Language of document : ECLI:EU:T:2012:553





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Ottubru 2012 – Evropaïki Dynamiki vs Il-Qorti tal-Ġustizzja

(Kawża T-447/10)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Provvista ta’ servizzi ta’ manutenzjoni, żvilupp u appoġġ ta’ applikazzjonijiet tal-informatika — Ċaħda tal-offerti tar-rikorrenti u għoti tal-kuntratti lil offerent ieħor — Kriterji ta’ għażla — Kriterji ta’ għoti — Obbligu ta’ motivazzjoni — Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

1.                     Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tal-kawża — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44 (1) (c)) (ara l-punt 27)

2.                     Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Konklużjoni ta’ kuntratt abbażi ta’ sejħa għal offerti — Kriterji tal-għażla — Evalwazzjoni tal-kapaċità tal-kandidati li jipprovdi s-servizzi speċifikati — Kriterji tal-għoti — Evalwazzjoni komparattiva tal-karatteristiċi u l-vantaġġi partikolari tal-offerti individwali — Applikazzjoni ta’ kriterju maħsub sabiex jevalwa l-kapaċità tal-kandidati sabiex jeżegwixxu kuntratt fil-fażi tal-għoti tal-kuntratt — Inammissibbiltà (Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 97(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikoli 137 u 138) (ara l-punti 35-42, 53)

3.                     Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Konklużjoni ta’ kuntratt abbażi ta’ sejħa għal offerti — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti (ara l-punti 69, 70)

4.                     Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tintgħażilx offerta — Obbligu li jiġu kkomunikati, fuq talba bil-miktub, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi għall-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-persuna li tkun ingħatat il-kuntratt — Obbligu tal-awtorità kontraenti li tipprovdi analiżi komparattiva ddettaljata tal-offerta magħżula u ta’ dik tal-offerent mhux magħżul (Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100 (2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 149) (ara l-punti 70-73, 92, 95, 96, 107, 110)

5.                     Rikors għal annullament — Rikors dirett kontra deċiżjoni li ma tintgħażilx offerta fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi — Annullament, minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, tad-deċiżjoni kontenzjuża — Motiv sussidjarju ta’ annullament ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Realtà tad-diskriminazzjoni dipendenti fuq l-eżami tal-motivi li għandhom jiġu diretti kontra d-deċiżjoni li tissostitwixxi d-deċiżjoni annullata — Natura prematura tat-talba għal annullament (ara l-punt 116)

6.                     Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet — Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE) (ara l-punti 118, 119)

7.                     Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Annullament, minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ċaħdet offerta fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi — Realtà tal-illegalità u tar-rabta ta’ kawżalità dipendenti fuq l-eżami tal-motivi li għandhom jiġu diretti kontra d-deċiżjoni li tissostitwixxi d-deċiżjoni annullata — Natura prematura tat-talba għad-danni (subparagrafu 2 tal-Artikolu 340 TFUE) (ara l-punti 123, 125)

Suġġett

Minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Lulju 2010, li tiċħad l-offerti tar-rikorrenti għal-lottijiet Nru 1 u 2 tas-sejħa għal offerti CJ 7/09, tal-11 ta’ Novembru 2009, għall-manutenzjoni, l-iżvilupp u l-appoġġ ta’ applikazzjonijiet tal-informatika (ĠU 2009/S 217­312293), kif ukoll tad-deċiżjonijiet l-oħra kollha relatati tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluża dik tal-għoti tal-kuntratti rispettivi lill-offerenti magħżula u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni.

Dispożittiv

1)

Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tat-12 ta’ Lulju 2010, li tiċħad l-offerti ppreżentati minn Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti CJ 7/09, tal-11 ta’ Novembru 2009, għall-manutenzjoni, l-iżvilupp u l-appoġġ ta’ applikazzjonijiet tal-informatika, u li tagħti l-kuntratti lil offerenti oħrajn hija annullata.

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija kkundannata għall-ispejjeż.