Language of document : ECLI:EU:T:2015:687

Kawża T‑125/12

Viasat Broadcasting UK Ltd

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat – Servizz pubbliku tax-xandir – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna implementata mill-awtoritajiet Daniżi favur ix-xandar Daniż ta’ servizz pubbliku TV2/Danmark – Finanzjament pubbliku mogħti sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż inerenti għall-implementazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku – Kompatibbiltà ta’ għajnuna – Sentenza Altmark”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-24 ta’ Settembru 2015

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq proċedura fil-qasam tal-għajnuna – Impriża kompetitriċi tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna – Dritt għal azzjoni legali – Kundizzjonijiet

(Artikoli 108(2) u (3) TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sostnuti minn impriża – Esklużjoni – Kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Altmark

(Artikolu 107(1) TFUE)

3.      Kompetizzjoni – Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali – Kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-funzjoni ta’ servizz pubbliku – Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern – Kriterji

(Artikolu 106(2) TFUE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sostnuti minn impriża – Distinzjoni bejn it-test Altmark, intiż li jiddetermina l-eżistenza ta’ għajnuna, u t-test tal-Artikolu 106(2) TFUE, li jippermetti li tiġi stabbilita l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern

(Artikoli 106(2) TFUE u 107(1) TFUE)

5.      Kompetizzjoni – Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali – Kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-funzjoni ta’ servizz pubbliku – Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern – Kriterji – Nuqqas ta’ rilevanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Altmark għall-eżami tal-proporzjonalità tal-għajnuna

(Artikolu 106(2) TFUE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Possibbiltà li jiġu adottati linji gwida – Effett vinkolanti – Stħarriġ ġudizzjarju

(Artikolu 106(2) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2001/C 320/05)

7.      Kompetizzjoni – Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali – Proċedura ta’ sejħa għal offerti li mhux neċessarja sabiex impriża tiġi inkarigata minn din il-funzjoni

(Artikolu 106(2) TFUE)

8.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern

(Artikoli 106(2) TFUE u 296 TFUE)

9.      Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Kundizzjonijiet – Estensjoni ta’ motiv eżistenti – Limiti

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 34-36)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 55-59, 80-83)

3.      Sabiex għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) TFUE, il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom jintlaqgħu. L-ewwel kundizzjoni, relatat mad-definizzjoni tas-servizz pubbliku, jirrikjedi li s-servizz inkwistjoni għandu jkun effettivament servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u li għandu jkun kjarament iddefinit bħala tali mill-Istat Membru. It-tieni kundizzjoni, relatata mal-mandat ta’ servizz pubbliku, tirrikjedi li l-impriża benefiċjarja għandha tkun ġiet espliċitament inkarigata mill-Istat Membru għall-provvista tas-servizz pubbliku inkwistjoni. Fl-aħħar nett, it-tielet kundizzjoni hija bbażata fuq il-kunċett ta’ proporzjonalità. Skont din il-kundizzjoni, il-finanzjament ta’ impriża responsabbli mill-obbligi ta’ servizz pubbliku għandu jitqies bħala kompatibbli mas-suq intern sa fejn l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat FUE – bħal dawk tal-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat – għandha tostakola t-twettiq tal-funzjoni partikolari assenjata lil din l-impriża, u d-deroga ma għandhiex taffettwa l-iżvilupp tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interessi tal-Unjoni.

(ara l-punt 61)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 63, 77)

5.      Dwar l-għajnuna mill-Istat, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE, huwa ċertament minnu li t-tielet kundizzjoni Altmark, li skontha l-kumpens ma jistax jaqbeż dak li huwa neċessarju sabiex ikopri l-ispejjeż kollha jew parti mill-ispejjeż sostnuti minħabba l-implementazzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul relattiv kif ukoll qligħ raġonevoli għall-implementazzjoni ta’ dawn l-obbligi, taqbel fil-parti l-kbira mal-kriterju ta’ proporzjonalità kif stabbilit mill-ġurisprudenza fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

Madankollu, għalkemm, fiż-żewġ każijiet, huwa, essenzjalment, l-istess kriterju li huwa applikat, il-kuntest u l-għan tal-applikazzjoni tiegħu huma, f’kull każ, differenti. Fil-fatt, fil-każ tal-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE, ma hijiex iktar kwistjoni li jiġi ddeterminat jekk servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ikunx ipprovdut f’kundizzjonijiet normali tas-suq, bl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna, li l-operatur inkarigat mis-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali jibbenefika minn finanzjament li jaqbeż l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku. Minn dan isegwi li l-kwistjoni dwar jekk impriża inkarigata mis-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali tax-xandir tistax tissodisfa l-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku bl-inqas spiża hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-finanzjament mill-Istat ta’ dan is-servizz fir-rigward tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat.

Fi kliem ieħor, l-ispejjeż ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE, huma l-ispejjeż reali ta’ dan is-servizz, kif huma, u mhux kif setgħu jew għandhom ikunu, fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ kalkolu oġġettivi u trasparenti, ibbażati fuq l-eżempju ta’ impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra. F’dan il-kuntest, il-kriterju ta’ proporzjonalità huwa meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġu stmati l-ispejjeż reali tas-servizz ta’ interess ekonomiku jekk, fin-nuqqas ta’ provi disponibbli għall-Kummissjoni li jippermettu kalkolu eżatt ta’ dawn l-ispejjeż, din tal-aħħar għandha tagħmel stima. B’mod iktar ġenerali, huwa skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità li għandu jiġi konkluż li għajnuna intiża li tkopri l-ispejjeż ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ma tkunx kompatibbli mas-suq intern, sa fejn l-ammont tagħha ma jaqbiżx l-ispejjeż reali ta’ dan is-servizz. Huwa għalhekk li l-eventwali nuqqas ta’ osservanza tat-tieni kundizzjoni Altmark, li skontha l-parametri li fuq il-bażi tagħhom jiġi kkalkolat il-kumpens iridu jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, u tar-raba’ kundizzjoni Altmark, li tipprevedi li, f’każ fejn l-impriża li għandha twettaq l-obbligi tas-servizz pubbliku, f’każ speċifiku, ma tintgħażilx skont proċedura ta’ kuntratt pubbliku li tippermetti li jintgħażel dak l-offerent li jista’ jipprovdi dawk is-servizzi bl-inqas spiża possibbli għall-komunità, il-livell tal-kumpens meħtieġ irid jiġi stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa tas-servizz pubbliku, kien ikollha tagħmel sabiex timplementa dawn l-obbligi, filwaqt li jitqies id-dħul rilevanti u qligħ raġonevoli għall-implementazzjoni t-twettiq ta’ dawk l-obbligi, għalkemm rilevanti għall-eżami tal-kwistjoni jekk tali servizz ikunx ipprovdut f’kundizzjonijiet normali tas-suq, ma huwiex rilevanti fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE.

(ara l-punti 84-90)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 95-98)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 99)

8.      Dwar l-għajnuna mill-Istat, is-silenzju tad-deċiżjoni dwar ir-rwol tat-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri kkonċernati mas-suq intern ma huwiex dovut għal żball ta’ raġunament tal-Kummissjoni jew għal difett ta’ motivazzjoni li jivvizjaw id-deċiżjoni kkontestata, iżda għall-fatt li din id-deċiżjoni tapplika qafas ta’ analiżi differenti minn dak li tiffavorixxi r-rikorrenti.

Barra minn hekk, ma jistax jitqies li l-obbligu ta’ motivazzjoni nkiser meta, fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni ippreżentat motivazzjoni ddettaljata sabiex tiġġustifika l-kompatibbiltà tal-miżuri kkonċernati mas-suq intern fid-dawl tal-Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tax-xandir tas-servizz pubbliku dwar għajnuna mill-Istat u li r-rikorrenti ma tressaq ebda ilment fir-rigward ta’ din il-motivazzjoni.

(ara l-punti 103, 104)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 113-116)