Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Diċembru 2011 - VMS Deutschland vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-613/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: VMS Deutschland Holdings GmbH (Darmstadt, il-Ġermanja) (rappreżentanti: D. Pohl, G. Burwitz, M. Maier u P. Werner, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni K(2011) 275 finali, tas-26 ta' Jannar 2011, fil-Każ dwar għajnuna statali C 7/2010 "KStG, Sanierungsklausel";

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv: Nuqqas prima facie tas-selettività tal-miżura

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni inter alia li s-Sanierungsklausel (klawżola dwar trasferiment ta' telf) taħt l-Artikolu 8c(1a) tal-Liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Körperschaftsteuergesetzes, iktar 'il quddiem il-"KStG") fir-rigward ta' telf ta' kumpannija akkwistata minn kumpannija oħra bl-għan ta' riabilitazzjoni ma hijiex selettiva. Fil-fehma tar-rikorrenti din ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li ma hija stabbilita ebda eċċezzjoni mis-sistema ta' riferiment rilevanti.

It-tieni motiv: Miżura ġenerali

Ir-rikorrenti ssostni inter alia li miżura li tagħmel distinzjoni bejn il-kumpanniji skont is-sitwazzjoni ekonomika u l-prestazzjoni tagħhom hija sistema teknika li, bħala miżura ġenerali, ma tistax taqa' fl-ambitu tal-Artikolu 107(1) TFUE. Skont ir-rikorrenti, tali sistema, fuq il-bażi ta' kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, tista' tkun ta' benefiċċju għal kull kumpannija, anki jekk fi żmien partikolari huma fil-fatt biss ftit kumpanniji li jistgħu verament jużaw din is-sistema.

It-tielet motiv: Ġustifikazzjoni tas-sistema ta' regolarizzazzjoni min-natura u l-istruttura interna tas-sistema fiskali

F'dan il-kuntest ir-rikorrenti ssostni li s-Sanierungsklausel taħt l-Artikolu 8c(1a) KStG hija ġġustifikata min-natura u l-istruttura interna tas-sistema fiskali u li għal din ir-raġuni ma tirriżulta ebda għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

____________