Language of document : ECLI:EU:C:2020:543

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

9 ta’ Lulju 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Artikolu 32(1)(c) – Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Artikolu 157(2), Artikolu 158(3), u Artikolu 160 – Determinazzjoni tal-valur doganali – Aġġustament – Drittijiet relatati għall-merkanzija li għandhom jiġu vvalutati – Drittijiet li jikkostitwixxu ‘kundizzjoni tal-bejgħ” tal-merkanzija li qed tkun ivvalutata – Drittijiet imħallsa mix-xerrej lill-kumpannija parent tiegħu bħala korrispettiv għall-provvista tan-‘know-how’ neċessarja għall-manifattura ta’ prodotti lesti – Merkanzija miksuba mingħand terzi u li tikkostitwixxi komponenti li għandhom jiġu inkorporati fil-prodotti liċenzjati”

Fil-Kawża C‑76/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

Direktor na Teritorialna direktsiya Yugozapadna Agentsiya “Mitnitsi”, li qabel kien Nachalnik na Mitnitsa Aerogara Sofia,

vs

“Curtis Balkan” EOOD,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn P. G. Xuereb, President tal-Awla, T. von Danwitz u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Direktor na Teritorialna direktsiya Yugozapadna Agentsiya « Mitnitsi », li qabel kien Nachalnik na Mitnitsa Aerogara Sofia, minn M. Metodiev, bħala aġent,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova u L. Zaharieva, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García u M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kocjan, Y. Marinova u F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 157(2), tal-Artikolu 158(3) u tal-Artikolu 160 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn id-Direktor na Teritorialna direktsiya Yugozapadna Agentsiya “Mitnitsi” (Direttur tad-Direttorat Territorjali tal-Lbiċ tal-Aġenzija Doganali, il-Bulgarija), li qabel kien Nachalnik na Mitnitsa Aerogara Sofia (Direttur tad-Dwana tal-Ajruport ta’ Sofija, il-Bulgarija), u “Curtis Balkan” EOOD dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tad-drittijiet imħallsa minn din tal-aħħar lill-kumpannija omm tagħha waqt id-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija importata mingħand fornituri terzi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Kodiċi Doganali

3        Skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”):

“Il-valur doganali ta’ merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skond l-Artikoli 32 u 33[…] […]”

4        L-Artikolu 32 tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi:

“1.      Waqt li jkun qed jiġi stabbilit il-valur doganali taħt l-Artikolu 29, għandu jiżdied mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata:

[…]

(ċ) drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet ta’ liċenzji li għandhom x’jaqsmu mal-merkanzija li qed tkun stmata li x-xerrej għandu jħallas, direttament jew indirettament, bħala kondizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija li qed tkun stmata, sal-punt li dawk id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet m’humiex inklużi fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas;

[…]

2.      Żidiet fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għandhom isiru taħt dan l-Artikolu biss skond il-bażi ta’ data oġġettiva u li tista’ tiġi kwantifikata.

3.      Ebda żieda m’għandha ssir fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas waqt li jkun qed jiġi stabbilit il-valur doganali ħlief kif ipprovdut f’dan l-Artikolu.

[…]”

 Ir-Regolament Nru 2454/93

5        Skont l-Artikolu 143(1)(e) tar-Regolament Nru 2454/93, persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati biss jekk wieħed minnhom, direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor.

6        L-Artikolu 157 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi, ħlasijiet tad-drittijiet u l-liċenzi għandhom jinftiehmu b’ mod partikolari bħala pagamaneti għall-użu tad-drittijiet li għandhom x’jaqsmu ma:

–        - il-fabbrikazzjoni ta’ merkanzija importata (partikolarment, patenti, disinni, mudelli u tagħrif dwar kif għandha ssir il-fabbrikazzjoni)

jew

–        - il-bejgħ għall-esportazzjoni ta’ merkanzija importati (partikolarment, trademarks, disinni rreġistrati),

jew

–        - l-użu jew bejgħ mill-ġdid ta’ oġġetti impurtati (partikolarment, drittijiet ta’ l-awtur, proċessi tal-fabbrikazzjoni inkorporati inseparabbilment fil-merkanzija importata.).

2.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 32(5) tal-Kodiċi [Doganali], meta l-valur doganali tal-merkanzija importati jiġi determinat skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 29 tal-Kodiċi [Doganali], ħlasijiet ta’ drittijiet jew liċenzi għandhom jingħaddu mal-prezz attwalment imħallas jew li għandu jitħallas, biss, meta dan il-pagament:

–        - ikollu x’jaqsam mal-merkanzija li tkun qiegħda tiġi vvalutata, u

u

–        - jikkostitwixxi kondizzjoni tal-bejgħ ta’ dik il-merkanzija.”

7        Skont l-Artikolu 158 tal-imsemmi regolament:

“1.      Meta l-merkanzija importata tkun biss ingredjent jew komponent tal-merkanzija ffabrikata fil-Komunità, aġġustament għall-prezz attwalment imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata għandu jsir biss meta il-ħlasijiet tad-drittijiet jew liċenzi jirrelataw għal dik il-merkanzija.

[…]

3.      Jekk il-ħlasijiet tad-drittijiet jew liċenzi jirrelataw parzjalment għall-merkanzija importati u parzjalment għal ingredjenti oħra jew partijiet komponenti miżjuda mal-merkanzija wara l-importazzjoni tagħha, jew għal attivitajiet jew servizzi post-importazzjoni, distirbuzzjoni approprjata għandha ssir biss a bażi tad-data objettiva u kwantifikabli skond in-nota interpretattiva ta’ l-Artikolu 32(2) tal-Kodiċi fl-Anness 23.”

8        L-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93 jipprovdi:

“Meta x-xerrej iħallas drittijiet jew liċenzi lill terza parti, il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 157(2) m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala sodisfatti sakemm il-bejjiegħ jew persuna relatata miegħu ma jkunux jeħtieġu lix-xerrej jagħmel dak il-pagament.”

9        L-Artikolu 161 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Meta l-metodu ta’ kalkolu ta’ l-ammont ta’ ħlasijiet tad-drittijiet jew liċenzi jirriżulta mill-prezz tal-merkanzija importati, jista’ jkun assunt li fin-nuqqas ta’ prova kuntraraja, li l-pagament ta’ dak il-ħlas tad-drittijiet jew liċenza jkun relatat għall-merkanzija li għandha tiġi vvalutata.

Madankollu, meta l-ammont ta’ ħlas ta’ drittijiet jew liċenza huwa kkalkolat independentament mill-prezz tal-merkanzija mportati,il-pagament ta’ dak il-ħlas tad-drittijiet jew liċenza jista’ madankollu jkun relatat għall-merkanzija li għandha tiġi vvalutata.”

10      In-nota interpretattiva fil-qasam tal-valur doganali, li tinsab fl-Anness 23 tar-Regolament Nru 2454/93, tipprovdi, fir-rigward tal-Artikolu 32(2) tal-Kodiċi Doganali:

“Meta ma tkunx teżisti data oġġettiva u li tista’ titqies fir-rigward taż-żiediet li jeħtieġ isiru taħt id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 32, il-valur tan-negozju ma jistax jiġi stabbilit taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29. Bħala illustrazzjoni ta’ dan, dritt huwa imħallas fuq il-bażi tal-prezz fil-bejgħ fil-pajjiż ta’ importazzjoni ta’ litru ta’ prodott partikolari li kien importat bil-kilogramma u kompost f’ soluzzjoni wara l-importazzjoni. Jekk id-dritt ikun ibbażat in parti fuq il-merkanzija importata u in parti fuq fatturi oħra li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ l-merkanzija importata (bħal meta l-merkanzija importata tiġi imħallta ma’ ingredjenti domestiċi u ma tistax tidentifikaha separatament, jew meta d-dritt ma’ jistax jiġi distint minn arranġamenti finanzjarji speċjali bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ), ma jkunx f’postu li wieħed jipprova jagħmel żieda għad-drittijiet. Iżda madankollu, jekk l-ammont ta’ dan id-dritt huwa bbażat biss fuq il-merkanzija importata faċilment kwantifikabbli, żieda mal-prezz attwalment imħallas jew pagabbli tista’ ssir.”

11      L-imsemmija nota interpretattiva tistabbilixxi, fir-rigward tal-Artikolu 143(1)(e) tar-Regolament Nru 2454/93:

“Persuna għandha kontroll fuq oħra meta ta’ l-ewwel tkun f’posizzjoni li teżerċita rażan jew direzzjoni fuq tat-tieni, legalment u b’mod operattiv.”

 Il-kummenti tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali

12      Skont il-Kummentarju Nru 3 (Taqsima tal-Valur Doganali) dwar l-effett ta’ drittijiet u ta’ drittijiet ta’ liċenzji fuq il-valur doganali, stabbilit mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali msemmi fl-Artikolu 247a ta’ dan il-kodiċi (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tal-Kodiċi Doganali”):

“[…]

8.      Għandu jiġi analizzat l-effett tal-ħlas tad-drittijiet u tal-liċenzji fuq il-valur doganali meta l-merkanzija importata tikkostitwixxi hija stess is-suġġett tal-kuntratt ta’ liċenzja (jiġifieri meta din tkun il-prodott kopert mil-liċenzja). Dan l-obbligu jeżisti wkoll meta l-merkanzija importata tkun komponent jew element kostituttiv tal-prodott kopert mil-liċenzja jew meta l-merkanzija importata (pereżempju, tagħmir industrijali jew makkinarju speċjali għall-manifattura) tipproduċi hija stess il-prodott kopert mil-liċenzja [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9.      In-‘know-how’ pprovduta skont kuntratt ta’ liċenzja huwa ħafna drabi kkostitwit minn mudelli, dħul, formoli u istruzzjonijiet bażiċi dwar l-użu tal-prodott kopert mil-liċenzja. Fejn dan in- ‘know-how’ jirrigwarda l-merkanzija importata, għandha tiġi prevista l-inklużjoni fil-valur doganali ta’ kull dritt jew ta’ kull liċenzja relatat magħhom. Madankollu, ċerti kuntratti ta’ liċenzja (pereżempju, fil-qasam tal- “franchising”) jipprevedu l-provvista ta’ servizzi bħat-taħriġ tal-persunal tad-detentur tal-liċenzja sabiex jiġi ffabbrikat il-prodott liċenzjat jew għall-użu tal-makkinarju/tagħmir. Jista’ wkoll jirrigwarda assistenza teknika fl-oqsma tal-ġestjoni, tal-amministrazzjoni, tal-kummerċjalizzazzjoni, tal-kontabbiltà, eċċ. Id-drittijiet u l-liċenzji mħallsa għal dan it-tip ta’ servizzi ma għandhomx jiġu inklużi fil-valur doganali.

[…]

 Drittijiet jew liċenzji dwar il-merkanzija li qed tkun ivvalutata

11.      Sabiex jiġi stabbilit jekk ħlas huwiex relatat mal-merkanzija li qed tiġi vvalutata, hemm lok li wieħed jistaqsi mhux fuq il-metodu ta’ kalkolu ta’ dan il-ħlas, iżda fuq ir-raġunijiet li għalihom din tinġabar, jiġifieri l-korrispettiv li jibbenefika minnu d-detentur tal-liċenzja […]. B’hekk, fil-każ ta’ importazzjoni ta’ komponent jew element kostituttiv tal-prodott kopert minn liċenzja, jew fil-każ ta’ importazzjoni ta’ magni jew tagħmir użat għall-manifattura tiegħu, id-dritt mħallas fuq id-dħul mill-bejgħ tal-prodott kopert mil-liċenzja tista’ tkun marbuta kompletament jew parzjalment jew ma tirreferix għal kollox għall-merkanzija importata.

 Drittijiet u liċenzji mħallsa bħala kundizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata

12.      Il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk il-bejjiegħ huwiex lest li jbigħ il-merkanzija mingħajr ma jitħallas dritt jew liċenzja. Il-kundizzjoni tista’ tkun espliċita jew impliċita. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, huwa ppreċiżat fil-ftehim ta’ liċenzja jekk il-bejgħ tal-merkanzija importata huwiex suġġett għall-ħlas ta’ dritt jew ta’ liċenzja. Madankollu, ma huwiex essenzjali li dan jiġi stipulat.

13.      Meta l-merkanzija tinxtara mingħand persuna u d-drittijiet jew il-liċenzji jitħallsu mingħand persuna oħra, il-ħlas tagħha jista’ madankollu jiġi kkunsidrat bħala kundizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija f’ċerti każijiet (ara l-Artikolu 160 [tar-Regolament Nru 2454/93]). […]”

13      Il-kummentarju Nru 11 (taqsima tal-valur doganali) dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 32(1) (ċ) tal-Kodiċi Doganali fir-rigward tad-drittijiet u tal-liċenzji mħallsa lil terz skont l-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93, stabbilit mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, huwa fformulat kif ġej:

“[…]

Anki jekk il-kuntratt ta’ bejgħ effettiv konkluż bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ ma jeżiġix espliċitament mix-xerrej li huwa jwettaq il-ħlas tad-drittijiet, dan il-ħlas jista’ jkun kundizzjoni impliċita tal-bejgħ jekk ix-xerrej ma kienx f’pożizzjoni li jixtri l-merkanzija mingħand il-bejjiegħ mingħajr ma jħallas id-drittijiet lid-detentur tal-liċenzja u li l-bejjiegħ ma kienx lest li jbigħ il-merkanzija lix-xerrej f’dawn iċ-ċirkustanzi.

[…]

Fil-kuntest tal-Artikolu 160 [tar-Regolament Nru 2454/93], meta d-drittijiet jitħallsu lil terz li jeżerċita kontroll dirett jew indirett fuq il-manifattur (u li għalhekk jista’ jiġi konkluż li l-partijiet huma marbuta fis-sens tal-Artikolu 143 [ta’ dan ir-regolament]), dawn il-ħlasijiet huma kkunsidrati bħala kundizzjoni ta’ bejgħ. Skont l-Anness 23 [tal-imsemmi regolament] […], ‘persuna għandha titqies li tikkontrolla persuna oħra meta tal-ewwel tkun f’pożizzjoni b’mod legali jew operattiv li teżerċita trażżin jew direzzjoni fuq tal-aħħar’.

L-elementi li ġejjin għandhom jiġu analizzati sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx kontroll fuq:

–        il-konċedent tal-liċenzja jagħżel il-manifattur u jimponih fuq ix-xerrej;

–        jeżisti kuntratt dirett ta’ manifattura bejn il-konċedent tal-liċenzja u l-bejjiegħ;

–        il-konċedent tal-liċenzja jeżerċita kontroll reali dirett jew indirett fuq il-manifattura (ċentri ta’ produzzjoni u/jew metodi ta’ produzzjoni);

–        il-konċedent tal-liċenzja jeżerċita kontroll reali dirett jew indirett fuq il-loġistika u r-rotta tal-prodotti sax-xerrej;

–        il-konċedent tal-liċenzja jiddeċiedi lil min il-produttur jista’ jbigħ il-merkanzija jew jimponi restrizzjonijiet fir-rigward tax-xerrejja potenzjali;

–        il-konċedent tal-liċenzja jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-prezz li bih il-manifattur/bejjiegħ għandu jbigħ il-merkanzija tiegħu, jew il-kundizzjonijiet tal-prezz li bih l-importatur/ix-xerrej għandu jbigħ il-merkanzija mill-ġdid;

–        il-konċedent tal-liċenzja għandu d-dritt li jeżamina l-kontabbiltà tal-manifattur jew tax-xerrej;

–        il-konċedent tal-liċenzja jiddeċiedi dwar il-metodi ta’ produzzjoni li għandhom jużaw/jipprovdu mudelli, eċċ.;

–        il-konċedent tal-liċenzja jaħtar il-fornituri tal-materjali/komponenti jew jissuġġetta l-għażla tagħhom għal restrizzjoni;

–        il-konċedent tal-liċenzja jirrestrinġi l-kwantitajiet li l-manifattur jista’ jipproduċi;

–        il-konċedent tal-liċenzja ma jawtorizzax lix-xerrej jixtri direttament mill-manifattur, iżda permezz tal-proprjetarju tat-trade mark (min jagħti l-liċenzja), li jista’ wkoll jaġixxi bħala aġent tax-xiri tal-importatur;

–        il-manifattur ma huwiex awtorizzat jimmanifattura prodotti kompetituri (mingħajr liċenzja) jekk huwa ma jkollux il-kunsens tal-konċedent tal-liċenzja;

–        il-prodott immanifatturat huwa speċifiku minn min jagħti l-liċenzja (disinn u trade mark);

–        il-karatteristiċi tal-prodott u tat-teknoloġija użata huma ddefiniti mill-konċedent tal-liċenzja.

Kombinazzjoni ta’ dawn l-indikaturi, li jmorru lil hinn mill-kuntest ta’ sempliċi kontrolli ta’ kwalità mill-konċedent tal-liċenzja, tipprova li teżisti rabta fis-sens tal-Artikolu 143(1)(e) [tar-Regolament Nru 2454/93], u l-ħlas tad-dritt għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala kundizzjoni ta’ bejgħ skont l-Artikolu 160 [ta’ dan ir-regolament].”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Curtis Balkan, kumpannija stabbilita fil-Bulgarija, hija kompletament proprjetà ta’ Curtis Instruments Inc., kumpannija stabbilita fl-Istati Uniti (iktar ’il quddiem “Curtis USA”). Ir-relazzjonijiet legali bejn dawn il-kumpanniji huma rregolati, b’mod partikolari, permezz ta’ żewġ kuntratti, l-ewwel wieħed, konkluż fl-1 ta’ Frar 1996, dwar id-dritt li tintuża privattiva, it-tieni wieħed, konkluż fis-26 ta’ Novembru 2002, dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ ġestjoni.

15      Skont il-kuntratt għall-użu tal-privattiva, Curtis USA tittrasferixxi bi prezz standard lil Curtis Balkan kits tal-manifattura ta’ indikaturi tal-istokk tal-karburant kif ukoll kits ta’ manifattura ta’ regolaturi ta’ veloċità ta’ frekwenza għolja, ibbażati fuq it-teknoloġija tagħha stess bi privattiva. Curtis Balkan għandha d-dritt li tipproduċi, bl-użu ta’ dawn il-komponenti, u li tbigħ regolaturi ta’ veloċità ta’ muturi u elementi għal vetturi elettriċi, prodotti li għalihom hija tħallas remunerazzjoni għad-dritt li tuża l-privattiva. Dan il-ħlas isir kull tliet xhur, abbażi tal-bejgħ trimestrali ddikjarat ta’ prodotti. Bis-saħħa ta’ ftehim addizzjonali għall-kuntratt, iffirmat fl-1 ta’ Settembru 2010, Curtis USA tirċievi drittijiet li jammontaw għal 10 % tal-prezz nett tal-bejgħ tal-prodotti msemmija fil-kuntratt u mibjugħa minn Curtis Balkan.

16      Skont il-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, Curtis USA tintrabat, b’mod partikolari, li tiżgura għal Curtis Balkan l-attività operattiva, jiġifieri l-ġestjoni, inkluż il-kummerċjalizzazzjoni, ir-reklamar, it-tfassil tal-baġits, ir-rapporti finanzjarji, is-sistemi ta’ informazzjoni kif ukoll ir-riżorsi umani, bi ħlas miftiehem fix-xahar.

17      Matul kontroll li jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet doganali magħmula minn Curtis Balkan, dwar l-importazzjoni ta’ merkanzija minn pajjiżi terzi matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Mejju 2015, l-awtoritajiet doganali Bulgari kkonstataw li l-merkanzija importata, “partijiet u elementi”, kienet użata minn Curtis Balkan għall-manifattura ta’ prodotti li fir-rigward tagħhom din il-kumpannija tħallas lil Curtis USA drittijiet, b’eżekuzzjoni tal-kuntratt tal-1 ta’ Frar 1996. Ġie kkonstatat ukoll li l-valur doganali ddikjarat tal-merkanzija importata ma kienx jinkludi dawn id-drittijiet.

18      F’dan il-kuntest, ġew ipprovduti spjegazzjonijiet kemm minn Curtis USA kif ukoll minn Curtis Balkan, li minnhom jirriżulta, b’mod partikolari, li Curtis USA tikkontrolla l-katina kollha ta’ produzzjoni, wara n-negozjar u l-akkwist ċentralizzat tal-komponenti neċessarji għall-produzzjoni sal-bejgħ tal-prodotti lesti. Il-komponenti inkorporati fil-prodotti huma mmanifatturati skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt imposti minn Curtis USA u huma ddisinjati speċjalment għal dawn il-prodotti. Barra minn hekk, l-għażla ta’ fornitur ieħor għandha tiġi approvata minn Curtis USA. Madankollu, għal kull ordni ta’ valur li ma jaqbiżx USD 100 000 (madwar EUR 85 000), in-notifika lil Curtis USA jew l-approvazzjoni minnha ma hijiex neċessarja.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ April 2016, id-direttur tad-dwana tal-ajruport ta’ Sofija pproċeda għar-reviżjoni tal-valur doganali ddikjarat għad-dikjarazzjonijiet doganali kollha eżaminati, billi inkluda d-drittijiet li fil-fehma tiegħu kienu dovuti skont l-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 157 tar-Regolament Nru 2454/93, moqri flimkien mal-Artikolu 158(1) u (3) u l-Artikolu 160 ta’ dan ir-regolament.

20      Curtis Balkan ikkontestat din id-deċiżjoni permezz ta’ rikors amministrattiv. Insostenn tar-rikors tagħha, din il-kumpannija ppreżentat ittri ta’ fornituri intiżi sabiex jistabbilixxu li l-prezzijiet tal-merkanzija ordnati minn Curtis Balkan mingħand dawn il-fornituri ma kinux jiddependu mid-drittijiet li hija kienet tħallas lil Curtis USA u li din tal-aħħar ma kinitx f’pożizzjoni li tmexxi jew tirrestrinġi l-attivitajiet tal-imsemmija fornituri.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2016, l-awtorità doganali kompetenti ċaħdet ir-rikors amministrattiv ta’ Curtis Balkan.

22      Curtis Balkan ikkontestat id-deċiżjoni tat-28 ta’ April 2016, kif ikkonfermata bid-deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2016, quddiem l-Administrativen sad - Sofia grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgaria). Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ġiet ordnata perizja fuq talba ta’ din il-kumpannija, li minnha jirriżulta li l-valur tad-dikjarazzjonijiet doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx jaqbeż il-limitu ta’ USD 100 000, li sa fejn l-imsemmija kumpannija tgawdi minn indipendenza operattiva waqt l-ordni ta’ merkanzija.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2018, l-Administrativen sad - Sofia grad (il-Qorti Amministrattiva tal-belt ta’ Sofija) annullat id-deċiżjoni tat-28 ta’ April 2016, kif ikkonfermata bid-deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2016, minħabba li ma kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 157(2) tar-Regolament Nru 2454/93 sabiex jiżdied il-valur kuntrattwali tal-merkanzija importata bil-valur tad-drittijiet imħallsa.

24      Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, li tgħid li l-ħlas tad-drittijiet għandu jkun relatat mal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata, din il-qorti qieset li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx taqa’ taħt il-kuntratt dwar id-dritt ta’ użu ta’ privattiva. B’mod partikolari, ma ġietx prodotta l-prova li proċessi ta’ manifattura speċifiċi jew know-how li d-drittijiet tagħhom huma miżmuma minn Curtis USA kienu ġew inkorporati b’mod indissoċjabbli f’din il-merkanzija.

25      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, li tgħid li l-ħlas ta’ drittijiet għandu jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ bejgħ tal-merkanzija importata, lanqas ma kien ġie pprovat, skont l-imsemmija qorti, li l-fornituri kienu talbu mingħand Curtis Balkan tħallas drittijiet lil Curtis USA. B’mod partikolari, ma ntweriex li bejn din l-aħħar kumpannija u l-fornituri teżisti xi rabta li tippermetti li jiġi preżunt li l-ewwel waħda teżerċita kontroll indirett fuq dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, dawn il-fornituri jiċħdu kategorikament l-eżistenza ta’ tali rabta.

26      Id-Direttur tad-dwana tal-ajruport ta’ Sofija ppreżenta appell kontra s-sentenza tal-Administrativen sad - Sofia grad (il-Qorti amministrattiva tal-belt ta’ Sofija) quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija).

27      Id-Direttur tad-dwana tal-ajruport ta’ Sofija jsostni li teżisti rabta bejn id-drittijiet u l-merkanzija li għandha tiġi vvalutata, sa fejn din tal-aħħar tikkostitwixxi komponent li jintuża għall-manifattura ta’ prodotti liċenzjati u fejn dan il-komponent huwa suġġetti għal ċertifikazzjoni b’rabta mar-rekwiżiti ta’ kwalità tal-prodotti lesti. Barra minn hekk, id-drittijiet jikkostitwixxu kundizzjoni ta’ bejgħ tal-merkanzija importata peress li, fl-għażla tal-fornituri, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tekniċi li l-merkanzija importata għandha tissodisfa, peress li dawn ir-rekwiżiti jirriżultaw mid-dipartimenti tal-inġinerija taċ-ċentru ta’ disinn ta’ Curtis USA.

28      F’dak li jirrigwarda l-fatt li l-merkanzija li qed tiġi vvalutata kienet ġiet akkwistata minn fornituri distinti mill-kumpannija li lilha tħallsu d-drittijiet, id-direttur tad-dwana tal-ajruport ta’ Sofija jikkunsidra li l-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93, li jipprevedi tali ipoteżi, huwa applikabbli, peress li Curtis USA teżerċita kontroll indirett fuq il-manifatturi. Fil-fatt, il-konċedent tal-liċenzja jagħżel il-manifatturi u jimponilhom speċifikazzjonijiet, b’mod li jeżerċita kontroll reali dirett jew indirett fuq il-proċess ta’ manifattura.

29      Barra minn hekk, sa fejn il-merkanzija importata hija biss element kostituttiv li jifforma parti mill-kompożizzjoni ta’ prodotti lesti u fejn id-drittijiet huma relatati parzjalment mal-merkanzija importata u parzjalment ma’ komponenti oħra miżjuda mal-merkanzija wara l-importazzjoni ta’ din tal-aħħar, kif ukoll ma’ attivitajiet u ma’ servizzi sussegwenti għall-importazzjoni, id-direttur tad-dwana tal-ajruport ta’ Sofija josserva li kien sar tqassim tad-drittijiet pro rata, skont l-Artikolu 158(1) u (3) tar-Regolament Nru 2454/93.

30      Curtis Balkan tikkontesta l-pożizzjoni tad-direttur tad-dwana tal-ajruport ta’ Sofija.

31      Il-qorti tar-rinviju tfakkar li hija ddeċidiet, f’kawżi analogi għal dik fil-kawża prinċipali u li kienu jopponu l-istess partijiet, li l-amministrazzjoni doganali kienet wettqet l-aġġustament b’mod korrett, u dan abbażi tal-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93. B’mod partikolari, hija kkunsidrat li, fl-ipoteżi msemmija minn din id-dispożizzjoni, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 157(2) ta’ dan ir-regolament ma kellhomx jiġu vverifikati u li l-Artikolu 160 tal-imsemmi regolament kien ukoll irrilevanti.

32      Madankollu, peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tar-Regolament Nru 2454/93, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li jservi bħala bażi legali distinta għall-aġġustament tal-valur doganali bl-addizzjoni ta’ drittijiet mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata, irrispettivament mir-regola prevista fl-Artikolu 157 tar-Regolament Nru 2454/93?

2)      L-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi żewġ sitwazzjonijiet alternattivi għall-aġġustament tal-valur doganali: minn naħa, is-sitwazzjoni fejn id-drittijiet, bħal dawk inkwistjoni hawnhekk, jikkonċernaw parzjalment il-merkanzija importata u parzjalment komponenti oħra miżjuda mal-merkanzija wara l-importazzjoni tagħha, u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni fejn id-drittijiet jikkonċernaw attivitajiet jew servizzi mwettqa wara l-importazzjoni?

3)      L-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi tliet sitwazzjonijiet għall-aġġustament tal-valur doganali: l-ewwel nett, is-sitwazzjoni fejn id-drittijiet jikkonċernaw parzjalment il-merkanzija importata u parzjalment komponenti oħra miżjuda mal-merkanzija wara l-importazzjoni tagħhom, it-tieni nett, is-sitwazzjoni fejn id-drittijiet jikkonċernaw parzjalment il-merkanzija importata u parzjalment l-attivitajiet jew servizzi mwettqa wara l-importazzjoni u, it-tielet nett is-sitwazzjoni fejn id-drittijiet jikkonċernaw parzjalment il-merkanzija importata u parzjalment komponenti oħra miżjuda mal-merkanzija wara l-importazzjoni jew attivitajiet jew servizzi mwettqa wara l-importazzjoni?

4)      L-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza aġġustament tal-valur doganali meta jiġi stabbilit li d-drittijiet imħallsa jikkonċernaw attivitajiet jew servizzi mwettqa wara l-importazzjoni tal-merkanzija li tkun qiegħda tiġi vvalutata, li, f’dan il-każ partikolari huma servizzi pprovduti mill-kumpannija Bulgara lill-kumpannija Amerikana (inkonnessjoni ma’ manifattura u amministrazzjoni), irrispettivament minn jekk humiex issodisfatti r-rekwiżiti għall-aġġustament skont l-Artikolu 157 tar-Regolament Nru 2454/93?

5)      L-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi każ partikolari ta’ aġġustament tal-valur doganali taħt l-arranġamenti u l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 157 tar-Regolament Nru 2454/93, b’tali mod li n-natura partikolari tinsab biss fil-fatt li d-drittijiet jikkonċernaw biss parzjalment il-merkanzija li tkun qiegħda tiġi vvalutata, u għalhekk dawn id-drittijiet għandhom jitqassmu pro rata?

6)      L-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll fil-każ li x-xerrej iħallas onorarji jew ħlasijiet ta’ liċenzja lil terz?

7)      Fil-każ li ż-żewġ domandi preċedenti jingħataw, it-tnejn li huma, risposta fl-affermattiv, il-qorti hija meħtieġa tevalwa, għall-finijiet tat-tqassim pro rata tad-drittijiet skont l-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93, jekk humiex issodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 157(2), jiġifieri li d-drittijiet jikkonċernaw, anki jekk parzjalment, il-merkanzija importata u li d-drittijiet jikkostitwixxu kundizzjoni tal-bejgħ ta’ din il-merkanzija, u, jekk dan ikun il-każ, f’din l-evalwazzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-regola prevista fl-Artikolu 160, fis-sens li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 157(2) għandhom jitqiesu li huma ssodisfatti jekk il-bejjiegħ jew persuna relatata miegħu jeżiġu li x-xerrej jagħmel dan il-ħlas?

8)      L-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93 japplika għar-regola fundamentali prevista fl-Artikolu 157 tar-Regolament Nru 2454/93 fil-każ biss li d-drittijiet għandhom jitħallsu lil terz u jikkonċernaw kompletament il-merkanzija li tkun qiegħda tiġi vvalutata, jew japplika wkoll f’każijiet fejn id-drittijiet jikkonċernaw biss parzjalment il-merkanzija importata?

9)      L-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-“relazzjoni” bejn min jagħti l-liċenzja u l-bejjiegħ għandha tinftiehem fis-sens li tirreferi għal każijiet fejn min jagħti l-liċenzja jkun relatat mal-bejjiegħ għaliex jeżerċita kontroll dirett fuq ix-xerrej li jmur lil hinn minn kontroll tal-kwalità, jew għandu jiġi interpretat fis-sens li r-relazzjoni bejn min jagħti l-liċenzja u x-xerrej deskritta iktar ’il fuq ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi preżunta relazzjoni (indiretta) bejn min jagħti l-liċenzja u l-bejjiegħ, b’mod partikolar fil-każ li dan tal-aħħar joġġezzjona għall-pożizzjoni li l-prezzijiet għall-ordni tax-xerrej għall-merkanzija importata kienet tiddependi mill-ħlas ta’ drittijiet u joġġezzjona wkoll għall-pożizzjoni li min ta l-liċenzja kien f’pożizzjoni li jikkontrolla jew jillimita l-azzjonijiet operazzjonali tiegħu?

10)      L-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti aġġustament tal-valur doganali fil-każ biss li jkunu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 157 tar-Regolament Nru 2454/93, jiġifieri li d-drittijiet imħallsa lil terz jikkonċernaw il-merkanzija li tkun qiegħda tiġi vvalutata u jikkostitwixxu kundizzjoni tal-bejgħ ta’ din il-merkanzija, u tkun issodisfatta wkoll il-kundizzjoni li l-bejjiegħ jew persuna relatata miegħu jeżiġu li x-xerrej iħallas id-drittijiet?

11)      Ir-rekwiżit previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 157(2) tar-Regolament Nru 2454/93 – li d-drittijiet ikunu jikkonċernaw il-merkanzija li tkun qiegħda tiġi vvalutata – għandu jitqies li ġie ssodisfatt fil-każ li jkun hemm relazzjoni indiretta bejn id-drittijiet u l-merkanzija importata, bħal dik fil-kawża ineżami, jekk il-merkanzija li tkun qiegħda tiġi vvalutata tkun komponent tal-prodott finali kopert minn liċenzja?”

 Fuq id-domandi preliminari

33      Permezz tal-ħdax-il domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 157(2), l-Artikolu 158(3) u l-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li parti proporzjonali tal-ammont tad-drittijiet imħallsa minn kumpannija lill-kumpannija omm tagħha bħala korrispettiv għall-provvista tan-“know-how” għall-finijiet tal-manifattura ta’ prodotti lesti għandha tiżdied mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata, f’ċirkustanzi fejn din il-merkanzija hija intiża sabiex tidħol, fost elementi oħra kostituttivi, fil-kompożizzjoni ta’ dawn il-prodotti lesti u huma akkwistati permezz tal-ewwel kumpannija mingħand bejjiegħa distinti mill-kumpannija omm.

34      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni dwar il-valutazzjoni għal skopijiet doganali hija intiża sabiex tistabbilixxi sistema ekwa, uniformi u newtrali li teskludi l-użu ta’ valuri doganali arbitrarji jew fittizzji. Il-valur għal skopijiet doganali għandu għalhekk jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata u, għaldaqstant, għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ din il-merkanzija li għandhom valur ekonomiku (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2019, Oribalt Rīga, C‑1/18, EU:C:2019:519, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, il-valur doganali tal-merkanzija importata huwa, bħala prinċipju, ikkostitwit mill-valur tat-tranżazzjoni tagħha, jiġifieri bil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta din tinbiegħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea, bla ħsara madankollu għal aġġustamenti li għandhom isiru konformement, b’mod partikolari, mal-Artikolu 32 ta’ dan il-kodiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, GE Healthcare, C‑173/15, EU:C:2017:195, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fost l-elementi li għandhom jiżdiedu mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata, sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali, l-Artikolu 32 isemmi, fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu, id-drittijiet u l-liċenzji relatati mal-merkanzija li qed tkun ivvalutata, li x-xerrej għandu jħallas, direttament jew indirettament, bħala kundizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija li qed tkun ivvalutata, sa fejn dawn id-drittijiet u dawn il-liċenzji ma ġewx inklużi fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas.

37      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 157(1) tar-Regolament Nru 2454/93, il-kunċett ta’ “drittijiet u l-liċenzi”, għall-finijiet tal-Artikolu 32(1) (ċ) tal-Kodiċi Doganali, jirreferi, b’mod partikolari, għall-ħlas għall-użu tad-drittijiet relatati mal-manifattura tal-merkanzija importata, mal-bejgħ għall-esportazzjoni ta’ din il-merkanzija, jew mal-użu jew mal-bejgħ mill-ġdid tagħha.

38      L-Artikolu 157(2) tar-Regolament Nru 2454/93 jippreċiża, min-naħa tiegħu, li, meta l-valur doganali tal-merkanzija importata huwa ddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, id-dritt jew il-liċenzja għandu jiżdied mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas biss jekk dan il-ħlas, minn naħa, ikun relatat mal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata u, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxi kundizzjoni tal-bejgħ ta’ din il-merkanzija.

39      Konsegwentement, l-aġġustament previst fl-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali japplika meta tliet kundizzjonijiet kumulattivi jiġu ssodisfatti, jiġifieri, l-ewwel nett, li d-drittijiet jew il-liċenzji ma jkunux ġew inklużi fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas, it-tieni nett, li dawn jirrigwardaw il-merkanzija li għandha tiġi vvalutata u, it-tielet nett, li x-xerrej ikun obbligat iħallas dawn id-drittijiet jew dawn il-liċenzji bħala kundizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, GE Healthcare, C‑173/15, EU:C:2017:195, punt 35).

40      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-drittijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jitħallsu minn Curtis Balkan lill-kumpannija omm tagħha, Curtis USA, bħala korrispettiv għall-provvista minn din tal-aħħar tan-know how għall-finijiet tal-manifattura tal-prodotti li fihom kienet inkorporata l-merkanzija importata. Għalhekk, dawn id-drittijiet għandhom jitqiesu bħala ħlas għall-użu tad-drittijiet relatati mal-użu tal-merkanzija importata, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 157(1) tar-Regolament Nru 2454/93, u, konsegwentement, bħala li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “drittijiet u liċenzji”, fis-sens tal-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali.

41      Barra minn hekk, peress li huwa paċifiku li Curtis Balkan ma inkludietx l-imsemmija drittijiet fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ewwel kundizzjoni meħtieġa sabiex isir l-aġġustament tal-valur doganali, kif imsemmi fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, hija ssodisfatta.

42      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, jiġifieri li d-drittijiet għandhom ikunu relatati mal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata, fis-sens tal-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 158(1) tar-Regolament Nru 2454/93, meta l-merkanzija importata tikkostitwixxi biss element kostituttiv ta’ merkanzija mmanifatturata fl-Unjoni, aġġustament tal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata jista’ jsir biss jekk id-dritt ikun relatat ma’ din il-merkanzija.

43      Barra minn hekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 161 ta’ dan ir-regolament, meta l-metodu ta’ kalkolu tal-ammont ta’ dritt jew ta’ liċenzja jkun relatat mal-prezz tal-merkanzija importata, għandu jiġi preżunt, sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja, li l-ħlas ta’ dan id-dritt jew ta’ din il-liċenzja jkun relatat mal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata. Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-imsemmi regolament, meta l-ammont ta’ dritt jew ta’ liċenzja jiġi kkalkolat indipendentement mill-prezz tal-merkanzija importata, il-ħlas ta’ dan id-dritt jew ta’ din il-liċenzji jista’ jkun relatat mal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata.

44      Għandu jitfakkar ukoll li l-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, għalkemm ma għandhomx saħħa vinkolanti fid-dritt, xorta jikkostitwixxu mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-Kodiċi Doganali mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u jistgħu, bħala tali, jitqiesu bħala mezzi validi għall-interpretazzjoni tal-imsemmi kodiċi (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, GE Healthcare, C‑173/15, EU:C:2017:195, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan ir-rigward, mill-punt 8 tal-kummentarju Nru 3 (taqsima tal-valur doganali) dwar l-effett ta’ drittijiet u liċenzji fuq il-valur doganali, stabbilit mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, jirriżulta li hemm lok li jiġi analizzat l-effett tal-ħlas tad-drittijiet u tal-liċenzji fuq il-valur doganali mhux biss meta l-merkanzija importata tkun tikkostitwixxi hija stess is-suġġett tal-kuntratt ta’ liċenzja, iżda wkoll meta l-merkanzija importata tkun tikkostitwixxi element kostituttiv tal-prodott kopert mil-liċenzja.

46      Barra minn hekk, skont il-punt 9 ta’ dan il-kummentarju, meta n-“know-how” pprovdut skont kuntratt ta’ liċenzja jirrigwarda l-merkanzija importata, għandha tiġi prevista l-inklużjoni fil-valur doganali ta’ kull dritt jew ta’ kull liċenzja relatat magħhom. Min-naħa l-oħra, id-drittijiet u l-liċenzji mħallsa għall-provvista ta’ servizzi bħat-taħriġ tal-persunal tad-detentur tal-liċenzja għall-manifattura tal-prodott liċenzjat, jew l-assistenza teknika f’oqsma bħall-ġestjoni, l-amministrazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni jew il-kontabbiltà, ma għandhomx jiġu inklużi fil-valur doganali.

47      Fl-aħħar nett, il-punt 11 tal-imsemmi kummentarju jipprovdi li, sabiex jiġi stabbilit jekk dritt huwiex relatat mal-merkanzija li qed tiġi vvalutata, ma hemmx lok li wieħed jistaqsi dwar il-metodu ta’ kalkolu ta’ dan id-dritt, iżda fuq ir-raġunijiet li għalihom din tinġabar, jiġifieri dwar korrispettiv li jibbenefika minnu d-detentur tal-liċenzja. B’hekk, fil-każ ta’ importazzjoni ta’ element kostituttiv tal-prodott kopert minn liċenzja, id-dritt imħallas fuq il-prodott tal-bejgħ tal-prodott kopert mil-liċenzja jista’ jkun relatat kompletament jew parzjalment jew ma jirreferi xejn għall-merkanzija importata.

48      Għaldaqstant, il-fatt li l-metodu ta’ kalkolu ta’ dritt jew ta’ liċenzja ma huwiex relatat mal-prezz tal-merkanzija importata iżda mal-prezz tal-prodott lest li fih din il-merkanzija hija inkorporata ma jeskludix li dan id-dritt jew din il-liċenzja jista’ jitqies li huwa relatat mal-imsemmija merkanzija.

49      Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li merkanzija hija inkorporata fi prodott lest ma jippermettix li jiġi konkluż li d-drittijiet jew il-liċenzji mħallsa bħala korrispettiv għall-provvista, abbażi ta’ kuntratt ta’ liċenzja, ta’ “know-how” għall-manifattura ta’ dan il-prodott lest huma relatati ma’ din il-merkanzija. F’dan ir-rigward, hija meħtieġa l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement stretta bejn dawn id-drittijiet jew dawn il-liċenzji, minn naħa, u l-merkanzija kkonċernata, min-naħa l-oħra.

50      Tali rabta teżisti meta n-“know-how” pprovdut skont il-kuntratt ta’ liċenzja huwa neċessarju għall-manifattura tal-merkanzija importata. Jikkostitwixxi indizju f’dan is-sens il-fatt li din il-merkanzija ġiet maħsuba speċifikament sabiex tiġi inkorporata fil-prodott liċenzjat, mingħajr ma kien previst użu raġonevoli ieħor. Min-naħa l-oħra, il-fatt li n-“know-how” huwa neċessarju biss għat-tlestija tal-prodotti liċenzjati jippermetti li jiġi konkluż l-assenza ta’ rabta suffiċjentement stretta.

51      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża li għandha quddiemha, li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement stretta bejn in-“know-how” pprovduta skont il-kuntratt ta’ liċenzja konkluż bejn Curtis Balkan u Curtis USA, u l-merkanzija importata, u li tiddetermina għalhekk jekk id-drittijiet imħallsa minnha lilha jistgħux jiġu kkunsidrati bħala relatati ma’ din il-merkanzija, skont l-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali. F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, b’mod partikolari r-relazzjonijiet ta’ dritt u ta’ fatt bejn il-persuni involuti.

52      Għandu jingħad ukoll li d-drittijiet jistgħu jkunu relatati ma’ merkanzija li għandha tiġi vvalutata, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 32(1)(ċ), anki jekk dawn id-drittijiet huma relatati biss parzjalment mal-imsemmija merkanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, GE Healthcare, C‑173/15, EU:C:2017:195, punt 53 u d-dispożittiv) Madankollu, kif jirriżulta mill-Artikolu 32(2) tal-Kodiċi Doganali, kull element li għandu jiżdied mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għandu jkun ibbażat esklużivament fuq data oġġettiva u kwantifikabbli.

53      Fir-rigward tad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, jekk id-drittijiet jew il-liċenzji jirrelataw parzjalment mal-merkanzija importata u parzjalment ma’ komponenti jew elementi oħra kostituttivi miżjuda mal-merkanzija wara l-importazzjoni tagħha jew ma’ provvisti jew servizzi wara l-importazzjoni, tqassim xieraq għandu jsir biss abbażi ta’ data oġġettiva u kwantifikabbli, skont in-nota interpretattiva li tinsab fl-Anness 23 u relatata mal-Artikolu 32(2) tal-Kodiċi Doganali.

54      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 ma jistax jitqies bħala bażi legali indipendenti għall-aġġustament tal-valur doganali billi jiżdiedu drittijiet jew liċenzji mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata.

55      Fil-fatt, skont l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi Doganali, għad-determinazzjoni tal-valur doganali, ma għandu jiżdied ebda element mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas, bl-eċċezzjoni ta’ dawk previsti minn dan l-artikolu.

56      Għalhekk, f’dak li jirrigwarda d-drittijiet u l-liċenzji, l-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu huma ppreċiżati fl-Artikoli 157 sa 162 tar-Regolament Nru 2454/93, jikkostitwixxi l-unika bażi legali li tippermetti l-aġġustament tal-valur doganali billi jiżdiedu drittijiet jew liċenzji.

57      Billi jindika li, meta drittijiet jew liċenzji jkunu relatati biss parzjalment mal-merkanzija importata, tqassim xieraq għandu jsir biss fuq il-bażi ta’ data oġġettiva u kwantifikabbli, l-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 għalhekk jillimita ruħu li jippreċiża rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi Doganali.

58      It-tieni nett, l-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat bħala li japplika mhux biss meta d-drittijiet jew il-liċenzji jirrelataw parzjalment mal-merkanzija importata u parzjalment ma’ komponenti jew elementi kostituttivi oħra miżjuda mal-merkanzija wara l-importazzjoni tagħha, u meta d-drittijiet jew il-liċenzji jirrelataw parzjalment mal-merkanzija importata u parzjalment ma’ provvisti jew servizzi sussegwenti għall-importazzjoni, iżda wkoll meta d-drittijiet jew il-liċenzji jirrelataw parzjalment mal-merkanzija importata u parzjalment ma’ komponenti jew elementi kostituttivi miżjuda wara l-importazzjoni tagħhom kif ukoll ma’ provvisti jew servizzi sussegwenti għall-importazzjoni.

59      Kif ġie rrilevat fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 jippreċiża li, meta drittijiet jew liċenzji jirrelataw parzjalment biss mal-merkanzija importata, tqassim xieraq għandu jsir biss abbażi ta’ data oġġettiva u kwantifikabbli.

60      Issa, interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li tgħid li din ma tistax tapplika għat-tielet ipoteżi msemmija fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, ikollha l-effett li, meta d-drittijiet jew il-liċenzji jkunu relatati parzjalment mal-merkanzija importata u parzjalment ma’ komponenti jew elementi kostituttivi oħra miżjuda mal-merkanzija wara l-importazzjoni tagħha jew inkella ma’ provvisti jew ma’ servizzi wara l-importazzjoni, distribuzzjoni xierqa tkun tista’ ssir fl-assenza ta’ data oġġettiva u kwantifikabbli, fatt li jkun kuntrarju għar-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi Doganali mfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, li jgħid li kull element miżjud mal-prezz li jkun effettivament tħallas jew għandu jitħallas, għandu jkun ibbażat esklużivament fuq data oġġettiva u kwantifikabbli.

61      It-tielet nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 japplikax ukoll meta x-xerrej iħallas drittijiet jew liċenzji lil terz, distint mill-bejjiegħ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni sempliċement tagħmel riferiment għall-ħlas ta’ “drittijiet jew [ta’] liċenzji”, mingħajr ma tispeċifika lil min għandhom jitħallsu dawn id-drittijiet jew dawn il-liċenzji.

62      Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni indikata fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-ħlas tad-dritt jew tal-liċenzja għandu jikkostitwixxi kundizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan ir-rekwiżit huwa ssodisfatt meta, fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali stabbiliti bejn il-bejjiegħ, jew persuna relatata miegħu, u x-xerrej, il-ħlas tad-dritt jew tal-liċenzja għandu importanza tali għall-bejjiegħ li, fin-nuqqas ta’ dan il-ħlas, dan tal-aħħar ma jwettaqx il-bejgħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, GE Healthcare, C‑173/15, EU:C:2017:195, punt 60).

63      F’dan il-każ, il-kumpannija li lilha Curtis Balkan ħallset drittijiet, jiġifieri Curtis USA, kienet a priori differenti minn dik li minnha kienet tixtri l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

64      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93 jipprevedi li, meta x-xerrej iħallas dritt jew liċenzja lil terz, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 157(2) ta’ dan ir-regolament għandhom jitqiesu li huma ssodisfatti biss jekk il-bejjiegħ jew persuna relatata miegħu teħtieġ li x-xerrej jagħmel dan il-pagament.

65      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93 jista’ japplika għal sitwazzjoni fejn it- “terz” li lilu għandu jitħallas id-dritt jew il-liċenzja u l-“persuna relatata” mal-bejjiegħ ikunu l-istess persuna waħda.(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, GE Healthcare, C‑173/15, EU:C:2017:195, punti 63 sa 66).

66      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ħlas ta’ dritt jew ta’ liċenzja jikkostitwixxix kundizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata, fis-sens tal-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali, f’ċirkustanzi li fihom il-bejjiegħ tal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata huwa distint mill-konċedent tal-liċenzja, għandu jiġi stabbilit, b’mod definittiv, jekk il-persuna marbuta mal-bejjiegħ hijiex f’pożizzjoni li tiżgura ruħha li l-importazzjoni tal-merkanzija hija suġġetta għall-ħlas, favuriha, tad-drittijiet jew tal-liċenzji inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, GE Healthcare, C‑173/15, EU:C:2017:195, punti 67 u 68).

67      Skont l-Artikolu 143(1)(e) tar-Regolament Nru 2454/93, persuni għandhom jitqiesu li jkunu marbuta jekk waħda minnhom tkun direttament jew indirettament tikkontrolla lill-oħra. In-nota interpretattiva fil-qasam tal-valur doganali relatat ma’ din id-dispożizzjoni, li tinsab fl-Anness 23 ta’ dan ir-regolament, tippreċiża, f’dan ir-rigward, li persuna titqies li tikkontrolla persuna oħra meta hija, fid-dritt jew fil-fatt, f’pożizzjoni li teżerċita fuqha setgħa vinkolanti jew ta’ gwida.

68      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan kienx il-każ fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn Curtis USA u l-bejjiegħa tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għal dan il-għan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-indikaturi li jinsabu fil-kummentarju Nru 11 (Taqsima tal-valur doganali) dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali fir-rigward tad-drittijiet u tal-liċenzji mħallsa lil terz skont l-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93, iċċitat fil-punt 13 ta’ din is-sentenza.

69      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li, skont l-affermazzjonijiet tal-bejjiegħa, il-prezz tal-merkanzija importata ma kienx jiddependi mill-ħlas tad-drittijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li ma huwiex il-konċedent tal-liċenzja li kellu jikkontrolla jew jillimita l-attivitajiet tagħhom operazzjonali, dawn ma jistgħux, fihom infushom, ikunu ta’ natura li jeskludu li l-ħlas tal-imsemmija drittijiet kien jikkostitwixxi kundizzjoni tal-bejgħ, peress li l-kwistjoni determinanti kienet biss dik dwar jekk, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, fl-assenza ta’ dan il-ħlas, il-konklużjoni tal-kuntratti ta’ bejgħ taħt il-forma li ġiet magħżula u, konsegwentement, il-kunsinna ta’ merkanzija seħħet jew ma seħħitx.

70      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 157(2), l-Artikolu 158(3) u l-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93, għandu jiġi interpretat fis-sens li parti proporzjonali tal-ammont tad-drittijiet imħallsa minn kumpannija lill-kumpannija omm tagħha bħala korrispettiv għall-provvista tan-“know-how” għall-finijiet tal-manifattura ta’ prodotti lesti għandha tiżdied mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata, f’ċirkustanzi fejn din il-merkanzija hija intiża li tidħol, fost elementi kostituttivi oħra, fil-kompożizzjoni tal-imsemmija prodotti lesti u nkisbet mill-ewwel kumpannija mingħad il-bejjiegħa distinti mill-kumpannija omm, meta

–        id-drittijiet ma ġewx inklużi fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-imsemmija merkanzija;

–        dawn huma relatati mal-merkanzija importata, li jippreżupponi li teżisti rabta suffiċjentement stretta bejn id-drittijiet u din il-merkanzija;

–        il-ħlas tad-drittijiet jikkostitwixxi kundizzjoni tal-bejgħ tal-imsemmija merkanzija, b’tali mod li, fl-assenza ta’ dan il-ħlas, il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ dwar il-merkanzija importata u, konsegwentement, il-kunsinna tagħha ma kinitx isseħħ, u

–        huwa possibbli li jsir tqassim xieraq tad-drittijiet abbażi ta’ data oġġettiva u kwantifikabbli,

hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, b’mod partikolari r-relazzjonijiet ta’ dritt u ta’ fatt bejn ix-xerrej, il-bejjiegħa rispettivi u l-konċedent tal-liċenzja.

 Fuq l-ispejjeż

71      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 32(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità moqri flimkien mal-Artikolu 157(2), l-Artikolu 158(3) u l-Artikolu 160 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, għandu jiġi interpretat fis-sens li parti proporzjonali tal-ammont tad-drittijiet imħallsa minn kumpannija lill-kumpannija omm tagħha bħala korrispettiv għall-provvista tan-“know-how” għall-finijiet tal-manifattura ta’ prodotti lesti għandha tiżdied mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata, f’ċirkustanzi fejn din il-merkanzija hija intiża li tidħol, fost elementi kostituttivi oħra, fil-kompożizzjoni tal-imsemmija prodotti lesti u nkisbet mill-ewwel kumpannija mingħad il-bejjiegħa distinti mill-kumpannija omm, meta

–        id-drittijiet ma ġewx inklużi fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-imsemmija merkanzija;

–        dawn huma relatati mal-merkanzija importata, li jippreżupponi li teżisti rabta suffiċjentement stretta bejn id-drittijiet u din il-merkanzija;

–        il-ħlas tad-drittijiet jikkostitwixxi kundizzjoni tal-bejgħ tal-imsemmija merkanzija, b’tali mod li, fl-assenza ta’ dan il-ħlas, il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ dwar il-merkanzija importata u, konsegwentement, il-kunsinna tagħha ma kinitx isseħħ, u

–        huwa possibbli li jsir tqassim xieraq tad-drittijiet abbażi ta’ data oġġettiva u kwantifikabbli,

hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, b’mod partikolari r-relazzjonijiet ta’ dritt u ta’ fatt bejn ix-xerrej, il-bejjiegħa rispettivi u l-konċedent tal-liċenzja.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.