Language of document : ECLI:EU:C:2017:411

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fil-31 ta’ Mejju 2017 (1)

Kawżi magħquda C673/15 P sa C676/15 P

The Tea Board

vs

Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 8(1)(b) – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea –Artikolu 66(2) – Trade marks kollettivi kkostitwiti minn indikazzjoni ġeografika – Funzjoni – Kunflitt ma’ applikazzjoni għal trade mark individwali – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Kunċett – Xebh bejn prodotti jew servizzi – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Artikolu 8(5) – Trade mark verbali u figurattiva li fiha l-element verbali ‘darjeeling’ – Trade mark kollettiva preċedenti kkostitwita mill-indikazzjoni ġeografika ‘darjeeling’”






1.        Bl-appelli tagħha, The Tea Board titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla parzjalment is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta’ Ottubru 2015, The Tea Board vs UASI – Delta Lingerie (Darjeeling) (T‑624/13, EU:T:2015:743), tat-2 ta’ Ottubru 2015, The Tea Board vs UASI – Delta Lingerie (Darjeeling collection de lingerie) (T‑625/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:742), tat-2 ta’ Ottubru 2015, The Tea Board vs UASI – Delta Lingerie (DARJEELING collection de lingerie) (T‑626/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:741), u tat-2 ta’ Ottubru 2015, The Tea Board vs UASI – Delta Lingerie (Darjeeling) (T‑627/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:740) (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sentenzi appellati”), li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali, parzjalment, ċaħdet ir-rikorsi għal annullament tagħha kontra d-deċiżjonijiet tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-11 u tas-17 ta’ Settembru 2013 (R 1387/2012‑2, R 1501/2012‑2, R 1502/2012‑2 u R 1504/2012‑2, iktar ’il quddiem, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn The Tea Board u Delta Lingerie. Dawn is-sentenzi huma wkoll is-suġġett ta’ erba’ appelli inċidentali ppreżentati minn Delta Lingerie.

I.      Il-kuntest ġuridiku

2.        Skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (2), ma jistgħux jiġu rreġistrati “trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”.

3.        L-Artikolu 66 tal-istess regolament, intitolat, “Il-marki kollettivi tal-[Unjoni Ewropea]”, jipprevedi:

“1.      ‘Marka kollettiva tal-Unjoni Ewropea’ (‘marka kollettiva tal-[Unjoni Ewropea]’) hija trade mark tal-[Unjoni Ewropea] li hija hekk msejħa meta ssir l-applikazzjoni u li hija kapaċi tiddistingwi l-prodotti jew servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja ta’ dik il-marka minn dawk ta’ impriżi oħrajn. Assoċjazzjonijiet ta’ fabbrikanti, produtturi, fornituri ta’ servizzi, jew negozjanti, skont il-liġi li tirregolahom, għandhom il-kapaċità li f’isimhom stess ikollhom drittijiet u obbligi ta’ kull xorta, li jidħlu f’kuntratti jew li jwettqu atti ġuridiċi oħra u li jfittxu u li jiġu mfittxa, kif ukoll persuni ġuridiċi regolati mil-liġi pubblika, jistgħu japplikaw għal marki kollettivi tal-[Unjoni Ewropea].

2.      B’deroga mill-Artikolu 7(1)(c), sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew servizzi jistgħu jikkostitwixxu marka kollettivatal-[Unjoni Ewropea] skont it-tifsira tal-paragrafu 1. Marka kollettiva ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jistabbilixxi lil terza persuna milli tuża fil-kummerċ dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet, sakemm huwa jużahom skont il-prattika onesta fl-oqsma tal-industrija u tal-kummerċ; b’mod partikolari, din il-marka ma tistax tiġi invokata kontra terza persuna li hija intitolata li tuża isem ġeografiku.

3.      Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw għal marki kolletivi tal-[Unjoni Ewropea] sakemm l-Artikoli 67 sa 74 ma jipprovdux mod ieħor.”

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjonijiet kontenzjużi

4.        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mis-sentenzi appellati, jistgħu jiġu miġbura fil-qosor kif ġej.

5.        Fit-22 ta’ Ottubru 2010, Delta Lingerie ppreżentat applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks Komunitarji quddiem l-UASI, abbażi tar-Regolament Nru 207/2009.

6.        It-trade marks li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom huma:

–        is-sinjal figurattiv riprodott hawn isfel, li fih l-element verbali “darjeeling”, miktub b’ittri bojod, integrat f’rettangolu ta’ kulur aħdar ċar:

Image not found

–        is-sinjal figurattiv riprodott hawn isfel, li fih l-element verbali “darjeeling collection de lingerie”, miktub b’ittri bojod, integrat f’rettangolu ta’ kulur aħdar ċar:

Image not found

–        is-sinjal figurattiv riprodott hawn isfel, li fih l-element verbali, “darjeeling collection de lingerie”, b’ittri suwed, fuq sfond abjad:

Image not found

–        is-sinjal figurattiv riprodott hawn isfel, li fih l-element verbali, “darjeeling”, b’ittri suwed, fuq sfond abjad:

Image not found

7.        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 25, 35 u 38 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat (3).

8.        L-applikazzjonijiet għal trade mark Komunitarja ġew ippubblikati fis-7 ta’ Jannar 2011 fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 4/2011.

9.        Fis-7 ta’ April 2011, The Tea Board, entità stabbilita mil-Liġi Indjana dwar it-tè Nru 29 tal-1953 u awtorizzata sabiex tamministra l-produzzjoni tat-tè, ippreżentat oppożizzjoni, taħt l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-prodotti u għas-servizzi msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq.

10.      L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks preċedenti li ġejjin:

–        it-trade mark kollettiva verbali tal-Unjoni Ewropea preċedenti DARJEELING li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni fis-7 ta’ Marzu 2005 u li ġiet irreġistrata fil-31 ta’ Marzu 2006, bin-Numru 4325718.

–        it-trade mark kollettiva figurattiva tal-Unjoni Ewropea preċedenti li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni fl-10 ta’ Novembru 2009 u li ġiet irreġistrata fit-23 ta’ April 2010 bin-Numru 8674327 u riprodotta kif ġej:

Image not found

11.      Iż-żewġ trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea jindikaw prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 30 u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Tè”.

12.      Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk previsti fl-Artikolu 8(1) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009.

13.      Mis-sentenzi appellati jirriżulta li The Tea Board ipproduċiet quddiem il-Bord tal-Appell provi li juru li l-element verbali “darjeeling”, jiġifieri l-element verbali komuni għas-sinjali kunfliġġenti, jikkostitwixxi indikazzjoni ġeografika protetta għat-tè, irreġistrata permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1050/2011, tal-20 ta’ Ottubru 2011, li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Darjeeling (IĠP)] (4), wara applikazzjoni rċevuta fit-12 ta’ Novembru 2007. Dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni ġie adottat abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006, tal-20 ta’ Marzu 2006, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (5), li fil-frattemp ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2012, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (6).

14.      Permezz ta’ erba’ deċiżjonijiet adottati fil-31 ta’ Mejju, fil-11 ta’ Ġunju u fl-10 ta’ Lulju 2012, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjonijiet. Fis-27 ta’ Lulju u fl-10 ta’ Awwissu 2012, The Tea Board ippreżentat appelli quddiem l-UASI kontra dawn id-deċiżjonijiet.

15.      Permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appelli u kkonferma d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. B’mod partikolari, huwa kkonkluda li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali kunfliġġenti, ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Bl-istess mod, huwa ċaħad l-allegat ksur tal-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament, abbażi tal-fatt li l-provi prodotti minn The Tea Board ma kinux biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu kienu ssodisfatti.

III. Is-sentenzi appellati

16.      The Tea Board ippreżentat erba’ rikorsi għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi quddiem il-Qorti Ġenerali.

17.      Insostenn tar-rikorsi tagħha, hija invokat żewġ motivi. Permezz tal-ewwel motiv tagħha, hija sostniet li l-Bord tal-Appell kien eskluda b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 207/2009, wara li qies li l-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali kunfliġġenti kienu kompletament differenti. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, The Tea Board ikkritikat, b’mod partikolari, lill-Bord tal-Appell talli kien żbalja rigward il-portata tal-protezzjoni mogħtija lit-trade marks kollettivi li jaqgħu taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 – li l-funzjoni essenzjali tagħha tikkonsisti fil-garanzija li l-prodotti jew is-servizzi koperti joriġinaw minn impriża li tinsab fiż-żona ta’ oriġini ġeografika indikata – u li pproċeda, f’dan il-każ, għall-istess tip ta’ evalwazzjoni li kien iwettaq sabiex jevalwa l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn żewġ trade marks individwali. Permezz tat-tieni motiv tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament, The Tea Board sostniet li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma kinux issodisfatti f’dan il-każ.

18.      Fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dan ma kienx fondat. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, li sa fejn l-ebda dispożizzjoni li taqa’ taħt il-kapitolu tar-Regolament Nru 207/2009 li jikkonċerna t-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea, ma kienet tippermetti li jiġi konkluż li l-funzjoni essenzjali tat-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk li huma kkostitwiti minn indikazzjoni li tista’ sservi sabiex tindika l-oriġini ġeografika tal-prodotti u tas-servizzi koperti, hija differenti minn dik tat-trade marks individwali tal-Unjoni Ewropea, kellu jiġi kkunsidrat li din il-funzjoni hija, bħalma huwa l-każ għat-trade marks individwali tal-Unjoni Ewropea, li jiġu distinti l-prodotti jew servizzi koperti skont l-entità speċifika li joriġinaw minnha u mhux skont l-oriġini ġeografika tagħhom. Billi ċaħdet id-diversi argumenti kuntrarji mressqa minn The Tea Board, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li meta, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, is-sinjali kunfliġġenti jkunu, minn naħa, trade marks kollettivi u, min-naħa l-oħra, trade marks individwali, il-paragun tal-prodotti u tas-servizzi koperti għandu jsir skont l-istess kriterji bħal dawk li japplikaw meta jiġu evalwati x-xebh jew l-identiċità tal-prodotti u tas-servizzi koperti minn żewġ trade marks individwali. Bl-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kellha tiġi kkonfermata l-konklużjoni deċiża mill-Bord tal-Appell, li tipprovdi li ma teżisti l-ebda rabta bejn il-prodotti u s-servizzi li hemm riferiment għalihom fl-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade mark u l-prodott kopert mit-trade marks preċedenti, peress li s-sempliċi eventwalità li l-pubbliku rilevanti jista’ jikkunsidra li dawn il-prodotti u servizzi għandhom l-istess oriġini ġeografika ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit ix-xebh jew l-identiċità tagħhom għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, anki fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn trade marks kollettivi u trade marks individwali, ix-xebh tas-sinjali kunfliġġenti ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti minn dawn is-sinjali.

19.      Fir-rigward tat-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali rrilevat, qabel kollox, li kien stabbilit bejn il-partijiet li s-sinjali kunfliġġenti huma identiċi fuq il-livell fonetiku u simili ħafna fuq il-livell viżiv. Imbagħad, hija kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma kkonkluda b’mod definittiv la l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade marks preċedenti u lanqas l-eżistenza ta’ rabta bejn is-sinjali kunfliġġenti f’moħħ il-pubbliku rilevanti iżda bbaża ruħu, għall-finijiet tal-analiżi tiegħu, fuq żewġ premessi ipotetiċi, l-ewwel kienet li reputazzjoni tat-trade marks preċedenti ta’ intensità eċċezzjonalment għolja kienet ġiet ipprovata u t-tieni waħda li kien possibbli li l-pubbliku rilevanti jistabbilixxi rabta bejn is-sinjali kunfliġġenti. Fir-rigward tar-riskji previsti fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Bord tal-Appell kellu raġun jikkonkludi li ma kienx hemm riskju ta’ dannu lill-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti u jeskludi r-riskju li l-użu tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni jippreġudika r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti. Bil-kontra, fir-rigward tar-riskju ta’ vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni, il-Qorti Ġenerali qieset li, fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjonijiet kontenzjużi huma bbażati fuq il-premessa ipotetika ta’ reputazzjoni eċċezzjonali tat-trade marks preċedenti, il-kwalitajiet pożittivi evokati mill-element verbali “darjeeling”, kondiviż mis-sinjali kunfliġġenti, setgħu jiġu trasposti għal xi wħud mill-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni u, konsegwentement, setgħu jsaħħu s-saħħa ta’ attrazzjoni ta’ dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, hija kkonkludiet li kien hemm lok li tannulla parzjalment id-deċiżjonijiet kontenzjużi, sa fejn il-Bord tal-Appell kien eskluda l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, billi eskluda, fir-rigward tal-prodotti kollha li jaqgħu taħt il-klassi 25 u tas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut li jaqgħu taħt il-klassi 35 u koperti mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni, l-eżistenza ta’ riskju ta’ vantaġġ miksub mill-użu mingħajr raġuni valida ta’ dawn it-trade marks.

IV.    L-appelli

A.      Il-proċedura

20.      B’atti tal-14 ta’ Diċembru 2015, The Tea Board ippreżentat erba’ appelli kontra s-sentenzi appellati. B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2016, dawn il-kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

21.      Permezz ta’ att separat tal-11 ta’ April 2016, Delta Lingerie, intervenjenti fl-ewwel istanza, ippreżentat appell inċidentali kontra s-sentenzi appellati. Instemgħu s-sottomissjonijiet orali ta’ The Tea Board, tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u ta’ Delta Lingerie waqt is-seduta tal-25 ta’ Jannar 2017.

B.      It-talbiet tal-partijiet fl-appell prinċipali

22.      F’kull kawża, The Tea Board titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla parzjalment is-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi fir-rigward tas-servizzi koperti mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni fil-klassi 35, minbarra s-“servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ ħwejjeġ ta’ taħt u lbies ta’ taħt tan-nisa, fwejjaħ, ilmijiet tal-fwieħa u kosmetiċi, bjankerija tad-dar u tal-banju”, u fil-klassi 38, tirrinvija, jekk ikun neċessarju, il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

23.      F’kull kawża, l-EUIPO u Delta Lingerie jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil The Tea Board għall-ispejjeż.

C.      It-talbiet tal-partijiet fl-appell inċidentali

24.      F’kull kawża, Delta Lingerie titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla parzjalment is-sentenzi appellati sa fejn il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjonijiet kontenzjużi f’dak li jikkonċerna l-prodotti koperti mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni u li jaqgħu taħt il-klassi 25 u s-“servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ ħwejjeġ ta’ taħt u lbies ta’ taħt tan-nisa, fwejjaħ, ilmijiet tal-fwieħa u kosmetiċi, bjankerija tad-dar u tal-banju”, koperti mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni u li jaqgħu taħt il-klassi 35, tirrinvija, jekk ikun neċessarju, il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tikkundanna lil The Tea Board għall-ispejjeż

25.      F’kull kawża, l-EUIPO u The Tea Board jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell inċidentali u tikkundanna lil Delta Lingerie għall-ispejjeż.

V.      Analiżi

A.      Fuq l-appelli prinċipali

26.      Insostenn ta’ kull wieħed mill-appelli tagħha, The Tea Board tqajjem żewġ aggravji, l-ewwel wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u t-tieni wieħed fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tal-istess regolament.

1.      Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

27.      L-ewwel aggravju ta’ kull wieħed mill-appelli ppreżentati minn The Tea Board huwa diviż fi tliet partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq determinazzjoni żbaljata tal-funzjoni essenzjali tat-trade marks kollettivi previsti fl-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009. It-tieni parti hija bbażata fuq żball fir-rigward tal-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi fil-każ ta’ kunflitt bejn tali trade mark kollettiva u sinjal li huwa s-suġġett ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark individwali. Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet parti tiegħu, The Tea Board issostni li l-Qorti Ġenerali ddeterminat b’mod żbaljat in-natura tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fil-preżenza ta’ tali kunflitt.

28.      Qabel kollox, ser neżamina l-ewwel waħda fost it-tliet partijiet elenkati hawn fuq, u wara, bi prijorità loġika, it-tielet parti, li tirrigwarda n-natura tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, u fl-aħħar nett, it-tieni parti.

a)      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju: determinazzjoni żbaljata tal-funzjoni essenzjali tat-trade marks kollettivi previsti fl-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

29.      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha tal-appell, The Tea Board issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u/jew żnaturat il-fatti tal-kawża billi kkonkludiet li l-funzjoni essenzjali ta’ trade mark kollettiva fis-sens tal-Artikolu 66(2), tar-Regolament Nru 207/2009 li tikkonsisti f’indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tal-prodotti koperti ma hijiex differenti mill-funzjoni essenzjali ta’ trade mark kollettiva fis-sens tal-Artikolu 66(1) ta’ dan ir-regolament, u li, għaldaqstant, fiż-żewġ każijiet, it-trade marks għandhom bħala funzjoni li jservu bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali.

30.      The Tea Board tqajjem erba’ argumenti insostenn ta’ din il-parti.

31.      Fl-ewwel lok, hija tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjoni li l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jikkostitwixxi eċċezzjoni mir-raġuni assoluta għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan l-istess regolament, mingħajr madankollu ma tispjega kif tali konstatazzjoni tista’ tkun ta’ sostenn għat-teżi tagħha li tipprovdi li l-funzjoni essenzjali tat-trade marks previsti mill-ewwel minn dawn id-dispożizzjonijiet hija differenti minn dik tat-trade marks kollettivi l-oħra.

32.      Minkejja n-natura ftit dettaljata ta’ dan l-ewwel argument, għandha madankollu tiġi eżaminata iktar fid-dettall ir-relazzjoni bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 207/2009, sabiex tiġi identifikata aħjar ir-ratio tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 66(2) ta’ dan ir-regolament.

33.      F’dan ir-rigward infakkar li, hekk kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament 207/2009 hija indipendenti mill-oħrajn (7) u li l-interess ġenerali meħud inkunsiderazzjoni waqt l-eżami ta’ kull waħda minn dawn ir-raġunijiet għal rifjut jista’, jew għandu, jirrifletti kunsiderazzjonijiet differenti, skont ir-raġuni għal rifjut inkwistjoni (8).

34.      Meta ddeċidiet fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(c) tal-Ewwel Direttiva 89/104/KEE (9) ‐ li l-kontenut tagħha, sa fejn jinteressana, kien l-istess bħal dak tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 – il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din id-dispożizzjoni “issegwi għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet li jiddeskrivu l-karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkunu jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd, inkluż bħala trade marks kollettivi jew fi trade marks kumplessi jew grafiċi”, li jimpedixxi li “tali sinjali jew indikazzjonijiet ikunu rriżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark” (10). Fis-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 26), fir-rigward, b’mod iktar partikolari ta’ sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika ta’ kategoriji tal-prodotti li għalihom tintalab ir-reġistrazzjoni, b’mod partikolari l-ismijiet ġeografiċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “hemm interess ġenerali li jinżammu disponibbli speċjalment minħabba l-kapaċità tagħhom li mhux biss jirrivelaw il-kwalità u karatteristiċi oħra tal-kategoriji ta’ prodotti u servizzi konċernati, iżda wkoll li jinfluwenzaw b’diversi modi l-għażliet tal-konsumaturi, pereżempju, permezz tal-assoċjazzjoni tal-prodotti jew servizzi ma’ post li jista’ jnissel sentimenti pożittivi”.

35.      Ir-raġuni assoluta għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandha għaldaqstant skop essenzjalemnt “anti-monopolistiku”, b’mod partikolari meta tkun tirrigwarda indikazzjonijiet li jistgħu jservu sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi koperti u li huma pperċepiti mill-pubbliku rilevanti bħala li jindikaw tali oriġini (11).

36.      Huwa possibbli li jiġi dedott minn tali skop li d-deroga minn din id-dispożizzjoni, u mir-raġuni assoluta għal rifjut li hija tistabbilixxi, fl-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha r-ratio tagħha fin-natura kollettiva tat-trade marks inkwistjoni, li teskludi li impriża unika tkun tista’ timmonopolizza l-użu tas-sinjali u tal-indikazzjonijiet li jikkomponu t-trade marks b’mod li jmur kontra l-interess ġenerali ta’ disponibbiltà libera ta’ tali sinjali u indikazzjonijiet (12).

37.      Bil-kontra ta’ dak li tallega The Tea Board, l-ebda argument favur it-teżi li tipprovdi li l-funzjoni essenzjali tat-trade marks kollettivi li jikkonsistu f’indikazzjoni ġeografika hija differenti minn dik tat-trade marks kollettivi l-oħra ma jista’ jiġi dedott minn din ir-ratio, u lanqas, b’mod iktar ġenerali, mir-relazzjoni bejn l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 7(1)(c) tal-istess regolament.

38.      Fit-tieni lok, The Tea Board issostni li l-funzjoni essenzjali ta’ trade mark kollettiva li tipproteġi indikazzjoni ġeografika hija dik li tiżgura l-oriġini ġeografika tal-prodotti u/jew tas-servizzi li hija tkopri u mhux l-oriġini kummerċjali tagħhom. Tali trade mark tista’ sservi biss bħala garanzija tal-“oriġini kollettiva” tal-prodotti jew tas-servizzi mibjugħa jew offruti taħt it-trade mark kollettiva, jiġifieri li dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi ġejjin minn impriża li tinsab fir-reġjun ġeografiku kkonċernat, mingħajr madankollu ma tindika mil-liema impriża speċifika ġejjin.

39.      Dan l-argument jidhirli, għall-inqas parzjalment, li ġej minn konfużjoni fuq il-funzjoni distintiva attribwita rispettivament lil trade mark individwali u lil trade mark kollettiva. Din il-funzjoni hija eżerċitata b’mod differenti f’dawn il-każijiet. B’hekk, it-trade mark individwali għandha tkun adattata sabiex issir distinzjoni bejn il-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża speċifika, filwaqt li t-trade mark kollettiva hija intiża sabiex tiddistingwi bejn il-prodotti jew is-servizzi li ġejjin mill-membri tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja tat-trade mark. Fi kliem ieħor, trade mark kollettiva ma tippermetti qatt li jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża individwali, iżda tiddistingwixxihom skont l-oriġini kollettiva tagħhom. Barra minn hekk, dan jirriżulta b’mod ċar mill-kliem stess tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

40.      Madankollu, The Tea Board tallega li trade mark kollettiva taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 hija, min-natura tagħha, mhux adattata sabiex tissodisfa anki tali funzjoni distintiva. Insostenn tal-pożizzjoni tagħha, hija tirreferi, minn naħa, għall-Artikolu 67(2) tal-imsemmi regolament, li jipprovdi li r-regolamenti li jirregolaw l-użu ta’ trade mark kollettiva jikkonsistu f’indikazzjoni ġeografika, ippreżentata b’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu (13), għandhom jawtorizzaw lil kull persuna li l-prodotti jew is-servizzi tagħha ġejjin miż-żona ġeografika kkonċernata sabiex issir membru tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja ta’ din it-trade mark u, min-naħa l-oħra, għall-punt 147 tas-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar (C‑96/09 P, EU:C:2011:189).

41.      Nammetti li ma nistax nifhem kif l-Artikolu 67(2) tar-Regolament Nru 207/2009 juri l-allegata inkapaċità tat-trade marks kollettivi kkostitwiti minn indikazzjonijiet ġeografiċi sabiex jiddistingwu l-prodotti u s-servizzi li ġejjin minn membri tal-entità proprjetarja tat-trade mark minn dawk li ma għandhomx l-istess oriġini kollettiva. Fir-realtà, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex jiġi żgurat li kull impriża li tkun intitolata tuża l-indikazzjoni ġeografika inkwistjoni għall-prodotti jew għas-servizzi koperti mit-trade mark kollettiva tkun tista’ tikseb id-dritt li tuża din it-trade mark, billi tingħaqad mal-assoċjazzjoni li hija propjetarja tagħha, u għaldaqstant li tiġi evitata l-monopolizzazzjoni tal-imsemmija indikazzjoni (fil-funzjoni tagħha ta’ trade mark) favur grupp magħluq ta’ impriżi.

42.      Fir-rigward tar-riferiment magħmul minn The Tea Bord għall-punt 147 tas-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar (C‑96/09 P, EU:C:2011:189), nirrileva li, fl-imsemmi punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ruħha fuq il-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni ġeografika protetta (taħt dispożizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali) u mhux fuq dik ta’ trade mark kollettiva komposta minn indikazzjoni ġeografika. Issa, kif ser naraw iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet, il-funzjoni kif ukoll il-portata tal-protezzjoni ta’ dawn iż-żewġ sinjali huma differenti. Barra minn hekk, dan jirriżulta mis-sentenza stess tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar (C‑96/09 P, EU:C:2011:189), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li sinjal invokat taħt l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 sabiex issir oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea kellu neċessarjament jintuża “bħala trade mark”, u għaldaqstant jirreferi għall-oriġini kummerċjali tal-prodotti koperti, u li użu minn dan is-sinjal bħala indikazzjoni ġeografika, jiġifieri skont il-funzjoni ta’ garanzija tal-oriġini ta’ dawn il-prodotti, ma kienx ammess (14).

43.      Fuq livell iktar ġenerali, huma kuntrarji għat-teżi ta’ The Tea Board, kemm il-kliem tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 207/2009 moqri flimkien mal-paragrafu 2 tal-istess artikolu, kif ukoll is-sistema tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea fit-totalità tagħha.

44.      Minn naħa, skont il-kliem tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 207/2009, jista’ biss jikkostitwixxi trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea s-sinjal “li [huwa] kapaċi [j]iddistingwi l-prodotti jew servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja ta’ [dak is-sinjal] minn dawk ta’ impriżi oħrajn”. Min-naħa tiegħu, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi jistgħu, b’deroga mill-Artikolu 7(1)(c) tal-istess regolament, isiru trade marks kollettivi “skont it-tifsira tal-paragrafu 1”. It-trade marks kollettivi previsti fl-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 huma, għaldaqstant, biss kategorija ta’ trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea, hekk kif iddefiniti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Jekk insegwu t-teżi ta’ The Tea Board, ifisser li ninjoraw ir-relazzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jistabbilixxi bejn is-sinjali li jaqgħu taħt iż-żewġ dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

45.      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 66(3) tar-Regolament Nru 207/2009, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament japplikaw, sakemm ma jkunx speċifikat b’mod ieħor, għat-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea (15). Issa, skont il-kliem tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, sinjal ma jistax jikkostitwixxi trade mark tal-Unjoni Ewropea ħlief taħt il-kundizzjoni li jkun “[kapaċi] jiddistingw[i] l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra”. Din il-funzjoni distintiva għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-funzjoni essenzjali tat-trade mark hija li “hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz li huwa suġġett għat-trade mark lill-konsumatur jew lill-persuna li finalment tużah, billi tħallih jiddistingwi, mingħajr konfużjoni possibbli, dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra” (16). L-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 ddedikati għat-trade marks kollettivi ma tikkontesta din il-funzjoni ta’ oriġini, li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tikkostitwixxi l-għan tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark (17). Bil-kontra, l-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jikkonferma li l-istess funzjoni hija ssodisfatta mit-trade marks kollettivi, billi jippreċiża li, fir-rigward ta’ dawn is-sinjali, din il-funzjoni hija li tkun tista’ ssir konnessjoni bejn il-prodotti u s-servizzi indikati mal-assoċjazzjoni proprjetarja tat-trade mark.

46.      Ċertament, it-trade marks kollettivi jistgħu jissodisfaw ukoll funzjonijiet oħrajn. B’hekk, filwaqt li ma humiex konfużi mat-trade marks ta’ ċertifikazzjoni (18), huma jistgħu jiċċertifikaw karatteristika jew kwalità partikolari tal-prodotti jew tas-servizzi li huma jindikaw (19). Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tat-trade marks kollettivi taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009, dawn jipprovdu lill-konsumatur b’indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tal-prodotti u tas-servizzi li huma jkopru u jistgħu jissodisfaw funzjoni deskrittiva tal-kwalitajiet marbuta mat-territorju jew ma’ ċerta tradizzjoni produttiva lokali jew, b’mod iktar ġenerali, jikkomunikaw il-kwalitajiet pożittivi taż-żona ġeografika li huma jirreferu għaliha (20). Madankollu, dan ma jipprekludix li l-funzjoni essenzjali tat-trade marks kollettivi, kemm f’dak li jirrigwarda dawk previsti fil-paragrafu 1 jew dawk previsti fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 207/2009, tkun, bħal għal kull trade mark irregolata minn dan ir-regolament (21), dik li ssir distinzjoni bejn il-prodotti u s-servizzi tal-proprjetarju tagħhom minn dawk li għandhom oriġini differenti. Kif diġà enfasizzajt, fir-rigward tat-trade marks kollettivi, din il-funzjoni distintiva hija eżerċitata billi tiġi identifikata l-assoċjazzjoni proprjetarja tat-trade mark, li tinforma lill-konsumatur fuq l-oriġini komuni tal-membri ta’ din l-assoċjazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade mark.

47.      Fit-tielet u fl-aħħar lok, The Tea Board issostni li r-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fid-dawl tar-Regolament Nru 1151/2012 u tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali relatati mal-kummerċ (22). Dawn iż-żewġ atti jirrikonoxxu għall-indikazzjonijiet ġeografiċi l-funzjoni li jidentifikaw prodott bħala li joriġina minn ċertu territorju, meta – bħalma huwa l-każ tat-trade mark kollettiva Darjeeling – kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott kopert tista’ tiġi attribwita essenzjalment lil din l-oriġini ġeografika, u jagħtu lil dawn l-indikazzjonijiet livell għoli ta’ protezzjoni (23).

48.      Qabel kollox, għandu jitfakkar li fl-2011, id-denominazzjoni “Darjeeling” ġiet irreġistrata bħala indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament Nru 510/2006. L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din id-denominazzjoni ġiet ippreżentata quddiem il-Kummissjoni Ewropea fit-12 ta’ Novembru 2007, jiġifieri qabel il-preżentata, minn Delta Lingerie, tal-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark.

49.      Fiż-żmien meta The Tea Board ippreżentat l-oppożizzjoni tagħha, ir-Regolament Nru 2015/2424 (24), li żied paragrafu 4a ġdid mal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 207/2009, li jawtorizza l-preżentata ta’ oppożizzjoni abbażi ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika ppreżentata preċedentement għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark skont id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt nazzjonali u segwita b’reġistrazzjoni, kien għadu ma ġiex adottat (25).

50.      Barra minn hekk, minkejja li, b’konformità mal-Artikolu 7(1)(k) tar-Regolament Nru 207/2009, l-UASI kien marbut li jirrispetta l-projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ trade marks stabbilità fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 510/2006 (26), din il-projbizzjoni kienet tirreferi biss għall-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni li jikkonċernaw l-istess klassi ta’ prodott bħal dik koperta mill-indikazzjoni ġeografika.

51.      Isegwi li, f’dan il-każ, The Tea Board ma kellhiex il-possibbiltà, quddiem l-UASI, li tibbaża ruħha fuq ir-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Darjeeling” bħala indikazzjoni ġeografika protetta sabiex topponi r-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet għal trade marks ippreżentati minn Delta Lingerie, u dan minkejja l-fatt li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din id-denominazzjoni kienet ġiet ippreżentata qabel l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark.

52.      Wara li għamilt din il-preċiżazzjoni, inqis li l-argument ta’ The Tea Board riprodott fil-punt 47 lanqas ma jista’ jintlaqa’.

53.      L-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u t-trade marks kollettivi li jikkonsistu f’indikazzjoni ġeografika huma suġġetti għal skemi li, minkejja li għandhom ċerti elementi komuni, bħal, pereżempju, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni u l-eżistenza ta’ regoli li jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ użu tas-sinjal, jibqgħu, għall-bqija, differenti ħafna. Fost id-differenzi l-iktar importanti jinsabu t-tip ta’ sinjali protetti (27), il-prodotti li jistgħu jkunu koperti mis-sinjali (28), ir-rekwiżiti stretti li jikkonċernaw ir-rabta bejn il-prodott u t-territorju li għalihom hija suġġetta r-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (29), ir-regoli li jikkonċernaw il-kisba ta’ natura ġenerika, it-tiġdid tar-reġistrazzjoni u d-dekadenza tad-drittijiet minħabba nuqqas ta’ użu ġenwin – li ma humiex previsti ħlief għat-trade marks – kif ukoll il-portata tal-protezzjoni, peress li l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti jgawdu minn protezzjoni sostanzjalment iktar wiesgħa. It-trade marks kollettivi li jikkonsistu f’indikazzjonijiet ġeografiċi u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti huma sinjali differenti li jservu għanijiet differenti u li huma suġġetti għal regoli differenti.

54.      Għaldaqstant, The Tea Board ma tistax tibbaża ruħha fuq il-leġiżlazzjoni dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi sabiex tiddeduċi argumenti favur it-teżi li tipprovdi li l-funzjoni essenzjali tat-trade marks kollettivi taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 hija differenti minn dik tat-trade marks kollettivi fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u hija simili għal dik tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.

55.      Fir-rigward tar-riferiment li The Tea Board twettaq għas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2004, Anheuser-Busch (C‑245/02, EU:C:2004:717, punti 42 u 55), kif ukoll tal-14 ta’ Ġunju 2007, Häupl (C‑246/05, EU:C:2007:340, punt 48), għandu jiġi rrilevat li, f’dawn iż-żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat kunċetti tad-dritt tat-trade marks tal-Unjoni fid-dawl tal-kunċetti korrispondenti tal-Ftehim TRIPs. F’dan il-każ, The Tea Board tallega, bil-kontra, li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 huma interpretati abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPs li jikkonċernaw sinjali oħra għajr it-trade marks.

56.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, fl-opinjoni tiegħi l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell ta’ The Tea Board għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)      Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju: evalwazzjoni żbaljata tan-natura tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fil-każ ta’ kunflitt bejn trade mark kollettiva preċedenti li tikkonsisti f’indikazzjoni ġeografika u sinjal li huwa s-suġġett ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark individwali

57.      Skont The Tea Board, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt u/jew żnaturat il-fatti tal-kawża meta kkonkludiet, fis-sentenzi appellati, li, fil-preżenza ta’ trade mark kollettiva fis-sens tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009, l-oriġini, reali jew potenzjali, tal-prodotti jew tas-servizzi koperti ma tistax tittieħed inkwistjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għall-finijiet tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, u li l-fatt li jsir magħruf jekk il-pubbliku jistax jew le jemmen li l-prodotti inkwistjoni, jew il-materja prima li ntużat sabiex jiġu mmanifatturati, jew is-servizzi koperti mit-trade mark inkwistjoni jistgħux ikollhom l-istess oriġini ġeografika, ma huwiex importanti.

58.      F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “probabbiltà ta’ konfużjoni” taħt l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 b’konformità mal-funzjoni distintiva assenjata lit-trade mark. B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, tali probabbiltà ta’ konfużjoni teżisti meta l-pubbliku jista’ jieħu żball fir-rigward tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni (30).

59.      Għalsaqstant, ma għandhiex x’taqsam ma’ dan il-kunċett il-probabbiltà li l-konsumatur jiġi żgwidat fuq aspetti oħra għajr l-orġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, inkluża l-oriġini ġeografika tagħhom. Fis-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 29), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li ma huwiex suffiċjenti “sabiex tiġi eskluża l-imsemmija probabbiltà ta’ konfużjoni, li jintwera sempliċiment in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku fir-rigward tal-lok tal-produzzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi inkwisjtoni” (31).

60.      It-teżi ta’ The Tea Board hija, essenzjalment, talba lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tinterpreta mill-ġdid il-kunċett ta’ “probabbiltà ta’ konfużjoni” fil-każ ta’ kunflitt bejn trade mark individwali u trade mark kollettiva prevista fl-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 fid-dawl tal-funzjoni differenti attribwita lil din it-trade mark imsemmija l-aħħar li tindika l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi li hja tkopri. Issa, peress li t-trade marks kollettivi li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni jissodisfaw l-istess funzjoni distintiva bħat-trade marks kollettivi previsti fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu, tali interpretazzjoni mill-ġdid ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi ġġustifikata.

61.      Barra minn hekk, nirrileva li, peress li l-UASI ma opponiex raġunijiet assoluti għal rifjut għar-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni, huwa kellu neċessarjament jikkunsidra li t-terminu “Darjeeling”, li huwa l-uniku element li dawn it-trade marks huma komposti minnu, ma setax jiġi kkunsidrat bħala indikazzjoni li tista’ sservi, fil-kummerċ, sabiex tindika l-oriġini ġeografika tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 (32). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali nnifisha kkonstatat fil-punt 111 tas-sentenzi appellati li The Tea Board ma kienet ipprovdiet l-ebda element li jista’ jistabbilixxi li l-isem ġeografiku inkwistjoni kien jippreżenta, f’moħħ il-pubbliku interessat, rabta mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni jew li l-imsemmi isem jista’ jintuża mill-impriżi interessati bħala indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tagħhom.

62.      Minn dan isegwi li, anki jekk jingħad li l-interpretazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni sostnuta minn The Tea Board għandha tiġi adottata, it-trade marks li għalihom saret applikazzjoni ma humiex, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li jwasslu lill-konsumatur sabiex jiżbalja fir-rigward tal-oriġini ġeografika tal-prodotti jew is-servizzi li huma jkopru, peress li t-terminu “darjeeling”, fit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni ma jiġix ipperċepit bħala indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika.

63.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, The Tea Board tistaqsi fir-realtà sabiex jiġi rrikonoxxut lilha, fuq il-bażi tat-trade mark kollettiva tagħha, dritt sabiex topponi, abbażi tal-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament Nru 207/2009, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark li għaliha saret applikazzjoni anki fin-nuqqas ta’ kull probabbiltà ta’ konfużjoni, li jkun kuntrarju għall-kliem ċar ta’ din id-dispożizzjoni.

64.      Għar-raġunijiet esposti, fl-opinjoni tiegħi t-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

c)      Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju: żball fir-rigward tal-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi evalwat ix-xebh ta’ oġġetti u ta’ servizzi fil-każ ta’ kunflitt bejn trade mark kollettiva preċedenti li tikkonsisti f’indikazzjoni ġeografika u sinjal li huwa s-suġġett ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark individwali

65.      It-tieni parti tal-ewwel aggravju hija bbażata fuq żball ta’ liġi u/jew fuq żnaturament tal-fatti tal-kawża li l-Qorti tal-Ġenerali wettqet meta kkonkludiet li, fil-preżenza ta’ trade mark kollettiva fis-sens tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009, l-oriġini, reali jew potenzjali, tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fil-paragun ta’ dawn il-prodotti u servizzi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tal-imsemmi regolament, u li dan il-paragun għandu pjuttost jitwettaq skont l-istess kriterji li japplikaw meta jiġu evalwati x-xebh jew l-identiċità ta’ prodotti u servizzi koperti minn trade marks individwali. F’dan il-każ, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodott kopert mit-trade marks preċedenti u l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni, għandu jiġi mistoqsi jekk dawn il-prodotti u servizzi jistgħux jew le jkollhom l-istess oriġini ġeografika. Din id-domanda għandha tingħata, skont The Tea Board, risposta fl-affermattiv.

66.      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-iskop intiż tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura kompetittiva jew komplementari tagħhom (33) u l-kanali ta’ distribuzzjoni tagħhom (34).

67.      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, għalkemm il-ġurisprudenza tidher li teżiġi li l-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni titwettaq abbażi ta’ kriterji strettament kummerċjali, tali evalwazzjoni taqa’ taħt il-kuntest iktar wiesa’ tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens indikat iktar ’il fuq. Isegwi li, lil hinn mill-evalwazzjoni ta’ ċertu numru ta’ fatturi ddeterminati minn qabel, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fi kwalunkwe każ, il-possibbiltà li l-konsumatur jista’, b’mod konkret, jattribwixxi lill-prodotti jew lis-servizzi inkwistjoni oriġini kummerċjali komuni.

68.      Għaldaqstant, ma huwiex eskluż li, f’ċerti każijiet, sempliċi prossimità bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni tista’ tkun suffiċjenti sabiex toħloq il-konvinzjoni, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, jekk il-prodotti jkunu koperti minn sinjal identiku jew simili, li huma ġew immanifatturati taħt il-kontroll ta’ impriża unika jew ta’ impriżi marbuta bejniethom.

69.      Fuq il-bażi, b’mod partikolari, tar-riflessjoni preċedenti, ma neskludix li, meta oppożizzjoni, taħt l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 tkun ibbażata fuq trade mark kollettiva (kemm jekk taħt il-paragrafu 1 jew il-paragrafu 2 tal-Artikolu 66 ta’ dan ir-regolament), l-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati – għalkemm għandha ssir fuq il-bażi tal-istess kriterji applikati fil-każ ta’ kunflitt bejn iż-żewġ trade marks individwali – tista’ tieħu inkunsiderazzjoni n-natura partikolari ta’ dawn it-trade marks, sa fejn tali fattur jista’ jkollu impatt fuq il-perċezzjoni li l-konsumatur għandu tar-relazzjoni bejn dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi.

70.      Xorta jibqa’ l-fatt li, anki f’tali każ, l-evalwazzjoni ta’ din ir-relazzjoni hija intiża, fl-aħħar lok, sabiex tiddetermina jekk teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti taħt l-imsemmi Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u li din il-probabbiltà, kif rajna iktar ’il fuq, tirrigwarda l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni.

71.      Issa, il-kriterju tal-oriġini ġeografika potenzjali tas-servizzi koperti mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni ma huwiex manifestament ta’ natura li jipprovdi indikazzjonijiet fuq il-probabbiltà li l-pubbliku rilevanti jiġi mwassal sabiex jemmen li s-servizzi ġejjin minn wieħed mill-membri tal-assoċjazzjoni proprjetarja tat-trade marks kollettivi preċedenti, għall-inqas fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, fejn it-terminu “darjeeling” ma jintużax fit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni bħala indikazzjoni ġeografika.

72.      Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha wkoll tiġi miċħuda bħala infondata.

d)      Konklużjonijiet dwar l-ewwel aggravju tal-appell prinċipali

73.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, The Tea Board, fl-opinjoni tiegħi, ma pprovatx li s-sentenzi appellati huma, fir-rigward tal-profili eżaminati, ivvizzjati bi żbalji ta’ liġi. Fir-rigward tal-ilmenti bbażati fuq żnaturatament tal-fatti, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li dawn ma ġew sostnuti bl-ebda mod.

74.      Għaldaqstant, l-ewwel aggravju tal-appell prinċipali għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

2.      Fuq it-tieni aggravju tal-appell prinċipali, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009

75.      Skont The Tea Board, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-fatti meta kkonkludiet, fis-sentenzi appellati, li l-kwalitajiet pożittivi evokati mill-element verbali “darjeeling” ma setgħux jiġu trasposti lejn parti mis-servizzi tal-klassi 35 u lanqas lejn l-ebda wieħed mis-servizzi tal-klassi 38, li huma koperti mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni u li, għaldaqstant, l-użu ta’ dawn it-trade marks ma tax lil Delta Lingerie vantaġġ kummerċjali fir-rigward ta’ dawn is-servizzi. Il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli timmotiva din il-konklużjoni.

76.      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li The Tea Board ma tispjega bl-ebda mod kif l-imsemmija konklużjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi u lanqas ma ssostni l-ilment tagħha bbażat fuq żnaturament tal-fatti. Għaldaqstant, iż-żewġ ilmenti għandhom jiġu miċħuda.

77.      Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, nirrimarka li, f’kull waħda mis-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li r-raġuni għaliex l-użu tat-trade marks li għalihom saret appikazzjoni ta lil Delta Lingerie vantaġġ kummerċjali fir-rigward tas-servizzi fil-klassi 35 minbarra s-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ lbies ta’ taħt tan-nisa u s-servizzi fil-klassi 38, ma tirriżulta bl-ebda mod mill-proċess u li The Tea Board ma kienet ippreżentat l-ebda element speċifiku li jista’ jipprova tali vantaġġ. Billi rreferiet għall-assenza ta’ provi li jistgħu juru t-trasferiment tal-kwalitajiet pożittivi marbuta mal-element verbali “darjeeling” għas-servizzi inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali mmotivat suffiċjentement il-konklużjoni li tipprovdi li tali trasferiment ma setax jiġi stabbilit f’dan il-każ.

78.      It-tieni aggravju tal-appell prinċipali għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

3.      Konklużjonijiet dwar l-appell prinċipali

79.      Peress li ż-żewġ aggravji insostenn tal-appell prinċipali għandhom, għar-raġunijiet esposti, jiġu miċħuda parzjalment bħala inammissibbli u parzjalment bħala infondati, l-appell prinċipali ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jintlaqa’. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħdu kollu kemm hu.

B.      Fuq l-appelli inċidentali

80.      Insostenn ta’ kull wieħed mill-appelli inċidentali tagħha, Delta Lingerie tqajjem żewġ aggravji. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet meta żnaturat il-funzjonijiet rispettivi tat-trade marks, minn naħa, u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, min-naħa l-oħra. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq kontradizzjoni fil-motivi kif ukoll fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

1.      Fuq l-ewwel aggravju tal-appelli inċidentali, ibbażat fuq żnaturatament tal-funzjonijiet rispettivi tat-trade marks u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti

81.      Skont Delta Lingerie, billi invokat premessa ipotetika li tipprovdi li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti kienet ġiet ipprovata u billi bbażat din il-premessa fuq il-konklużjoni, żbaljata, li r-reputazzjoni li kellha d-denominazzjoni “Darjeeling”, bħala indikazzjoni ġeografika protetta għat-tè setgħet tiġi trażmessa għall-istess sinjal protett abbażi ta’ trade mark kollettiva għal prodotti identiċi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi żnaturat il-funzjonijiet rispettivi ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ sinjali.

82.      Din l-aggravju, fil-fehma tiegħi, jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenzi appellati.

83.      Għandu jiġi osservat li, fil-punt 79 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-trade marks preċedenti kinux jibbenefikaw jew le minn reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, il-formulazzjoni tad-deċiżjoni kienet, “minn tal-inqas, ambigwa”, u li mill-“unika frażi li ma hijiex ambigwa”, fil-kapitolu ta’ dawn id-deċiżjonijiet iddedikat għall-analiżi tal-imsemmija domanda kien jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma kienx ikkonkluda b’mod definittiv li t-trade marks preċedenti kellhom reputazzjoni. Billi kkonstatat li l-Bord tal-Appell kien madankollu wettaq l-analiżi tiegħu abbażi tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 80 tas-sentenzi appellati, li hija kellha neċessarjament tibbaża ruħha fuq l-ipoteżi li tali reputazzjoni kienet ġiet stabbilita.

84.      Minn naħa, bil-kontra ta’ dak li ssostni Delta Lingerie, il-Qorti Ġenerali ma fformulatx hija stess tali ipoteżi, iżda sempliċement ikkonstatat li l-Bord tal-Appell kien għamel dan. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija ipoteżi kienet tirrigwarda l-prova tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, u mhux, bħalma donnha ssostni Delta Lingerie, l-elementi li abbażi tagħhom tali prova setgħet tinġab.

85.      Billi pproċediet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali mhux biss ma ħaditx pożizzjoni hija stess fuq il-kwistjoni dwar jekk tressqitx il-prova tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, iżda lanqas ma ddikjarat ruħha, la espliċitament u lanqas impliċitament, fuq il-kwistjoni dwar jekk, għall-finijiet ta’ tali prova, ir-reputazzjoni li kienet tgawdi minnha d-denominazzjoni “Darjeeling” bħala indikazzjoni ġeografika protetta għat-tè setgħetx tiġi trażmessa lejn l-istess sinjal protett bħala trade mark kollettiva għal prodotti identiċi.

86.      Ma jistax jiġi sostnut, bil-kontra ta’ din il-konklużjoni, li l-premessa ipotetika li tipprovdi li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti kienet ġiet stabbilita setgħet tiġi fformulata biss permezz ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali trażmissjoni ta’ reputazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, ma jirriżultax b’mod ċar mid-deċiżjonijiet kontenzjużi, b’mod partikolari fid-dawl tal-kliem ambigwu tagħhom, li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-possibbiltà ta’ tali trażmissjoni kien l-uniku aspett tal-analiżi tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tikkonċerna l-evalwazzjoni tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti li ġie kkritikat mill-Bord tal-Appell. Min-naħa l-oħra, dan tal-aħħar lanqas ma ħa huwa stess b’mod ċar, u wisq inqas b’mod definittiv, pożizzjoni fuq tali possibbiltà, u lanqas fuq il-kwistjoni sussegwenti sabiex isir magħruf jekk, anki kieku ġiet aċċettata t-trażmissjoni ta’ reputazzjoni, dan kienx ikun suffiċjenti, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, sabiex tiġi stabbilita r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament 207/2009 jew, mill-inqas, ta’ waħda fosthom.

87.      Bil-kontra, il-konklużjoni li tipprovdi li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni dwar jekk indikazzjoni ġeografika protetta tistax tiġi trażmessa lejn trade mark kollettiva prevista fl-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament, hija kkonfermata mill-punt 147 tas-sentenzi appellati, li fih, wara li kkonkludiet, f’kull waħda mis-sentenzi, li d-deċiżjonijiet kontenzjużi kellhom jiġu annullati parzjalment, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li kien, fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell li kellu jifformula konklużjoni definittiva fuq l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade marks preċedenti u, jekk ikun il-każ, fuq l-intensità tagħha.

88.      Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li l-ewwel aggravju f’kull wieħed mill-appelli inċidentali għandu jiġi miċħud sa fejn huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenzi appellati u sa fejn jirreferi għal kwistjoni ta’ liġi li ma ġietx deċiża mill-Qorti Ġenerali.

2.      Fuq it-tieni aggravju tal-appelli inċidentali, ibbażat fuq kontradizzjoni fil-motivi u fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009

89.      Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, Delta Lingerie ssostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali kkontradixxiet lilha nnifisha u ma osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, meta, fil-punt 141 tas-sentenzi appellati, affermat li xejn ma kien jipprekludi li l-pubbliku li huma indirizzati lejh it-trade marks li għalihom saret applikazzjoni jiġi attrat bit-trasferiment, lejn it-trade marks li għalihom saret applikazzjoni, tal-valuri u tal-kwalitajiet pożittivi marbuta mar-reġjun ta’ Darjeeling, filwaqt li, fil-punti 107, 111 u 120 ta’ dawn is-sentenzi, hija kkonkludiet li ma kienx hemm rabta bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni u l-imsemmi reġjun, kif ukoll li kien hemm assenza totali ta’ xebh bejn dawn il-prodotti u servizzi u l-prodott koperti mit-trade marks preċedenti.

90.      Dan l-ilment ma jistax, fl-opinjoni tiegħu, jintlaqa’. Fil-fatt, il-punti 107, 111 u 120 tas-sentenzi appellati, li tirreferi għalihom Delta Lingerie, huma ddedikati għall-analiżi tal-eżistenza ta’ riskju serju ta’ dannu lill-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti, filwaqt li l-punt 141 ta’ dawn is-sentenzi jikkonċerna l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ riskju li l-użu mingħajr raġuni valida tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni jippermetti li jittieħed vantaġġ inġust mill-karattru distintiva jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti. Issa, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ probabbiltajiet teħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi differenti. B’hekk, meta l-effett ħażin fuq il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti huwa kkunsidrat, huwa l-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata din it-trade mark li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, filwaqt li, meta l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ “free-riding” għandha tiġi evalwata, l-analiżi titwettaq mill-perspettiva tal-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

91.      Għaldaqsant, huwa mingħajr ma tikkontradixxi lilha nnifisha li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata, minn naħa, li l-konsumatur tal-prodott kopert mit-trade marks kollettivi preċedenti ma jiġix imwassal jemmen li l-prodotti u s-servizzi koperti mill-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ippreżentati minn Delta Lingerie joriġinaw mir-reġjun ta’ Darjeeling u, min-naħa l-oħra, li l-konsumatur ta’ dawn il-prodotti u dawn is-servizzi jkun attirat mill-valuri u milll-kwalitajiet pożittivi marbuta mal-imsemmi reġjun.

92.      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt, enfasizzat minn Delta Lingerie, li l-konsumaturi tal-prodott kopert mit-trade marks kollettivi preċedenti u dawk tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jikkoinċidu sa’ ċertu punt. Fil-fatt, il-perċezzjoni u l-aġir ta’ dawn il-konsumaturi ġew analizzati mill-Qorti Ġenerali taħt angoli differenti (kapaċità sabiex jattribwixxu u jagħrfu l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, minn naħa, il-propensità li jiġu attirati mis-saħħa evokatriċi ta’ indikazzjoni ġeografika min-naħa l-oħra), u waqt l-atti ta’ xiri differenti.

93.      Fit-tieni lok, Delta Lingerie ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, meta kkonkludiet, fis-sentenzi appellati, li kien hemm riskju ta’ vantaġġ meħud mill-użu mingħajr raġuni valida tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni taħt din id-dispożizzjoni, anki wara li kkonstatat li l-ebda analiżi speċifika ddedikata għall-eżistenza ta’ rabta ta’ assoċjazzjoni, f’moħħ il-pubbliku, bejn is-sinjali kunfliġġenti ma kienet twettqet mill-Bord tal-Appell.

94.      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi nnotat li kien biss wara li kkonstatat li l-analiżi tal-Bord tal-Appell kienet ibbażata fuq il-premessa ipotetika tal-eżistenza ta’ tali rabta ta’ assoċjazzjoni li l-Qorti Ġenerali kompliet bl-eżami tagħha tal-legalità tad-deċiżjonijiet kontenzjużi taħt l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, sabiex tikkonkludi, wara li ntemm dan l-eżami, li kien hemm ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ma kisritx, bil-kontra ta’ dak li tikkritikaha bih Delta Lingerie, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

3.      Konklużjonijiet dwar l-appelli inċidentali

95.      Peress li l-eżami tal-aggravji mqajma insostenn tal-appelli inċidentali ma ppermetta li jiġi kkonstatat l-ebda wieħed mill-vizzji invokati minn Delta Lingerie kontra s-sentenzi appellati, l-imsemmija appelli għandhom, fl-opinjoni tiegħi, jiġu miċħuda kollha kemm huma.

VI.    Konklużjoni

96.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad kemm l-appelli prinċipali kif ukoll l-appelli inċidentali u tikkundanna lil The Tea Board għall-ispejjeż marbuta mal-appelli prinċipali u lil Delta Lingerie għall-ispejjeż marbuta mal-appelli inċidentali.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      (ĠU 2009, L 78, p. 1).


3      Dawn il-prodotti u servizzi jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: Għall-klassi 25: “Ħwejjeġ ta’ taħt tan-nisa u lbies ta’ taħt tan-nisa ta’ bin-nhar u tal-lejl, b’mod partikolari panċieri, bodies, kriepet, korpi, riċipetti, qliezet ta’ taħt, G-strings, tangas, brassieres, shorties, boxer shorts, ċinturini bit-takkalji, suspenders, ġarrettieri, camisoles, piġamijiet tan-nisa li jaslu sal-ġenbejn, tajts, kalzetti tan-najlon, malji tal-għawm, ħwejjeġ, ħwejjeġ maħdumin bis-suf, bjankerija ta’ taħt, flokkijiet, T-shirts, bodices, busti, piġamijiet qosra, pelliċċji, overalls, settijiet, ġersijiet, leotards, piġamijiet, ilbies tal-irqad, qliezet, qliezet ta’ ġewwa, xalel, ġagagi, ġagagi tal-banju, malji tal-għawm, qliezet tal-għawm, dbielet ta’ taħt, xalel”; għall-klassi 35: “Servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ ħwejjeġ ta’ taħt tan-nisa u ta’ lbies ta’ taħt tan-nisa, fwejjaħ, ilmijiet tal-fwieħa u kosmetiċi, bjankerija tad-dar u tal-banju, servizzi ta’ konsulenza fir-rigward tal-kreazzjoni u l-operat ta’ stabbilimenti tal-bejgħ u ta’ stabbilimenti tax-xiri għall-bejgħ bl-imnut u għar-reklamar, servizzi ta’ promozzjoni tal-bejgħ (għal terzi), reklamar, ġestjoni tan-negozju, amministrazzjoni tan-negozju, reklamar online fuq netwerk tal-informatika, distribuzzjoni ta’ materjal promozzjonali (fuljetti, prospetti, ġurnali b’xejn, kampjuni), servizzi ta’ abbonament ma’ ġurnali għal terzi, informazzjoni jew stħarriġ dwar in-negozju, organizzazzjoni ta’ avvenimenti, ta’ esibizzjonijiet għall-finijiet kummerċjali jew promozzjonali, kiri ta’ spazju promozzjonali, reklamar radjofoniku u televiżiv, sponsorizzazzjoni promozzjonali”; għall-klassi 38: “Telekomunikazzjonijiet, trażmissjoni ta’ messaġġi u ta’ immaġni permezz tal-kompjuter, servizzi ta’ xandir interattiv dwar il-preżentazzjoni ta’ prodotti, komunikazzjoni permezz ta’ terminals tal-kompjuter, komunikazzjoni (trażmissjoni) fuq netwerk informatiku globali, miftuħ u magħluq”.


4      ĠU 2011, L 276, p. 5.


5      ĠU L 335M, p. 213.


6      ĠU 2012, L 343, p. 1.


7      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2004, UASI vs Erpo Möbelwerk (C‑64/02 P, EU:C:2004:645, punt 39).


8      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI (C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punti 45 u 46).


9      L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).


10      Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 25); tat-8 ta’ April 2003, Linde et (C‑53/01 sa C‑55/01, EU:C:2003:206, punt 73), kif ukoll tal-15 ta’ Marzu 2012, Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147, punt 31). Fir-rigward tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), li ppreċeda r-Regolament Nru 207/2009, ara s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI (C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 37).


11      Dan l-iskop huwa differenti minn dak segwit mir-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li hija intiża sabiex teskludi mir-reġistrazzjoni s-sinjali nieqsa minn karattru distintiv u li għaldaqstant ma jistgħux jissodisfaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark bħala indikatur tal-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz kopert, peress li l-interess ġenerali sottostanti għal din ir-raġuni assoluta għal rifjut ma jistax jiġi sseparat, sabiex tintuża l-espressjoni li użat il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-imsemmija funzjoni essenzjali tat-trade mark. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs UASI (C‑329/02 P, EU:C:2004:532, punt 27), u tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs UASI (C‑37/03 P, EU:C:2005:547, punt 60). Ara madankollu, fis-sens oppost, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI (C‑383/99 P, EU:C:2001:461, punt 37), li, f’dak li jikkonċerna dan l-aspett, baqgħet unika.


12      Barra minn hekk, kien f’dan is-sens li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 27), meta hija enfasizzat li l-interess ġenerali sottostanti tal-Artikolu 3(1)(c) tal-Ewwel Direttiva 89/104 kien “jidher mill-possibbiltà, li tinsab fl-Artikolu 15(2) tad-Direttiva, għall-Istati Membri sabiex jipprevedu, b’deroga mill-Artikolu 3(1)(c), li sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jistgħu jikkostitwixxu trade marks kollettivi”. Ara wkoll is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2016, Internet Consulting vs EUIPO – Provincia Autonoma di Bolzano-Alto Adige (SUEDTIROL) (T‑11/15, EU:T:2016:422, punt 55).


13      L-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi li l-applikant għal trade mark kollettiva għandu jissottometti regolamenti li jirregolaw l-użu tat-trade mark li jispeċifikaw “il-persuni awtorizzati biex jużaw il-marka, il-kundizzjonijiet għal adeżjoni fl-assoċjazzjoni u, fejn dawn jeżistu, il-kondizzjonijiet għall-użu tal-marka inklużi sanzjonijiet”.


14      Ara l-punti 147 sa 150 tas-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar (C‑96/09 P, EU:C:2011:189).


15      Ir-Regolament 2015/2424 ifformula mill-ġdid, mill-1 ta’ Ottubru 2017, l-Artikolu 66(3) tar-Regolament Nru 207/2009, mingħajr ma biddel is-sustanza tiegħu.


16      Ara s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 28).


17      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 27).


18      Ir-Regolament Nru 2015/2424 daħħal fir-Regolament Nru 207/2009 l-Artikoli 74a sa 74k, li ser jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2017 u li jirregolaw it-trade marks ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Dawn it-trade marks jippermettu lil istitut jew korp ta’ ċertifikazzjoni sabiex jawtorrizzaw lill-membri ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni sabiex jużaw it-trade mark inkwantu sinjal għal prodotti u servizzi li jissodisfaw il-kriterji ta’ ċertifikazzjoni. L-imsemmi Artikolu 74a jippreċiża li ċ-ċertifikazzjoni ma tistax tkopri l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati.


19      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi li, meta l-użu ta’ trade mark huwa suġġett għal kundizzjonijiet, li jistgħu pereżempju jirrigwardaw l-osservanza ta’ ċerti standards ta’ kwalità jew l-użu ta’ metodu ta’ produzzjoni speċifika, ir-regolamenti li jirregolaw l-użu tat-trade mark għandhom jindikawhom. Barra minn hekk, huwa l-proprjetarju tat-trade mark kollettiva, skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 207/2009, li għandu jadotta, taħt piena ta’ dekadenza mid-drittijiet tiegħu, miżuri raġonevoli sabiex jipprevjeni użu tat-trade mark li ma jkunx kompatibbli mal-kundizzjonijiet għall-użu previsti mir-regolamenti li jirregolaw l-użu.


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 26).


21      L-Artikolu 74a tar-Regolament Nru 207/2009, introdott mir-Regolament Nru 2015/2424, madankollu jiddeskrivi b’mod ieħor il-funzjoni tat-trade marks ta’ ċertifikazzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, tali trade mark għandha tkun “kapaċi tiddistingwi l-oġġetti jew is-servizzi li huma ċertifikati mill-proprjetarju tal-marka fir-rigward tal-materjal, il-metodu ta’ manifattura ta’ oġġetti jew tat-twettiq tas-servizzi, il-kwalità, il-preċiżjoni jew karatteristiċi, bl-eċċezzjoni tal-oriġini ġeografika, minn oġġetti u servizzi li mhumiex ċertifikati b’dan il-mod”. Il-funzjoni distintiva ta’ dawn it-trade marks tirrigwarda għaldaqstant mhux l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi iżda ċ-ċertifikazzjoni tagħhom.


22      Il-Ftehim li jinsab fl-Anness 1C tal-Ftehim ta’ Marrakech li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80) (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim TRIPs”).


23      The Tea Board tirreferi b’mod partikolari għall-Artikolu 13(a) sa (d), tar-Regolament Nru 1151/2012 u għall-Artikolu 22 tal-Ftehim TRIPs. Dawn id-dispożizzjonijiet jestendu l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għall-abbużi, il-imitazzjonijiet u l-evokazzjonijiet ta’ dawn rigward kemm prodotti kif ukoll servizzi.


24      Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015, li jemenda r-Regolament Nru 207/2009 (ĠU 2015, L 341, p. 21).


25      Din l-emenda daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2016. Barra minn hekk, fid-data tal-preżentazzjoni tal-oppożizzjonijiet, id-denominazzjoni “Darjeeling” kienet għadha ma ġietx irreġistrata bħala indikazzjoni ġeografika.


26      Din id-dispożizzjoni, li l-kontenut tagħha jikkorrispondi essenzjalment għal dak tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 attwali, tipprevedi li meta indikazzjoni ġeografika tiġi rreġistrata taħt dan ir-regolament, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark li l-użu tagħha jikser l-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament u li tikkonċerna prodott tal-istess tip hija rrifjutata jekk l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tiġi ppreżentata wara d-data tal-preżentata quddiem il-Kummissjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni rigward l-indikazzjoni ġeografika.


27      Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, huma biss id-denominazzjonijiet (u mhux kull sinjal li jista’ jiġi rrappreżentat b’mod grafiku) li jistgħu jiġu rreġistrati bħala indikazzjonijiet ġeografiċi.


28      Il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi hija prevista biss għall-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel, bir-Regolament Nru 1151/2012, l-inbejjed, bir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347 2013, p. 671), u x-xorb alkoħoliku, mir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU 2008, L 39, p. 16).


29      Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1151/2012, l-indikazzjonijiet ġeografiċi li jikkonċernaw il-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel jidentifikaw prodott bħala li joriġina minn post speċifiku, minn reġjun jew pajjiż, fejn kwalità determinata, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tista’ tiġi attribwita essenzjalment lill-oriġini ġeografika tiegħu u fejn mill-inqas waħda mill-fażijiet ta’ produzzjoni sseħħ fiż-żona ġeografika demarkata. L-istess rekwiżiti ma japplikawx għat-trade marks kollettivi previsti fl-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009.


30      Ara, fir-rigward tal-Artikolu 4(1)(b), tal-Ewwel Direttiva 89/104, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 26).


31      Fuq in-nuqqas ta’ rilevanza, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, ta’ kunsiderazzjonijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-oriġini kummerċjali tal-prodott inkwistjoni, ara s-sentenza tal-5 ta’ April 2006, Madaus vs UASI – Optima Healthcare (ECHINAID) (T‑202/04, EU:T:2006:106, punt 31.)


32      Barra minn hekk, kieku l-UASI kien ikkunsidra li l-kelma “Darjeeling” fit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni kienet tintuża sabiex tiġi identifikata l-oriġini ġeografika tal-prodotti u s-servizzi kkonċernati, dawn it-trade marks kellhom jiġu rrifjutati r-reġistrazzjoni bħala qarrieqa, taħt l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009.


33      Ara, fir-rigward tal-Artikolu 4(1)(b) tal-Ewwel Direttiva 89/104, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 23).


34      Ara, inter alia, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), (T‑443/05, EU:T:2007:219, punt 37).