabbilixxi, fl-Artikolu 1(2) tagħha, ir-regola skont liema l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas. Ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu għalhekk jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss fil-każijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, previsti mill-imsemmija deċiżjoni qafas. L-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax tkun subordinata biss għal waħda mill-kundizzjonijiet li huma limitatament elenkati fiha. Konsegwentement, billi l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tiegħu huwa mifhum bħala eċċezzjoni li għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU EU:C:2017:503, punt 50).

56      B’hekk, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tistabbilixxi espliċitament, minn naħa, ir-raġunijiet obbligatorji (Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas) u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet fakultattivi (Artikoli 4 u 4a tal-imsemmija deċiżjoni qafas) għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. B’mod partikolari, l-Artikolu 4a tal-istess deċiżjoni qafas jillimita l-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew billi jelenka, b’mod speċifiku u uniformi, il-kundizzjonijiet li fihom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija fi tmiem proċess li fih il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment ma jistgħux jiġu rrifjutati (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 53).

57      Mill-kliem tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprevedi raġuni fakultattiva ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ garanzija li tneħħi l-libertà, jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment għall-proċedura li wasslet għall-kundanna tagħha. Din l-għażla hija, madankollu, suġġetta għal erba’ eċċezzjonijiet stabbiliti, rispettivament, f’din id-dispożizzjoni, (a) sa (d), li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni kkonċernata hija mċaħħda mill-possibbiltà li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew kien ġie indirizzat lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 40).

58      Għaldaqstant, awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li jneħħu l-libertà jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-proċeduri li jkunu wasslu għad-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jkunx jindika li l-kundizzjonijiet stabbiliti, rispettivament fil-punti (a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jkunu ssodisfatti (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 54).

59      Minn dan isegwi li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija marbuta li tipproċedi bl-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, minkejja l-assenza tal-persuna kkonċernata fil-proċeduri li wasslu għad-deċiżjoni kkonċernata, meta tkun ivverifikata l-eżistenza ta’ waħda miċ-ċirkustanzi msemmija rispettivament fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 55).

60      Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tippreċiża li, peress li dan l-Artikolu 4a jipprevedi każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’, fi kwalunkwe każ, anki wara li tkun ikkonstatat li ċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt preċedenti ma jkoprux is-sitwazzjoni tal-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra li jippermettulha tiżgura ruħha li l-konsenja tal-persuna kkonċernata ma timplikax ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek, C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 107, kif ukoll tas-17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg, C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ b’hekk tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir muri mill-persuna kkonċernata. Fil-fatt huwa f’dan l-istadju tal-proċedura ta’ konsenja li tkun tista’ tingħata attenzjoni attenzjoni partikolari lill-fatt li l-persuna kkonċernata ppruvat tevita n-notifika tal-informazzjoni indirizzata lilha (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg, C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Minn dan jirriżulta li, meta tivverifika li waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija ssodisfatta, awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tiġi prekluża milli tiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata billi tieħu, f’dan ir-rigward, debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-kawża li hija adita biha, inkluża l-informazzjoni li jista’ jkollha hija stess.

63      F’dan il-każ, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tobbliga, b’mod ġenerali, lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni kkonċernata sabiex tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew fil-każ ta’ kundanna fil-kontumaċja. Din il-leġiżlazzjoni ma tħalli lil din l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ebda setgħa diskrezzjonali għall-finijiet tal-verifika tal-eżistenza ta’ waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija, rispettivament, fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, jekk id-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata jistgħu jitqiesu li ġew irrispettati, u, għaldaqstant, sabiex tiddeċiedi li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew ikkonċernat.

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

65      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil qorti nazzjonali ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, peress li din ma għandhiex effett dirett. Madankollu, l-awtoritajiet tal-Istati Membri, inklużi l-qrati, huma meħtieġa jagħtu, sa fejn ikun possibbli, interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali tagħhom li tippermettilhom jiżguraw riżultat kompatibbli mal-finalità segwita mid-deċiżjoni qafas ikkonċernata (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 109).

66      Fil-fatt, għalkemm id-deċiżjonijiet qafas ma jistgħux jipproduċu effett dirett, in-natura vinkolanti tagħhom, xorta waħda toħloq, għall-awtoritajiet nazzjonali, obbligu li jinterpretaw id-dritt intern tagħhom b’mod konformi b’effett mid-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet qafas. Meta japplikaw id-dritt nazzjonali tagħhom, dawn l-awtoritajiet huma għalhekk obbligati li jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-finalità tad-deċiżjoni qafas ikkonċernata sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha, madankollu hija eskluża interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali. B’hekk, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u li jiġu applikati metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni qafas ikkonċernata u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-finalità tagħha (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 72 sa 77).

67      Minn dan isegwi li hija l-qorti tar-rinviju, li għandha, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-finalità tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

68      Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-dispożizzjoni li teskludi, b’mod ġenerali, il-possibbiltà għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena meta l-persuna kkonċernata ma dehritx personalment fil-kuntest tal-proċess li wassal għad-deċiżjoni kkonċernata, tmur kontra l-imsemmija dispożizzjoni. Qorti nazzjonali għandha l-obbligu, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, li tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-finalità ta’ din id-deċiżjoni qafas.

 Fuq l-ispejjeż

69      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/JAI, tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li meta taħrika għad-dehra tkun innotifikata lill-persuna kkonċernata bil-kunsinna tagħha lil persuna adulta koabitanti magħha, hija l-awtorità ġudizzjarja emittenti kkonċernata li għandha tipproduċi l-prova li l-persuna kkonċernata effettivament irċeviet din it-taħrika għad-dehra.

2)      L-Artikolu 4a(1) tad-d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, jirreferi għal proċedura ta’ appell li tat lok għal sentenza li tikkonferma d-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza u li għalhekk taqta’ l-kawża b’mod definittiv. Il-fatt li din il-proċedura ta’ appell żvolġiet mingħajr ma sar eżami tal-mertu tal-kawża ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

3)      L-Artikolu 4a(1) tad-d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-dispożizzjoni li teskludi, b’mod ġenerali, għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena meta l-persuna kkonċernata ma dehritx personalment fil-kuntest tal-proċess li wassal għad-deċiżjoni kkonċernata, tmur kontra l-imsemmija dispożizzjoni. Qorti nazzjonali għandha l-obbligu, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, li tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-finalità ta’ din id-deċiżjoni qafas.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.