Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Settembru 2011 - Technion - Israel Institute of Technology u Technion Research & Development vs IL-Kummissjoni

(Kawża T-480/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Technion - Israel Institute of Technology (Haifa, Iżrael) u Technion Research & Development Foundation Ltd (Haifa) (rappreżentanti: D. Grisay u D. Piccininno, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tilqa' l-preżenti rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

tiddikjarah ammissibbli u,

tiddikjara r-rikors fondat u, konsegwentement,

tiddikjara li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija fit-talba għal aċċess;

tiddikjara li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001,

tiddikjara li l-Kummissjoni ma rrikonoxxietx id-dritt għal aċċess parzjali għal dokument skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001,

tiddikjara li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità billi ma bbilanċjatx l-eċċezzjonijiet invokati mal-interess pubbliku;

abbażi ta' dan, tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea tat-30 ta' Ġunju 2011;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw erba' motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija mit-talba għal aċċess u minħabba motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni rreferiet għal kategorija ta' dokumenti (dokumenti li huma parti minn verifika kontabbli) pjuttost milli għal elementi ta' informazzjoni li jinsabu f'dawn id-dokumenti.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/20011:

billi l-Kummissjoni qieset li l-iżvelar tad-dokumenti li ntalab l-aċċess tagħhom kien itellef l-iżvolġiment tal-verifiki kontabbli, filwaqt li i) il-proċedura ta' verifika kontabbli kellha bħala għan uniku li jiġi vverifikat jekk l-ispejjeż ta' eżekuzzjoni ta' kuntratt humiex eliġibbli jew le u li ii) l-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti mitluba huma ta' natura purament fattwali;

billi l-Kummissjoni qieset li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jkun ta' preġudizzju għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu filwaqt li r-rikorrenti kellhom bżonn ta' dawn id-dokumenti sabiex ikunu jistgħu jinvokaw effettivament id-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċedura kontradittorja ta' verifika kontabbli.

It-tielet motiv ibbażat fuq nuqqas ta' rikonoxximent tad-dritt ta' aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 meta rrifjutat li teżamina b'mod konkret u individwali d-dokumenti li tagħhom intalab l-aċċess.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità li jirriżulta min-nuqqas ta' bbilanċjar tal-eċċezzjonijiet invokati mal-interess pubbliku, sa fejn ikun ta' interess pubbliku li jiġi permess lilu jivverifika kif il-Kummissjoni tmexxi l-proċeduri ta' verifika kontabbli tagħha u li tikkjarifika lill-kontraenti fuq il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti proċedurali.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)