Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Litwanja) fl-1 ta’ Frar 2024 – “EM SYSTEM” UAB vs SEB bankas AB, “Citadele banka” Lietuvos filialas AS

(Kawża C-84/24, EM SYSTEM)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos Aukščiausiasis Teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: “EM SYSTEM” UAB

Konvenuti: SEB bankas AB, “Citadele banka” Lietuvos filialas AS

Domandi preliminari

L-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Belarus 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jiġi stabbilit li persuna elenkata fl-Anness I tar-Regolament tkun il-proprjetarja ta’ eżattament 50 % tal-ishma ta’ kumpannija, huwa preżunt li l-fondi tal-kumpannija huma l-proprjetà tal-entità elenkata fl-Anness I tar-Regolament jew huma miżmuma jew ikkontrollati minnha?

Fi proċedura quddiem qorti nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn kumpannija li l-fondi tagħha jkunu ġew ffriżati minħabba li eżattament 50 % tal-ishma tagħha huma miżmuma minn persuna elenkata fl-Anness I tar-Regolament Nru 765/2006 titlob lill-qorti tordna lill-banek bħala konvenuti jeżegwixxu l-kuntratti ta’ operat ta’ kont bankarju li jippermettu lil din il-kumpannija taċċedi għall-fondi fil-kontijiet bankarji tagħha mingħajr restrizzjonijiet, id-deċiżjoni tal-bank li jiffriża l-fondi tagħha tista’ tiġi kkontestata abbażi tal-argument li l-fondi ta’ din il-kumpannija ma jintużawx minn persuna elenkata fl-Anness I ta’ dan ir-regolament jew għall-benefiċċju tagħha?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, liema kriterji għandhom jiġu applikati għall-evalwazzjoni f’tali proċedura quddiem qorti nazzjonali sabiex jiġi stabbilit jekk il-fondi ma humiex użati minn persuna elenkata fl-Anness I tar-Regolament Nru 765/2006 jew għall-benefiċċju tagħha? Ċirkustanzi bħal (1) is-separazzjoni tal-assi tal-kumpanija minn dawk tal-azzjonisti tagħha, (2) il-fatt li d-direttur tal-kumpannija (għajr persuna elenkata fl-Anness I tar-Regolament) jaġixxi f’isem il-kumpannija, u (3) il-fatt li l-aċċess għall-kontijiet bankarji tal-kumpannija huwa mogħti biss lid-direttur tal-kumpannija, jistgħu jitqiesu bħala li jipprekludu l-użu tal-fondi tal-kumpannija għall-benefiċċju ta’ persuna elenkata fl-Anness I tar-Regolament li s-sehem tagħha fil-kumpannija jkun eżattament ta’ 50 %?

____________

1     ĠU 2008, L 352M, p. 432.