Language of document :

Kawża C-409/09

José Maria Ambrósio Lavrador

u

Maria Cândida Olival Ferreira Bonifácio

vs

Companhia de Seguros Fidelidade-Mundial SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça)

“Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur — Direttivi 72/166/KEE, 84/5/KEE u 90/232/KEE — Dritt għal kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur — Kundizzjonijiet għal limitazzjoni — Kontribuzzjoni tal-vittma għad-danni sostnuti minnha — Responsabbiltà għal riskju — Dispożizzjonijiet applikabbli għal terz minuri li jkun vittma ta’ inċident”

Sommarju tas-sentenza

Approssimazzjoni tal-liġijiet — Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-karozza — Direttivi 72/166, 84/5 u 90/323 — Determinazzjoni tal-iskema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li jirriżultaw miċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi

(Direttivi tal-Kunsill 72/166, 84/5 u 90/232)

Id-Direttiva 72/166, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, it-Tieni Direttiva 84/5, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, u t-Tielet Direttiva 90/232, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali li jaqgħu taħt id-dritt tar-responsabbiltà ċivili li jippermettu li jiġi eskluż jew limitat id-dritt tal-vittma ta’ inċident li jitlob kumpens taħt l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-vettura bil-mutur involuta fl-inċident, abbażi ta’ evalwazzjoni individwali tal-kontribuzzjoni esklużiva jew parzjali ta’ din il-vittma għat-twettiq tad-dannu sostnut minnha.

Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża li teskludi r-responsabbiltà għal riskju tas-sewwieq tal-vettura involuta f’inċident biss meta l-inċident ikun esklużivament imputabbli lill-vittma u li tipprovdi, barra minn hekk, li f’każ ta’ ħtija tal-vittma li kkontribwiet għall-okkorrenza jew għall-aggravazzjoni tad-dannu li sostniet, il-kumpens tagħha għandu jiġi affettwat b’mod proporzjonali għall-gravità ta’ din il-ħtija. Fil-fatt tali leġiżlazzjoni ma għandhiex l-effett, f’każ li l-vittma tikkontribwixxi għad-dannu sostnut minnha, li teskludi awtomatikament jew li tillimita b’mod sproporzjonat id-dritt tagħha għal kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili tas-sewwieq tal-vettura involuta fl-inċident. Għaldaqstant, din ma taffettwax il-garanzija, prevista mid-dritt tal-Unjoni, li r-responsabbiltà ċivili, iddeterminata skont id-dritt nazzjonali applikabbli, tkun koperta minn assigurazzjoni konformi mat-tliet direttivi msemmija iktar ’il fuq.

(ara l-punti 33 sa 35 u d-dispożittiv)