Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fil-15 ta’ Frar 2024 – Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte e.V. (GEMA) vs VHC 2 Seniorenresidenz und Pflegeheim GmbH

(Kawża C-127/24, VHC 2 Seniorenresidenz)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte e.V. (GEMA)

Konvenut: VHC 2 Seniorenresidenz und Pflegeheim GmbH

Domandi preliminari

Ir-residenti ta’ dar tal-anzjani, operata kummerċjalment, li fil-kmamar tagħhom ikollhom konnessjonijiet għat-televiżjoni u għar-radju, li permezz tagħhom l-operatur tad-dar tal-anzjani jittrażmetti mill-ġdid permezz tan-network ta’ kejbils tiegħu, simultanjament, mingħajr modifika u kompletament, programmi ta’ xandir irċevuti permezz ta’ tagħmir ta’ riċeviment bis-satellita, jikkostitwixxu “numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali” fis-sens tad-definizzjoni ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni 1 ?

Id-definizzjoni adottata sa issa mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fis-sens li l-klassifikazzjoni bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 teħtieġ li “l-komunikazzjoni tax-xogħol protett issir skont teknika speċifika, differenti minn dawk użati sa dak il-mument jew, fin-nuqqas ta’ dan, lil ‘pubbliku ġdid’, jiġifieri pubbliku li ma jkunx diġà ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur, meta dan ikun awtorizza l-komunikazzjoni inizjali tax-xogħol tiegħu lill-pubbliku” għadha tapplika b’mod ġenerali, jew il-metodu tekniku użat għandu importanza biss fil-każijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid fuq l-internet miftuħ ta’ kontenut l-ewwel maqbud bl-antenna, bis-satellita jew bil-kejbil?

Meta l-operatur li jopera dar tal-anzjani għal skopijiet ta’ lukru, li jittrażmetti mill-ġdid permezz tan-network ta’ kejbils tiegħu, simultanjament, mingħajr modifika u kompletament, fuq il-konnessjonijiet għat-televiżjoni u tar-radju fil-kmamar tar-residenti tad-dar, programmi ta’ xandir irċevuti permezz ta’ tagħmir ta’ riċeviment bis-satellita, dan ikun “pubbliku ġdid”, fis-sens tad-definizzjoni ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29? Il-fatt li r-resident ikollu, indipendentement mit-trażmissjoni bil-kejbil, il-possibbiltà li jaqbad il-programmi tat-televiżjoni u tar-radju fil-kamra tiegħu bl-antenna, għandu effett fuq dan? Il-fatt li d-detentur tad-drittijiet diġà jgawdi minn remunerazzjoni għall-awtorizzazzjoni mogħtija għax-xandira oriġinali għandu wkoll effett fuq dan?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.