Language of document : ECLI:EU:C:2016:675

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta’ Settembru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 20 u 21 TFUE –Direttiva 2004/38/KE– Dritt ta’ residenza fi Stat Membru ta’ ċittadin ta’ Stat terz li għandu preċedenti kriminali – Ġenitur li għandu l-kustodja esklużiva ta’ żewg ulied minuri, ċittadini tal-Unjoni – L-ewwel wild li għandu n-nazzjonalità tal-Istat Membru ta’ residenza – It-tieni wild li għandu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-għoti ta’ titolu ta’ residenza lil dan l-axxendent minħabba l-preċedenti kriminali tiegħu – Rifjut ta’ residenza li jista’ jwassal għall-obbligu ta’ tluq tal-ulied mit-territorju tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑165/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2014, fil-proċedura

Alfredo Rendón Marín

vs

Administración del Estado,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, C. Toader, D. Šváby, F. Biltgen u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), E. Juhász, A. Borg Barthet, M. Safjan, M. Berger, A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Rendón Marín, minn I. Aránzazu Triguero Hernández u L. De Rossi, avukati,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u L. Banciella Rodríguez-Miñón, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning u M. Wolff, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u B. Koopman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, K. Pawłowska u M. Pawlicka, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt u J. Beeko, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Martínez del Peral u C. Tufvesson, kif ukoll minn F. Castillo de la Torre u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Frar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Alfredo Rendón Marín, ċittadin ta’ Stat terz u missier ta’ ċittadini minuri tal-Unjoni, li għandu l-kustodja esklużiva tagħhom u li ilhom jgħixu sa minn twelidhom fi Spanja, u l-Administración del Estado (amministrazzjoni tal-istat, Spanja), dwar ir-rifjut tad-Director General de Inmigración del Ministerio de Trabajo e Inmigración (direttur ġenerali tal-immigrazzjoni tal-ministeru tax-xogħol u tal-immigrazzjoni, Spanja) li jagħtih dritt ta’ residenza għal ċirkustanzi eċċezzjonali, minħabba preċedenti kriminali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessi 23 u 24 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE. (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, u rettifiki, ĠU 2004, L 229, p. 35, u ĠU 2005, L 197, p. 34):

“(23) It-tkeċċija taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-familji tagħhom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika hi miżura li tista’ tweġġa’ serjament persuni li, wara li utilizzaw id-drittijiet u l-libertajiet konferiti lilhom mit-Trattat [KE], ġenwinament integraw rwieħhom fl-Istat Membru ospitanti. L-iskop ta’ dawn il-miżuri għandu għalhekk ikun limitat skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, waqt li jkun ikkunsidrat il-grad ta’ integrazzjoni tal-persuni kkonċernati, it-tul tar-residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, l-età tagħhom, il-kondizzjonijiet ta’ saħħa, tas-sitwazzjoni familjari u ekonomika u r-rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini.

(24)      Għalhekk, aktar ma tkun kbira l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, aktar għandha tkun kbira l-protezzjoni kontra tkeċċija. F’ċirkostanzi eċċezzjonali biss, fejn hemm raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, għandha tittieħed miżura ta’ tkeċċija kontra ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għexu għal diversi snin fit-territorju ta’ l-Istat Membru, b’mod partikolari meta jkunu twieldu u għexu hemm matul il-ħajja kollha tagħhom. B’addizzjoni, [Barra minn hekk] dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom japplikaw ukoll għal miżura ta’ tkeċċija meħuda kontra minorenni, sabiex jiġu protetti r-rabtiet tagħhom mal-familja, skond il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, ta’ l-20 ta’ Novembru 1989.”

4        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1)      “ċittadini tal-Unjoni” tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

2)      “membru tal-familja” tfisser:

[...]

d)      il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

3)      “Stat Membru ospitanti tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza.”

5        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi:

“1.               Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

2.      Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ moviment liberu u residenza li l-persuni kkonċernati jista’ jkollhom, l-Istat Membru ospitanti, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tal-persuni li ġejjin:

a)      kwalunkwe membri oħrajn tal-familja, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li, fil-pajjiż li ġejjin minnu huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta' l-Unjoni li għandu d-dritt primarju ta’# residenza [...];

[...]

L-Istat Membru ospitanti għandu jaffettwa eżami estensiv taċ-ċirkostanzi personali u għandu jiġġustifika kwalunkwe tiċħid ta’ dħul jew ta’ residenza lil dawn in-nies.”

6        L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.       Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

[...]

d)      membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

2.       Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ).”

7        Fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza permanenti”, l-Artikolu 16 tiegħu, li huwa intitolat “Regola ġenerali għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.        Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin.”

8        Fil-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika”, l-Artikolu 27(1) u (2) ta’ din id-direttiva, jipprovdi:

“1.               Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2.      Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.”

9        L-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Protezzjoni minn tkeċċija”, jipprovdi:

“1.      Qabel ma tittieħed deċiżjoni ta' tkeċċija minħabba politika pubblika jew sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jqis l-konsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu, l-età, l-istat ta' saħħa, is-sitwazzjoni familjari u dik ekonomika, integrazzjoni soċjali u kulturali fl-Istat Membru ospitanti u l-limitu tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini.

2.      L-Istat Membru ospitanti ma jistax jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li għandhom id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tiegħu, ħlief minħabba raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.

3.      Deċiżjoni ta’ tkeċċija m'għandhiex tittieħed kontra ċittadini ta’ l-Unjoni, ħlief meta d-deċiżjoni hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta' sigurtà pubblika, kif imfissra mill-Istati Membri, jekk dawn:

a)      għexu fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti; jew

b)      huma minorenni, ħlief jekk it-tkeċċija hi neċessarja għall-aħjar interessi tat-tifel/tifla, kif previst mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ta’ l-20 ta’ Novembru 1989.”

 Id-dritt Spanjol

10      L-Artikolu 31(3), tal-Ley Orgánica 4/2000 sobre derechos y libertades de los extranjeros en España y su integración social (liġi organika 4/2000 dwar id-drittijiet u l-libertajiet tal-barranin fi Spanja u dwar l-integrazzjoni soċjali tagħhom), tal-11 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru°10, tat-12 ta’ Jannar 2000, p. 1139), jipprevedi l-possibbiltà li jingħata titolu ta’ residenza temporanja għal raġunijiet eċċezzjonali, mingħajr ma jkun meħtieġ li ċ-ċittadin ta’ Stat terz ikollu viża minn qabel.

11      L-Artikolu 31(5) u (7) ta’ din il-liġi jiddisponi:

“5.      Sabiex tiġi awtorizzata r-residenza temporanja ta’ barrani, jeħtieġ li dan tal-aħħar ma jkollux preċedenti kriminali fi Spanja jew fil-pajjiżi li fihom ikun irrisjeda qabel, għal reati li jeżistu fl-ordinament ġuridiku Spanjol u li ma huwiex ipprojbit mit-territorju fl-Istati li magħhom Spanja kkonkludiet ftehim f’dan is-sens.

[...]

7.      Għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza temporanja, jiġu eżaminati, kif ikun il-każ:

a)      il-preċedenti kriminali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ tnaqqis ta’ piena jew ta’ sitwazzjonijiet ta’ tnaqqis kundizzjonali ta’ piena jew ta’ sospensjoni ta’ piena preventiva ta’ libertà;

b)      in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tal-individwu fil-qasam fiskali u ta’ sigurtà soċjali.

Sabiex isir dan it-tiġdid, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-isforz ta’ integrazzjoni muri miċ-ċittadin barrani u li jimmilita favur it-tiġdid, li għandu jiġi ppruvat permezz ta’ rapport pożittiv tal-komunità awtonoma li tiddikjara li l-individwu pparteċipa f’taħriġ previst fl-Artikolu 2(b) ta’ din il-liġi.”

12      Ir-Real Decreto 2393/2004 por el que se aprueba el Reglamento de la Ley Orgánica 4/2000 (digriet irjali 2393/2004 li jirrigwarda l-approvazzjoni tar-Regolament tal-Liġi organika 4/2000), tat-30 ta’ Diċembru 2004 (BOE Nru 6, tas‑7 ta’ Jannar 2005, p. 485), kien jipprevedi fil-paragrafu 4 tal-ewwel dispożizzjoni addizzjonali tiegħu:

“[...] [I]s-Segretarjat tal-Istat tal-immigrazzjoni u tal-emigrazzjoni, fuq rapport minn qabel tas-Segretarjat tal-Istat tal-Intern, jista’ jagħti permessi ta’ residenza temporanji f’każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali mhux previsti fir-Regolament tal-Liġi [4/2000].”

13      L-Artikoli 124 u 128 tar-Real Decreto 557/2011 por el que se aprueba el Reglamento de la Ley Orgánica 4/2000, tras su reforma por Ley Orgánica 2/2009 (Digriet Irjali 557/2011 li jirrigwarda l-approvazzjoni tar-Regolament tal-Liġi organika 4/2000, wara l-emendi tagħha bil-Liġi organika 2/2009), tal-20 ta’ April 2011 (BOE Nru 103, tal-20 ta’ April 2011, p. 43821), jipprevedu l-possibbiltà li jintalab permess ta’ residenza temporanja f’każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali għal integrazzjoni familjari (arraigo familiar) sakemm l-applikant ma jkollux preċedenti kriminali fi Spanja jew fil-pajjiżi li fihom ikun irrisjeda qabel, għal reati li jeżistu fl-ordinament ġuridiku Spanjol.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      A. Rendón Marín, ċittadin Kolumbjan, huwa missier ta’ żewġ ulied minuri mwielda f’Malaga (Spanja), jiġifieri tifel, ta’ nazzjonalità Spanjola, u tifla, ta’ nazzjonalità Pollakka. Dawn l-ulied dejjem għexu Spanja.

15      Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li b’deċiżjoni, tat-13 ta’ Mejju 2009, tal-Juzgado de Primera Instancia de Málaga (qorti tal-ewwel istanza ta’ Malaga, Spanja), A. Rendón Marín ingħata d-drittijiet esklużivi ta’ kustodja u residenza ta’ uliedu. Id-domiċilju ta’ omm dawn tal-aħħar, ċittadina Pollakka, ma huwiex magħruf. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, dawn iż-żewġ ulied jirċievu kura u edukazzjoni skolastika adegwati.

16      A. Rendón Marín għandu preċedenti kriminali. B’mod partikolari, huwa ġie kkundannat fi Spanja għal piena ta’ disa’ xhur ħabs. Madankollu, b’effett mit-13 ta’ Frar 2009, huwa ngħata sospensjoni provviżorja ta’ sentejn ta’ din il-piena. Fid-data tad-deċiżjoni tar-rinviju, fl-20 ta’ Marzu 2014, il-persuna kkonċernata kienet qiegħda tistenna deċiżjoni dwar talba għall-irtirar tal-preċedenti kriminali miċ-ċertifikat tal-kondotta tagħha (cancelación).

17      Fit-18 ta’ Frar 2010, A. Rendόn Marín ressaq, quddiem id-direttur ġenerali tal-ministeru tax-xogħol u tal-immigrazzjoni, talba għal permess ta’ residenza temporanja minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, skont il-paragrafu 4 tal-ewwel dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet Irjali 2393/2004.

18      B’deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2010, it-talba ta’ A. Rendόn Marín ġiet miċħuda minħabba l-eżistenza ta’ preċedenti kriminali, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(5) tal-Liġi 4/2000.

19      Peress li r-rikors ippreżentat minn A. Rendón Marín kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud b’sentenza tal-Audiencia Nacional (qorti ċentrali, Spanja) tal-21 ta’ Marzu 2012, A. Rendón Marín appella minn din is-sentenza quddiem it-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja).

20      A. Rendón Marín ibbaża l-appell tiegħu fuq aggravju ta’ dritt wieħed, ibbażat, minn naħa, fuq l-interpretazzjoni żbaljata tas-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639), u tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124), peress li l-ġurisprudenza li jirriżulta minn dawn is-sentenzi, fl-opinjoni tiegħu, kellha twassal sabiex jingħata l-permess ta’ residenza mitlub, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-ksur tal-Artikolu 31(3) u (7) tal-Liġi 4/2000.

21      Il-qorti tar-rinviju tindika li, indipendentament miċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża prinċipali, f’dan il-każ, bħal fil-każijiet li wasslu għas-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639), u tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124), ir-rifjut ta’ permess ta’ residenza fi Spanja għal A. Rendόn Marín ifisser għal dan tal-aħaħar deportazzjoni mit-territorju nazzjonali u, għalhekk, minn dak tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll it-tluq minn dan it-territorju taż-żewġ ulied minuri dipendenti fuq il-persuna kkonċernata, bħala konsegwenza. Madankollu, din il-qorti tirrileva li, bid-differenza taċ-ċirkustanzi eżaminati fis-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639), u tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124), il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tipprevedi projbizzjoni li jingħata permess ta’ residenza meta l-applikant ikollu preċedenti kriminali fi Spanja.

22      Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt nazzjonali, li jipprojbixxi, mingħajr possibbiltà ta’ deroga, l-għoti ta’ permess ta’ residenza fil-każ ta’ preċedenti kriminali fil-pajjiż fejn huwa mitlub il-permess, minkejja li dan iwassal għall-konsegwenza inevitabbli li tiċħad lil minuri, ċittadin tal-Unjoni u dipendenti fuq l-applikant tal-imsemmi permess, mid-dritt ta’ residenza tagħhom fl-Unjoni, huwiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 20 TFUE, invokat f’dan il-każ.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-possibbiltà li jingħata permess ta’ residenza lil ġenitur ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa minuri u dipendenti fuqu, minħabba preċedent kriminali fil-pajjiż li fih jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu, minkejja li dan iwassal għad-deportazzjoni tal-minuri mit-territorju tal-Unjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li jrid jakkumpanja lill-ġenitur tiegħu, hija kompatibbli mal-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, interpretat fid-dawl tas-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, [Zhu u Chen] (C‑200/02, EU:C:2004:639), u tat-8 ta’ Marzu 2011, [Ruiz Zambrano] (C‑34/09, EU:C:2011:124)?”

 Fuq it-tkomplija tat-tilwima fil-kawża prinċipali

24      Kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari teħtieġ li effettivament ikun hemm tilwima pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma jkunu msejħa jagħtu deċiżjoni li fiha jieħdu inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija f’deċiżjoni preliminari (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, UGT-Rioja et, C‑428/06 sa C‑434/06, EU:C:2008:488, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tivverifika ex officio t-tkomplija tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

25      F’dan il-każ, it-tilwima tirrigwarda r-rifjut tal-għoti lil A. Rendón Marín ta’ permess ta’ residenza temporanja fi Spanja, peress li t-Tribunal Supremo (qorti suprema) ġiet adita b’appell mis-sentenza tal-Audiencia Nacional (qorti nazzjonali tal-21 ta’ Marzu 2012 li kienet ċaħdet l-appell mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal permess ta’ residenza ippreżentata mill-persuna kkonċernata.

26      Issa, mill-proċess li għandha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-osservazzjonijiet magħmula fis-seduta minn A. Rendón Marín u mill-Gvern Spanjol jirriżulta li, wara li t-Tribunal Supremo (qorti suprema) ressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq żewġ talbiet ġodda ta’ permess ta’ residenza temporanja minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali mar-rappreżentanza tal-gvern f’Malaga, li minnhom it-tieni waħda ntlaqgħet.

27      Fil-fatt, waqt is-seduta, il-Gvern Spanjol indika li, fit-18 ta’ Frar 2015, A. Rendón Marín kien ingħata permess ta’ residenza temporanja mis-Subdelegación del Gobierno en Málaga (rappreżentanza tal-gvern fil-provinċja ta’ Málaga, Spanja). F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet orali ta’ A. Rendón Marín jirriżulta li huwa kiseb dan il-permess ta’ residenza temporanja minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali bbażati fuq rabtiet familjari, skont l-Artikoli 124 u 128 tad-Digriet Irjali 557/2011, minħabba l-irtirar tal-iskrizzjoni tal-preċedenti kriminali miċ-ċertifikat tal-kondotta (cancelación), mill-awtorità kompetenti Spanjola.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ġiet mitluba tindika lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet għadha meħtieġa sabiex tingħata deċiżjoni.

29      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Marzu 2016, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li t-talba ppreżentata fl-azzjoni kontenzjuża amministrattiva għall-għoti ta’ permess ta’ residenza temporanja kienet ġiet issodisfatta bid-deċiżjoni li ngħatat fit-18 ta’ Frar 2015, mir-rappreżentanza tal-gvern fil-provinċja tal-Malaga, iżda hija indikat li xtaqet iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

30      Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, l-għoti lil A. Rendón Marín ta’ permess ta’ residenza fi Frar 2015, ma ssodisfax għalkollox it-talbiet ifformulati fil-kuntest tar-rikors fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, hija tqis li, kieku l-imsemmija azzjoni kontenzjuża amministrattiva kienet intlaqgħet, id-deċiżjoni kkontestata tat-13 ta’ Lulju 2010, li tiċħad it-talba għal permess ta’ residenza tal-persuna kkonċernata, kienet tiġi ddikjarata illegali u l-għoti ta’ tali permess kien ikollha effetti sa minn din id-data. Issa, in-nullità ta’ din id-deċiżjoni u l-għoti ta’ permess ta’ residenza fl-imsemmija data jistgħu jkollhom konsegwenzi, għar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jmorru lil hinn minn dan l-għoti nnifsu, bħal kumpens minħabba t-telf ta’ kuntratti ta’ xogħol, ta’ benefiċċji soċjali jew ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew saħansitra, jekk ikun il-każ, id-dritt li jikseb in-nazzjonalità Spanjola.

31      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li t-tilwima fil-kawża prinċipali għadha pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula tibqa’ utli għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

32      Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domanda preliminari

33      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Fil-fatt, il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija dik li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C‑243/09, EU:C:2010:609, punt 39 ; tat-30 ta’ Mejju 2013, Worten, C‑342/12, EU:C:2013:355, punt 30, u tad-19 ta’ Settembru 2013, Betriu Montull, C‑5/12, EU:C:2013:571, punt 40).

34      Konsegwentement anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għas-sentenza tal-kawża li hija adita biha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domanda tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu mill-elementi kollha li tkun ipprovditilha l-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C‑243/09, EU:C:2010:609, punt 40 ; tat-30 ta’ Mejju 2013, Worten, C‑342/12, EU:C:2013:355, punt 31, u tad-19 ta’ Settembru 2013, Betriu Montull, C‑5/12, EU:C:2013:571, punt 41).

35      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza u inkunsiderazzjoni tal-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, id-domanda magħmula għandha tiġi fformulata mill-ġdid f’dan is-sens li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi jekk l-Artikolu 21 TFUE u d-Direttiva 2004/38, minn naħa, kif ukoll l-Artikolu 20 TFUE, min-naħa l-oħra, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġizlazzjoni nazzjonali li timponi r-rifjut awtomatiku lil ċittadin ta’ Stat terz tal-għoti ta’ permess ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat meta dan iċ-ċittadin ikollu preċedenti kriminali, minkejja li l-persuna kkonċernata jkollha l-kustodja esklużiva ta’ żewg ulied minuri, ċittadini tal-Unjoni, li jirrisjedu miegħu f’dan l-Istat Membru sa minn twelidhom, mingħajr ma jkunu eżerċitaw id-dritt tal-moviment liberu tagħhom, u li dan ir-rifjut iwassal għall-obbligu ta’ tluq tal-ulied mit-territorju tal-Unjoni.

36      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jitfakkar li kwalunkwe drittijiet mogħtija liċ-ċittadini ta’ Stati terzi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma humiex drittijiet proprji, iżda drittijiet idderivati mill-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza minn ċittadin tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et, C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 35 ; tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou, C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 22, u tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, dritt ta’ residenza dderivat favur ċittadin ta’ Stat terz ma jeżistix, bħala prinċipju, ħlief meta huwa neċessarju sabiex jiżgura l-eżerċizzju effettiv minn ċittadin tal-Unjoni tad-drittijiet tiegħu ta’ libertà ta’ moviment u residenza fl-Unjoni.

37      F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat il-punt ta’ jekk ċittadin ta’ Stat terz, bħal A. Rendón Marín, jistax jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat ibbażat, jew fuq l-Artikolu 21 TFUE u d-Direttiva 2004/38, jew fuq l-Artikolu 20 TFUE u, jekk ikun il-każ, jekk il-preċedenti kriminali tiegħu jikkostitwixxux limitazzjoni ġġustifikata ta’ dan id-dritt.

 Fuq l-Artikolu 21 TFUE u d-Direttiva 2004/38

 Fuq l-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 21 TFUE u d-Direttiva 2004/38

38      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 jiddefinixxi bħala “benefiċjarji” tad-drittijiet mogħtija min din tal-aħħar “[i]ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr f’dak fejn għandhom in-nazzjonalità tagħhom, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom”.

39      F’dan il-każ, A. Rendón Marín huwa ċittadin ta’ Stat terz, missier ta’ ċittadini minuri tal-Unjoni, li tagħhom għandu l-kustodja esklużiva u li dejjem għexu fl-istess Stat Membru, jiġifieri r-Renju ta’ Spanja.

40      Peress li bin A. Rendón Marín, li huwa wild minuri, qatt ma eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u li dejjem irrisjeda f’dan l-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, għandu jiġi kkonstatat li dan il-wild ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, b’tali mod li din tal-aħħar ma tapplikax għalih (sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 57, u tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 42).

41      Mill-banda l-oħra, bħalma jsostnu l-gvernijiet Spanjol, Grieg, Taljan u Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni, bint A. Rendón Marín, wild minuri ta’ nazzjonalità Pollakka li tirrisjedi sa minn twelidha fi Spanja, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38.

42      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li twieled fl-Istat Membru ospitanti u li ma użax id-dritt għall-moviment liberu ma tistax, minħabba dan il-fatt biss, tiġi assimilata ma’ sitwazzjoni purament interna li ċċaħħad lill-imsemmi ċittadin mill-benefiċċju fl-Istat Membru ospitanti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu u r-residenza ta’ persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 19).

43      Konsegwentement, bint A. Rendón Marín għandha d-dritt li tinvoka l-Artikolu 21(1) TFUE u d-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 26).

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 21(1) TFUE u d-Direttiva 2004/38 jagħtu, bħala prinċipju, dritt ta’ residenza fi Spanja lil bint A. Rendón Marín.

45      Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor minbarra dak li tagħhom huma għandhom in-nazzjonalità huwa rrikonoxxut bla ħsara għal-limitazzjonijiet u kundizzjonijiet previsti mit-Trattat FUE kif ukoll mid-dispożizzjonijiet adottati sabiex jiġi applikat (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 26), liema limitazzjonijiet u kundizzjonijiet għandhom jiġu applikati filwaqt li jiġu osservati l-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni u skont il-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proprozjonalità (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C‑413/99, EU:C:2002:493, punt 91, u tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 32).

46      Fir-rigward dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi ċċarat li skont l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor minbarra dak li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur jekk, b’mod partikolari huwa għandu biżżejjed riżorsi, għalih u għall-membri tal-familja tiegħu, sabiex ma jkunx ta’ piż fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tiegħu ta’ residenza u għandu assigurazzjoni għall-mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti.

47      Sakemm bint A. Rendón Marín ma tkunx kisbet dritt ta’ residenza permanenti fi Spanja, skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, f’liema każ id-dritt ta’ residenza tagħha ma tkunx suġġetta għall-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) tagħha, jista’ jingħata biss dritt ta’ residenza jekk hija tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu 7(1)(b).

48      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu jkollu biżżejjed riżorsi, madankollu d-dritt tal-Unjoni ma fih l-ebda rekwiżit dwar l-oriġini tagħhom, peress li dawn tal-aħħar jistgħu jiġu pprovduti, b’mod partikolari, miċ-ċittadin ta’ Stat terz, ġenitur taċ-ċittadini minuri kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 30, kif ukoll tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou, C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 27).

49      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ulied ta’ A. Rendón Marín jirċievu kura u edukazzjoni skolastika adegwati. Barra minn hekk, il-Gvern Spanjol waqt is-seduta indika li, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni Spanjola, A. Rendón Marín għandu assigurazzjoni għall-mard għalih u għal uliedu. Minħabba f’hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk bint A. Rendón Marín għandhiex, hija stess jew permezz ta’ missierha, biżżejjed riżorsi u assigurazzjoni għall-mard kompleta, skont l-Artikolu 7(1)(b), tad-Direttiva 2004/38.

50      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk A. Rendón Marín, ċittadin ta’ Stat terz jistax, bħala axxendent dirett ta’ ċittadin tal-Unjoni li jibbenefika minn dritt ta’ residenza temporanja skont id-Direttiva 2004/38, jinvoka dritt ta’ residenza dderivat, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kwalità ta’ membru tal-familja “dipendenti” taċ-ċittadin tal-Unjoni li jkollu d-dritt ta’ residenza hija r-riżultat ta’ sitwazzjoni fattwali kkaratterizzata mill-fatt li s-sostenn materjali tal-membru tal-familja huwa żgurat mid-detentur tad-dritt ta’ residenza, b’tali mod li, fis-sitwazzjoni inversa, bħal f’dan il-każ, jiġifieri meta d-detentur tad-dritt ta’ residenza huwa dipendenti taċ-ċittadin ta’ Stat terz, dan tal-aħħar ma jistax jinvoka l-kwalità ta’ axxendent “dipendenti” tal-imsemmi detentur, fis-sens tad-Direttiva 2004/38, bil-għan li jgawdi dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou, C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 25).

51      Madankollu, ir-rifjut li ġenitur, ċittadin ta’ Stat terz, li għandu effettivament il-kustodja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huwa minuri, li jitħalla jirrisjedi ma’ dan iċ-ċittadin fl-Istat Membru ospitanti jċaħħad minn kull effett utli d-dritt ta’ residenza ta’ dan tal-aħħar, peress li t-tgawdija tad-dritt ta’ residenza minn wild minuri timplika neċessarjament li dan il-wild ikollu d-dritt li jkun akkumpanjat mill-persuna li tiżgura effettivament il-kustodja tiegħu u, għalhekk, li din il-persuna tkun fil-pożizzjoni li tirrisjedi miegħu fl-Istat Membru ospitanti matul din ir-residenza (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 45, kif ukoll tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou, C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 28).

52      B’hekk, għalkemm l-Artikolu 21 TFUE u d-Direttiva 2004/38 jagħtu dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti liċ-ċittadin minuri ta’ Stat Membru ieħor li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva, dawn l-istess dispożizzjonijiet jippermettu lill-ġenitur li għandu fil-fatt il-kustodja ta’ dan iċ-ċittadin li jirrisjedi miegħu fl-Istat Membru ospitanti (sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C‑200/02, EU:C:2004:639, punti 46 u 47, kif ukoll tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou, C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 29).

53      Minbarra l-ipoteżi msemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju kif enfasizzat fil-punt 49 tal-istess sentenza, jekk bint A. Rendón Marín tissodisfax l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 7(1)(b), tad-Direttiva 2004/38  sabiex tibbenefika minn dritt ta’ residenza fi Spanja abbażi tal-Artikolu 21 TFUE u ta’ din id-direttiva, dawn tal-aħħar għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, bħala prinċipju, li A. Rendón Marín jiġi rrifjutat dritt ta’ residenza dderivat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

 Fuq l-effett tal-preċedenti kriminali fuq ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza dderivat inkunsiderazzjoni tal-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38

54      Issa, għandu jiġi eżaminat il-punt ta’ jekk l-eventwali dritt ta’ residenza dderivat ta’ A. Rendón Marín jistax jiġi llimitat minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

55      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ residenza fl-Unjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom ma huwiex inklundizzjonat, iżda jista’ jiġi suġġett għal limitazzjonijiet u kundizzjonijiet previsti mit-Trattat kif ukoll mid-dispożizzjonijiet adottati għall-implementazzjoni tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Jipa, C‑33/07, EU:C:2008:396, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont il-premessa 23 tad-Direttiva 2004/38, it-tkeċċija taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika tista’ tweġġa’ serjament persuni li, wara li utilizzaw id-drittijiet u l-libertajiet konferiti lilhom mit-Trattat, ġenwinament integraw rwieħhom fl-Istat Membru ospitanti. Għal din ir-raġuni, kif jirriżulta mill-premessa 24 tad-Direttiva 2004/38, din timplementa sistema ta’ protezzjoni kontra miżuri ta’ tkeċċija, li hija bbażata fuq il-grad ta’ integrazzjoni tal-persuni kkonċernati fl-Istat Membru ospitanti, b’mod li iktar kemm tkun kbira l-integrazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom fl-Istat Membru ospitanti iktar trid tkun kbira l-protezzjoni tagħhom kontra t-tkeċċija (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punti 24 u 25).

57      Fir-rigward il-kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ residenza jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 27(1), tad-Direttiva 2004/38, dispożizzjoni li tippermetti lill-Istati Membri li jirrestrinġu d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni jew tal-membri tal-familja tagħhom, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, minħabba raġunijiet, b’mod partikolari, ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Jipa, C‑33/07, EU:C:2008:396, punt 22).

58      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku tikkostitwixxi deroga għad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni jew tal-membri tal-familji tagħhom, li għandha tinftiehem b’mod restrittiv u li l-portata tagħha ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn, 41/74, EU:C:1974:133, punt 18 ; tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, EU:C:1977:172, punt 33 ; tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punt 65 ; tas-27 ta’ April 2006, Il‑Kummissjoni vs. Il-Ġermanja, C‑441/02, EU:C:2006:253, punt 34, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs. Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑50/06, EU:C:2007:325, punt 42).

59      Kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, sabiex ikunu ġġustifikati, il-miżuri ta’ restrizzjoni tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu, speċjalment dawk ta’ ordni pubbliku, għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u jkunu bbażati esklużivament fuq l-aġir personali tal-individwu kkonċernat.

60      Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 27(2) ta’ din id-direttiva jenfasizza li l-eżistenza ta’ kundanni kriminali preċedenti ma tistax fiha nnifisha tikkostitwixxi raġuni sabiex jittieħdu miżuri ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, li l-aġir tal-persuna kkonċernata għandha tirrappreżenta theddida ġenwina u attwali għall-interess fundamentali tas-soċjetà jew tal-Istat Membru kkonċernat, u li ġustifikazzjonijiet mhux direttament marbuta mal-każ individwali kkonċernat jew li huma dwar raġunijiet ta’ prevenzjoni ġenerali ma jistgħux jintlaqgħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Jipa, C‑33/07, EU:C:2008:396, punti 23 u 24, kif ukoll tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 48).

61      Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi limitazzjoni tad-dritt ta’ residenza bbażata fuq raġunijiet ta’ prevenzjoni ġenerali u deċiża bl-iskop li tiddiswadi lil barranin oħra, b’mod partikolari meta din il-miżura tkun ittieħdet b’mod awtomatiku wara kundanna kriminali, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-aġir personali tal-awtur tal-ksur u lanqas il-periklu li jirrappreżenta għall-ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Il‑Kummissjoni vs. Il-Ġermanja, C‑441/02, EU:C:2006:253, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Għalhekk, sabiex issir evalwazzjoni ta’ jekk miżura ta’ tkeċċija hijiex proporzjonata mal-għan leġittimu imfittex, f’dan il-każ il-protezzjoni tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà pubblika, għandhom jiġu kkunsidrati l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri t-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, l-età tagħha, l-istat ta’ saħħa tagħha, is-sitwazzjoni familjari u ekonomika tagħha, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha fl-Istat Membru ospitanti u l-intensità tar-rabtiet tagħha mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Il-livell ta’ gravità tal-ksur għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll fil-kuntest tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

63      Issa, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta b’mod awtomatiku, u mingħajr ebda possibbiltà ta’ deroga, il-kisba ta’ permess ta’ residenza inizjali fl-assenza ta’ preċedenti kriminali fi Spanja jew fil-pajjiżi li fihom il-persuna kkonċernata rrisjediet qabel.

64      F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li, skont din il-leġiżlazzjoni, it-talba għal permess ta’ residenza temporanja minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ A. Rendón Marín ġiet miċħuda fit-18 ta’ Frar 2010 minħabba l-eżistenza ta’ preċedenti kriminali. Il-permess ta’ residenza għalhekk ġie awtomatikament rrifjutat, mingħajr ma tittieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri mingħajr ma ġie evalwat la l-aġir personali u lanqas l-eventwali periklu reali li l-persuna kkonċernata setgħet tirrappreżenta għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika.

65      Fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ ċirkustanzi rilevanti f’dan il-każ, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li A. Rendón Marín kien ikkundannat għal reat kommess fis-sena 2005. Din il-kundanna kriminali preċedenti ma tistax, waħedha, tkun ir-raġuni ta’ rifjut ta’ permess ta’ residenza. Filwaqt li l-aġir tal-persuna kkonċernata għandu jirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot waħda mill-interessi fundamentali tas-soċjetà u li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-kundizzjoni relatata mat-theddida attwali għandha, bħala regola, tkun issodisfatta fil-perijodu meta tittieħdet il-miżura inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, EU:C:1977:172, punt 28), dan ma jidhirx li huwa l-każ f’dan il-każ, peress li l-piena ta’ ħabs li għaliha ġie kkundannat A. Rendón Marín ġiet sospiża u ma jidhirx li qatt ġiet eżegwita.

66      Barra minn hekk, fir-rigward tat-tkeċċija eventwali ta’ A. Rendón Marín, minn naħa, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett, b’mod partikolari d-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u familjari kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 52) u, min-naħa l-oħra, li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan l-Artikolu 7 tal-Karta għandu jinqara flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punti 53 u 54).

67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-Artikolu 21 TFUE u d-Direttiva 2004/38 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi r-rifjut awtomatiku tal-għoti ta’ permess ta’ residenza liċ-ċittadin ta’ Stat terz, li huwa ġenitur ta’ wild minuri ċittadin tal-Unjoni li tiegħu għandu l-kustodja u li jirrisjedi miegħu fl-Istat Membru ospitanti, għar-raġuni biss li għandu preċedenti kriminali.

 Fuq l-Artikolu 20 TFUE Fuq l-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikol 20 TFUE

68      Fil-każ li, waqt l-istħarriġ tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti, u, fi kwalunkwe każ, fir-rigward ta’ bin A. Rendón Marín, wild minuri, li dejjem irrisjeda fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, għandu jiġi eżaminat il-punt dwar jekk dritt ta’ residenza dderivat favur A. Rendón Marín jistax, jekk ikun il-każ, ikun ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE.

69      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 20 TFUE jagħti lil kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, NA, C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tikkonferixxi lil kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt primarju u individwali li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għall-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat u għall-miżuri adottati fl-applikazzjoni tal-istess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal, C‑162/09, EU:C:2010:592, punt 29, u tas-16 ta’ Ottubru 2012, L-Ungerija vs Ir-Repubblika tas-Slovakkja, C‑364/10, EU:C:2012:630, punt 43).

71      Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 42 tas-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124), l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali li għandhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tas-sustanza tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni.

72      Mill-banda l-oħra, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jagħtu l-ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini ta’ Stati terzi (sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, punt 66, u tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et, C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 34).

73      Fil-fatt, kif imfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, id-drittijiet li jistgħu jingħataw liċ-ċittadini ta’ Stati terzi mid-dispożizzjonijiet tat-trattat li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma humiex drittijiet ta’ dawn iċ-ċittadini stess, iżda drittijiet idderivati minn dawk li minnhom jibbenefika iċ-ċittadin tal-Unjoni. L-għan u l-ġustifikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut tar-rikonoxximent tagħhom huwa tali li jippreġudika, b’mod partikolari, il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni (sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punti 67 u 68, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et, C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 35).

74      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li jeżistu sitwazzjonijiet partikolari ħafna li fihom, minkejja l-fatt li d-dritt sekondarju relatat mad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma huwiex applikabbli u li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma għamilx użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, dritt ta’ residenza għandu madankollu jingħata lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin, għaliex inkella jiġi ppreġudikat l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jekk, bħala konsegwenza tar-rifjut ta’ tali dritt, dan iċ-ċittadin jiġi obbligat, fil-fatt, li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat kollu kemm hu, u b’hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet essenzjali mogħtija b’dan l-istatus (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, EU:C:2011:124, punti 43 u 44 ; tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punti 66 u 67 ; tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 71 ; tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et, C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 36, kif ukoll tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou, C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 32).

75      Is-sitwazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma kkaratterizzati mill-fatt li, għalkemm huma rregolati minn leġiżlazzjonijiet li jaqgħu a priori taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, jiġifieri dik li tikkonċerna d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt idderivat li, taħt ċerti ċirkustanzi, jipprevedu l-għoti ta’ tali dritt, dawn is-sitwazzjonijiet madankollu għandhom relazzjoni intrinsika mal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni li tipprekludi li d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza jiġi rrifjutat lil dawn iċ-ċittadini fl-Istat Membru fejn jirrisjedi dan iċ-ċittadin, sabiex din il-libertà ma tiġix ippreġudikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 72, u tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et, C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 37).

76      F’dan il-każ, peress li ulied A. Rendón Marín għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, jiġifieri n-nazzjonalità Spanjola u n-nazzjonalità Pollakka rispettivament, jibbenefikaw mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C‑148/02, EU:C:2003:539, punt 21, kif ukoll tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 25).

77      Għaldaqstant, bħala ċittadini tal-Unjoni, ulied A. Rendón Marín għandhom id-dritt ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Unjoni, u kull limitazzjoni għal dan id-dritt taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

78      Għalhekk, jekk, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ir-rifjut ta’ residenza ta’ A. Rendón Marín, ċittadin ta’ Stat terz, li ngħata l-kustodja esklużiva ta’ dawn l-ulied, kellu jwassal lill-persuna kkonċernata li titlaq mit-territorju tal-Unjoni, dan jista’ jirriżulta f’restrizzjoni tal-imsemmi dritt, b’mod partikolari tad-dritt ta’ residenza, peress li l-imsemmija ulied jistgħu jkunu obbligati jakkumpanjaw lil A. Rendón Marín u għalhekk li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat kollu kemm hu. Għaldaqstant, l-obbligu eventwali, għal missierhom, li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni ċċaħħadhom mit-tgawdija effettiva tas-sustanza tad-drittijiet mogħtija lilhom mill-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 67 ; tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 71 ; tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et, C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 36, kif ukoll tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou, C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 32).

79      Diversi Stati Membri li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom sostnew li A. Rendón Marín u uliedhu setgħu jmorri l-Polonja, Stat Membru tan-nazzjonalità ta’ bintu. Min-naħa tiegħu, A. Rendón Marín iddikjara fis-seduta li ma żamm ebda rabta mal-familja ta’ omm bintu li, fil-fehma tiegħu, ma tirrisjedix fil-Polonja u li la huwa u lanqas uliedhu ma jafu l-lingwa Pollakka. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, A. Rendón Marín, bħala ġenitur li jeżerċita l-kustodja effettiva ta’ uliedu, jistax, jekk ikun il-każ, jibbenefika effettivament mid-dritt idderivat li jakkumpanjahom u li jirrisjedi magħhom fil-Polonja, b’tali mod li rifjut tal-awtoritajiet Spanjoli li jagħtuh dritt ta’ residenza ma jistax ikollu l-konsegwenza li jġiegħel lil ulied il-persuna kkonċernata li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat kollu kemm hu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou, C‑86/12, EU:C:2013:645, punti 34 u 35).

80      Mingħajr ħsara għall-verifiki imsemmija fil-punti 78 u 79 ta’ din is-sentenza, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jidher li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ twassal għaċ-ċaħda tal-ulied ta’ A. Rendón Marin mit-tgawdija effettiva tas-sustanza tad-drittijiet mogħtija lilhom mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u li, għalhekk, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

 Fuq il-possibbiltà ta’ introduzzjoni ta’ limitazzjonijiet għal dritt ta’ residenza dderivat li jirriżulta mill-Artikolu 20 TFUE

81      Għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 20 TFUE ma jaffettwax il-possibbiltà għall-Istati Membri li jinvokaw eċċezzjoni marbuta, b’mod partikolari, maż-żamma tal-ordni pubbliku u mal-protezzjoni tas-sigurtà. Madankollu, sa fejn is-sitwazzjoni ta’ A. Rendón Marín taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-evalwazzjoni ta’ din is-sitwazzjoni għandha ssir inkunsiderazzjoni tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, liema artikolu għandu jinqara, kif tfakkar fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, flimkien mal-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-Karta.

82      Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, bħala ġustifikazzjoni ta’ deroga għad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni jew tal-membri tal-familji tagħhom, il-kunċetti ta’ “ordni pubbliku” u ta’ “sigurtà pubblika” għandhom jinftiehmu b’mod restrittiv, b’mod tali li l-portata tagħhom ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment mill-Istati Membri mingħajr kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

83      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fi kwalunkwe każ, il-kunċett ta’ “ordni pubbliku” jippresupponi l-eżistenza, minbarra mit-tifxkil ta’ ordni pubbliku li jinvolvi kull ksur tal-liġi, ta’ theddida ġenwina, attwali u biżżejjed serja, li għandha impatt fuq interess fundamentali tas-soċjetà. Fir-rigward tal-kunċett ta’ “sigurtà pubblika”, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kunċett ikopri s-sigurtà interna ta’ Stat Membru u s-sigurtà esterna tiegħu u li, għalhekk, il-preġudizzju għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi essenzjali kif ukoll is-sopravivenza tal-popolazzjoni, bl-istess mod bħar-riskju ta’ disturb serju tar-relazzjonijiet esterni jew tal-koeżistenza paċifika tal-popli, jew inkella l-preġudizzju għall-interessi militari, jistgħu jaffettwaw is-sigurtà pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punti 43, 44 u 48, kif ukoll tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punti 65 u 66).

84      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li, peress li r-rifjut tad-dritt ta’ residenza huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ theddida ġenwina, attwali u biżżejjed serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, inkunsiderazzjoni tar-reati mwettqa minn ċittadin ta’ Stat terz li għandu l-kustodja esklużiva tal-ulied, ċittadini tal-Unjoni, tali rifjut ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni.

85      Mill-banda l-oħra, din il-konklużjoni ma tistax tinsilet b’mod awtomatiku abbażi tal-preċedenti kriminali tal-persuna kkonċernata biss. Din tista’ tirriżulta biss, jekk ikun il-każ, minn evalwazzjoni konkreta mwettqa mill-qorti tar-rinviju, taċ-ċirkustanzi attwali u rilevanti tal-każ, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-aħjar interess tal-wild u tad-drittijiet fundamentali li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza.

86      Għalhekk, din l-evalwazzjoni trid tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-aġir personali tal-individwu kkonċernat, it-tul u l-legalità tar-residenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, in-natura u l-gravità tar-reat imwettaq, il-livell ta’ periklu attwali tal-persuna kkonċernata għas-soċjetà, l-età tal-ulied inkwistjoni u l-istat ta’ saħħa tagħhom, kif ukoll is-sitwazzjoni familjari u ekonomika tagħhom.

87      Konsegwentement, l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi r-rifjut awtomatiku tal-għoti ta’ permess ta’ residenza liċ-ċittadin ta’ Stat terz, ġenitur ta’ wlied minuri ċittadini tal-Unjoni li tagħhom huwa għandu l-kustodja esklużiva, minħabba l-fatt biss li l-persuna kkonċernata għandha preċedenti kriminali, meta l-imsemmi rifjut ikollu l-konsegwenza li dawn l-ulied ikunu obbligati jitilqu mit-territorju tal-Unjoni.

88      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi preliminari magħmula għandha tkun li:

–        L-Artikolu 21 TFUE u d-Direttiva 2004/38 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi r-rifjut awtomatiku tal-għoti ta’ permess ta’ residenza liċ-ċittadin ta’ Stat terz, li huwa ġenitur ta’ wild minuri ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru differenti mill-Istat Membru ospitanti, li tiegħu għandu l-kustodja u li jirrisjedi miegħu fl-Istat Membru ospitanti, għar-raġuni biss li għandu preċedenti kriminali;

–        L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi r-rifjut awtomatiku tal-għoti ta’ permess ta’ residenza liċ-ċittadin ta’ Stat terz, ġenitur ta’ wlied minuri ċittadini tal-Unjoni li tagħhom huwa għandu l-kustodja esklużiva, minħabba l-fatt biss li huwa għandu preċedenti kriminali, meta dan ir-rifjut ikollu l-konsegwenza li dawn l-ulied ikunu obbligati jitilqu mit-territorju tal-Unjoni.

 Fuq l-ispejjeż

89      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 21 TFUE u d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi r-rifjut awtomatiku tal-għoti ta’ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat terz, li huwa ġenitur ta’ wild minuri ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru differenti mill-Istat Membru ospitanti, li tiegħu għandu l-kustodja u li jirrisjedi miegħu fl-Istat Membru ospitanti, għar-raġuni biss li għandu preċedenti kriminali.

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi r-rifjut awtomatiku tal-għoti ta’ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat terz, ġenitur ta’ wlied minuri ċittadini tal-Unjoni li tagħhom huwa għandu l-kustodja esklużiva, minħabba l-fatt biss li huwa għandu preċedenti kriminali, meta dan ir-rifjut ikollu l-konsegwenza li dawn l-ulied ikunu obbligati jitilqu mit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.