Language of document : ECLI:EU:C:2020:372

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Mejju 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2009/138/KE – Assigurazzjoni għall-ispejjeż legali – Artikolu 201 – Dritt tal-persuna assigurata li tagħżel liberament ir-rappreżentant tagħha – Proċedura ġudizzjarja – Kunċett – Proċedura ta’ medjazzjoni”

Fil-Kawża C‑667/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ottubru 2018, fil-proċedura

Orde van Vlaamse Balies,

Ordre des barreaux francophones et germanophone,

vs

Ministerraad,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, L. S. Rossi (Relatur), J. Malenovský u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: M. Ferreira, amministratur prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Orde van Vlaamse Balies u għall-Ordre des barreaux francophones u germanophone, minn F. Judo u N. Goethals, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn S. Ronse, avukat, u T. Quints, avukat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe kif ukoll minn A. Nijenhuis u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 201 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU 2009, L 335, p. 1, bir-rettifiki fil-ĠU L 262, 29.9.2016, p. 34 u fil-ĠU L 316, 6.12.2019, p. 107).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Orde van Vlaamse Balies u l-Ordre des barreaux francophones et germanophone (iktar ’il quddiem il-“kmamar tal-avukati”) u l-Ministerraad (il-Kunsill tal-Ministri, il-Belġju) fir-rigward tal-libertà, għall-persuna assigurata, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ispejjeż legali, li tagħżel ir-rappreżentant tagħha matul proċedura ta’ medjazzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 87/344/KEE

3        Id-Direttiva tal-Kunsill 87/344/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1987 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 187), li tħassret bid-Direttiva 2009/138, kienet tipprevedi fl-Artikolu 4 tagħha:

“1.      Kull kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ spejjiż legali għandu espressament jirrikonoxxi li:

(a)      meta jsir rikors lil avukat jew persuna oħra kkwalifikata kif approprjat skond il-liġi nazzjonali sabiex jiġu difiżi, irrappreżentati jew servuti l-interessi tal-persuna assigurata f’ kull inkjesta jew proċedura, dik il-persuna assigurata għandha tkun libera li tagħżel dan l-avukat jew persuna oħra;

[…]

2.      Avukat tfisser persuna intitolata li ssegwi l-attivitajiet professjonali tagħha skond id-denominazzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE tat-22 ta’ Marzu 1977 għall-faċilitazzjoni ta’ l-eżerċizzju effettiv minn avukati tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.”

 Id-Direttiva 2009/138

4        Il-premessa 16 tad-Direttiva 2009/138 hija fformulata kif ġej:

“L-għan ewlieni tar-regolamentazzjoni tal-assigurazzjoni u r-rijassigurazzjoni u tas-superviżjoni huwa l-ħarsien adegwat tat-titolari tal-polza u tal-benefiċjarji. It-terminu benefiċjarju għandu jkopri kwalunkwe persuna naturali jew legali li tkun intitolata għal dritt skont kuntratt ta’ assigurazzjoni. L-istabbilità finanzjarja u s-swieq ekwi u stabbli jikkostitwixxu għanijiet oħra tar-regolamentazzjoni u tas-superviżjoni tal-assigurazzjoni u tar-rijassigurazzjoni, li għandhom ukoll jitqiesu mingħajr ma jittieħed mill-importanza tal-għan ewlieni.”

5        It-Titolu II ta’ din id-direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet Speċifiċi għall-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni”, jinkludi Kapitolu II, dwar id-“Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-assigurazzjoni mhux tal-ħajja”, li t-Taqsima 4 tiegħu, intitolata “L-assigurazzjoni tal-ispejjeż legali”, tinkludi l-Artikoli 198 sa 205.

6        L-Artikolu 198 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-ambitu ta’ din it-Taqsima”, jipprevedi, fil-paragrafu 1:

“Din it-Taqsima għandha tapplika għall-assigurazzjoni tal-ispejjeż legali msemmija fil-klassi 17 tal-Parti A tal-Anness I, li tistabbilixxi li impriża assigurattriċi twiegħed, bil-pagament ta’ premium, li tagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta’ proċeduri legali u li jiġu pprovduti servizzi oħrajn direttament marbuta mal-kopertura tal-assigurazzjoni, partikolarment bl-iskop tas-segwenti:

[…]

(b)      id-difiża jew ir-rappreżentanza tal-persuna assigurata fi proċeduri ċivili, kriminali, amministrattivi jew proċeduri oħrajn fir-rigward ta’ kull talba magħmula kontra dik il-persuna.”

7        L-Artikolu 201 tad-Direttiva 2009/138 intitolat “L-għażla ħielsa tal-avukat” jipprevedi:

“1.      Kull kuntratt tal-assigurazzjoni ta’ spejjeż legali għandu espressament jipprovdi li:

(a)      meta wieħed jirrikorri għand avukat jew persuna oħra kkwalifikata kif xieraq skont il-liġi nazzjonali sabiex jiġu difiżi, irrappreżentati jew imħarsa l-interessi tal-persuna assigurata f’kull inkjesta [proċedura ġudizzjarja] jew proċedura [amministrattiva], dik il-persuna assigurata għandha tkun libera li tagħżel dan l-avukat jew persuna oħra.

[…]

2.      Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima ‘avukat’ tfisser persuna intitolata li teżerċita l-attivitajiet professjonali tagħha skont id-denominazzjonijiet stabbiliti fid-[Direttiva 77/249].”

 Id-dritt Belġjan

8        L-Artikolu 156 tal-Liġi dwar l-Assigurazzjonijiet, tal-4 ta’ April 2014 (Belgisch Staatsblad tat-30 ta’ April 2014, p. 35487), kien redatt kif ġej:

“Kull kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ispejjeż legali għandu espressament jipprovdi tal-inqas li:

1°      meta jkun hemm bżonn li tintuża proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva, il-persuna assigurata għandha tkun libera li tagħżel sabiex jiddefendi, jirrappreżenta jew iħares l-interessi tagħha, lil avukat jew kwalunkwe persuna oħra li għandha l-kwalifiki rikjesti mil-liġi applikabbli għall-proċedura;

[…]”

9        L-Artikolu 2 tal-Liġi li Temenda l-Liġi tal-4 ta’ April 2014 dwar l-Assigurazzjonijiet u li hija intiża sabiex tiggarantixxi l-għażla libera ta’ avukat jew ta’ kull persuna oħra li għandha l-kwalifiki meħtieġa mil-liġi applikabbli għall-proċedura sabiex jiddefendi l-interessi tagħha f’kull fażi ġudizzjarja, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-protezzjoni legali, tad-9 ta’ April 2017 (Belgisch Staatsblad tal-25 ta’ April 2017, p. 53207, iktar ’il quddiem il-“Liġi tad-9 ta’ April 2017”) jipprovdi:

“Fl-Artikolu 156 tal-Liġi tal-4 ta’ April 2014 dwar l-Assigurazzjonijiet, l-ewwel paragrafu huwa mibdul b’dan li ġej:

‘1      il-persuna assigurata hija libera li tagħżel, meta jkun hemm il-bżonn li tirrikorri għal proċedura ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrarja, lil avukat jew kwalunkwe persuna oħra li għandha l-kwalifiki rikjesti mil-liġi applikabbli għall-proċedura sabiex tiddefendi, tirrappreżenta u tħares l-interessi tagħha u, fil-każ ta’ arbitraġġ, ta’ medjazzjoni jew ta’ xi mezz ieħor mhux ġudizzjarju ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim irrikonoxxut, lil persuna li għandha l-kwalifiki rikjesti u maħtura għal dan il-għan;’”

10      Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan, kif emendat l-aħħar bil-liġi li tipprovdi diversi dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dritt ċivili u tad-dispożizzjonijiet bil-għan li jiġu promossi forom alternattivi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, tat-18 ta’ Ġunju 2018 (Belgisch Staatsblad tat-2 ta’ Lulju 2018, p. 53455, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ġudizzjarju”), jipprevedi żewġ forom ta’ medjazzjoni, jiġifieri l-medjazzjoni extraġudizzjarja, prevista fl-Artikoli 1730 sa 1733 ta’ dan il-kodiċi, u l-medjazzjoni ġudizzjarja, imsemmija fl-Artikoli 1734 sa 1737 tal-imsemmi kodiċi.

11      Fir-rigward tal-medjazzjoni extraġudizzjarja, din tista’ tiġi proposta minn kull parti lill-partijiet l-oħra, qabel, matul jew wara l-iżvolġiment ta’ proċedura ġudizzjarja. Il-partijiet għandhom jinnominaw lill-medjatur bi ftehim komuni, jew bl-intervent ta’ parti terza li huma jinkarigaw b’dan il-kompitu. Meta l-partijiet jaslu għal ftehim ta’ medjazzjoni, dan isir bil-miktub, jiġi ddatat u ffirmat minnhom u mill-medjatur. Jekk il-medjatur li mexxa l-medjazzjoni jkun approvat mill-Kummissjoni Federali tal-Medjazzjoni, il-partijiet, jew waħda mill-partijiet, jistgħu jissuġġettaw il-ftehim ta’ medjazzjoni għall-approvazzjoni lill-qorti kompetenti. Il-qorti ma tistax tirrifjuta l-approvazzjoni tal-ftehim ħlief jekk dan ikun kuntrarju għall-ordni pubbliku jew jekk il-ftehim, miksub fi tmiem ta’ medjazzjoni dwar il-familja, imur kontra l-interess tat-tfal minuri. Id-digriet ta’ approvazzjoni għandu l-effetti ta’ sentenza, b’tali mod li l-ftehim approvat jikseb saħħa eżekuttiva.

12      F’dak li jirrigwarda l-medjazzjoni ġudizzjarja, din tippreżupponi li l-qorti li quddiemha titressaq kawża tista’, fuq talba konġunta tal-partijiet jew fuq inizjattiva tagħha stess iżda bil-kunsens tagħhom, tordna medjazzjoni, sakemm il-kawża ma tkunx għadha bdiet tinstema’. Il-qorti tibqa’ adita bil-kawża matul il-medjazzjoni u tista’, f’kull mument, tieħu kwalunkwe miżura li jidhrilha li hija meħtieġa. Din tista’ wkoll, fuq talba tal-medjatur jew ta’ waħda mill-partijiet, ittemm il-medjazzjoni. Jekk il-medjazzjoni tkun wasslet għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ medjazzjoni, anki jekk parzjali, il-partijiet, jew waħda mill-partijiet, jistgħu jitolbu lill-qorti tapprova dan il-ftehim, filwaqt li l-approvazzjoni tista’ tiġi rrifjutata biss meta l-ftehim imur kontra l-ordni pubbliku jew meta l-ftehim, miksub wara medjazzjoni tal-familja, imur kontra l-interess tat-tfal minuri. Jekk il-medjazzjoni ma tkunx wasslet għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ medjazzjoni komplet, il-proċedura ġudizzjarja titkompla.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      Il-Kmamar tal-Avukati ressqu quddiem il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) rikors intiż għall-annullament tal-Liġi tad-9 ta’ April 2017. Insostenn ta’ dan ir-rikors, huma jinvokaw, b’mod partikolari, motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Belġjana, moqrija flimkien mal-Artikolu 201 tad-Direttiva 2009/138.

14      B’mod partikolari, il-Kmamar tal-Avukati jsostnu li l-imsemmija liġi ma hijiex konformi ma’ dan l-Artikolu 201 sa fejn, essenzjalment, hija ma tipprevedix, għall-persuna assigurata, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ispejjeż legali, id-dritt li din tagħżel l-avukat tagħha waqt proċedura ta’ medjazzjoni. Fil-fatt, skont il-Kmamar tal-Avukati, peress li din il-proċedura hija koperta mill-kunċett ta’ “proċedura ġudizzjarja” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 201, il-persuna assigurata għandu jkollha dan id-dritt.

15      Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi tad-9 ta’ April 2017, kull kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ispejjeż legali kellu jipprevedi l-libertà tal-persuna assigurata li tagħżel avukat jew persuna oħra kkwalifikata “meta jkun hemm bżonn ta’ proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva”. L-imsemmija liġi, filwaqt li estendiet din il-libertà ta’ għażla għall-proċedura ta’ arbitraġġ, eskludietha għall-proċedura ta’ medjazzjoni minħabba, minn naħa, li l-preżenza ta’ konsulent ma hijiex ta’ natura li tiffavorixxi l-medjazzjoni u, min-naħa l-oħra, li din ma hijiex neċessarjament ibbażata fuq raġunament legali.

16      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, ċertament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “proċedura ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 201 tad-Direttiva 2009/138 għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa, sabiex jiġu protetti l-interessi tal-persuni assigurati billi jingħatalhom dritt ġenerali u awtonomu li jagħżlu liberament ir-rappreżentant legali tagħhom fil-limiti stabbiliti minn dan l-artikolu.

17      Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tippermettix li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk dan id-dritt japplikax ukoll għal proċedura ta’ medjazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-proċedura ta’ medjazzjoni taħt il-liġi Belġjana tippreżenta karatteristiċi li huma iktar simili għal dawk ta’ ftehim bonarju ta’ kawża milli dawk ta’ proċedura ġudizzjarja. B’mod partikolari, minn naħa, bħall-proċedura ta’ ftehim bonarju, il-proċedura ta’ medjazzjoni hija intiża għall-kisba ta’ ftehim ta’ medjazzjoni bejn il-partijiet fil-kawża. Min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ medjazzjoni hija analoga għal proċedura ġudizzjarja sa fejn ġeneralment issegwi l-ftehim bonarju, hija rregolata mill-kodiċi ġudizzjarju u tista’ twassal għal ftehim ta’ medjazzjoni konkluż taħt id-direzzjoni ta’ medjatur awtorizzat, li jista’ jiġi approvat mill-qorti kompetenti permezz ta’ digriet ta’ approvazzjoni li għandu l-effetti ta’ sentenza.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-kunċett ta’ ‘proċedura ġudizzjarja’ msemmi fl-Artikolu 201(1)(a) tad-Direttiva [2009/138] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-proċeduri ta’ medjazzjoni extraġudizzjarja u ġudizzjarja previsti fl-Artikoli 1723/1 sa 1737 tal-[Kodiċi Ġudizzjarju]?”

 Fuq id-domanda preliminari

19      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 201(1)(a) tad-Direttiva 2009/138 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċedura ġudizzjarja” imsemmi f’din id-dispożizzjoni jinkludix proċedura ta’ medjazzjoni ġudizzjarja jew extraġudizzjarja li fiha qorti hija involuta jew tista’ tiġi involuta, kemm jekk matul din il-proċedura jew wara l-għeluq tagħha.

20      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont dan l-Artikolu 201(1)(a), kull kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ispejjeż legali jipprevedi espliċitament li, meta jsir użu minn avukat jew minn persuna oħra li jkollha l-kwalifiki xierqa skont il-liġi nazzjonali, sabiex jiġu difiżi, irrappreżentati jew moqdija l-interessi tal-persuna assigurata fi proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi, il-persuna assigurata għandha tkun libera li tagħżel lil dak l-avukat jew lil dik il-persuna l-oħra.

21      Peress li din id-dispożizzjoni tirriproduċi, essenzjalment, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344, il-ġurisprudenza dwar din l-aħħar dispożizzjoni hija rilevanti għall-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 201(1)(a).

22      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża, qabel kollox, li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 87/344, dwar il-libertà tal-għażla tar-rappreżentant, għandu portata ġenerali u valur obbligatorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Eschig, C‑199/08, EU:C:2009:538, punt 47; tas-26 ta’ Mejju 2011, Stark, C‑293/10, EU:C:2011:355, punt 29, u tas-7 ta’ Novembru 2013, Sneller, C‑442/12, EU:C:2013:717, punt 25).

23      Sussegwentement, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344 jirriżulta li l-kunċett ta’ “proċedura [amministrattiva]” għandu jinqara b’kuntrast ma’ dak ta’ “inkjesta [proċedura ġudizzjarja]” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ April 2016, Massar, C‑460/14, EU:C:2016:216, punt 19, u tas-7 ta’ April 2016, AK, C‑5/15, EU:C:2016:218, punt 17). Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “proċedura [amministrattiva]” jew ta’ “inkjesta [proċedura ġudizzjarja]” ma tistax tiġi llimitata billi ssir distinzjoni bejn il-fażi preparatorja u l-fażi deċiżjonali ta’ proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ April 2016, Massar, C‑460/14, EU:C:2016:216, punt 21, u tas-7 ta’ April 2016, AK, C‑5/15, EU:C:2016:218, punt 19).

24      Madankollu, la l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344 u lanqas l-Artikolu 201(1)(a) tad-Direttiva 2009/138 ma jipprovdu definizzjoni tal-kunċett ta’ “proċedura ġudizzjarja”.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi tas-7 ta’ April 2016, Massar, C‑460/14, EU:C:2016:216, punti 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-7 ta’ April 2016, AK, C‑5/15, EU:C:2016:218, punt 20).

26      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-premessa 16 tad-Direttiva 2009/138, li l-għan imfittex minnha, u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 201 tagħha dwar il-libertà tal-għażla tal-avukat jew tar-rappreżentant, huwa li jipproteġi b’mod adegwat l-interessi tal-persuni assigurati. Il-portata ġenerali u l-valur obbligatorju li huma rrikonoxxuti lid-dritt li wieħed jagħżel l-avukat jew ir-rappreżentant tiegħu għalhekk jipprekludu interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 201(1)(a) tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ April 2016, Massar, C‑460/14, EU:C:2016:216, punt 23, u tas-7 ta’ April 2016, AK, C‑5/15, EU:C:2016:218, punt 21).

27      Għalhekk, fir-rigward tal-kunċett ta’ “proċedura [amministrattiva]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-kunċett jinkludi, b’mod partikolari, proċedura li fi tmiemha organu pubbliku jawtorizza lill-persuna li timpjega tipproċedi bit-tkeċċija ta’ impjegat, kopert minn assigurazzjoni għall-ispejjeż legali, kif ukoll il-fażi ta’ lment quddiem organu pubbliku li matulha dan il-korp jagħti deċiżjoni suġġetta għal rikorsi ġudizzjarji (ara f’dan is-sens, rispettivament, is-sentenzi tas-7 ta’ April 2016, Massar, C‑460/14, EU:C:2016:216, punt 28, u tas-7 ta’ April 2016, AK, C‑5/15, EU:C:2016:218, punt 26).

28      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “proċedura [amministrattiva]” limitata biss għall-proċeduri ġudizzjarji fil-qasam amministrattiv, jiġifieri dawk li jiżvolġu quddiem qorti proprja, iċċaħħad mis-sens tagħha l-espressjoni, espressament użata mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, ta’ “proċedura [amministrattiva]” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ April 2016, Massar, C‑460/14, EU:C:2016:216, punt 20, u tas-7 ta’ April 2016, AK, C‑5/15, EU:C:2016:218, punt 18).

29      Konsegwentement, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-terminu “proċedura” ma jinkludix biss il-fażi tar-rikors quddiem qorti proprja, iżda wkoll fażi li tippreċediha u li tista’ twassal għal fażi ġudizzjarja.

30      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “inkjesta [proċeduri ġudizzjarji]”, fis-sens tal-Artikolu 201 tad-Direttiva 2009/138, dan għandu jiġi interpretat b’mod daqstant wiesa’ daqs dak ta’ “proċedura [amministrattiva]”, sa fejn ikun, barra minn hekk, inkoerenti li dawn iż-żewġ kunċetti jiġu interpretati b’mod differenti fir-rigward tad-dritt li wieħed jagħżel l-avukat jew ir-rappreżentant tiegħu.

31      Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “inkjesta [proċedura ġudizzjarja]” ma jistax ikun limitat la għall-proċeduri mhux amministrattivi biss li jiżvolġu quddiem qorti proprja u lanqas billi ssir distinzjoni bejn il-fażi preparatorja u l-fażi deċiżjonali ta’ tali proċedura. Għalhekk, kull fażi, anki preliminari, li tista’ twassal għal proċedura quddiem istanza ġudizzjarja għandha titqies li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “inkjesta [proċedura ġudizzjarja]” fis-sens tal-Artikolu 201 tad-Direttiva 2009/138.

32      F’dan il-każ, fir-rigward tal-medjazzjoni ġudizzjarja, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-medjazzjoni hija neċessarjament ordnata minn qorti adita b’rikors ġudizzjarju u li hija tirrappreżenta fażi tal-proċedura ġudizzjarja mibdija quddiem qorti proprja, li hija, bħala prinċipju, marbuta mill-ftehim ta’ medjazzjoni eventwalment miksub mill-partijiet.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jitqies li din il-medjazzjoni ma tikkostitwixxix, hija wkoll, għall-finijiet tal-Artikolu 201 tad-Direttiva 2009/138, “inkjesta [proċedura ġudizzjarja]” fis-sens ta’ dan l-artikolu, dan iċaħħad, għal din il-fażi biss, lill-persuna assigurata mid-dritt tagħha li tagħżel l-avukat jew ir-rappreżentant tagħha. Issa, ma jistax jiġi kkontestat li l-assigurat għandu bżonn ta’ protezzjoni legali fil-fażi li, ladarba tinbeda, tifforma parti integrali mill-proċedura quddiem il-qorti li ordnatha. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan tad-Direttiva 2009/138, imfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, u li huwa intiż li jiżgura protezzjoni adegwata tal-persuni assigurati, sa fejn din tippermettilhom li jkomplu jibbenefikaw mill-assistenza tal-istess rappreżentant għall-fażi effettivament ġudizzjarja tal-proċedura.

34      Bl-istess mod, fir-rigward tal-proċedura ta’ medjazzjoni extraġudizzjarja, il-fatt li din ma sseħħx quddiem qorti lanqas ma jippermetti li din tiġi eskluża mill-kunċett ta’ “proċedura ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 201 tad-Direttiva 2009/138.

35      Fil-fatt, tali proċedura ta’ medjazzjoni tista’ twassal għal ftehim bejn il-partijiet ikkonċernati li jista’, anki fuq talba ta’ waħda minnhom biss, jiġi approvat minn qorti. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni, din il-qorti hija marbuta bil-kontenut ta’ dan il-ftehim kif iddefinit mill-partijiet waqt il-medjazzjoni, lil hinn mill-każijiet li fihom dan imur kontra l-ordni pubbliku jew, jekk ikun il-każ, l-interess tal-ulied minuri.

36      Minn dan isegwi li l-ftehim li jaslu għalih il-partijiet, li jirriżulta minn medjazzjoni ġudizzjarja jew extraġudizzjarja, għandu bħala konsegwenza li jorbot lill-qorti kompetenti li tipproċedi bl-approvazzjoni tiegħu u jippreżenta, wara li jkun kiseb is-saħħa eżekuttiva, l-istess effetti bħal sentenza.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rwol tal-avukat jew tar-rappreżentant jidher li huwa saħansitra iktar importanti fil-kuntest ta’ medjazzjoni milli f’dak ta’ lment imressaq quddiem awtorità amministrattiva, bħal dak imsemmi fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li l-eżitu tiegħu la jorbot lil eventwali istanza amministrattiva ulterjuri u lanqas lil qorti amministrattiva.

38      Fil-kuntest ta’ proċedura li tista’ tistabbilixxi b’mod definittiv il-pożizzjoni legali tal-persuna assigurata, mingħajr ma jkollha l-possibbiltà reali li tbiddel din il-pożizzjoni permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja, il-persuna assigurata għandha bżonn protezzjoni legali u, fid-dawl tal-effetti tal-approvazzjoni tal-ftehim li jirriżultaw mill-medjazzjoni, l-interessi tal-persuna assigurata li rrikorriet għall-medjazzjoni ser ikunu protetti aħjar jekk hija tkun tista’ tinvoka d-dritt għall-għażla libera tar-rappreżentant previst fl-Artikolu 201 tad-Direttiva 2009/138, bħal fil-każ tal-persuna assigurata direttament.

39      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-kuntest ta’ dan l-Artikolu 201, għandu jiġi rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tat-Titolu II tad-Direttiva 2009/138 dwar l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali huwa ddefinit fl-Artikolu 198 ta’ din id-direttiva b’mod partikolarment estiż, sa fejn, skont din id-dispożizzjoni, l-imsemmija taqsima tapplika għall-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali li permezz tagħha impriża ta’ assigurazzjoni tintrabat, permezz tal-ħlas ta’ primjum, li tkopri l-ispejjeż ta’ proċedura ġudizzjarja u li tipprovdi servizzi oħra direttament marbuta mal-kopertura assigurattiva, b’mod partikolari bil-għan li tiddefendi jew li tirrappreżenta lill-persuna assigurata fi proċedura ċivili, penali, amministrattiva jew ta’ tip ieħor, jew kontra lment li tkun is-suġġett tiegħu.

40      Tali definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-taqsima tikkonferma interpretazzjoni wiesgħa tad-drittijiet tal-persuni assigurati previsti mill-imsemmija taqsima, fosthom, b’mod partikolari, dak li jagħżlu r-rappreżentant tagħhom imsemmi fl-Artikolu 201 tad-Direttiva 2009/138.

41      Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni nnifsu jinkoraġġixxi l-użu ta’ proċeduri ta’ medjazzjoni, kemm jekk, kif jirrilevaw il-Kmamar tal-Avukati, permezz tad-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2008, L 136, p. 3), jew abbażi tad-dritt primarju, b’mod partikolari tal-Artikolu 81(2)(g) TFUE, li jipprovdi li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, il-leġiżlatur tal-Unjoni jintalab biex jadotta miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-“iżvilupp ta’ metodi alternattivi ta’ soluzzjoni tat-tilwim”. Għalhekk ikun inkoerenti li d-dritt tal-Unjoni jinkoraġġixxi l-użu ta’ tali metodi u jirrestrinġi, fl-istess ħin, id-drittijiet tal-individwi li jiddeċiedu li jagħmlu użu minn dawn il-metodi.

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda li saret għandha tkun li l-Artikolu 201(1)(a) tad-Direttiva 2009/138 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċedura ġudizzjarja” imsemmi f’din id-dispożizzjoni jinkludi proċedura ta’ medjazzjoni ġudizzjarja jew extraġudizzjarja li fiha qorti hija involuta jew tista’ tiġi involuta, kemm jekk matul din il-proċedura jew wara l-għeluq tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

43      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 201(1)(a) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċedura ġudizzjarja” imsemmi f’din id-dispożizzjoni jinkludi proċedura ta’ medjazzjoni ġudizzjarja jew extraġudizzjarja li fiha qorti hija involuta jew tista’ tiġi involuta, kemm jekk matul din il-proċedura jew wara l-għeluq tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.