Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Marzu 2012 - ANKO vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-117/12)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: ANKO Anonymos Etairia Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: V. Christianos, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tissospendi l-ħlas tal-ammonti dovuti lir-rikorrenti skont il-kuntratti PERFORM u OASIS, tikkostitwixxi ksur tal-obbligi kuntrattwali tagħha;

tordna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti l-ammont ta' EUR 637 117.17 skont il-kuntratt PERFORM, kif ukoll l-interessi previsti fil-klawżola II.5(5) tal-Anness II tal-kuntratt prinċipali, mid-data tan-notifika ta' dan ir-rikors;

tordna lill-Kummissjoni tirrikonoxxi li r-rikorrenti ma hijiex obbligata tirrimborsa l-ammont ta' EUR 56 390 mħallas minnha lir-rikorrenti skont il-kuntratt OASIS; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa dwar ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tirriżulta: a) mill-kuntratt Nru 215952 dwar l-eżekuzzjoni tal-proġett "A soPhisticatEd multi-paRametric system FOR the continuous effective assessment and Monitoring of motor status in Parkinson's disease and other neurodegenerative diseases (PERFORM)" u b) mill-kuntratt Nru 215754 dwar l-eżekuzzjoni tal-proġett "Open architecture for Accessible Services Integrations and Standardisation (OASIS)", skont l-Artikolu 272 TFUE.

Konkretament, ir-rikorrenti ssostni li, minkejja li wettqet kompletament u debitament l-obbligi kuntrattwali tagħha, il-Kummissjoni, mingħajr ma kellha dritt u bi ksur tal-kuntratti ċċitatati iktar 'il fuq kif ukoll tal-prinċipju ta' bona fide, issospendiet il-ħlasijiet favur ir-rikorrenti. Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni, minn naħa li l-Kummissjoni għandha tiġi ordnata tħallasha l-ammont ta' EUR 637 117.17 skont il-kuntratt PERFORM, kif ukoll l-interessi previsti fil-klawżola II.5(5) tal-Anness II tal-kuntratt prinċipali u, min-naħa l-oħra, li jiġi rikonoxxut li r-rikorrenti ma hijiex obbligata tirrimborsa l-ammont ta' EUR 56 390 li kienet irċeviet skont il-kuntratt OASIS.

____________