Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja) fis-7 ta’ Frar 2024 – X.Y.

(Kawża C-103/24, Zastępca Rzecznika Dyscyplinarnego)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Najwyższy

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: X.Y.

Partijiet oħra fil-proċedura: Zastępca Rzecznika Dyscyplinarnego przy Sądzie Okręgowym w Piotrkowie Trybunalskim

Domandi preliminari

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, moqri flimkien [mal-ewwel u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47] tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

-    fil-kuntest ta’ proċedura speċifika mibdija bit-talba ta’ parti intiża sabiex tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk Imħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja; iktar ’il quddiem il-“Qorti Suprema”)  –assenjat fil-kulleġġ ġudikanti adit b’kawża dixxiplinari li tikkonċerna Mħallef ta’ qorti ordinarja – jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, il-Qorti Suprema nazzjonali hija obbligata li teżamina ex officio l-kwistjoni dwar jekk il-kulleġġ ġudikanti li l-Imħallfin huma nnominati għalih billi jittellgħu bix-xorti fost il-membri kollha tal-Qorti Suprema huwiex ukoll qorti “stabbilita minn qabel bil-liġi”;

-    meta talba għall-eżami dwar jekk Imħallef tal-Qorti Suprema jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità hija bbażata fuq l-allegazzjoni li dan l-Imħallef kien ġie maħtur fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ħatra vvizzjata b’irregolarità (ta’ natura fundamentali), il-kulleġġ ġudikanti [adit b’din it-talba u] kompost minn ħames Imħallfin li kienu ttellgħu bix-xorti fost il-membri kollha tal-Qorti Suprema ma jistax ikun kompost minn Imħallfin tal-Qorti Suprema li kienu ġew maħtura fil-kuntest ta’ din l-istess proċedura ta’ ħatra irregolari, peress li tali kulleġġ ġudikanti tal-Qorti Suprema ma jistax jiġi kklassifikat bħala qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi;

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni inċiż tal-ewwel domanda:

In-natura irregolari tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti kollu – [adit bi] l-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema – hija affettwata, fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, biċ-ċirkustanza li, fost il-ħames Imħallfin tal-kulleġġ ġudikanti, żewġ Imħallfin biss kienu ġew maħtura fil-pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ħatra vvizzjata b’irregolarità (ta’ natura fundamentali), fi kliem ieħor, huwa madankollu possibbli, f’każ bħal dan, li titkompla l-proċedura u li tingħata sentenza peress li l-ħatra, għall-pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema, tal-maġġoranza tal-membri tal-kulleġġ ġudikanti indikat ma hijiex ivvizzjata b’irregolarità?

Fil-każ ta’ risposta għat-tieni domanda fis-sens li, meta jkun jew ikunu sedenti f’kulleġġ ġudikanti kompost minn ħames Imħallfin, hekk kif dan huwa previst mid-dritt nazzjonali, żewġ Imħallfin maħtura jew Imħallef wieħed maħtur irregolament bħala Mħallef jew Imħallfin fil-Qorti Suprema, tali qorti ma hijiex qorti fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn l-irregolaritajiet li jivvizzjaw il-proċedura ta’ ħatra jkunu ta’ natura fundamentali:

Sabiex lill-partijiet jiġi ggarantit id-dritt li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli minn qorti fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Imħallef Relatur li jikkomponi l-kulleġġ ġudikanti bħala Mħallef uniku li l-proċedura ta’ ħatra tiegħu ma hijiex ivvizzjata b’irregolaritajiet jista’ jeżamina talba għall-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema (assenjat f’kawża dixxiplinari li tikkonċerna Mħallef ta’ qorti ordinarja), bħallikieku [din kienet] talba għal rikuża ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema bbażata fuq prinċipji ġenerali?

____________