Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' April 2009 - Complejo Agrícola vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-174/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Complejo Agrícola, SA (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: A. Menéndez Menéndez, abogado, u G. Yanguas Montero, abogada)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara dan ir-rikors bħala ammissibbli

tannulla parzjalment l-Artikolu 1, flimkien mal-Anness 1, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/95/KE tat-12 ta' Diċembru 20081, f'dak li tirrigwarda l-għażla ta' "Acebuchales de la Campiña Sur de Cádiz" (Kodiċi ES 6120015) bħala sit ta' importanza Komunitarja (iktar 'il quddiem "SCI Acebuchales") u li jiġi stabbilit mill-ġdid l-eżerċizzju sħiħ tad-dritt ta' proprietà ta' COMPLEJO AGRÍCOLA fuq il-parti tal-attività agrikola tagħha li ma tissodisfax il-valuri ambjentali meħtieġa sabiex tiġi ddikjarata sit ta' importanza Komunitarja (iktar 'il quddiem is-"SCI").

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata f'din il-kawża tapprova t-tieni lista stabbilita mis-SCI għar-reġjun bijoġeografiku Mediterran, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa2. Fost is-SCI magħżula u miżmuma fid-deċiżjoni kkontestata hemm inkluż is-SCI ta' Acebuchales, b'superfiċji ta' 26 475.31 ettaru u bil-koordinati segwenti: lonġitudni 5° 57' 4'' W u latitudni 36° 24' 2''.

Bis-saħħa tad-deċiżjoni kkontestata, superfici ta' 1 759 ettaru ta' attività agrikola li hija proprjetà tar-rikorrenti (iktar 'il quddiem l-"attività agrikola") ġiet inkluża fis-SCI Acebuchales. Mid-dikjarazzjoni tas-SIC Acebuchales, għal din is-superfiċju ġiet applikata, awtomatikament, is-sistema legali ta' protezzjoni prevista fl-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva 92/43. Din is-sistema legali tillimita l-possibbiltajiet ta' użu u ta' tgawdija tar-rikorrenti fuq il-parti tal-attività agrikola inkluża fis-SCI Acebuchales.

Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti tallega li:

il-Kummissjoni marret lil hinn mid-diskrezzjoni tagħha meta ġie stabbilit il-perimetru tas-SCI Acebuchales, li jikkonċerna l-attività agrikola tar-rikorrenti, bħala konsegwenza tal-applikazzjoni żbaljata tal-kriterji stabbiliti fl-Annessi I, II u III tad-Direttiva 92/43;

bħal ma juri r-rapport ambjentali magħmul mill-kumpannija ta' konsulenza ambjentali Istmo ' 94, mill-1 759 ettaru tal-attività agrikola milquta mis-SCI Acebuchales, 877 ettaru ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ambjentali meħtieġa mid-Direttiva 92/43 sabiex jiġu inklużi f'żona SCI. Bl-applikazzjoni żbaljata, mill-Kummissjoni, tal-kriterji tal-Anness III tad-Direttiva 92/43, jirriżulta li l-parti l-kbira tal-artijiet li huma proprjetà tar-rikorrenti li m'għandhomx valur ekoloġiku hija ġiet iddikjarata żona SCI, li jimplika, barra minn hekk, ksur tal-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' legalità tad-dritt Komunitarju;

minn dan kollu tirriżulta limitazzjoni inġustifikata u sproporzjonata tal-possibbiltajiet ta' użu u ta' tgawdija li huma parti mid-dritt ta' proprietà tar-rikorrenti fuq iż-żoni tal-attività agrikola milquta mis-SCI Acebuchales li m'għandhomx valur ambjentali;

ir-rikorrenti ma kellhiex il-possibbiltà li tipparteċipa fil-proċedura ta' għażla ta' SCI Acebuchales, u lanqas li tiġi informata bl-eżistenza tagħha, qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, bi ksur tal-prinċipji ta' dritt għal smigħ u ta' ċertezza legali.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2008 li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, it-tieni lista aġġornata tas-siti ta' importanza Komunitarja għar-reġjun bijogeografiku tal-Mediterran [notifikata bid-dokument Numru C(2008) 8049] (ĠU L 43, p. 393)

2 - ĠU L 59, p. 63