Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Diċembru 2011 - Technion - Israel Institute of Technology u Technion Research & Development vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-657/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Technion - Israel Institute of Technology (Haïfa, Iżrael) u Technion Research & Development Foundation Ltd (Haïfa) (rappreżentanti: D. Grisay u D. Piccininno, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tilqa' dan ir-rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u,

prinċipalment, tiddikjara r-rikors fondat u tannulla d-deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tas-Soċjetà tal-Informazzjoni u tal-Midja tal-Kummissjoni Ewropea tad-19 ta' Ottubru 2011;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni u fuq motivazzjoni insuffiċjenti, sa fejn l-ordni ta' rkupru tad-19 ta' Ottubru 2011 kienet ibbażata esklużivament fuq elementi, jiġifieri rapport ta' verifika u deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara bħala ineliġibbli ċerti spejjeż skont il-konklużjonijiet tal-imsemmija verifika finanzjarja li tirrigwarda l-eżekuzzjoni b'mod partikolari tal-kuntratt MOSAICA, ikkontestati fir-rigward tal-motivazzjoni u l-fondatezza tagħhom fil-kuntest tal-Kawża T-546/11, Technion - Israel Institute of Technology u Technion Research & Development vs Il-Kummissjoni .

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju kontra l-arrikkiment indebitu. Ir-rikorrenti jsostnu li:

il-Kummissjoni tkun qiegħda tieħu l-benefiċċji tas-servizzi relatati mal-kuntratt u r-riżultati tar-riċerka mwettqa mingħajr ma tkun ħallset għalihom jekk hija tirkupra l-ammont mitlub li jkopri s-servizzi kollha mwettqa permezz ta' TECHNION, M. K., għall-kuntratt MOSAICA;

ir-rikorrenti jkollhom dritt jitolbu r-rimbors tal-ispejjeż relatati mas-servizzi mwettqa għall-kuntratt MOSAICA;

f'każ ta' rimbors, ir-rikorrenti mhux biss jiċċaħdu minn ammont li jikkorrispondi għal servizzi effettivament mwettqa, iżda jkollhom jaffaċċjaw ukoll telf addizzjonali peress li huma jkollhom, minbarra li jirrimborsaw, ibatu l-ispejjeż sostnuti sabiex iwettqu s-servizzi pprovduti.

____________

1 - ĠU 2011, C 355, p. 28.