Language of document : ECLI:EU:C:2022:117

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

24 ta’ Frar 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 8 – Artikolu 12(a) – Artikoli 20 u 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Tnaqqis tat-tul normali tax-xogħol ta’ billejl meta mqabbel ma’ dak tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata – Ħaddiema fis-settur pubbliku u ħaddiema fis-settur privat – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża C‑262/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rayonen sad Lukovit (il-Qorti Distrettwali ta’ Lukovit, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura

VB

vs

Glavna direktsia “Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto”

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Ewwel Awla li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, I. Ziemele (Relatriċi), T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal VB, minn V. Petrova, advokat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Valero u V. Bozhilova, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), kif ukoll tal-Artikoli 20 u 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn VB, aġent tas-servizz tat-tifi tan-nar tal-Glavna direktsia “Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto” kam Ministerstvo na vatreshnite raboti (id-Direttorat Ġenerali “Protezzjoni kontra n-Nar u Protezzjoni tal-Popolazzjoni”, fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem id-“Direttorat Ġenerali ‘Protezzjoni kontra n-Nar u Protezzjoni tal-Popolazzjoni’”), u d-direttorat ġenerali tiegħu, dwar il-kalkolu u r-remunerazzjoni tas-sigħat ta’ xogħol ta’ billejl tiegħu.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt internazzjonali

3        L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Nru 171 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), tas‑26 ta’ Ġunju 1990, dwar ix-xogħol ta’ billejl, jipprevedi:

“Il-kumpens mogħti lill-ħaddiema ta’ billejl fir-rigward tat-tul tal-ħin tax-xogħol, tas-salarju jew ta’ benefiċċji simili għandu jirrikonoxxi n-natura tax-xogħol ta’ billejl.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Iddritt talUnjoni

4        Skont il-premessi 6 sa 8 u 10 tad-Direttiva 2003/88:

“(6)      Akkont għandu jittieħed tal-prinċipji [tal-ILO] fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, inklużi dawk relatati max-xogħol ta’ bil-lejl.

(7)      Ir-riċerka uriet li l-ġisem uman huwa aktar sensittiv matul il-lejl għal disturbi ambjentali u wkoll għal ċerti tipi tqal ta’ organizzazzjoni u li perjodi twal ta’ xogħol matul il-lejl jistgħu ikunu ta’ detriment għas-saħħa ta’ ħaddiema u jistgħu jipperikolaw is-sigurtà tagħhom fil-post tax-xogħol.

(8)      Hemm ħtieġa li tkun illimitata l-medda tal-perjodi tax-xogħol bil-lejl, inkluża s-sahra, u li jkun hemm provvediment għal dawk li jħaddmu li jutilizzaw il-ħaddiema matul il-lejn li jwaslu din l-informazzjoni għall-attenzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti jekk dawn hekk jitolbu.

[…]

(10)      Is-siwazzjoni tal-ħaddiema tal-lejl u bix-shift teħtieġ li l-livell tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa għandu jkun adottat għan-natura tax-xogħol tagħhom u li l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-servizzi u r-riżorsi tal-protezzjoni u l-prevenzjoni għandhom ikunu effiċjenti.”

5        L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “It-tul tax-xogħol bil-lejl”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw li:

(a)      is-sigħat normali tax-xogħol għal ħaddiema ta’ bil-lejl ma jkunux jeċċedu l-medja ta’ tmien sigħat fi kwanulkwe perijodu ta’ 24 siegħa;

(b)      il-ħaddiema ta’ matul il-lejl li x-xogħol tagħhom jinvolvi perikolu speċjali jew dak fiżiku iebes jew ta’ strapazz mentali ma jaħhdmux għal aktar minn tmien sigħat fi kwalunkwe perijodu ta’ 24 siegħa li matulhom huma jwettqu x-xogħol ta’ matul il-lejl.

Għall-iskopijiet tal-punt (b), xogħol li jinvolvi perikolu speċjali jew dak fiżiku iebes jew ta’ strapazz mentali għandu jkun definit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika jew bi ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija, billi jittieħed akkont ta’ l-effetti speċifiċi u l-perikoli tax-xogħol matul il-lejl.”

6        L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw li:

(a)      ħaddiema tal-lejl u ħaddiema tax-shift ikollhom protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa xierqa għan-natura tax-xogħol tagħhom;

(b)      servizzi jew faċilitajiet ta’ protezzjoni u prevenzjoni xierqa fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema tal-lejl u ta’ ħaddiema tax-shift li huma ekwivalenti għal dawk applikabbli għal ħaddiema oħrajn u li jkunu disponibbli fi kwalunwe waqt.”

 Iddritt Bulgaru

 IlKodiċi taxXogħol

7        Skont l-Artikolu 140 tal-kodeks na truda (il-Kodiċi tax-Xogħol) (DV Nru 26, tal‑1 ta’ April 1986, u DV Nru 27, tal‑4 ta’ April 1986), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”):

“(1)      It-tul normali ta’ kull ġimgħa ta’ xogħol ta’ billejl għal ġimgħa ta’ xogħol ta’ 5 ijiem tax-xogħol ma jistax ikun iktar minn 35 siegħa. It-tul normali tax-xogħol ta’ billejl f’ġimgħa ta’ 5 ijiem tax-xogħol ma jistax ikun iktar minn 7 sigħat.

(2)      Ix-xogħol ta’ billejl huwa x-xogħol imwettaq bejn l‑22.00 u s‑6.00, perijodu li huwa estiż, għall-ħaddiema li għandhom inqas minn 16‑il sena, mit‑20.00 sas‑6.00.

[…]”

 Il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern

8        L-Artikolu 142 taż-zakon za Ministerstvo na vatreshnite raboti (il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern) (DV Nru 53, tas‑27 ta’ Ġunju 2014), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern”) jipprovdi:

“1.      Il-persunal tal-Ministeru għall-Intern huma:

1)      il-persunal fis-settur pubbliku - aġenti tal-pulizija u aġenti tas-servizz tat-tifi tan-nar u tal-protezzjoni ċivili;

2)      il-persunal fis-settur pubbliku;

3)      l-aġenti bil-kuntratt.

[…]

5.      L-istatus tal-aġenti bil-kuntratt huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tax-Xogħol u minn din il-liġi.

[…]”

9        Skont l-Artikolu 187 tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern:

“1.      Il-ħin tax-xogħol normali għall-persunal fis-settur pubbliku tal-Ministeru għall-Intern huwa ta’ 8 sigħat kuljum u ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa għal ġimgħa tax-xogħol ta’ 5 ijiem.

[…]

3.      It-tul tax-xogħol tal-persunal fis-settur pubbliku huwa kkalkolat f’jiem tax-xogħol fuq bażi ta’ kuljum, filwaqt li huwa kkalkolat fuq perijodu ta’ tliet xhur għal dawk li jagħmlu shifts ta’ 8, 12 jew 24 siegħa. […] Fil-każ ta’ xogħol bix-shift, ix-xogħol ta’ billejl jista’ jsir mill‑22.00 sas‑6.00, iżda t-tul medju tax-xogħol ma jistax jaqbeż it‑8 sigħat għal perijodu ta’ 24 siegħa.

[…]

9.      Il-proċeduri għall-organizzazzjoni u għat-tqassim tal-ħin tax-xogħol tal-persunal fis-settur pubbliku u l-kalkolu tiegħu, il-kumpens għax-xogħol imwettaq mill-persunal fis-settur pubbliku lil hinn mill-ħin normali tax-xogħol, is-sistema ta’ servizz, il-mistrieħ u l-waqfiet għall-persunal tas-settur pubbliku huma ddeterminati b’digriet tal-Ministru għall-Intern.

[…]”

10      L-Artikolu 188(2) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“Il-persunal fis-settur pubbliku li jaħdem bejn l‑22.00 u s‑6.00 jgawdi mill-protezzjoni speċjali prevista mill-Kodiċi tax-Xogħol.”

11      Numru ta’ digrieti, maħruġa mill-Ministru għall-Intern abbażi tal-Artikolu 187(9) tal-imsemmija liġi, jistabbilixxu l-modalitajiet dwar l-organizzazzjoni u t-tqassim tal-ħin tax-xogħol, il-kumpens għax-xogħol imwettaq barra mis-sigħat normali tax-xogħol, kif ukoll is-sistema ta’ permanenzi, perijodi ta’ mistrieħ u ta’ waqfien għall-membri tal-persunal tal-Ministeru għall-Intern.

12      B’hekk, in-naredba no 8121z-407 (id-Digriet Nru 8121z-407), tal‑11 ta’ Awwissu 2014 (DV Nru 69, tad‑19 ta’ Awwissu 2014) (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-2014”), kien jipprevedi, fl-Artikolu 31(2) tiegħu, il-konverżjoni tas-sigħat ta’ xogħol ta’ billejl f’sigħat ta’ xogħol ta’ matul il-ġurnata bl-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur ta’ korrezzjoni. B’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, is-sigħat ta’ xogħol imwettqa bejn l-22.00 u s-6.00 kellhom jiġu suġġetti għal koeffiċjent multiplikatur ta’ 0.143 u r-riżultat ta’ dan il-kalkolu kellu mbagħad jiżdied man-numru totali ta’ sigħat ta’ xogħol imwettqa matul il-perijodu kkonċernat.

13      Id-Digriet tal-2014 tħassar permezz tan-naredba no 8121z-592 (id-Digriet Nru 8121z-592), tal‑25 ta’ Mejju 2015 (DV Nru 40, tat‑2 ta’ Ġunju 2015), li min-naħa tiegħu tħassar permezz tan-naredba no 8121z‑776 (id-Digriet Nru 8121z-776), tad‑29 ta’ Lulju 2016 (DV Nru 60, tat‑2 ta’ Awwissu 2016), li ma kinux baqgħu jipprevedu sistema għall-valutazzjoni tas-sigħat ta’ xogħol ta’ billejl bħal dik prevista fl-Artikolu 31(2) tad-Digriet tal-2014.

14      Fir-rigward tal-ħaddiema li ma jaqgħux taħt il-Ministeru għall-Intern, l-Artikolu 9(2) tan-naredba za strukturata i organizatsiata na rabotnata zaplata (id-Digriet dwar l-Istruttura u l-Organizzazzjoni tar-Remunerazzjonijiet) (DV Nru 9, tas‑26 ta’ Jannar 2007, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-2007”), huwa fformulat kif ġej:

“Skont il-metodi tal-kalkolu għall-aggregazzjoni tal-ħin tax-xogħol, is-sigħat tax-xogħol ta’ billejl jiġu kkonvertiti f’sigħat tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata permezz ta’ koeffiċjent li jirrifletti r-rabta bejn it-tul normali tal-ħin tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata u dak tal-ħin tax-xogħol ta’ billejl, stabbilit fid-dawl tal-kalkolu ta’ kuljum tal-ħin tax-xogħol għal pożizzjoni speċifika.”

 Ittilwima filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

15      VB huwa aġent tas-servizz tat-tifi tan-nar fid-Direttorat Ġenerali “Protezzjoni kontra n-Nar u Protezzjoni tal-Popolazzjoni”.

16      Matul il-perijodu bejn it‑2 ta’ Ottubru 2016 u t‑2 ta’ Ottubru 2019, VB wettaq xogħol ta’ billejl. Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-perijodu, huwa jqis li huwa għandu d-dritt li jibbenefika mill-valutazzjoni tas-sigħat ta’ xogħol ta’ billejl prevista fl-Artikolu 9(2) tad-Digriet tal-2007, li jipprovdi li d-Direttorat Ġenerali “Protezzjoni kontra n-Nar u Protezzjoni tal-Popolazzjoni” kien obbligat jikkonverti s-sigħat ta’ xogħol ta’ billejl f’sigħat ta’ xogħol ta’ matul il-ġurnata billi japplika koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.143, b’tali mod li seba’ sigħat ta’ xogħol ta’ billejl kellhom jitqiesu daqslikieku tmien sigħat ta’ xogħol ta’ matul il-ġurnata.

17      Dan id-direttorat ġenerali rrifjuta li jħallas lil VB l-ammont ta’ 1 683.74 lev Bulgaru (madwar EUR 860) bħala remunerazzjoni għas-sigħat ta’ xogħol supplimentari minħabba xogħol ta’ billejl li huwa kien wettaq matul l-imsemmi perijodu, b’tali mod li VB fetaħ kawża quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex l-istess direttorat ġenerali jiġi kkundannat iħallsu dan l-ammont.

18      L-imsemmi direttorat ġenerali jikkontesta t-talba ta’ VB għar-raġuni li, wara t-tħassir tad-Digriet tal-2014, ma kienx għad hemm bażi legali għall-konverżjoni tas-sigħat ta’ xogħol ta’ billejl f’sigħat ta’ xogħol ta’ matul il-ġurnata u li d-Digriet tal-2007 ma japplikax għall-membri tal-persunal tal-Ministeru għall-Intern.

19      Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tirreferi għall-argumenti tal-konvenut, tindika li, skont l-Artikolu 187(1) tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, it-tul normali tax-xogħol tal-membri tal-persunal ta’ dan il-ministeru huwa ta’ tmien sigħat għal kull jum, inkluż meta x-xogħol isir billejl.

20      L-istess qorti tenfasizza li din il-“liġi speċjali”, li tapplika għall-membri tal-persunal tal-Ministeru għall-Intern, ma tinkludi ebda dispożizzjoni espliċita li tistabbilixxi t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl, iżda tipprevedi biss il-perijodu li għandu jitqies bħala xogħol ta’ billejl, jiġifieri l-perijodu bejn l‑22.00 u s‑6.00.

21      L-imsemmija qorti tqis madankollu li, skont l-Artikolu 188(2) tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, il-membri tal-persunal ta’ dan il-ministeru li jaħdmu bejn l-22.00 u s-6.00 għandhom jibbenefikaw mill-protezzjoni prevista fil-Kodiċi tax-Xogħol. Issa, dan il-kodiċi jipprevedi tul normali tax-xogħol iqsar f’dak li jikkonċerna x-xogħol ta’ billejl, li ma jistax ikun ta’ iktar minn seba’ sigħat.

22      L-istess qorti tenfasizza li l-Artikolu 187(3) tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern ma jipprevedix li t-tul normali tal-ħin tax-xogħol ta’ billejl huwa ta’ tmien sigħat, iżda jipprovdi biss li, għall-attivitajiet tax-xogħol bix-shift, bħal f’dan il-każ, huwa permess li wieħed jaħdem billejl bejn l-22.00 u s-6.00. Hija tqis li t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl tal-membri tal-persunal tal-Ministeru għall-Intern għandu jkun ta’ seba’ sigħat sabiex dawn il-membri tal-persunal ma jiġux ittrattati b’mod inqas tajjeb mill-ħaddiema l-oħra fis-settur pubbliku u mill-ħaddiema fis-settur privat.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rayonen sad Lukovit (il-Qorti Distrettwali ta’ Lukovit, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-protezzjoni effettiva taħt l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2003/88/KE tirrikjedi li t-tul normali tax-xogħol ta’ bil-lejl għall-pulizija u għall-persunal tat-tifi tan-nar ikun iqsar mit-tul normali tax-xogħol matul il-ġurnata?

2)      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza, irrikonoxxut fl-Artikoli 20 u 31 tal-[Karta] jirrikjedi li t-tul normali tax-xogħol ta’ bil-lejl ta’ seba’ sigħat ta’ xogħol għall-ħaddiema fis-settur privat, kif iffissat fid-dritt nazzjonali, għandu japplika wkoll għall-ħaddiema fis-settur pubbliku, inkluż għall-pulizija u għall-persunal tat-tifi tan-nar?

3)      Sabiex jintlaħaq b’mod effettiv l-għan iddikjarat fil-premessa 8 tal-preambolu tad-Direttiva 2003/88, jiġifieri li jiġi llimitat it-tul tax-xogħol ta’ bil-lejl, huwa meħtieġ li d-dispożizzjoni nazzjonali legali tispeċifika t-tul normali tax-xogħol ta’ bil-lejl, inkluż għall-membri tal-persunal fis-settur pubbliku?”

 Fuq ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

24      Il-qorti tar-rinviju talbet li l-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

25      Fid‑9 ta’ Lulju 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatriċi u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ din it-talba.

 Fuq ittalba għal deċiżjoni preliminari

 Fuq lammissibbiltà

26      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Kummissjoni Ewropea tesprimi riżervi f’dan ir-rigward, billi ssostni li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax direttament il-kwistjoni ta’ jekk id-Direttiva 2003/88 ġietx trasposta korrettament fid-dritt Bulgaru.

27      It-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda d-determinazzjoni tan-numru ta’ sigħat ta’ xogħol supplimentari mwettqa billejl mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, lil hinn mill-ħin tax-xogħol ta’ billejl normali previst għas-settur privat fil-Bulgarija, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ammont tar-remunerazzjoni tal-istess rikorrent u tal-kisba tal-ħlas korrispondenti. Issa, kif tirrileva l-Kummissjoni stess, id-Direttiva 2003/88 ma tirrigwardax ir-remunerazzjoni tal-ħaddiema.

28      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2003/88, li hija bbażata fuq l-Artikolu 153(2) TFUE, tirregola biss ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema u ma tapplikax, skont l-Artikolu 153(5) TFUE, għal aspetti marbuta mar-remunerazzjoni tal-ħaddiema, ħlief għall-każ partikolari tal-leave annwali mħallas previst fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, bħala prinċipju, din id-direttiva ma hijiex intiża li tapplika għar-remunerazzjoni tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Készenléti Rendőrség, C‑211/19, EU:C:2020:344, punt 23).

29      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sempliċi fatt li t-tilwima fil-kawża prinċipali tkun tirrigwarda r-remunerazzjoni ma jimplikax li talba għal deċiżjoni preliminari li tqajjem domandi dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 għandha titqies li hija inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak, C‑518/15, EU:C:2018:82, punti 25 u 26).

30      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 153(5) TFUE għandha tinftiehem bħala li tkopri l-miżuri li, bħalma hija uniformizzazzjoni ta’ wħud mill-elementi jew tal-elementi kollha li jikkostitwixxu s-salarji u/jew tal-livell tagħhom fl-Istati Membri kif ukoll l-istabbiliment ta’ salarju minimu, ikunu jinvolvu ndħil dirett mid-dritt tal-Unjoni fid-determinazzjoni tar-remunerazzjonijiet fi ħdan din tal-aħħar. Madankollu, din l-eċċezzjoni ma tistax tkopri kull kwistjoni li jkollha xi tip ta’ rabta mar-remunerazzjoni għaliex inkella wħud mill-oqsma msemmija fl-Artikolu 153(1) TFUE jiċċaħħdu mill-parti l-kbira tas-sustanza tagħhom (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Spect et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-każ, id-domandi preliminari ma jirrigwardawx l-ammont tar-remunerazzjoni iżda l-modalitajiet dwar l-organizzazzjoni, it-tqassim tal-ħin tax-xogħol ta’ billejl u l-kalkolu tiegħu, kif ukoll il-kumpens għax-xogħol imwettaq lil hinn mis-sigħat normali tax-xogħol.

32      Għaldaqstant, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula.

 Fuq ilmertu

 Fuq lewwel u ttielet domanda

33      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tagħti risposta utli lill-qorti li tkun għamlitilha domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Jyske Bank Gibraltar, C‑212/11, EU:C:2013:270, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, għalkemm it-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-premessa 8 tad-Direttiva 2003/88, għandu jitfakkar li, minkejja li jagħmlu parti integrali minn din tal-aħħar filwaqt li jispeċifikaw l-għanijiet imfittxija minnha, il-premessi ma għandhomx saħħa vinkolanti fihom infushom. Għall-kuntrarju, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jikkonċernaw ix-xogħol ta’ billejl. Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-soluzzjoni tat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddependi, skont il-qorti tar-rinviju, mill-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kunċett ta’ “tul tax-xogħol ta’ billejl”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 8.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, l-ewwel u t-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, għandhom jinftiehmu bħala li qegħdin iqajmu, essenzjalment, il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 8 u l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2003/88 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jimponu l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl għal ħaddiema fis-settur pubbliku, bħalma huma l-pulizija u l-persunal tat-tifi tan-nar, għandu jkun inqas mit-tul normali tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata previst għal dawn tal-aħħar.

36      Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jikkunsidra li, fl-assenza, fil-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern u fl-atti regolatorji ta’ grad inqas minn leġiżlazzjoni fis-seħħ matul il-perijodu kkonċernat, ta’ kull regola dwar il-konverżjoni tas-sigħat ta’ xogħol ta’ billejl f’sigħat ta’ xogħol ta’ matul il-ġurnata, għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Digriet tal-2007.

37      Għandu jitfakkar li d-Direttiva 2003/88 tistabbilixxi, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, rekwiżiti minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u tapplika, b’mod partikolari, għal ċerti aspetti tax-xogħol ta’ billejl, tax-xogħol bix-shift u tar-ritmu tax-xogħol.

38      Id-dritt ta’ kull ħaddiem għal limitazzjoni tat-tul massimu tax-xogħol u għal perijodi ta’ mistrieħ, b’mod partikolari ta’ kuljum, ma jikkostitwixxix biss regola tad-dritt soċjali tal-Unjoni ta’ importanza partikolari, iżda huwa wkoll espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, li skont l-Artikolu 6(1) TUE għandha l-istess saħħa legali bħat-Trattati (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, Academia de Studii Economice din Bucureşti, C‑585/19, EU:C:2021:210, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88, b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 12 tagħha, jispeċifikaw dan id-dritt fundamentali u għalhekk għandhom jiġu interpretati fid-dawl tiegħu (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, Academia de Studii Economice din Bucureşti, C‑585/19, EU:C:2021:210, punt 37).

40      B’dan premess, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, CHEP Equipment Pooling, C‑242/19, EU:C:2020:466, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżiti minimi relatati mat-tul normali tax-xogħol ta’ billejl huma stabbiliti fl-Artikolu 8(a) ta’ din id-direttiva, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex il-ħin tax-xogħol normali tal-ħaddiema ta’ billejl ma jaqbiżx medja ta’ tmien sigħat għal kull perijodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa. L-Artikolu 8(b) ta’ din id-direttiva jispeċifika li l-ħaddiema ta’ billejl li x-xogħol tagħhom jinvolvi perikoli partikolari jew strapazz fiżiku jew mentali sinjifikattiv ma għandhomx jaħdmu iktar minn tmien sigħat matul perijodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa li matulu jwettqu xogħol ta’ billejl.

42      Skont l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2003/88, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex il-ħaddiema ta’ billejl u l-ħaddiema bix-shift jibbenefikaw minn livell ta’ protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa li jkun adattat għan-natura tax-xogħol tagħhom.

43      Fit-tieni lok, kif tfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, meta tistabbilixxi d-dritt ta’ kull ħaddiem għal limitazzjoni tat-tul massimu tax-xogħol kif ukoll għal perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, din id-direttiva tispeċifika d-dritt fundamentali espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta u għandha, għaldaqstant, tiġi interpretata fid-dawl ta’ dan l-Artikolu 31(2). Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, għalhekk, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva għad-detriment tad-drittijiet li l-ħaddiem jikseb minnha (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Dublin City Council, C‑214/20, EU:C:2021:909, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Fit-tielet lok, fir-rigward b’mod partikolari tax-xogħol ta’ billejl, il-premessa 7 tal-imsemmija direttiva tieħu inkunsiderazzjoni r-riskji inerenti għal dan il-perijodu ta’ attività. Barra minn hekk, il-premessi 8 u 10 tal-istess direttiva jenfasizzaw il-konsegwenzi potenzjalment dannużi tax-xogħol ta’ billejl u l-ħtieġa li t-tul tiegħu jiġi limitat, sabiex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni ikbar fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema.

45      B’hekk, skont il-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, il-“ħin ta’ bil-lejl” ifisser kull perijodu ta’ mhux inqas minn seba’ sigħat, kif iddefinit fil-liġi nazzjonali, li għandu jinkludi, f’kull każ, il-perijodu ta’ bejn nofsillejl u l-5.00.

46      Skont il-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, “ħaddiem ta’ matul il-lejl” ifisser, minn naħa, kull ħaddiem li jaħdem mill-inqas tliet sigħat tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum normali tiegħu matul il-“ħin ta’ bil-lejl” u, min-naħa l-oħra, kull ħaddiem li jista’ jwettaq, matul il-“ħin ta’ bil-lejl”, ċertu proporzjon tal-ħin tax-xogħol annwali tiegħu, kif iddefinit fil-liġi nazzjonali, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, jew fil-ftehimiet kollettivi jew fil-ftehimiet konklużi bejn l-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali jew reġjonali.

47      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 2003/88 tistabbilixxi rekwiżiti minimi komuni li jinkludu protezzjoni supplimentari għall-ħaddiema ta’ billejl.

48      L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jimponi għalhekk l-iffissar tat-tul massimu tax-xogħol ta’ billejl. L-obbligu, previst fl-Artikolu 12(a) tal-imsemmija direttiva, li jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex il-ħaddiema ta’ billejl u l-ħaddiema bix-shift jibbenefikaw minn livell ta’ protezzjoni adattat għan-natura tax-xogħol tagħhom iħalli, min-naħa tiegħu, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri adegwati li għandhom jiġu implimentati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punti 35 u 48, kif ukoll tal‑11 ta’ April 2019, Syndicat des cadres de la sécurité intérieure, C‑254/18, EU:C:2019:318, punti 23 u 35).

49      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma tinkludi indikazzjoni dwar differenza jew relazzjoni bejn it-tul normali tax-xogħol ta’ billejl u dak tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata. B’hekk, l-ewwel wieħed jista’, bħala prinċipju, jiġi stabbilit indipendentement mit-tieni wieħed.

50      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2003/88 ma timponix l-adozzjoni ta’ miżuri li jistabbilixxu differenza bejn it-tul normali tax-xogħol ta’ billejl u dak tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata. Għaldaqstant, din id-direttiva ma timponix l-adozzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari li tirregola speċifikament it-tul normali u massimu tax-xogħol ta’ billejl, bil-kundizzjoni li dan it-tul ikun limitat skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva.

51      B’dan premess, għandu jiġi enfasizzat li l-obbligu mfakkar fil-punt 48 ta’ din is-sentenza għandu jiġi implimentat b’mod li jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni stabbiliti fid-Direttiva 2003/88 stess. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema meta jiddeterminaw il-livell ta’ protezzjoni meħtieġ fil-qasam tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema ta’ billejl. Għaldaqstant, huma għandhom jiżguraw li l-ħaddiema ta’ billejl jibbenefikaw minn miżuri oħra ta’ protezzjoni fil-qasam tat-tul tax-xogħol, tas-salarju, ta’ kumpens jew ta’ benefiċċji simili, li jippermettu li tiġi kkumpensata t-tbatija partikolari li jimplika dan it-tip ta’ xogħol, kif enfasizzata b’mod partikolari fid-Direttiva 2003/88, u, għaldaqstant, li tiġi rrikonoxxuta n-natura tax-xogħol ta’ billejl.

52      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-kompiti mwettqa billejl jistgħu jkunu differenti f’termini ta’ diffikultà u ta’ stress, u dan jista’ jeħtieġ li jiġu implimentati, għal ċerti ħaddiema, arranġamenti speċifiċi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tagħhom. F’dan il-każ, il-kompiti mwettqa billejl mill-persunal tat-tifi tan-nar u mill-pulizija jistgħu jiġġustifikaw l-implimentazzjoni ta’ tali arranġamenti speċifiċi. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-funzjonijiet speċjali u estremament importanti ta’ dawn il-ħaddiema fis-settur pubbliku jimplikaw li dawn tal-aħħar huma suġġetti għal diversi rekwiżiti u obbligi addizzjonali, bħalma huma tul ta’ ħin tal-għassa li jista’ jilħaq l-24 siegħa jew obbligi speċjali f’sitwazzjoni ta’ urġenza.

53      Għaldaqstant, fid-dawl tat-tbatija ikbar tax-xogħol ta’ billejl meta mqabbla mat-tbatija tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata, it-tnaqqis tat-tul normali tax-xogħol ta’ billejl meta mqabbel ma’ dak tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata jista’ jikkostitwixxi soluzzjoni xierqa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema kkonċernati, minkejja li dan it-tnaqqis ma huwiex l-unika soluzzjoni possibbli. Skont in-natura tal-attività kkonċernata, l-għoti ta’ perijodi ta’ mistrieħ supplimentari jew ta’ perijodi ta’ ħin liberu, pereżempju, jista’ wkoll jikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà ta’ dawn il-ħaddiema.

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-premessa 6 tad-Direttiva 2003/88 jirriżulta li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji tal-ILO fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda x-xogħol ta’ billejl, u li, skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Nru 171 tal-ILO, il-kumpens mogħti lill-ħaddiema ta’ billejl fir-rigward tat-tul tax-xogħol, tas-salarju jew ta’ benefiċċji simili għandu jirrikonoxxi n-natura tax-xogħol ta’ billejl. B’hekk, din id-dispożizzjoni tikkonferma li l-miżuri li l-Istati Membri huma obbligati jadottaw, skont l-Artikolu 12(a) ta’ din id-direttiva, ma għandhomx espressament ikopru t-tul tax-xogħol ta’ billejl.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 8 u l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2003/88 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jimponux l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl għal ħaddiema fis-settur pubbliku, bħalma huma l-pulizija u l-persunal tat-tifi tan-nar, għandu jkun inqas mit-tul normali tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata previst għal dawn tal-aħħar. Tali ħaddiema għandhom fi kwalunkwe każ jibbenefikaw minn miżuri oħra ta’ protezzjoni fil-qasam tat-tul tax-xogħol, tas-salarju, ta’ allowances jew ta’ benefiċċji simili, li jippermettu li tiġi kkumpensata t-tbatija partikolari li jimplika x-xogħol ta’ billejl imwettaq minnhom.

 Fuq ittieni domanda

56      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2003/88, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 20 u 31 tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li teżiġi li t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl stabbilit bħala seba’ sigħat fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għall-ħaddiema fis-settur privat japplika għal ħaddiema fis-settur pubbliku, bħalma huma l-pulizija u l-persunal tat-tifi tan-nar.

57      Skont l-Artikolu 20 tal-Karta, “[k]ull persuna hija ugwali f’għajnejn il-liġi”.

58      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, irrikonoxxut fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. B’hekk, differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata, u meta din id-differenza tkun proporzjonata għall-għan imfittex permezz tat-trattament ikkonċernat (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 31(1) tal-Karta jipprevedi li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu”, filwaqt li l-Artikolu 31(2) tagħha jispeċifika li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ leave imħallas”.

60      Għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll lill-Istati Membri f’dawk is-sitwazzjonijiet biss fejn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni u, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jeħtieġ l-eżistenza ta’ element ta’ konnessjoni bejn att tad-dritt tal-Unjoni u l-miżura nazzjonali kkonċernata li tmur lil hinn mill-fatt li s-suġġetti kkonċernati jkunu qrib xulxin jew li wieħed minn dawn is-suġġetti jkollu effett indirett fuq l-ieħor, u dan fid-dawl tal-kriterji ta’ evalwazzjoni ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia, C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 140(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprovdi li t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl f’ġimgħa ta’ ħamest ijiem tax-xogħol huwa ta’ seba’ sigħat. Kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni tapplika għall-ħaddiema fis-settur privat.

62      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 187(3) tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, fil-każ ta’ xogħol bix-shift, ix-xogħol ta’ billejl jista’ jsir bejn l-22.00 u s-6.00, filwaqt li l-ħin tax-xogħol tal-membri tal-persunal ta’ dan il-ministeru ma għandux jaqbeż medja ta’ tmien sigħat għal kull perijodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa.

63      Dawn id-dispożizzjonijiet jispeċifikaw il-modalitajiet ta’ xogħol applikabbli għax-xogħol ta’ billejl, relatati mas-sigurtà u mas-saħħa, u b’mod partikolari, il-limitu tat-tul tax-xogħol ta’ billejl. Tali dispożizzjonijiet jikkostitwixxu implimentazzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

64      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tistabbilixxi sistema applikabbli għall-ħaddiema fis-settur privat li hija iktar favorevoli minn dik applikabbli għal dawk fis-settur pubbliku, b’mod partikolari għall-membri tal-persunal tal-Ministeru għall-Intern. Hija tirrileva wkoll li l-assenza ta’ dispożizzjoni speċjali li tirregola t-tul normali u massimu tax-xogħol ta’ billejl ta’ dawn il-membri tal-persunal li jagħmlu parti mill-pulizija u mill-persunal tat-tifi tan-nar twassal għal diskriminazzjoni kontra dawn tal-aħħar meta mqabbla mal-membri tal-persunal bil-kuntratt ta’ dan il-ministeru.

65      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li differenza fit-trattament ibbażata fuq in-natura statutorja jew kuntrattwali tar-relazzjoni tax-xogħol tista’, bħala prinċipju, tiġi evalwata fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li issa huwa rrikonoxxut fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, Baldonedo Martín, C‑177/18, EU:C:2020:26, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 2003/88, fid-dawl tal-Artikoli 20 u 31 tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li ċerti ħaddiema fis-settur pubbliku, b’mod partikolari l-membri tal-persunal tal-Ministeru għall-Intern, inklużi l-pulizija u l-persunal tat-tifi tan-nar, li t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl tagħhom jista’ jilħaq tmien sigħat, ma jibbenefikawx mis-sistema tad-dritt ordinarju iktar favorevoli applikabbli għall-ħaddiema fis-settur privat, li fil-kuntest tagħha t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl huwa stabbilit bħala seba’ sigħat.

67      Fir-rigward tar-rekwiżit relatat man-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, qabelxejn, li din in-natura komparabbli ma għandhiex tiġi evalwata b’mod globali u astratt, iżda b’mod speċifiku u konkret fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw dawn is-sitwazzjonijiet, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi d-distinzjoni kkonċernata kif ukoll, jekk ikun il-każ, tal-prinċipji u tal-għanijiet tal-qasam li taqa’ fih din il-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2018, MB (Bidla fil-ġeneru u pensjoni tal-irtirar), C‑451/16, EU:C:2018:492, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68      F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha bħala għan il-kalkolu tal-ħin tax-xogħol ta’ billejl għal pożizzjoni ddeterminata. B’mod partikolari, it-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-assenza ta’ dispożizzjoni speċjali li tirregola t-tul normali u massimu tax-xogħol ta’ billejl, kif ukoll il-konverżjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ billejl f’ħin tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata permezz tal-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur.

69      B’hekk, id-dritt nazzjonali jidher, minn naħa, li jeskludi lill-membri tal-persunal tal-Ministeru għall-Intern, bħalma huma l-pulizija u l-persunal tat-tifi tan-nar, mis-sistema tad-dritt ordinarju li tipprevedi limitazzjoni tat-tul normali tax-xogħol ta’ billejl għal seba’ sigħat u, min-naħa l-oħra, li ma jagħtix lil dawn il-membri tal-persunal il-benefiċċju ta’ konverżjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ billejl f’ħin tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata.

70      Hija l-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti, li għandha twettaq il-verifiki meħtieġa sabiex, minn naħa, tidentifika l-kategoriji ta’ ħaddiema rilevanti u, min-naħa l-oħra, tiddetermina jekk ir-rekwiżit relatat man-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni huwiex issodisfatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 52).

71      Madankollu, meta tkun adita b’talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex, fid-dawl tal-elementi li jinsabu fil-proċess li jkollha quddiemha, tipprovdi preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti tar-rinviju fis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2020, Veselības ministrija, C‑243/19, EU:C:2020:872, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina liema kategorija ta’ ħaddiema tibbenefika mis-sistema tad-dritt ordinarju, prevista fl-Artikolu 140 tal-Kodiċi tax-Xogħol, u liema kategorija oħra hija eskluża minn din is-sistema. Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk din l-esklużjoni ġietx deċiża mil-leġiżlatur nazzjonali fid-dawl, b’mod partikolari, tal-karatteristiċi oġġettivi tal-funzjonijiet eżerċitati mill-ħaddiema ta’ din l-aħħar kategorija. Fil-fatt, jidher li, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tanalizza kategoriji ta’ ħaddiema astratti, bħal dik tal-ħaddiema fis-settur pubbliku, filwaqt li tipprovdi l-eżempju tal-kategorija partikolari tal-membri tal-persunal tal-Ministeru għall-Intern, b’mod partikolari dik tal-pulizija u tal-persunal tat-tifi tan-nar, u dik tal-ħaddiema fis-settur privat, mingħajr ma tipprovdi elementi li jippermettu li jiġu identifikati kategoriji konkreti ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli u li jiġu kkomparati b’mod speċifiku u konkret, inkluż f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ xogħol ta’ billejl applikabbli għall-ħaddiema f’kull waħda minn dawn il-kategoriji. Fil-fatt, ebda element ta’ din in-natura ma jinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

73      F’dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni ta’ eventwali differenza fit-trattament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata, u meta din id-differenza fit-trattament tkun proporzjonata għal dan il-għan (sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2020, Veselības ministrija, C‑243/19, EU:C:2020:872, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-assenza, fid-Digrieti Nru 8121z-592 u 8121z-776, tal-mekkaniżmu ta’ konverżjoni tas-sigħat ta’ xogħol ta’ billejl f’sigħat ta’ xogħol ta’ matul il-ġurnata inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija dovuta għal raġunijiet ta’ natura legali u ekonomika.

75      Minn naħa, skont l-Artikolu 187(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, it-tul normali tax-xogħol huwa l-istess matul il-ġurnata u billejl, b’tali mod li r-relazzjoni bejn it-tul normali tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata u t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl hija ugwali għal 1 u b’tali mod li ma hija meħtieġa ebda konverżjoni.

76      Bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, tali argument madankollu ma jidhirx li jikkorrispondi għal għan legalment ammissibbli li jista’ jiġġustifika d-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

77      Min-naħa l-oħra, it-tiġdid ta’ tali mekkaniżmu ta’ konverżjoni kien jeħtieġ riżorsi finanzjarji addizzjonali kunsiderevoli.

78      Madankollu, tali argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jieħdu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet baġitarji b’mod parallel ma’ kunsiderazzjonijiet politiċi, soċjali jew demografiċi li jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri li huma jkunu jixtiequ jadottaw, tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jikkostitwixxu fihom infushom għan ta’ interess ġenerali.

79      Għandu jitfakkar li differenza fit-trattament stabbilita permezz ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fil-qasam tax-xogħol ta’ billejl bejn kategoriji differenti ta’ ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli hija, sakemm ma tkunx ibbażata fuq tali kriterju oġġettiv u raġonevoli, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u tobbliga, jekk ikun il-każ, lill-qorti nazzjonali tinterpreta d-dritt nazzjonali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-dispożizzjoni tad-dritt primarju kkonċernata, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti fid-dritt intern, sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa ta’ din id-dispożizzjoni u sabiex tasal għal soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikoli 20 u 31 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl stabbilit bħala seba’ sigħat fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għall-ħaddiema fis-settur privat ma japplikax għall-ħaddiema fis-settur pubbliku, inklużi l-pulizija u l-persunal tat-tifi tan-nar, jekk tali differenza fit-trattament tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri jekk tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mill-imsemmija leġiżlazzjoni u jekk tkun proporzjonata għal dan il-għan.

 Fuq lispejjeż

81      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 8 u l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jimponux l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl għal ħaddiema fis-settur pubbliku, bħalma huma l-pulizija u l-persunal tat-tifi tan-nar, għandu jkun inqas mit-tul normali tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata previst għal dawn tal-aħħar. Tali ħaddiema għandhom fi kwalunkwe każ jibbenefikaw minn miżuri oħra ta’ protezzjoni fil-qasam tat-tul tax-xogħol, tas-salarju, ta’ allowances jew ta’ benefiċċji simili, li jippermettu li tiġi kkumpensata t-tbatija partikolari li jimplika x-xogħol ta’ billejl imwettaq minnhom.

2)      L-Artikoli 20 u 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl stabbilit bħala seba’ sigħat fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għall-ħaddiema fis-settur privat ma japplikax għall-ħaddiema fis-settur pubbliku, inklużi l-pulizija u l-persunal tat-tifi tan-nar, jekk tali differenza fit-trattament tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri jekk tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mill-imsemmija leġiżlazzjoni u jekk tkun proporzjonata għal dan il-għan.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.