Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Marzu 2013 - Hanwha SolarOne et vs Il-Parlament et

(Kawża T-136/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Hanwha SolarOne (Qidong) Co. Ltd (Qidong, iċ-Ċina); Hanwha SolarOne Technology Co. Ltd (Lianyungang, iċ-Ċina); Hanwha SolarOne Solar Technology (Shanghai) Co. Ltd (Shanghai, iċ-Ċina); u Hanwha Solar Electric Power Engineering Co. Ltd (Qidong) (rappreżentant: F. Graafsma, avukat)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, Il-Kummissjoni Ewropea u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament (UE) Nru 1168/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta' Diċembru 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2012 L 344/1), sa fejn ġie applikat għar-rikorrenti;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Jannar 2013 li permezz tagħha ċaħdet li tikkunsidra t-talbiet għal trattament għal ekonomija tas-suq (MET) tar-rikorrenti ; u

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed.

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tar-Regolament (UE) Nru 1168/2012 sa fejn dan japplika għar-rikorrenti u t-talbiet MET tar-rikorrenti sottomessi lill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament Bażiku, fil-proċedimenti anti-dumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta' moduli kristallini fotovoltajċi tas-silikon u komponenti ewlenin (i.e. ċelloli u wafers) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (Avviż ta' Inizjazzjoni, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta' Settembru 2012, ĠU C 269/5). Ir-rikorrenti jitolbu wkoll l-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta' Jannar 2013 li permezz tagħha l-Kummissjoni rrifjutat li tikkunsidra t-talbiet MET tar-rikorrenti mressqa fl-investigazzjoni msemmija iktar 'il fuq.

Ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament (UE) Nru 1168/2012, kif applikat mill-Kummissjoni lir-rikorrenti fid-deċiżjoni tat-3 ta' Jannar 2013, u d-deċiżjoni tat-3 ta' Jannar li tgħid li l-Kummissjoni ma kinitx ser tikkunsidra t-talbiet MET tar-rikorrenti, tikser l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti u japplikaw b'mod retroattiv għad-detriment tar-rikorrenti mingħajr ġustifikazzjonijiet validi. Konsegwentement, ir-Regolament (UE) Nru 1168/2012, kif applikat mill-Kummissjoni lir-rikorrenti fid-Deċiżjoni tat-3 ta' Jannar 2013, u d-Deċiżjoni tat-3 ta' Jannar 2013, manifestament jiksru l-prinċipji bażiċi ta' ċertezza legali u ta' bona fide.

____________