Language of document : ECLI:EU:C:2024:1

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

9 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Possibbiltà għall-qorti tar-rinviju li tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja – Neċessità tal-interpretazzjoni mitluba biex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha – Indipendenza tal-imħallfin – Kundizzjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji – Possibbiltà li jitqiegħed inkwistjoni digriet li ta deċiżjoni definittiva dwar talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji – Possibbiltà li mħallef jiġi eskluż minn kulleġġ ġudikanti – Ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari”

Fil-Kawżi magħquda C‑181/21 u C‑269/21,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice, il-Polonja) u mis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑18 ta’ Marzu 2021 u tal‑31 ta’ Marzu 2021, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Marzu 2021 u fis‑27 ta’ April 2021 rispettivament, fil-proċeduri

G.

vs

M.S. (C‑181/21)

fil-preżenza ta’:

Rzecznik Praw Obywatelskich,

Sąd Okręgowy w Katowicach,

u

BC,

DC

vs

X (C‑269/21),

fil-preżenza ta’:

Rzecznik Praw Obywatelskich,

Sąd Okręgowy w Krakowie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, E. Regan, N. Piçarra, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, L. S. Rossi, I. Jarukaitis (Relatur), A. Kumin, N. Jääskinen, I. Ziemele u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Ġunju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Prokuratura Okręgowa w Katowicach u l-Prokuratura Okręgowa w Krakowie, minn R. Babiński, S. Bańko, A. Reczka, B. Szyprowski u E. Tkaczewska‑Kuk,

–        għar-Rzecznik Praw Obywatelskich, minn M. Taborowski, V. Vachev u M. Wróblewski,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, K. Straś u S. Żyrek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. F. Kronborg u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. A. M. de Ree u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Diċembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 6(1) sa (3), kif ukoll tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Dawn it-talbiet tressqu, fil-Kawża C‑181/21, fil-kuntest ta’ tilwima bejn kumpannija privata u konsumatur fir-rigward ta’ dejn li jirriżulta minn kuntratt ta’ kreditu, u, fil-Kawża C‑269/21, fil-kuntest ta’ tilwima bejn konsumaturi u bank fir-rigward ta’ dejn u ta’ talba għall-annullament ta’ kuntratt ta’ kreditu ddenominat f’munita barranija.

 Ilkuntest ġuridiku

 IlKostituzzjoni

3        Bis-saħħa tal-Artikolu 179 tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”):

“L-imħallfin għandhom jinħatru mill-President tar-Repubblika, fuq proposta tal-Krajowa Rada Sądownictwa [(il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-‘KRS’)], għal żmien indeterminat.”

4        Skont l-Artikolu 186(1) tal-Kostituzzjoni:

“Il-[KRS] huwa l-gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin.”

5        L-Artikolu 187 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“1.      Il-[KRS] huwa kompost:

1)      mill-Ewwel President tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja)], mill-Ministru għall-Ġustizzja, mill-President tan-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja)] u minn persuna nnominata mill-President tar-Repubblika,

2)      minn ħmistax-il membru eletti minn fost l-imħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], tal-qrati ordinarji, tal-qrati amministrattivi u tal-qrati militari,

3)      minn erba’ membri eletti [mis-Sejm (il-Kamra Inferjuri tal-Parlament, il-Polonja)] minn fost id-deputati u minn żewġ membri eletti mis-Senat minn fost is-senaturi.

[…]

3.      Il-mandat tal-membri eletti [tal-KRS] huwa ta’ erba’ snin.

4.      Ir-regoli, il-qasam ta’ attività, il-metodu ta’ ħidma [tal-KRS] kif ukoll il-mod li bih jiġu eletti l-membri tiegħu huma ddefiniti mil-liġi.”

 IlLiġi dwar ilQrati Ordinarji

6        Bis-saħħa tal-Artikolu 3 tal-ustawa Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji) tas‑27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. Nru 98, pożizzjoni 1070), kif emendata mill-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra), tal‑20 ta’ Diċembru 2019 (Dz. U. tal‑2020, pożizzjoni 190), li daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qrati Ordinarji”):

“1.      L-imħallfin għandhom jistabbilixxu awtoregolamentazzjoni ġudizzjarja.

2.      L-organi ta’ awtoregolamentazzjoni ġudizzjarja huma:

1)      l-Assemblea Ġenerali tal-Imħallfin ta’ sąd apelacyjny (qorti tal-appell, il-Polonja);

2)      l-Assemblea Ġenerali tal-Imħallfin ta’ sąd okręgowy (qorti reġjonali, il-Polonja);

3)      l-Assemblea Ġenerali tal-Imħallfin ta’ sąd rejonowy (qorti distrettwali, il-Polonja).”

7        Bis-saħħa tal-Artikolu 24(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, il-Ministru għall-Ġustizzja jaħtar il-Presidenti tas-sądy okręgowe (il-qrati reġjonali) minn fost l-imħallfin tas-sądy apelacyjne (il-qrati tal-appell), tas-sądy okręgowe (il-qrati reġjonali) jew tas-sądy rejonowe (il-qrati distrettwali), għal perijodu ta’ sitt snin skont l-Artikolu 26 ta’ din il-liġi. Wara li jkun ħatar il-President ta’ sąd Okręgowy (qorti reġjonali), il-Ministru għall-Ġustizzja jippreżentah lill-Assemblea Ġenerali kompetenti tal-imħallfin tas-sąd okręgowy (qorti reġjonali) kkonċernata.

8        Konformement mal-Artikolu 29(1) ta’ din il-liġi, il-kulleġġ ta’ sąd apelacyjny (qorti tal-appell) iwettaq il-kompiti previsti mill-imsemmija liġi u:

“[…]

1a)      jagħti opinjonijiet dwar il-kandidati għall-pożizzjoni ta’ mħallef tas-sąd apelacyjny (qorti tal-appell) ikkonċernata […]”

9        Konformement mal-Artikolu 31 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, il-kulleġġ ta’ sąd okręgowy (qorti reġjonali) jagħti, b’mod partikolari, l-opinjoni tiegħu dwar il-kandidati għall-pożizzjoni ta’ mħallef tas-sąd okręgowy (il-qorti reġjonali) kkonċernata u tas-sądy rejonowe (il-qrati distrettwali). Bis-saħħa tal-Artikolu 30(1) ta’ din il-liġi, il-kulleġġ huwa formazzjoni komposta, skont il-punt a) ta’ din id-dispożizzjoni, mill-President tas-sąd okręgowy (il-qorti reġjonali) kkonċernata u, skont il-punt 2 tal-imsemmija dispożizzjoni, tal-Presidenti tas-sądy rejonowe (il-qrati distrettwali) sedenti f’din is-sąd okręgowy (il-qorti reġjonali), fejn dan il-punt 2 daħal fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020. Konformement mal-Artikolu 30(3) tal-imsemmija liġi, li wkoll daħal fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020, id-delegati tal-Assemblea Ġenerali tal-imħallfin ta’ sąd okręgowy (qorti reġjonali) jistgħu jassistu għal-laqgħat li matulhom l-imsemmi kulleġġ għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-kandidati għall-pożizzjoni ta’ mħallef f’din is-sąd okręgowy (il-qorti reġjonali), u għandhom id-dritt tal-vot biss għal dan il-għan.

10      Fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sat‑13 ta’ Frar 2020, l-Artikolu 33 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji kien ifformulat kif ġej:

“1.      L-Assemblea Ġenerali tal-imħallfin sendenti f’sąd apelacyjny (qorti ta’ appell) għandha tkun komposta mill-imħallfin tas-sąd apelacyjny (il-qorti tal-appell) ikkonċernat, mir-rappreżentanti tal-imħallfin tas-sądy okręgowe (il-qrati reġjonali) li jkunu qed joperaw taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dan is-sąd apelacyjny (il-Qorti tal-Appell) […], u mir-rappreżentanti tal-imħallfin tas-sądy rejonowe (il-qrati distrettwali) li jkunu qed joperaw taħt il-ġurisdizzjoni tal-imsemmi sąd apelacyjny (Qorti tal-Appell) […]

[…]”

11      Konformement mal-Artikolu 35(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, l-Assemblea Ġenerali tal-imħallfin ta’ sąd okręgowy (qorti reġjonali) hija komposta mill-imħallfin kollha ta’ din il-qorti. L-imħallfin delegati għall-funzjoni ta’ mħallef fi ħdan l-imsemmija qorti jistgħu jieħdu sehem f’din l-assemblea iżda ma għandhomx dritt ta’ vot.

12      Mill‑14 ta’ Frar 2020, din l-assemblea tista’, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 36(1) ta’ din il-liġi, teleġi delegati li jassistu għal-laqgħat li matulhom il-kulleġġ tas-sąd okręgowy (il-qorti reġjonali) kkonċernata għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-kandidati għal pożizzjoni ta’ mħallef ta’ dan is-sąd okręgowy (il-Qorti Reġjonali) jew ta’ mħallef ta’ sąd rejonowy (qorti distrettwali). Konformement mal-Artikolu 36(2) ta’ din il-liġi, dawn id-delegati huma eletti b’vot sigriet u f’numru ugwali għal dak tal-membri tal-kulleġġ tal-imsemmija sąd okręgowy (il-Qorti Reġjonali).

13      L-Artikolu 42a tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprovdi:

“1.      Fil-kuntest tal-attivitajiet tal-qrati jew tal-korpi tal-qrati, ma għandux ikun permissibbli li titqiegħed inkwistjoni l-leġittimità tal-[qrati], tal-korpi kostituzzjonali tal-Istat u tal-korpi ta’ kontroll u ta’ protezzjoni tal-liġi.

2.      Qorti ordinarja jew awtorità oħra ma tistax tikkonstata jew tevalwa l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tas-setgħa li jiġu eżerċitati funzjonijiet fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja li jirriżultaw minn din il-ħatra.”

14      Fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sat‑13 ta’ Frar 2020, l-Artikolu 55(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji kien ifformulat kif ġej:

“L-imħallfin tal-qrati ordinarji huma maħtura għall-pożizzjoni ta’ mħallef mill-President tar-Repubblika tal-Polonja fuq proposta tal-[KRS] f’terminu ta’ xahar mid-data li fiha tintbagħat din il-proposta.”

15      L-Artikolu 55(1) tal-imsemmija liġi kif emendata issa jipprovdi:

“Imħallef ta’ qorti ordinarja huwa persuna maħtura f’tali pożizzjoni mill-President tar-Repubblika tal-Polonja u li tat il-ħalfa tagħha quddiem dan tal-aħħar.”

16      Fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sat‑13 ta’ Frar 2020, l-Artikolu 58 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji kien ifformulat kif ġej:

“1.      Jekk ikun hemm iktar minn kandidatura waħda għal pożizzjoni ġudizzjarja vakanti, il-kandidaturi kollha għandhom jiġu eżaminati fl-istess laqgħa tal-assemblea.

2.      L-Assemblea Ġenerali tal-Imħallfin tal-Appell jew l-Assemblea Ġenerali tal-Imħallfin Reġjonali għandha tiddeċiedi dwar il-kandidati permezz ta’ vot u għandha tittrażmetti l-kandidaturi kollha, b’indikazzjoni tan-numru ta’ voti miksuba, lill-President tas-sąd apelacyjny [(il-Qorti tal-Appell)] jew tas-sąd okręgowy [(il-Qorti Reġjonali)], skont il-każ.”

17      Fl‑14 ta’ Frar 2020, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 58 tħassar. Sussegwentement, il-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 58 ġie fformulat kif ġej:

“Jekk ikun hemm iktar minn kandidatura waħda għal pożizzjoni ġudizzjarja vakanti, il-kandidaturi kollha għandhom jiġu eżaminati fl-istess laqgħa tal-kulleġġ.

[…]”

 IlLiġi dwar ilQorti Suprema

18      L-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 5), b’mod partikolari, stabbilixxiet, fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), l-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, il-Polonja).

19      Skont l-Artikolu 26 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, kif emendata bil-Liġi tal‑20 ta’ Diċembru 2019 li temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra:

“1.      Għandhom jaqgħu fil-kompetenza tal-[Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi] ir-rikorsi straordinarji, it-tilwimiet fil-qasam elettorali u l-kontestazzjonijiet tal-validità ta’ referendum nazzjonali jew ta’ referendum kostituzzjonali, il-konstatazzjoni tal-validità tal-elezzjonijiet u tar-referendums, il-kawżi l-oħra relatati mad-dritt pubbliku, inkluż il-kontenzjuż dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, tar-regolamentazzjoni tal-enerġija, tat-telekomunikazzjonijiet u tat-trasport ferrovjarju, kif ukoll ir-rikorsi diretti kontra d-deċiżjonijiet tal-Przewodniczy Krajowej Rady Radiofonii i Telewizji [(il-President tal-Kunsill Nazzjonali tar-Radju u tat-Televiżjoni, il-Polonja)], jew li jikkontestaw it-tul eċċessiv tal-proċeduri quddiem il-qrati ordinarji u militari, kif ukoll quddiem is-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)].

2.      L-[Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi] għandha ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tat-talbiet jew dikjarazzjonijiet dwar ir-rikuża ta’ mħallef jew l-għażla tal-qorti li quddiemha għandha ssir proċedura, li jinvolvu lmenti bbażati fuq l-assenza ta’ indipendenza tal-qorti jew tal-imħallef. Il-qorti adita bil-kawża għandha tibgħat immedjatament talba lill-President tal-[Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi] sabiex din tiġi ttrattata konformement mar-regoli stabbiliti minn dispożizzjonijiet distinti. Is-sottomissjoni ta’ talba lill-President tal-[Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi] ma tissospendix il-proċedura pendenti.

3.      It-talba msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tiġi eżaminata jekk din tkun tirrigwarda l-konstatazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tal-leġittimità tiegħu sabiex jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji.

[…]”

20      L-Artikolu 29 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jipprevedi li l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għandhom jinħatru mill-President tar-Repubblika fuq proposta tal-KRS.

 IlLiġi dwar ilKunsill Nazzjonali talĠudikatura.

21      Skont l-Artikolu 9a tal-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. tal‑2011, Nru 126, pożizzjoni 714), kif emendata bl-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsil Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 3):

“1.      Is-Sejm jeleġġi, minn fost l-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], tal-qrati ordinarji, tal-qrati amministrattivi u tal-qrati militari, ħmistax-il membru [tal-KRS] għal mandat komuni ta’ perijodu ta’ erba’ snin.

2.      Meta jipproċedu għall-elezzjoni msemmija fil-paragrafu 1, is-Sejm għandu, sa fejn ikun possibbli, jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonn ta’ rappreżentanza fi ħdan [il-KRS] ta’ mħallfin minn tipi u livelli differenti ta’ qrati.

3.      Il-mandat konġunt tal-membri ġodda tal-[KRS] eletti minn fost l-imħallfin għandu jibda l-għada tal-ġurnata tal-elezzjoni tagħhom. Il-membri uxxenti tal-[KRS] għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom sal-jum li fih jibda l-mandat konġunt tal-membri l-ġodda tal-[KRS].”

22      Id-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fl-Artikolu 6 tal-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017 li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra, li daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Jannar 2018, tipprevedi:

“Il-mandat tal-membri [tal-KRS] imsemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 187(1) tal-[Kostituzzjoni], eletti bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet attwali, għandu jibqa’ effettiv sal-jum ta’ qabel il-bidu tal-mandat tal-membri l-ġodda [tal-KRS], mingħajr madankollu ma jinqabżu d-90 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, sakemm dan il-mandat ma jkunx spiċċa qabel minħabba li jkun wasal fi tmiemu.”

 IlKodiċi talProċedura Ċivili

23      Bis-saħħa tal-Artikolu 48 tal-ustawa - Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) tas‑17 ta’ Novembru 1964, fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”):

“1.      Imħallef jiġi rrikużat ipso iure:

1)      minn kawżi li fihom huwa parti jew li fihom huwa għandu rabta ġuridika tali ma’ waħda mill-partijiet li l-eżitu tal-kawża jkun jaffettwa d-drittijiet jew l-obbligi tiegħu;

[…]

5)      minn kawżi li pparteċipa fihom, f’istanza ta’ livell inferjuri, fir-rigward tal-għoti tas-sentenza appellata, kif ukoll minn kawżi li jikkonċernaw il-validità ta’ att ġuridiku redatt bil-parteċipazzjoni tiegħu jew li kien mistħarreġ minnu, u minn kawżi li fihom huwa aġixxa bħala prokurator [(prosekutur, il-Polonja)];

[…]”

24      L-Artikolu 49(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jiddikjara:

“Indipendentement mir-raġunijiet iddikjarati fl-Artikolu 48, il-qorti tirrikuża lil imħallef, fuq talba tiegħu jew ta’ parti, jekk teżisti ċirkustanza tali li tqajjem dubju leġittimu dwar l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef fil-kawża kkonċernata.”

25      L-Artikolu 50 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“1.      Il-partijiet għandhom jitolbu r-rikuża ta’ mħallef bil-miktub jew permezz ta’ dikjarazzjoni orali sottomessa lill-qorti li quddiemha hija pendenti l-kawża kkonċernata filwaqt li jindikaw il-plawżibbiltà tar-raġunijiet għal rikuża.

2.      Barra minn hekk, il-parti li ħadet sehem fis-seduta għandha turi li huwa plawżibbli li ċ-ċirkustanza li tiġġustifika r-rikuża seħħet jew inġiebet għall-għarfien tagħha biss sussegwentement.

3.      Sakemm tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal rikuża ta’ mħallef:

1)      l-imħallef ikkonċernat minn din it-talba jista’ jkompli bil-proċedura;

2)      ma tista’ tingħata ebda deċiżjoni jew miżura li ttemm l-istanza.”

26      L-Artikolu 365(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi:

“Deċiżjoni finali torbot mhux biss lill-partijiet u lill-qorti li tkun tatha, iżda wkoll lill-qrati l-oħra, lill-awtoritajiet pubbliċi l-oħra u lill-korpi ta’ amministrazzjoni pubblika, kif ukoll, fil-każijiet previsti mil-liġi, lil persuni oħra.”

27      Bis-saħħa tal-Artikolu 367(3) ta’ dan il-kodiċi:

“Il-qrati tat-tieni istanza għandhom jeżaminaw il-kawżi b’kulleġġ ta’ tliet imħallfin in camera, il-qorti għandha tiddeċiedi b’kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef uniku, ħlief meta tagħti sentenza.”

28      Konformement mal-punt 4 tal-Artikolu 379 tal-imsemmi kodiċi, il-proċedura tkun nulla “jekk il-kompożizzjoni tal-qorti adita ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet legali jew jekk il-kawża tkun instemgħet fil-preżenza ta’ mħallef suġġett għal rikuża ipso jure”.

29      L-Artikolu 401 tal-istess kodiċi jipprevedi:

“Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri jista’ jintalab minħabba raġunijiet ta’ nullità:

1)      jekk tkun ipparteċipat fil-kulleġġ ġudikanti persuna mhux awtorizzata jew jekk imħallef irrikużat ipso jure jkun ta deċiżjoni u l-parti ma setgħetx tinvoka r-rikuża qabel ma s-sentenza kisbet l-awtorità ta’ res judicata;

[…]”

 Ilkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

 Ilfatti li taw lok għallKawża C181/21

30      Il-kawża prinċipali tirrigwarda tilwima bejn kumpannija privata u konsumatur u titratta dejn li jirriżulta minn kuntratt ta’ kreditu.

31      Din il-kumpannija privata ppreżentat rikors kontra dan il-konsumatur bil-għan tal-ħlas ta’ ammont ta’ 16 000 zloty Pollakki (PLN) (madwar EUR 3 450), flimkien mal-interessi u spejjeż ta’ proċedura. Is-Sąd Rejonowy w Dąbrowie Górniczej (il-Qorti Distrettwali ta’ Dąbrowa Górnicza, il-Polonja) tat deċiżjoni fuq il-mertu fil-forma ta’ ordni ta’ ħlas. L-imsemmi konsumatur ressaq oppożizzjoni kontra din id-deċiżjoni. Din l-oppożizzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ digriet ta’ din il-qorti distrettwali.

32      L-istess konsumatur ressaq ilment kontra dan id-digriet quddiem is-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice, il-Polonja). Kulleġġ ġudikanti ta’ tlett imħallfin, li kien jinkludi l-Imħallef A.Z., ġie maħtur biex jeżamina dan l-ilment.

33      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom seħħet il-ħatra tal-Imħallef A.Z. fis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice), mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din l-imħallef, li sa mis-sena 1996 kienet tokkupa l-pożizzjoni tiegħu fis-Sąd Rejonowy w Jaworznie (il-Qorti Distrettwali ta’ Jaworzno, il-Polonja), ikkandidat lilha nnifisha biex tokkupa pożizzjoni vakanti ta’ mħallef fis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice).

34      Wara opinjoni minn qabel dwar il-kandidatura tal-Imħallef A.Z. mogħtija mis-Sąd Apelacyjny w Katowicach (il-Qorti ta’ Appell ta’ Katowice), l-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Imħallfin Sedenti ta’ din il-qorti qagħdet lura milli tagħti opinjoni dwar din il-kandidatura. Fil-fatt, fl‑14 ta’ Jannar 2019 din l-assemblea adottat riżoluzzjoni li permezz tagħha hija indikat li kienet qed toqgħod lura milli tieħu sehem fil-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallfin għall-pożizzjonijiet vakanti fi ħdan l-imsemmija qorti u fis-sądy okręgowe (qrati reġjonali) li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha, fid-dawl tat-tħassib tagħha dwar l-istatus u l-funzjonament tal-KRS li għandu rwol f’tali proċedura ta’ ħatra.

35      Barra minn hekk, permezz ta’ riżoluzzjoni adottata fl-istess jum, l-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Imħallfin Sedenti tas-Sąd Apelacyjny w Katowicach (il-Qorti ta’ Appell ta’ Katowice) ordnat lill-President tagħha, minn naħa, joqgħod lura milli jittrażmetti l-kandidaturi għall-pożizzjonijiet vakanti ta’ mħallef fi ħdan din il-qorti u s-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice) sakemm din tkun ħarġet opinjoni fir-rigward tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jressaq l-aġenda tagħha lejn data ulterjuri bil-għan li tipprepara l-proċeduri ta’ ħatra, sakemm jiġu ċċarati d-dubji dwar il-KRS.

36      Minkejja r-riżoluzzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-President tas-Sąd Apelacyjny w Katowicach (il-Qorti ta’ Appell ta’ Katowice), li fl-istess waqt huwa l-President tal-Assemblea Ġenerali tal-imħallfin ta’ din il-qorti u li nħatar President tal-imsemmija qorti mill-Ministru għall-Ġustizzja, laqa’ l-kandidatura tal-Imħallef A.Z. Din tal-aħħar inħatret imħallef fis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice) mill-President tar-Repubblika tal-Polonja.

37      Waqt seduta li nżammet in camera fit‑18 ta’ Marzu 2021, l-Imħallef Relatur ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti msemmi fil-punt 32 tal-imsemmija sentenza esprima dubji dwar jekk dan il-kulleġġ ġudikanti jistax jitqies bħala “qorti” fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom seħħet il-ħatra tal-Imħallef A.Z. fis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice). Huwa f’dan il-kuntest li l-Imħallef Relatur adixxa, b’inizjattiva tiegħu, lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-bażi tal-Artikolu 367(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

 Ilfatti li taw lok għallkawża C269/21

38      Il-kawża prinċipali tinvolvi tilwima bejn konsumaturi u bank, fir-rigward ta’ dejn u ta’ talba għall-annullament ta’ kuntratt ta’ kreditu ddenominat f’munita barranija.

39      Dawn il-konsumaturi adixxew lis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) bil-għan li jiksbu l-kundanna ta’ dan il-bank biex iħallas, b’mod partikolari, ammont ta’ PLN 104 537 (madwar EUR 22 540) u l-annullament retroattiv tal-kuntratt ta’ kreditu kkonċernat billi jistrieħu fuq is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak (C‑260/18, EU:C:2019:819). Barra minn hekk huma talbu l-għoti ta’ miżuri kawtelatorji li, b’mod partikolari, jippermettulhom jissospendu l-ħlasijiet ta’ kull xahar li għandhom jiġu eżegwiti b’applikazzjoni ta’ dan il-kuntratt ta’ kreditu sakemm tingħata sentenza definittiva fil-kawża prinċipali.

40      It-trattament ta’ din it-tilwima u ta’ din it-talba għal għoti ta’ miżuri kawtelatorji ġiet fdata lil kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku tas-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

41      Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Ottubru 2020, din laqgħet l-imsemmija talba.

42      L-imsemmi bank ressaq ilment kontra dan id-digriet. Kulleġġ ġudikanti ta’ tlett imħallfin sedenti fi ħdan is-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) inħatar biex jeżamina dan l-ilment. Wieħed mill-membri ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti hija l-Imħallef A.T. li ġiet maħtura wkoll Imħallef Relatriċi u li kienet tippresjedi l-imsemmi kulleġġ ġudikanti. Dan l-aħħar kulleġġ biddel l-imsemmi digriet u ċaħad it-talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji fl-intier tagħha. Peress li tali deċiżjoni ma kinitx iżjed suġġetta għal appell, il-kawża għalhekk intbagħtet lura quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu.

43      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi madwar il-ħatra tal-Imħallef A.T. fis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków), mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din l-imħallef, li f’dak iż-żmien kienet sedenti fis-Sąd Rejonowy dla Krakowa-Krowodrzy w Krakowie (il-Qorti Distrettwali għal Kraków‑Krowodrza fi Kraków, il-Polonja) mis-sena 2009, ipproponiet lilha nnifisha bħala kandidata għall-pożizzjoni vakanti ta’ mħallef fis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków). L-imsemmija mħallef kienet l-unika kandidata għal din il-pożizzjoni. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li ħafna mħallfin tas-sądy Rejonowe (il-qrati distrettwali) ma jipparteċipawx iżjed f’dawn il-kompetizzjonijiet minkejja l-esperjenza kbira tagħhom minħabba li l-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallfin tal-qrati ordinarji ma hijiex iżjed konformi mal-Kostituzzjoni, b’mod partikolari, minħabba l-fatt li d-deċiżjonijiet tal-KRS, li sar ippolitiċizzat ħafna, ma humiex iktar ibbażati fuq kriterji oġġettivi u jiffavorixxu l-kandidati sostnuti mill-presidenti ta’ qrati – li ġew maħtura mill-Ministru għall-Ġustizzja.

44      Il-Kolegium Sądu Okręgowego w Krakowie (il-Kulleġġ tal-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja) ta l-opinjoni tiegħu dwar il-kandidatura tal-Imħallef A.T. waqt seduta tal‑1 ta’ Ġunju 2020.

45      Il-qorti tar-rinviju tindika, f’dan ir-rigward, li l-maġġoranza tal-membri tal-kulleġġ huma presidenti tas-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) kif ukoll ta’ sądy rejonowe (qrati distrettwali), fejn il-ħatra tagħhom hija direttament influwenzata mill-Ministru għall-Ġustizzja. Hija żżid li l-kandidatura tal-Imħallef A.T. ma tqegħditx għall-opinjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-imħallfin tas-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) peress li l-leġiżlatur Pollakk neħħa kull influwenza reali tal-awtoregolamentazzjoni ġudizzjarja fuq il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin fil-Polonja. Fil-fatt, mill‑14 ta’ Frar 2020 u, b’mod partikolari, wara d-dħul fis-seħħ, wara emenda, tal-Artikolu 58 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, l-opinjoni ta’ din l-assemblea ma hijiex meħtieġa iżjed.

46      Fis‑7 ta’ Lulju 2020, il-KRS adotta riżoluzzjoni li tirrakkomanda l-ħatra tal-Imħallef A.T. fil-kariga ta’ mħallef fis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków). Fl‑4 ta’ Frar 2021, il-President tar-Repubblika tal-Polonja pproċeda b’din il-ħatra.

47      Iċ-ċirkustanzi tal-imsemmija ħatra jwasslu lill-qorti tar-rinviju tesprimi dubji fir-rigward tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin, imsemmi fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, li ddeċieda dwar l-ilment tal-bank imressaq kontra d-digriet tagħha tad‑9 ta’ Ottubru 2020 u, sussegwentement, fir-rigward tal-validità tad-deċiżjoni adottata minn dan il-kulleġġ ġudikanti. F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi jekk hijiex marbuta bid-digriet ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti li annulla l-miżuri kawtelatorji li hija kienet iddeċidiet jew jekk kulleġġ ġudikanti ġdid, li ma jinkludix lill-Imħallef A.T. għandux jinħatar skont is-sistema ta’ attribuzzjoni każwali tal-kawżi biex dan l-ilment jiġi eżaminat mill-ġdid.

 Ilmotivi tarrinviji għal deċiżjoni preliminari u ddomandi magħmula filkawżi C181/21 u C269/21

48      Il-qrati tar-rinviju josservaw, essenzjalment, li, b’differenza tal-kawżi l-oħra li bihom ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja sa issa, il-Kawżi C‑181/21 u C‑269/21 jirrigwardaw ħatriet għal pożizzjonijiet ta’ mħallef fi ħdan il-qrati ordinarji u mhux fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

49      F’dan ir-rigward, huma jindikaw ċertu numru ta’ żviluppi, marbuta mar-riformi ġudizzjarji reċenti fil-Polonja, li jikkonċernaw il-kompożizzjoni tal-KRS u tal-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni ġudizzjarja u r-rwol rispettiv tagħhom fil-proċess ta’ ħatra għal tali pożizzjonijiet kif ukoll l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ dawn il-ħatriet. Dawn l-elementi differenti jwassluhom iqiegħdu f’dubju jekk il-kulleġġi ġudikanti li jinkludu mħallfin maħtura fi tmiem tali proċess ta’ ħatra humiex “qorti” fis-sens, b’mod partikolari, tad-dritt tal-Unjoni.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati b’mod kważi identiku fil-Kawżi C‑181/21 u C‑269/21:

“1)      L-Artikoli 2 u 19(1) tat-[TUE] kif ukoll l-Artikolu 6(1) sa (3) TUE moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal- [Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

(a)      qorti li fil-formazzjoni ġudikanti tagħha tpoġġi persuna maħtura fil-pożizzjoni ta’ mħallef f’din il-qorti permezz ta’ proċedura li teskludi l-parteċipazzjoni tal-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura li l-kompożizzjoni tagħhom fil-parti l-kbira hija indipendenti mill-eżekuttiv u mil-leġiżlattiv ma hijiex qorti stabbilita bil-liġi fis-sens tad-dritt tal-[Unjoni] f’sitwazzjoni fejn fid-dawl tal-acquis kostituzzjonali tal-Istat Membru l-parteċipazzjoni tal-korp ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura li jissodisfa r-rekwiżiti kkonċernati fil-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallfin hija neċessarja, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest istituzzjonali u strutturali, ladarba:

–        ir-rekwiżit ta’ għoti ta’ opinjoni dwar il-kandidaturi għall-pożizzjoni ta’ mħallef kien jaqa’ fuq l-assemblea tal-ġudikatura u dan ir-rekwiżit ġie deliberatament eskluż kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet nazzjonali u tal-pożizzjoni ta’ dan il-korp ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura [(Kawża C‑181/21) jew]

ir-rekwiżit ta’ għoti ta’ opinjoni dwar il-kandidaturi għall-pożizzjoni ta’ mħallef kien jaqa’ fuq il-kulleġġ ta’ dik il-qorti, li kien kompost b’tali mod li l-maġġoranza tal-membri tiegħu ġew maħtura minn rappreżentant tal-eżekuttiv, jiġifieri l-Minister Sprawiedliwości (il-Ministru għall-Ġustizzja), li huwa wkoll il-Prokurator Generalny (il-Prosekutur Pubbliku Ġenerali, il-Polonja) [(Kawża C‑269/21)];

–        il-[KRS] preżenti, maħtur konformement mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u legali Pollakki, ma huwiex organu indipendenti u fih ma jpoġġux rappreżentanti tal-ġudikatura maħtura fi ħdanu b’mod indipendenti mill-eżekuttiv u mil-leġiżlattiv u għaldaqstant l-applikazzjoni għall-ħatra għall-uffiċċju ta’ mħallef fid-dritt nazzjonali ma ġietx sottomessa b’mod effettiv;

–        il-parteċipanti fil-kompetizzjoni għall-ħatra ma kellhomx dritt għal rimedju ġudizzjarju skont it-tifsira tal-Artikoli 2 u 19(1) TUE kif ukoll l-Artikolu 6(1) sa (3) TUE moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

(b)      qorti li fil-formazzjoni ġudikanti tagħha tpoġġi persuna maħtura fil-pożizzjoni ta’ mħallef f’din il-qorti permezz ta’ proċedura dipendenti fuq indħil arbitrarju tal-eżekuttiv u li teskludi l-parteċipazzjoni tal-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura li l-kompożizzjoni tagħhom fil-parti l-kbira hija indipendenti mill-eżekuttiv u mil-leġiżlattiv jew minn organu ieħor li jiżgura evalwazzjoni oġġettiva tal-persuna kkandidata ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti stabbilita fuq il-bażi tal-liġi, fid-dawl tal-fatt li l-parteċipazzjoni tal-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura jew ta’ korp ieħor indipendenti mill-eżekuttiv u mil-leġiżlattiv u li jiżgura evalwazzjoni oġġettiva tal-persuna kandidata fil-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef hija, f’kuntest ta’ tradizzjoni legali Ewropea msejsa fuq l-imsemmija dispożizzjonijiet tat-TUE u tal-Karta kif ukoll f’kuntest ta’ pedament kostituttiv ta’ unjoni legali bħalma hija l-Unjoni Ewropea, neċessarja biex jiġi rrikonoxxut li l-qorti nazzjonali tiggarantixxi l-livell meħtieġ ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fi kwistjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni u konsegwentement li jiġi żgurat il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri u ta’ bilanċ tal-poteri kif ukoll il-prinċipju ta’ saltna tad-dritt[?]

2)      L-Artikolu 2 u l-Artikolu 19(1) TUE moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li f’sitwazzjoni fejn fil-formazzjoni ġudikanti ta’ qorti tpoġġi persuna maħtura fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda:

(a)      dawn jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jqiegħdu l-evalwazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-ħatra ta’ tali persuna fil-kariga ta’ mħallef taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva [tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi], komposta esklużivament minn persuni maħtura fil-kariga ta’ mħallef taħt iċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda u li fl-istess waqt jirrikjedu li ma jiġux eżaminati l-oġġezzjoniijiet għall-ħatra fil-kariga ta’ mħallef, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest istituzzjonali u sistemiku;

(b)      dawn jirrikjedu, sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, tali interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li tippermetti lill-qorti teskludi ex officio lil tali persuna milli tieħu konjizzjoni ta’ kawża fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet – applikabbli b’analoġija – dwar l-esklużjoni ta’ mħallef minħabba inkapaċità li jiddeċiedi [iudex inhabilis][?]”

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

 Fuq ittgħaqqid talKawżi C181/21 u C269/21

51      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Mejju 2021, il-Kawżi C‑181/21 u C‑269/21 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq ittalbiet għallapplikazzjoni talproċedura mħaffa

52      Il-qrati tar-rinviju talbu li dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari jiġu ssuġġettati għal proċedura mħaffa bis-saħħa tal-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talbiet tagħhom, huma jsostnu li l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura kienet iġġustifikata fir-rigward tal-fatt li mill-inqas mijiet ta’ persuni huma sedenti fi ħdan qrati ordinarji u fihom jagħtu numru dejjem jiżdied ta’ deċiżjonijiet filwaqt li dawn il-persuni, fil-fehma tagħhom, inħatru fil-kariga ta’ mħallef ta’ tali qrati “bi ksur flagranti tar-regoli tad-dritt Pollakk li jirregolaw il-ħatra tal-Imħallfin”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa neċessarju li tingħata risposta għad-domandi magħmula fl-iqsar żmien possibbli sabiex, fl-interess tal-partijiet fil-kawża, ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u taċ-ċertezza legali, jitneħħew id-dubji fuq il-funzjonament tal-qrati ordinarji li fihom huma sedenti ż-żewġ imħallfin li l-ħatra tagħhom hija inkwistjoni f’dawn il-kawżi fejn jidħlu r-rekwiżiti relatati ma’ qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi.

53      L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li l-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, fuq it-talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jkun suġġett għal proċedura mħaffa, meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien.

54      Għandu jitfakkar li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż li jissodisfa sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dan il-każ, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fil‑5 ta’ Mejju 2021, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li jintlaqgħu t-talbiet imsemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li d-domandi magħmula jirrigwardaw il-funzjonament ta’ dawn il-qrati ordinarji li fi ħdanhom huma sedenti numru kbir ta’ mħallfin bħal dawk li l-ħatra tagħhom hija inkwistjoni f’dawn il-kawżi ma tikkostitwixxix raġuni li tistabbilixxi urġenza straordinarja, li hija madankollu neċessarja biex jiġi ġġustifikat trattament bil-proċedura mħaffa. L-istess jgħodd għaċ-ċirkustanza fejn numru kunsiderevoli ta’ partijiet f’kawża jkun potenzjalment ikkonċernat bid-deċiżjonijiet meħuda ta’ kuljum mill-imħallfin li l-ħatriet tagħhom jitqiegħdu f’dubju f’dawn il-kawżi. Fl-aħħar nett, in-natura sensittiva tal-imsemmija domandi ma timplikax fiha nnifisha l-ħtieġa li dawn jiġu ttrattati fl-iqsar żmien possibbli, fis-sens tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

 Fuq ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja

56      Il-Gvern Pollakk, sostnut waqt is-seduta mill-Prokuratura Okręgowa w Katowicach (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Katowice, il-Polonja) u mill-Prokuratura Okręgowa w Krakowie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja), isostni, essenzjalment, li l-problematika relatata mal-organizzazzjoni ġudizzjarja tal-Istati Membri, bħal dawk imqajma mid-domandi magħmula, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ dawn tal-aħħar u mhux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni.

57      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’, ċertament, taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni u li jista’ jkun hekk, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ regoli nazzjonali dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin u, jekk ikun il-każ, ta’ regoli relatati mal-istħarriġ ġudizzjarju applikabbli fil-kuntest ta’ tali proċeduri ta’ ħatra (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema–Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58      Barra minn hekk, mill-kliem tad-domandi magħmula jirriżulta b’mod ċar li dawn ma jirrigwardawx l-interpretazzjoni tad-dritt Pollakk iżda jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fihom.

59      Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq lammissibbiltà tattalbiet għal deċiżjoni preliminari

60      Fil-Kawża C‑181/21, il-Gvern Pollakk jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari billi jsostni, essenzjalment, li huwa biss il-kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin li huwa inkarigat mill-kawża prinċipali, u mhux imħallef ta’ dan il-kulleġġ li jaġixxi waħdu, li kien kompetenti biex iressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi magħmula f’din il-kawża.

61      Fil-Kawża C‑269/21 dan il-gvern isostni li, bis-saħħa tar-regoli proċedurali Pollakki, il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża ma hijiex kompetenti biex jistħarreġ il-legalità tal-kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin li taw id-digriet li jiddeċiedi definittivament it-talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji fformulata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, il-legalità tal-ħatra tal-Imħallef A.T. li kienet sedenti fi ħdan dan il-kulleġġ ġudikanti. Sostnut mill-Kummissjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa jqis li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula minn din il-qorti tar-rinviju ma hijiex neċessarja biex tinqata’ l-kawża prinċipali.

62      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat repetutament li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom għas-soluzzjoni tal-kawżi li huma mitluba jiddeċiedu u li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tkunx tirrigwarda l-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63      Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret repetutament li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżumi, b’mod partikolari, li kawża tkun effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali u li fil-kuntest tagħha huma mitluba jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza dwar id-deċiżjoni preliminari (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65      Fil-kuntest ta’ tali proċedura, għandu għalhekk ikun hemm, bejn l-imsemmija tilwima u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba, rabta b’tali mod li din l-interpretazzjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’dan il-każ, fir-rigward tal-Kawża C‑181/21, għandu jiġi enfasizzat mill-bidu li, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa f’din il-kawża, din it-talba ntbagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Imħallef Relatur fil-kawża prinċipali fi ħdan kulleġġ ġudikanti ta’ tlett imħallfin. Dan l-imħallef jesprimi dubji fir-rigward tal-konformità, b’mod partikolari, mal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta, tal-kompożizzjoni ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti, b’mod partikolari, mal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba li fl-imsemmi kulleġġ ġudikanti hija preżenti l-Imħallef A.Z., li nħatret skont il-proċedura fis-seħħ wara r-riformi tas-sistema ġudizzjarja Pollakka.

67      Permezz tad-domandi preliminari tiegħu, dan l-imħallef tal-qorti tar-rinviju jistaqsi jekk imħallef li jagħmel parti mill-istess kulleġġ ġudikanti tiegħu fil-kawża prinċipali u li nħatar taħt ċerti ċirkustanzi partikolari, jissodisfax ir-rekwiżiti inerenti għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

68      F’dan ir-rigward, huwa minnu li kull qorti għandha l-obbligu li tivverifika jekk, bil-kompożizzjoni tagħha, tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens, b’mod partikolari, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, meta jqum dubju serju fuq dan il-punt, fejn din il-verifika hija neċessarja għall-aspettattivi li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom l-obbligu li jnisslu fuq il-parti f’kawża (sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 57, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 129 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69      Xorta jibqa’ l-fatt li l-ħtieġa, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, tal-interpretazzjoni preliminari mitluba mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja timplika li l-qorti nazzjonali li, bħall-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑181/21, tiddeċiedi li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari tista’, waħedha, tislet il-konsegwenzi ta’ din l-interpretazzjoni billi tevalwa, fid-dawl tagħha, il-legalità tal-ħatra ta’ mħallef ieħor tal-istess kulleġġ ġudikanti u, jekk ikun il-każ, billi tirrikuża lil dan tal-aħħar.

70      Issa, la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑181/21 ma jirriżulta li, bis-saħħa tar-regoli tad-dritt nazzjonali, l-imħallef li pproċeda għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża jista’, waħdu, jimxi b’dan il-mod.

71      B’hekk, ma jidhirx li dan l-imħallef jista’, waħdu, jieħu inkunsiderazzjoni r-risposti eventwali tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari tiegħu.

72      L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mitluba fil-Kawża C‑181/21 għalhekk ma tissodisfax bżonn oġġettiv marbut ma’ deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju tista’ tieħu, waħedha, fil-kawża prinċipali.

73      Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑181/21 għandha titqies li tirrigwarda l-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali u ipotetiċi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 ta’ din is-sentenza u, għaldaqstant, hija inammissibbli.

74      Fir-rigward tal-Kawża C‑269/21, għandu jiġi osservat li, fit-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju nnifisha tenfasizza li d-digriet mogħti mill-kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin tas-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) li biddel id-deċiżjoni tagħha stess u ċaħad it-talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji fformulata mill-konsumaturi kkonċernati ma huwiex suġġett għal appell. Madankollu hija tinvoka n-nuqqas ta’ ċertezza legali madwar dan id-digriet minħabba dubji dwar il-legalità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti li tatha minħabba l-preżenza, f’dan il-kulleġġ, tal-Imħallef A.T. Dan premess, din il-qorti ma tindika ebda dispożizzjoni tad-dritt proċedurali Pollakk li tagħtiha l-kompetenza biex tipproċedi, barra minn hekk b’kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku, għal eżami tal-konformità, b’mod partikolari mad-dritt tal-Unjoni, ta’ digriet definittiv mogħti fuq tali talba minn kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin.

75      Barra minn hekk mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji ġiet deċiża definittivament minn digriet li, bis-saħħa tal-Artikolu 365 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, jorbot lill-qorti tar-rinviju u li din tal-aħħar la hija kompetenti biex “tirrikuża” mħallef li jagħmel parti mill-kulleġġ ġudikanti li ta dan id-digriet u lanqas biex tqiegħed inkwistjoni dan id-digriet.

76      Fid-dawl tal-elementi mqajma fil-punti 74 u 75 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx li l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑269/21 hija kompetenti, bis-saħħa tar-regoli tad-dritt nazzjonali, biex tevalwa, fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dritt tal-Unjoni, il-legalità tal-kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin li ta d-digriet li jiddeċiedi definittivament it-talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji u, b’mod partikolari, il-legalità tal-kundizzjonijiet ta’ ħatra tal-Imħallef A.T., u biex, jekk ikun il-każ, dan id-digriet jitqiegħed inkwistjoni.

77      Fil-fatt, minn dawn l-elementi jirriżulta li l-kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin li jinkludi lill-Imħallef A.T., li biddel id-digriet tal-ewwel istanza tal-qorti tar-rinviju, ċaħad it-talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-intier tagħha. It-trattament ta’ din it-talba, imressqa minn dawn tal-aħħar b’mod parallel mal-azzjoni tagħhom fuq il-mertu, għalhekk ġie definittivament magħluq.

78      B’hekk, id-domandi magħmula fil-Kawża C‑269/21 jirrigwardaw intrinsikament stadju tal-proċedura fil-kawża prinċipali li ġie definittivament magħluq u li huwa distint mit-tilwima fuq il-mertu li waħedha hija pendenti quddiem il-qorti tar-rinvju (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant dawn id-domandi ma jikkorrispondux għal ħtieġa oġġettiva għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima iżda huma intiżi li jiksbu mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġenerali, mhux konnessa mal-ħtiġijiet tal-imsemmija tilwima, dwar il-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin ordinarji fil-Polonja.

79      Għaldaqstant l-imsemmija domandi jeċċedu l-qafas tal-kompitu ġudizzjarju li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprem – Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑269/21 hija inammissibbli wkoll.

81      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli.

 Fuq lispejjeż

82      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawn il-qrati li jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat18 ta’ Marzu 2021, u mis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal31 ta’ Marzu 2021, huma inammissibbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.